Kawża T‑61/13

Research and Production Company “Melt Water” UAB

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)

“Trade mark Komunitarja — Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja figurattiva NUEVA — Artikolu 60 tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 — Nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu ta’ ħlas tal-ispejjeż tal-appell fit-terminu — Ambigwità f’verżjoni lingwistika — Interpretazzjoni uniformi — Każ fortuwitu jew ta’ forza maġġuri — Żball skużabbli — Obbligu ta’ viġilanza u ta’ diliġenza”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) tal-21 ta’ Mejju 2014

  1. Trade mark Komunitarja – Proċedimenti għat-tressiq ta’ kawża – Rikors quddiem il-qorti tal-Unjoni – Ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali – Ordni indirizzata lill-Uffiċċju – Esklużjoni

    (Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 65(6))

  2. Dritt tal-Unjoni Ewropea – Interpretazzjoni – Testi plurilingwi – Interpretazzjoni uniformi – Diverġenzi bejn id-diversi verżjonijiet lingwistiċi – Sens ġenerali u skop tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni bħala bażi ta’ riferiment

  3. Trade mark Komunitarja – Proċedura għat-tressiq ta’ kawża – Terminu u forma tal-appelli – Preżentata bil-miktub u f’terminu ta’ xahrejn – Ħlas tal-ispejjeż tal-appell

    (Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 60)

  4. Trade mark Komunitarja – Dispożizzjonijiet proċedurali – Termini – Dekadenza – Derogi – Obbligu ta’ viġilanza u ta’ diliġenza

    (Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 60; Regolament tal-Kummissjoni Nru 2868/95, l-ewwel Artikolu tar-Regola 49(3))

  1.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

    (ara l-punt 15)

  2.  Il-verżjonijiet lingwistiċi kollha ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni huma ugwalment awtorevoli u għandhom, bħala prinċipju, jingħataw l-istess valur, li ma jistax ivarja skont, b’mod partikolari, l-importanza tal-popolazzjoni tal-Istati Membri li tipprattika l-ilsien inkwistjoni. Il-kliem użat f’waħda mill-verżjonijiet lingwistiċi ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma jistax iservi bħala bażi unika għall-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jew jingħata, f’dan ir-rigward, prijorità fil-konfront tal-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra. Fil-fatt, metodu bħal dan ikun inkompatibbli mar-rekwiżit ta’ uniformità ta’ applikazzjoni tad-dritt tal‑Unjoni.

    Minn naħa, il-ħtieġa ta’ interpretazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni teskludi, f’każ ta’ dubju, li test ta’ dispożizzjoni jiġi kkunsidrat waħdu u teżiġi għall-kuntrarju li jiġi interpretat u applikat fid-dawl tal-verżjonijiet stabbiliti fil-lingwi uffiċjali l-oħra. Min-naħa l-oħra, il-ħtieġa ta’ interpretazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni teħtieġ, f’każ ta’ diverġenzi bejn il-verżjonijiet lingwistiċi ta’ dispożizzjoni, li d-dispożizzjoni inkwistjoni tiġi interpretata fid-dawl tal-istruttura ġenerali u tal-għan tal-leġiżlazzjoni li din id-dispożizzjoni tifforma parti minnha.

    (ara l-punti 20, 26-28)

  3.  L-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 207/2009 għandu jiġi interpretat b’mod uniformi, fis-sens li l-ħlas tal-ispejjeż tal-appell huwa rikjest sabiex l-appell jiġi kkunsidrat bħala li sar, hekk li dan il-ħlas ikun relatat mal-preżentata tal-appell u għandu jsir, bħall-appell, fi żmien xahrejn mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni appellata. It-terminu ta’ erba’ xhur mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni japplika biss għall-preżentata tan-nota li tispjega l-aggravji, u mhux għall-ħlas tal-ispejjeż tal-appell.

    Din l-interpretazzjoni uniformi, peress li hija bbażata fuq il-verżjonijiet ta’ dan l‑artikolu eżistenti fil-lingwi uffiċjali l-oħra tal-Unjoni kif ukoll fuq l-istruttura ġenerali u l-għan tagħha, hija l-unika waħda konsistenti mal-prinċipju ta’ ċertezza legali. Fil-fatt, l-osservanza tat-termini tal-proċedura, b’mod partikolari ta’ appell, hija kwistjoni ta’ ordni pubbliku, u kull interpretazzjoni barra din l‑interpretazzjoni uniformi tista’ taffettwa ħażin iċ-ċertezza legali.

    (ara l-punti 31, 34)

  4.  Jista’ jkun hemm deroga mill-applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni dwar it-termini ta’ proċedura biss f’ċirkustanzi għal kollox eċċezzjonali, peress li l-applikazzjoni stretta ta’ dawn ir-regoli tissodisfa r-rekwiżit ta’ ċertezza legali u l-bżonn li tiġi evitata kull diskriminazzjoni jew trattament arbitrarju fl-amministrazzjoni tal‑ġustizzja. Kemm jekk tali ċirkustanzi jkunu deskritti bħala ta’ każ fortuwitu jew ta’ forza maġġuri jew ukoll ta’ żball skużabbli, huma għandhom, fi kwalunkwe każ, element suġġettiv li jinvolvi l-obbligu, mill-persuna kkonċernata ta’ bona fide, li turi li dejjem użat il-viġilanza u d-diliġenza kollha rikjesti minn operatur normalment avżat sabiex tissorvelja l-iżvolġiment tal-proċedura u tosserva t‑termini previsti.

    Mingħajr viġilanza u ta’ diliġenza tar-rikorrenti jirriżulta li hija ma tista’ tinvoka utilment ebda każ fortuwitu jew ta’ forza maġġuri, lanqas ebda żball skużabbli, għall-finijiet li tiġġustifika n-nuqqas tagħha li tħallas l-ispejjeż tal-appell fit‑terminu previst.

    (ara l-punti 38, 42)