DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA

(L-Ewwel Awla)

2 ta’ Awwissu 2016

Soldimar Urena de Poznanski

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Uffiċjali — Pensjonijiet — Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal — Trasferiment lejn l-iskema tal-pensjonijiet tal-Unjoni tad-drittijiet għall-pensjoni miksuba fil-kuntest ta’ skemi oħra tal-pensjonijiet — Deċiżjoni li tirrikonoxxi l-akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz filwaqt li tapplika d-DĠI l-ġodda dwar l-Artikoli 11 u 12 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal — Artikolu 81 tar-Regoli tal-Proċedura — Rikors parzjalment manifestament inammissibbli u parzjalment manifestament infondat”

Suġġett:

Rikors ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA bis-saħħa tal-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu Soldimar Urena de Poznanski tablet l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tirrikonoxxi l-akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz fl-iskema tal-pensjonijiet tal-Unjoni Ewropea wara t-trasferiment tad-drittijiet għal-pensjoni tagħha miksuba qabel id-dħul tagħha fis-servizz tal-Unjoni.

Deċiżjoni:

Ir-rikors huwa miċħud bħala parzjalment manifestament inammissibbli u parzjalment manifestament infondat. Kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Sommarju

  1. Atti tal-istituzzjonijiet – Applikazzjoni ratione temporis – Applikazzjoni immedjata tar-regola l-ġdida għall-effetti futuri ta’ sitwazzjoni li tnisslet taħt ir-regola l-antika – Adozzjoni ta’ dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni ġodda tal-Artikoli 11 u 12 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal – Applikazzjoni għat-trasferiment tad-drittijiet għall-pensjoni miksuba mitlub qabel l-adozzjoni tar-regola l-ġdida iżda mwettaq wara d-dħul fis-seħħ tagħha – Ksur ta’ drittijiet kweżiti u tal-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi – Assenza

    (Regolamenti tal-Persunal, Anness VIII, Artikolu 11(2))

  2. Uffiċjali – Pensjonijiet – Drittijiet għall-pensjoni miksuba qabel id-dħul fis-servizz tal-Unjoni – Trasferiment lejn l-iskema tal-Unjoni – Adozzjoni ta’ dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni ġodda tal-Artikoli 11 u 12 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal – Differenza fit-trattament bejn uffiċjali li ttrasferixxew il-kapital li jirrappreżenta d-drittijiet għall-pensjoni tagħhom lejn l-iskema tal-Unjoni, rispettivament, qabel u wara d-dħul fis-seħħ tal-imsemmija dispożizzjonijiet – Ksur tal-prinċipju ta' ugwaljanza fit-trattament – Assenza

    (Regolamenti tal-Persunal, Anness VIII, Artikolu 11(2))

  1.  L-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni ġodda tal-Artikoli 11 u 12 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal f’dak li jirrigwarda trasferiment lejn l-iskema tal-pensjonijiet tal-Unjoni ta’ drittijiet għall-pensjoni miksuba fil-kuntest ta’ skema tal-pensjoni oħra, mitlub qabel l-adozzjoni tal-imsemmija dispożizzjonijiet iżda mwettaq wara d-dħul fis-seħħ tagħhom, ma hijiex kuntrarja għall-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal.

    F’dan ir-rigward, skont prinċipju ġeneralment irrikonoxxut, u sakemm ma jkunx hemm deroga, regola ġdida tapplika immedjatament għas-sitwazzjonijiet li jkunu għad iridu jitnisslu kif ukoll għall-effetti futuri ta’ sitwazzjonijiet li diġà jkunu tnisslu, mingħajr ma jkunu madankollu mmaterjalizzaw kompletament, taħt ir-regola l-qadima. Dan ma japplikax fil-każ biss ta’ sitwazzjonijiet li jkunu tnisslu u mmaterjalizzaw definittivament taħt ir-regola preċedenti, li joħolqu drittijiet kweżiti. Dritt jitqies li huwa kweżit meta l-fatt li joħolqu jseħħ qabel l-emenda leġiżlattiva. Madankollu, dan ma jkunx il-każ meta jkun involut dritt li l-fatt li jikkostitwixxih ma jkunx seħħ taħt il-leġiżlazzjoni li tkun ġiet emendata.

    Issa, minn naħa, l-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal ma jipprekludix tali applikazzjoni immedjata ta’ dispożizzjoni ġenerali ta’ implementazzjoni ġodda.

    Min-naħa l-oħra, la l-komunikazzjoni, lill-uffiċjal jew lill-membru tal-persunal li jkun ressaq talba għat-trasferiment lejn l-iskema tal-pensjonijiet tal-Unjoni ta’ drittijiet għall-pensjoni miksuba fil-kuntest ta’ skema tal-pensjoni oħra, ta’ proposta ta’ akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz u lanqas, tant inqas, is-sempliċi fatt li titressaq tali talba ma jibdlu s-sitwazzjoni legali tal-persuna kkonċernata, u lanqas ma jipproduċu effetti legali vinkolanti. Għaldaqstant, ma kienx hemm, għal uffiċjal jew għal membru tal-persunal, drittijiet kweżiti li setgħu jinkisru bl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet il-ġodda.

    Barra minn hekk, id-dritt ta’ uffiċjal jew ta’ membru tal-persunal li jingħata akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz ikun ikkostitwit kompletament biss meta l-kapital li jirrappreżenta d-drittijiet tiegħu miksuba taħt skema oħra jiġi ttrasferit lejn l-iskema tal-pensjonijiet tal-Unjoni.

    Barra minn hekk, l-individwi ma jistgħux jinvokaw il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi sabiex joġġezzjonaw għall-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni leġiżlattiva ġdida, b’mod partikolari f’qasam fejn il-leġiżlatur għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa.

    (ara l-punti 23 sa 26, 28 u 35)

    Referenza:

    Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: sentenza tat-13 ta’ Ottubru 2015, Il-Kummissjoni vs Verile u Gjergji, T‑104/14 P, EU:T:2015:776, punti 151 sa 154170 u l-ġurisprudenza ċċitata

  2.  Meta tadotta dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni ġodda tal-Artikoli 11 u 12 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, li minnhom tirriżulta differenza fit-trattament bejn l-uffiċjali li l-kapital li jirrappreżenta d-drittijiet għall-pensjoni tagħhom miksuba taħt skema oħra jiġi ttrasferit lejn l-iskema tal-Unjoni, rispettivament, qabel u wara d-dħul fis-seħħ tal-imsemmija dispożizzjonijiet, istituzzjoni ma tiksirx il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament peress li t-trattament differenti jikkonċerna uffiċjali li ma jaqgħux fl-istess kategorija waħda.

    Fil-fatt, l-uffiċjali li fir-rigward tagħhom il-kapital li jirrappreżenta d-drittijiet għall-pensjoni tagħhom miksuba taħt skema oħra ma kienx ġie ttrasferit lejn l-iskema tal-pensjonijiet tal-Unjoni fil-mument tad-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet il-ġodda ma kinux jinsabu fl-istess sitwazzjoni legali bħall-uffiċjali li d-drittijiet għall-pensjoni tagħhom miksuba preċedentement għad-dħul fis-servizz tagħhom kienu diġà, qabel din id-data, ġew ittrasferiti, taħt il-forma ta’ kapital, lejn l-iskema tal-pensjonijiet tal-Unjoni u li fir-rigward tagħhom ġiet adottata deċiżjoni li tirrikonoxxi l-akkreditazzjoni tas-snin ta’ servizz ta’ pensjoni taħt din l-aħħar skema. Tal-ewwel kien għad għandhom drittijiet għall-pensjoni fi skema oħra filwaqt li, għal tat-tieni, kien diġà seħħ trasferiment tal-kapital li għandu bħala riżultat l-estinzjoni ta’ dawn id-drittijiet u r-rikonoxximent korrispondenti ta’ akkreditazzjoni ta’ snin ta’ servizz fl-iskema tal-pensjonijiet tal-Unjoni.

    Barra minn hekk, tali differenza fit-trattament hija bbażata wkoll fuq element oġġettiv u indipendenti mill-volontà tal-istituzzjoni kkonċernata, jiġifieri l-ħeffa tat-trattament, mill-iskema tal-pensjoni esterna kkonċernata, tal-applikazzjoni għat-trasferiment tal-kapital inkwistjoni.

    (ara l-punt 36)

    Referenza:

    Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: sentenza tat-13 ta’ Ottubru 2015, Il-Kummissjoni vs Verile u Gjergji, T‑104/14 P, EU:T:2015:776, punti 177 sa 180