DIGRIET TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

28 ta’ Jannar 2015 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali — Trasferiment ta’ impriża — Salvagwardja tad-drittijiet tal-impjegati — Interpretazzjoni tad-Direttiva 2001/23/KE — Trasferent li huwa suġġett għal proċedura ta’ insolvenza — Garanzija ta’ nuqqas ta’ teħid ta’ responsabbiltà mit-trasferent għal ċerti djun tal-impriża ttrasferita”

Fil-Kawża C‑688/13,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari abbażi tal-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Juzgado de lo Mercantil Nru 3 ta’ Barcelona (Spanja), permezz tad-deċiżjoni tal-11 ta’ Diċembru 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-27 ta’ Diċembru 2013, fil-proċedura mibdija minn

Gimnasio Deportivo San Andrés SL, fi stralċ,

fil-preżenza ta’:

Tesorería General de la Seguridad Social (TGSS),

Fondo de Garantía Salarial,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

komposta minn S. Rodin, President ta’ Awla, A. Borg Barthet u F. Biltgen (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Gimnasio Deportivo San Andrés SL, fi stralċ minn G. Atarés París, stralċjarju,

għal Tesorería General de la Seguridad Social (TGSS), minn M.F. Mijares García-Pelayo, bħala aġent,

għall-Gvern Spanjol, minn L. Banciella Rodríguez-Miñón, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Enegren u R. Vidal Puig, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li tiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat, skont l-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja,

tagħti l-preżenti

Digriet

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2001/23/KE, tat-12 ta’ Marzu 2001, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet tal-impjegati fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ impriżi jew negozji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 98).

2

Din it-talba ġiet imressqa fil-kuntest ta’ proċedura mibdija minn Gimnasio Deportivo San Andrés SL, kumpannija fi stralċ (iktar ’il quddiem “Gimnasio”), fuq il-kwistjoni dwar liema mid-djun ta’ din tal-aħħar, l-entità trasferenti tista’ tiġi awtorizzata li ma tonorax wara t-trasferiment tal-attivitajiet tal-ewwel għat-tieni.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Skont l-Artikolu 1(1)(a) tad-Direttiva 2001/23:

“Din id-Direttiva għandha tapplika għal kull trasferiment ta’ impriża, negozju jew parti minn impriża jew negozju lil persuna oħra li timpjega bħala riżultat ta’ trasferiment jew inkorporazzjoni legali.”

4

L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva:

a)

‘min jagħmel it-trasferiment’ [‘trasferent’] għandu jfisser kull persuna fiżika jew ġuridika li, għar-raġuni ta’ trasferiment fis-sens ta’ l-Artikolu 1(1), ma tibqax il-persuna li timpjega għar-rigward ta’ l-impriża, in-negozju jew il-parti ta’ impriża jew negozju;

b)

‘min lilu jsir trasferiment’ [‘ċessjonarju’] għandu jfisser kull persuna fiżika jew ġuridika li, għal raġuni ta’ trasferiment fis-sens ta’ l-Artikolu 1(1), isir dak li jimpjega f’dak li jirrigwarda l-impriża, n-negozju jew parti ta’ impriża jew negozju;

[…]

d)

‘impjegat’ għandu jfisser kull persuna li, fl-Istat Membru kkonċernat, hija protetta bħala impjegata taħt il-liġi nazzjonali ta’ l-impjieg.”

5

L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2001/23, li jinsab fil-Kapitolu II ta’ din tal-aħħar, intitolat “Is-salvagwardja tad-drittijiet ta’ l-impjegati”, huwa redatt kif ġej:

“1.   Id-drittijiet u l-obbliġi ta’ min jagħmel it-trasferiment ikkawżati minn kuntratt ta’ mpjieg jew minn relazzjoni ta’ impjieg eżistenti fid-data tat-trasferiment għandhom, minħabba dan it-trasferiment, jiġu trasferiti lil min lilu jsir it-trasferiment.

L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li, wara d-data tat-trasferiment, min jagħmel it-trasferiment u min lilu jsir it-trasferiment għandhom ikunu impenjati konġuntement u separatament għar-rigward ta’ obbliġi li kienu kkawżati qabel id-data ta’ trasferiment minn kuntratt ta’ impjieg jew relazzjoni ta’ impjieg eżistenti fid-data tat-trasferiment.

[…]

3.   Wara t-trasferiment, min lilu jsir it-trasferiment għandu jkompli josserva t-termini u l-kundizzjonijiet miftiehma f’kull ftehim kollettiv skond l-istess kondizzjonijiet applikabbli għal min jagħmel it-trasferiment taħt dak il-ftehim, sad-data li fiha l-ftehim kollettiv jispiċċa jew jiskadi jew sad-dħul fis-seħħ jew l-applikazzjoni ta’ ftehim kollettiv ieħor.

L-Istati Membri jistgħu jillimitaw il-perjodu għall-osservazzjoni ta’ dawn it-termini u kundizzjonijiet bil-kundizzjoni li dan ma jkunx anqas minn sena wahda.

a)

Sakemm l-Istati Membri ma jipprovdux xort’ oħra, il-paragrafi 1 u 3 m’ għandhomx japplikaw inkonnessjoni mad-drittijiet ta’ l-impjegati għall-benefiċċji tax-xjuħija, l-invalidità jew tas-superstiti taħt skemi ta’ pensjoni supplementari tal-kumpaniji jew ta’ bejn il-kumpaniji barra l-iskemi statutorji tas-sigurtà soċjali fl-Istati Membri.

b)

Ukoll meta ma jipprovdux skond is-subparagrafu (a) li l-paragrafi 1 u 3 japplikaw inkonnessjoni ma’ dawn id-drittijiet, l-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri neċessarji għall-protezzjoni ta’ l-interessi ta’ l-impjegati u ta’ persuni li ma jkunux għadhom impjegati fin-negozju ta’ min jagħmel it-trasferiment fil-ħin tat-trasferiment għar-rigward tad-drittijiet li jtuhom intitolament immedjat jew prospettiv għal benefiċċji tax-xjuħija, inklużi l-benefiċċji tas-superstiti, taħt skemi supplimentari msemmija fis-subparagrafu (a).”

6

L-Artikolu 4 ta’ din l-istess direttiva jipprovdi, fl-ewwel sentenza tal-paragrafu 1 tiegħu, li “t-trasferiment ta’ l-impriża, n-negozju jew xi parti mill-impriza jew negozju m’għandux fih innifsu jikkostitwixxi bażi għal tkeċċija minn min jagħmel it-trasferiment jew minn min lilu jsir it-trasferiment”.

7

Skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/23, li jifforma wkoll parti mill-Kapitolu II ta’ din tal-aħħar:

“1.   Sakemm l-Istati Membri ma jipprovdux xort’ oħra, l-Artikoli 3 u 4 m’ għandhomx japplikaw għal kull trasferiment ta’ impriża, negozju jew parti minn impriża jew negozju meta min ikun qed jagħmel it-trasferiment huwa s-suġġett ta’ proċedimenti ta’ falliment jew ta’ xi proċedimenti analogi ta’ falliment li kienu istitwiti bl-iskop tal-likwidazzjoni ta’ l-assi ta’ min qed jagħmel it-trasferiment u huma taħt is-superviżjoni ta’ awtorità pubblika kompetenti (li tista’ tkun prattikant tal-falliment awtorizzat minn awtorità pubblika kompetenti).

2.   Meta l-Artikoli 3 u 4 japplikaw għal trasferiment waqt proċedimenti ta’ falliment li nfetħu għar-rigward ta’ min jagħmel it-trasferiment (kemm jekk dawk il-proċedimenti jkunu nbdew bl-iskop tal-likwidazzjoni ta’ l-assi ta’ min ikun qed jagħmel it-trasferiment kemm jekk le) u sakemm dawn il-proċedimenti jkunu taħt is-superviżjoni ta’ awtorità pubblika kompetenti (li tista’ tkun prattikant tal-falliment determinat mil-liġi nazzjonali) Stat Membru jista’ jipprovdi li:

a)

minkejja l-Artikolu 3(1), id-djun ta’ min ikun qed jagħmel it-trasferiment ikkawżati minn xi kuntratti ta’ mpjieg jew relazzjonijiet ta’ impjieg u pagabbli qabel it-trasferiment jew qabel il-ftuħ tal-proċedimenti tal-falliment m’għandhomx jiġu trasferiti lil min lilu jsir it-trasferiment, sakemm dawn il-proċedimenti jikkawżaw, taħt il-liġi ta’ dak l-Istat Membru, protezzjoni għall-inqas ekwivalenti għal dik prevista f’sitwazzjonijiet koperti mid-Direttiva tal-Kunsill 80/987/KEE ta’ l-20 ta’ Ottubru 1980 [dwar it-taqrib tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar il-protezzjoni tal-impjegati f’każ ta’ l-insolvenza ta’ min iħaddimhom] [ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 5, Vol. 1, p. 217]

u, jew alternattivament, li,

b)

min lilu jsir it-trasferiment, min jagħmel it-trasferiment jew il-persuna jew persuni li jeżerċitaw il-funzjonijiet ta’ min jagħmel it-trasferiment, min-naħa wahda, u r-rappreżentanti ta’ l-impjegati min-naħa l-oħra jistgħu jaqblu li jsiru tibdiliet, sa fejn tippermetti l-liġi jew il-prattika kurrenti, għat-termini u l-kundizzjonijiet ta’ l-impjieg ta’ l-impjegati ddisinjati għas-salvagwardja ta’ l-opportunitajiet ta’ l-impjieg billi jiżguraw is-soppravivenza ta’ l-impriża, in-negozju jew parti mill-impriża jew min-negozju.

3.   Stat Membru jista’ japplika l-paragrafu 20(b) għal kull trasferiment meta min jagħmel it-trasferiment ikun f’qagħda ta’ kriżi ekonomika serja, kif definita mil-liġi nazzjonali, sakemm il-qagħda tiġi ddikjarata minn awtorità pubblika kompetenti u tkun miftuħa għal sorveljanza ġudizzjarja, bil-kundizzjoni li dawn id-dispożizzjonijiet kienu digà jeżistu fil-liġi nazzjonali fis-17 ta’ Lulju 1998.

[…]

4.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri approprjati bl-iskop li jipprevjenu l-użu ħażin tal-proċedimenti ta’ falliment b’tali mod li jċaħħdu lill-impjegati mid-drittijiet previsti f’din id-Direttiva.”

8

L-Artikolu 8 tal-istess direttiva jipprovdi:

“Din id-Direttiva m’ għandhiex taffettwa d-dritt ta’ l-Istati Membri li japplikaw jew jintroduċu liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi li huma aktar favorevoli għall-impjegati jew li jippromwovu jew jippermettu ftehim kollettiv jew ftehim bejn imsieħba soċjali aktar favorevoli għall-impjegati.”

Id-dritt Spanjol

9

Is-suċċessjoni ta’ impriża hija rregolata bid-Digriet Irjali Leġiżlattiv Nru 1/1995, tal-24 ta’ Marzu 1995, li japprova t-test rivedut tal-liġi li tistabbilixxi statut tal-impjegati (Estatuto de los Trabajadores, BOE Nru 75, tad-29 ta’ Marzu 1995, p. 9654), fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mil-Liġi Nru 12/2001, tad-9 ta’ Lulju 2001 (BOE Nru 164, tal-10 Lulju 2001, p. 24890, iktar ’il quddiem l-“istatut tal-impjegati”).

10

L-Artikolu 44(1) tal-istatut tal-impjegati jipprovdi li:

“It-trasferiment ta’ impriża, ta’ ċentru ta’ impjieg jew ta’ entità ta’ produzzjoni awtonoma ta’ din l-impriża ma jirriżultax, fih innifsu, fit-tmiem tar-relazzjoni ta’ impjieg; il-persuna l-ġdida li timpjega tiġi ssurrogata fid-drittijiet u l-obbligi tal-persuna li timpjega preċedentement abbażi tal-kuntratt ta’ impjieg u ta’ sigurtà soċjali, inkluż l-impenji marbuta mal-pensjonijiet, skont il-kundizzjonijiet previsti mil-leġiżlazzjoni speċifika applikabbli u, b’mod ġenerali, l-obbligi addizzjonali kollha fil-qasam tal-protezzjoni soċjali li jkun assuma t-trasferent.”

11

Madankollu, skont l-Artikolu 57a tal-istatut tal-impjegati, fil-każ ta’ proċeduri kollettivi, il-kundizzjonijiet speċifiċi previsti fil-Liġi 22/2003, tad-9 ta’ Lulju 2003, dwar il-falliment (Ley Concursal, BOE Nru 164, tal-10 ta’ Lulju 2003, p. 26905), fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mil-liġi 38/2011, tal-10 ta’ Ottubru 2011 (BOE Nru 245, tal-11 ta’ Ottubru 2011, iktar ’il quddiem il-“liġi dwar il-falliment”) japplikaw fil-każ ta’ modifika, sospensjoni u tmiem kollettiv tal-kuntratti ta’ impjieg u ta’ trasferiment ta’ impriżi.

12

Il-liġi dwar il-falliment tipprevedi żewġ riżultati possibbli minn proċedura ta’ insolvenza, jiġifieri l-ftehim jew l-istralċ. Fil-fażi ta’ stralċ, japplikaw l-Artikoli 148 u 149 ta’ din il-liġi, li jipprovdu għal sistema ġuridika differenti skont jekk pjan ta’ likwidazzjoni jkunx tħejja u ġie approvat jew le.

13

L-Artikolu 148(1) tal-liġi dwar il-falliment jipprovdi li, meta tinfetaħ il-fażi ta’ stralċ, l-istralċjarju għandu jippreżenta lill-qorti pjan ta’ stralċ, u jispeċifika, inkonnessjoni ma’ dan il-pjan, x’inhu meħtieġ, sa fejn huwa possibbli, sabiex “tiġi prevista l-aljenazzjoni unitarja totali jew parzjali tal-istabbilimenti, ta’ ażjendi u ta’ unitajiet ta’ produzzjoni oħra ta’ beni u ta’ servizzi li jappartjenu lill-kumpannija li hija suġġetta għal proċedura ta’ insolvenza”.

14

Il-paragrafu 2 tal-istess Artikolu 148 jipprevedi li l-pjan ta’ stralċ għandu jiġi approvat mill-qorti, li tista’ “tintroduċi emendi f’dan il-pjan jew taċċetta l-istralċ skont il-regoli awżiljarji” stabbiliti fl-Artikolu 149 tal-liġi dwar il-fallimenti.

15

Skont l-imsemmi Artikolu 149:

“1.   Meta l-ebda pjan ta’ likwidazzjoni ma jkun ġie approvat jew, jekk ikun il-każ, għall-aspetti mhux previsti minn tali pjan, l-operazzjonijiet ta’ likwidazzjoni għandhom isegwu r-regoli li ġejjin:

a)

l-istabbilimenti, azjendi u unitajiet oħra ta’ produzzjoni ta’ oġġetti jew ta’ servizzi kollha flimkien li jappartjenu lid-debitur għandhom jiġu ttrasferiti bħala ħaġa waħda, ħlief jekk l-imħallef jikkunsidra, wara r-rapport tal-istralċjarju, li l-interessi tal-massa tal-kredituri jiġu sodisfatti aħjar jekk qabel issir diviżjoni jew jekk isir it-trasferiment iżolat tal-elementi kollha jew ta’ parti minnhom.

[…]

2.   Mill-perspettiva tal-impjieg, ikun hemm suċċessjoni ta’ impriża meta t-trasferiment previst fil-paragrafu 1(a) jwassal sabiex tinżamm l-identità ta’ entità ekonomika, meħuda bħala grupp ta’ mezzi organizzati bl-għan li titwettaq attività ekonomika essenzjali jew aċċessorja. F’dan il-każ, il-qorti tista’ tiddeċiedi li l-akkwirent ma jiġix issurrogat fl-obbligu li jħallas il-pagi jew l-allowances li ma jkunux tħallsu qabel it-trasferiment u li jkunu ġew koperti mill-Fondo de garantía salarial (Fond ta’ garanzija tal-pagi) skont l-Artikolu 33 tal-istatut tal-impjegati. Bl-istess mod, bil-għan li tiġi ggarantita l-vijabbilità futura tal-attività u s-salvagwardja tal-impjiegi, iċ-ċessjonarju u r-rappreżentanti tal-persunal jistgħu jikkonkludu ftehim maħsub sabiex jemenda l-kundizzjonijiet kollettivi tal-impjieg.

3.   Id-digriet li japprova t-trasferiment jew it-trażmissjoni tal-beni jew tad-drittijiet mwettqa b’mod separat, b’lottijiet jew li jifformaw parti minn impriża jew minn entità ta’ produzzjoni għandu jordna l-annullament ta’ kull piż eżistenti qabel il-ftuħ tal-proċedura kollettiva kkonstitwit favur kredituri li jkunu ddikjaraw il-kreditu tagħhom u li ma jibbenefikawx minn privileġġ speċjali skont l-Artikolu 90.”

16

Skont il-qorti tar-rinviju, id-dispożizzjoni ħdax tal-liġi dwar il-falliment, li temenda l-liġi fiskali ġenerali 58/2003 (Ley 58/2003 General Tributaria), tas-17 ta’ Diċembru 2003 (BOE Nru 302, tat-18 ta’ Diċembru 2003, p. 44987), tipprevedi espressament li s-suċċessjoni mill-perspettiva fiskali jew l-estensjoni tar-responsabbiltà ma japplikawx għall-akkwirenti ta’ azjendi jew ta’ attivitajiet ekonomiċi li jappartjenu lil debitur li huwa suġġett għal proċedura ta’ stralċ, meta l-akkwist isir matul din il-proċedura. Il-leġiżlazzjoni fil-qasam tas-sigurtà soċjali madankollu ma kienet tinkludi l-ebda dispożizzjoni ekwivalenti.

17

Il-liġi ġenerali dwar is-sigurtà soċjali (Ley General de la Seguridad Social), fil-verżjoni kkonsolidata tagħha approvata bid-Digriet irjali 1/1994, tal-20 ta’ Ġunju 1994 (BOE Nru 154, tad-29 ta’ Ġunju 1994, p. 20658, iktar ’il quddiem l-“LGSS”), tinkludi l-Artikolu 127, intitolat “Każ speċjali ta’ responsabbiltà abbażi ta’ allowances”, li l-paragrafu 2 tiegħu huwa redatt kif ġej:

“F’każ ta’ trasferiment tal-proprjetà tal-ażjenda, tal-industrija jew tal-kummerċ, l-akkwirent huwa responsabbli in solidum mal-proprjetarju preċedenti jew il-werrieta tiegħu għall-ħlas tal-allowances dovuti qabel dan ir-trasferiment. Teżisti l-istess responsabbiltà bejn il-persuna li timpjega trasferenti u ċ-ċessjonarju f’każ ta’ provvista temporanja ta’ manodopera, anki jekk din issir mingħajr ħlas jew b’mod mhux lukrattiv.”

18

L-Artikolu 15 tal-LGSS kif emendata sussegwentement, intitolat “Natura obbligatorja [tal-imposti]”, jipprovdi fil-paragrafu 3 tiegħu:

“Huma responsabbli għall-eżekuzzjoni tal-obbligu ta’ kontribuzzjoni u ta’ ħlas ta’ riżorsi oħra tas-sigurtà soċjali l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi jew l-entitajiet li ma għandhomx personalità ġuridika li fir-rigward tagħhom id-dispożizzjonijiet li jirregolaw kull sistema jew riżors jimponu direttament l-obbligu tal-ħlas tagħhom kif ukoll il-persuni taxxabbli responsabbli in solidum, sussidjarjament jew mortis causa ta’ dawn tal-aħħar abbażi ta’ fatti, omissjonijiet, tranżazzjonijiet jew atti ġuridiċi li jwasslu għall-dawn ir-responsabbiltajiet, b’applikazzjoni ta’ kull dispożizzjoni ta’ valur leġiżlattiv li tagħmel riferiment jew li ma teskludix espressament l-obbligi ta’ sigurtà soċjali, jew ta’ qbil jew ftehimiet li ma humiex kontra l-liġi. Din ir-responsabbiltà in solidum, sussidjarjament jew mortis causa tirriżulta minn applikazzjoni tal-proċedura ta’ rkupru prevista minn din il-liġi u d-digrieti ta’ applikazzjoni tagħha.”

19

L-Artikolu 104 tal-LGSS kif emendat, intitolat “Persuni responsabbli [għall-ħlas]”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Il-persuna li timpjega hija responsabbli għall-osservanza tal-obbligu tal-ħlas u għandha tħallas il-kontribuzzjoni proprja tagħha kif ukoll dik tal-impjegati tagħha, fit-totalità tagħhom.

Għandhom ikunu responsabbli wkoll in solidum, sussidjarjament jew mortis causa, il-persuni jew l-entitajiet li ma għandhomx personalità ġuridika li jagħmlu riferiment għalihom l-Artikoli 15 u 127(1) u (2) ta’ din il-liġi.

Ir-responsabbiltà abbażi tas-suċċessjoni fil-proprjetà tal-ażjenda, tal-industrija u tal-kummerċ prevista fl-Artikoklu 127 tkopri d-djun kollha eżistenti qabel is-suċċessjoni. Din is-suċċessjoni hija rikonoxxuta li teżisti anki meta il-kumpannija li tiġġestixxi l-ażjenda, l-industrija jew il-kummerċ tkun kumpannija li fiha jkollhom sehem l-impjegati jew il-ħaddiema assoċjati (‘sociedad laboral’), indipendentment minn jekk din tal-aħħar tkunx ikkostitwita jew le minn impjegati li kienu jaħdmu mal-persuna li kienet timpjega preċedentement.

F’każ li l-persuna li timpjega tkun kumpannija jew entità tkun ġiet xolta u stralċjata, l-obbligi tagħha abbażi tal-imposti dovuti lis-sigurtà soċjali u mhux irregolati għandhom jiġu trażmessi lill-persuni assoċjati jew lid-detenturi ta’ azzjonijiet fil-kapital, li għandhom jonoraw il-ħlas tagħhom in solidum, fil-limitu tal-valur tar-rikavat tal-istralċ li jasal għandhom.

[…]”

Il-fatti tal-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

20

Gimnasio hija kumpannija kummerċjali li kellha bħala l-attività prinċipali tagħha l-ġestjoni tal-Escuela Laia, kulleġġ li fih jattendu iktar minn 150 student.

21

B’digriet tat-2 ta’ Settembru 2013, Gimnasio tqiegħdet f’amministrazzjoni taħt il-kontroll tal-Qorti.

22

L-awtorità ġudizzjarja kompetenti approvat, b’digriet tal-15 ta’ Ottubru 2013, l-attribuzzjoni tal-Escuela Laia lill-Institució Pedagógica Sant Andreu SL, kumpannija kkostitwita minn grupp ta’ għalliema tal-kulleġġ u li kienet l-unika li ppreżentat offerta ta’ xiri. Din il-kumpannija intrabtet li tkompli l-attività ta’ Gimnasio u li tirriprendi l-kuntratti ta’ impjieg tal-impjegati ta’ din tal-aħħar.

23

Skont dan id-digriet, l-imsemmija attribuzzjoni ngħatat “suġġetta għall-kundizzjonijiet li ġejjin:

1)

F’terminu massimu ta’ 45 jum min-notifika ta’ dan id-digriet, għandu jagħti rendikont tal-ammonti dovuti, ikun xi jkun it-titolu, lill-impjegati, sabiex dan jiġi ppreżentat lil Fondo de Garantía Salarial (Fond ta’ garanzija tal-impjegati) sabiex dan jonora l-ħlasijiet skont l-Artikolu 33 tal-istatut tal-impjegati.

[…]

5)

It-trasferiment tal-kuntratti marbuta mal-ażjenda tal-unità ta’ produzzjoni li l-kumpannija fi stralċ setgħet tikkonkludi ma’ terzi, b’mod partikolari l-mandati, l-ordnijiet, il-kuntratti ta’ eżenzjoni, il-kirjiet f’żona urbana, il-provvisti u l-provvisti ta’ servizz hija awtorizzata espressament. L-akkwirent għandu jinforma lill-qorti tal-kummerċ b’kull diffikultà li tista’ tirriżulta waqt it-trasferimenti.

Huwa maqbul espressament li t-trasferiment jannulla l-imposti kollha u d-djun li jistgħu jiggravaw l-elementi tal-attiv ittrasferit, bl-eċċezzjoni ta’ dawk marbuta ma’ privileġġi speċjali li jinsabu fir-rapport definittiv. Għaldaqstant, peress li l-akkwirent ma jirriprendi l-ebda dejn ieħor, bl-eċċezzjoni ta’ dak previst fl-offerta magħluqa, skont il-modalitajiet iddikjarati f’din tal-aħħar, l-akkwirent jew l-entità maħtura minn dan tal-aħħar ma jassumux id-djun fiskali preċedenti tal-kumpannija fi stralċ u lanqas l-obbligi preċedenti, jiġifieri d-djun li l-kumpannija fi stralċ jista’ jkollha fir-rigward tat-Tesorería General de la Seguridad Social [Teżor ġenerali tas-sigurtà soċjali, iktar ’il quddiem it-‘TGSS’]. Dan id-digriet huwa nnotifikat lill-Agencia Estatal de Administración Tributaria [Aġenzija tal-Istat tal-amministratzzjoni fiskali] u lit-TGSS.

[…]”

24

Fil-25 ta’ Ottubru 2013, it-TGSS ippreżenta rikors amikevoli kontra d-digriet tal-attribuzzjoni tal-15 ta’ Ottubru 2013, peress li dan tal-aħħar jikser l-Artikolu 44 tal-istatut tal-impjegati sa fejn kien jipprevedi li ċ-ċessjonarju ma kienx issurrogat fid-djun ta’ Gimnasio fir-rigward tas-sigurtà soċjali.

25

Fil-21 ta’ Novembru 2013, grupp ta’ eks impjegati ta’ Gimnasio wkoll ippreżentaw rikors kontra l-imsemmi digriet.

26

Fid-dawl tal-inċertezzi marbuta mal-portata tal-imposti li għandha tassumi l-entità trasferenti, f’dan il-każ l-Institució Pedagógica Sant Andreu SL, il-Juzgado de lo Mercantil Nru 3 ta’ Barcelona ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Il-garanzija għal akkwirent ta’ impriża f’sitwazzjoni ta’ insolvenza, jew ta’ unità ta’ produzzjoni ta’ din l-impriża, li ma jaċċettax l-obbligi li jirriżultaw minn djun tas-siġurtà soċjali li seħħew qabel l-għoti tal-unità ta’ produzzjoni, jew obbligi li jirriżultaw mill-kuntratti ta’ impjieg preċedenti meta l-proċedura ta’ insolvenza twassal għal protezzjoni tal-inqas ekwivalenti għal dik prevista fid-direttivi Komunitarji, tapplika biss u esklużivament għall-obbligi direttament marbuta mal-kuntratti jew relazzjonijiet ta’ impjieg jew inkella, fil-kuntest ta’ protezzjoni kompleta tad-drittijiet tal-ħaddiema u tal-ħarsien tal-impjieg, din il-garanzija għandha tiġi estiża għal djun li jirriżultaw minn kuntratti ta’ xogħol jew [għad-djun] tas-siġurtà soċjali li seħħew qabel l-għoti lil terz?

2)

Dejjem f’dan il-kuntest tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-ħaddiema, il-qorti li quddiemha titressaq il-kwistjoni tal-proċedura ta’ insolvenza u li hija responsabbli li tiddeċiedi dwar l-għoti tista’ tagħti din il-garanzija lill-akkwirent tal-unità ta’ produzzjoni mhux biss għad-drittijiet li jirriżultaw mill-kuntratti ta’ xogħol, iżda wkoll għad-djun li seħħew qabel l-għoti li l-entita f’falliment setgħet kellha fir-rigward ta’ ħaddiema li l-kuntratt ta’ xogħol tagħhom intemm jew għal djun tas-siġurtà soċjali li seħħew qabel?

3)

Meta operatur jakkwista impriża f’sitwazzjoni ta’ insolvenza, jew unità ta’ produzzjoni tagħha, u jintrabat li jżomm il-kuntratti ta’ xogħol kollha jew parti minnhom u jaċċetta l-obbligi li jirriżultaw minnhom, għandu jirċievi l-garanzija li ma jistax jintalab jew jiġu ttrasferuti lilu obbligi oħra tat-trasferent marbuta mal-kuntratti jew mar-relazzjonijiet li fihom ġie ssurrogat, b’mod partikolari obbligi li jirriżultaw minn kuntratti ta’ xogħol preċedenti jew minn djun tas-siġurtà soċjali?

4)

Fl-aħħar nett, għal dak li jirrigwarda t-trasferiment ta’ unitajiet ta’ produzzjoni jew ta’ impriżi ddikjarati ġuridikament jew amministrattivament insolventi u fi stralċ, id-Direttiva 23/2001 1 tista’ tiġi interpretata bħala li tiggarantixxi mhux biss il-protezzjoni tal-kuntratti ta’ xogħol, iżda wkoll iċ-ċertezza li l-akkwirent ma jkollux jagħmel tajjeb għal djun li seħħew qabel ma ġiet akkwistata l-imsemmija unità ta’ produzzjoni?

5)

Tistaqsi jekk il-kliem tal-Artikolu 149(2) tal-Ley Concursal Española (Liġi Spanjola dwar l-insolvenza) sa fejn jirreferi għas-suċċessjoni ta’ impriża, jammontax għal miżura tad-dritt intern meħtieġa mill-Artikolu 5(2)(a) tad-Direttiva 23/2001 sabiex tkun tista’ tapplika l-eċċezzjoni?

6)

Fis-sitwazzjoni fejn id-domanda preċedenti teħtieġ risposta pożittiva, id-digriet ta’ għoti mogħti mill-qorti tal-proċedura ta’ insolvenza u li jinkludi dawn il-garanziji u dawn il-protezzjonijiet għandu jorbot dejjem lill-qrati l-oħra jew lill-proċeduri amministrattivi li jistgħu jitressqu kontra l-akkwirent ġdid għal djun li seħħew qabel id-data tal-akkwist, b’mod li l-Artikolu 44 tal-Estatuto de los Trabajadores (Statut tal-ħaddiema) ma jkunx ta’ natura li jċaħħad l-Artikolu 149(2) u (3) tal-Ley Concursal minn kull effett?

7)

Jekk, għall-kuntrarju, kellu jiġi kkunsidrat li l-Artikolu 149(2) u (3) tal-Ley Concursal Española ma joperax bħala l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 5 tad-Direttiva, ir-regoli previsti fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva jaffettwaw biss id-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw strettament minn kuntratt ta’ xogħol jew minn relazzjoni ta’ xogħol fis-seħħ, sabiex id-drittijiet jew l-obbligi bħal dawk li jirriżultaw mill-kontribuzzjonijiet tas-siġurtà soċjali jew minn obbligi oħra li jirrigwardaw kuntratti ta’ xogħol li ntemmew qabel il-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza ma għandhomx għalhekk fl-ebda każ ikunu kkunsidrati bħala ttrasferiti lill-akkwirent?”

Fuq id-domandi preliminari

27

Skont l-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, meta r-risposta għal domanda preliminari tkun tista’ tiġi dedotta b’mod ċar mill-ġurisprudenza jew ma tħalli lok għal ebda dubju raġonevoli, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, fuq proposta tal-Imħallef Relatur u wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat.

28

Hemm lok li din id-dispożizzjoni tiġi applikata f’din il-kawża.

29

Preliminarjament, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li, bid-domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk ċerti dispożizzjonijiet mil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat jikkostitwixxux il-miżuri rikjesti għall-finijiet tat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2001/23 u, b’mod iktar ġenerali, din tixtieq tkun taf jekk dawn id-dispożizzjonijiet humiex konformi mad-dritt tal-Unjoni.

30

F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest ta’ proċedura ppreżentata skont l-Artikolu 267 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex kompetenti sabiex tinterpreta dispożizzjonijiet nazzjonali u lanqas sabiex tiddeċiedi jekk l-interpretazzjoni li jagħtuhom l-awtoritajiet tal-Istat Membru kkonċernat hijiex korretta (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Vueling Airlines, C‑487/12, EU:C:2014:2232, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31

Bl-istess mod, ma huwiex kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tas-setgħat konferiti lil din tal-aħħar mill-Artikolu 267 TFUE, li tagħti deċiżjoni dwar il-kompatibbiltà tar-regoli tad-dritt intern mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Lombardini u Mantovani, C‑285/99 u C‑286/99, EU:C:2001:640, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja hija kompetenti sabiex tipprovdi lill-qorti nazzjonali bl-elementi kollha ta’ interpretazzjoni ta’ dan id-dritt li jistgħu jgħinuha sabiex tevalwa din il-kompatibbiltà fid-deċiżjoni tal-kawża li għandha quddiemha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Lombardini u Mantovani, EU:C:2001:640, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33

F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-seba’ domandi mressqa mill-qorti tar-rinviju, li għandhom jiġu eżaminati konġuntament, għandhom jinftiehmu bħala li jistaqsu, essenzjalment, jekk id-Direttiva 2001/23 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li din tipprekludi li leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tipprevedi jew tippermetti li, waqt it-trasferiment ta’ impriżi, ta’ azjendi jew ta’ partijiet minn impriżi jew azjendi u meta t-trasferent ikun suġġett għal proċedura ta’ insolvenza, iċ-ċessjonarju jiġi awtorizzat li ma jonorax il-piżijiet imposti fuq it-trasferent abbażi ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ impjieg, inklużi dawk marbuta mas-sistema legali ta’ sigurtà soċjali, peress li dawn id-djun kienu jeżistu qabel id-data tat-trasferiment tal-unità ta’ produzzjoni. Din il-qorti tistaqsi wkoll jekk iċ-ċirkustanza li r-relazzjonijiet ta’ impjieg intemmu qabel din id-data għandhiex xi effett f’dan ir-rigward.

34

Bil-għan li tingħata risposta għal dawn id-domandi, jeħtieġ li jitfakkar qabel xejn li, kif jirriżulta mit-tielet premessa u mill-Artikolu 3, id-Direttiva 2001/23 hija intiża sabiex tipproteġi l-ħaddiema billi tiżgura s-salvagwardja tad-drittijiet tagħhom f’każ ta’ trasferiment ta’ impriża (ara s-sentenza Kirtruna u Vigano, C‑313/07, EU:C:2008:574, punt 36).

35

Madankollu, fid-dawl tad-differenzi eżistenti fl-Istati Membri fir-rigward tal-portata tal-protezzjoni tal-impjegati f’dan il-qasam, l-imsemmija direttiva hija intiża sabiex tnaqqas dawn id-differenzi permezz ta’ approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali, mingħajr madankollu ma tipprovdi għal armonizzazzjoni sħiħa f’dan il-qasam (ara r-raba’ u s-sitt premessa tad-Direttiva 2001/23 kif ukoll is-sentenza Amatori et, C‑458/12, EU:C:2014:124, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36

Kif jirriżulta mit-titolu tiegħu, huwa l-Kapitolu II tad-Direttiva 2001/23 li jinkludi, b’mod partikolari fl-Artikoli 3 sa 5 tiegħu, ir-regoli fil-qasam tas-salvagwardja tad-drittijiet tal-ħaddiema.

37

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3(1) tal-imsemmija direttiva jiddikjara l-prinċipju li d-drittijiet u l-obbligi tat-trasferent ta’ kuntratt ta’ impjieg jew ta’ relazzjoni ta’ impjieg eżistenti fid-data tat-trasferiment għandhom jiġu ttrasferiti liċ-ċessjonarju.

38

Fl-istess perspettiva tas-salvagwardja tad-drittijiet tal-ħaddiema, id-Direttiva 2001/23 tipprevedi, minn naħa, fl-Artikolu 3(3) li ċ-ċessjonarju huwa obbligat li jissalvagwarda, wara t-trasferiment, il-kundizzjonijiet ta’ impjieg stabbiliti fi ftehim kollettiv sa fejn dan tal-aħħar ikun iffissahom għat-trasferent, sat-tħassir jew l-iskadenza ta’ dan il-ftehim jew sal-applikazzjoni ta’ ftehim kollettiv ġdid (sentenza Juuri, C‑396/07, EU:C:2008:656, punt 32). Min-naħa l-oħra, l-istess direttiva tipprevedi, fl-Artikolu 4(1) li t-trasferiment ta’ impriża ma tikkostitwixxix fiha nnifisha raġuni għat-tkeċċija għat-trasferent jew għaċ-ċessjonarju.

39

Dawn ir-regoli ta’ protezzjoni għandhom jitqiesu li huma imperattivi fis-sens li ma huwiex permess li jkun hemm deroga minnhom li tkun ta’ żvantaġġ għall-impjegati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑561/07, EU:C:2009:363, punt 46), b’riżerva għall-eċċezzjonijiet previsti mid-Direttiva nnifisha.

40

F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2001/23 jawtorizza lill-Istati Membri li jillimitaw il-perijodu tas-salvagwardja tal-kundizzjonijiet ta’ impjieg, dment li dan ma jkunx ta’ inqas minn sena.

41

Fit-tieni lok, l-Artikolu 3(4)(a) tal-imsemmija direttiva jipprevedi li, dment li l-Istati Membri ma jispeċifikawx mod ieħor, il-paragrafi 1 u 3 ta’ dan l-istess artikolu ma japplikawx għad-drittijiet tal-impjegati għal allowances għax-xjuħija, ta’ invalidità jew tas-superstiti abbażi ta’ skemi komplementari ta’ previdenza professjonali jew interprofessjonali eżistenti minbarra l-iskemi ta’ sigurtà soċjali tal-Istati Membri.

42

Jeħtieġ li jitfakkar f’dan il-kuntest li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li din l-aħħar imsemmija eċċezzjoni għall-applikazzjoni tal-paragrafi 1 u 3 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2001/23, li jimponu fuq iċ-ċessjonarju s-salvagwardja tad-drittijiet u tal-obbligi li jirriżultaw għat-trasferent tal-kuntratt jew tar-relazzjoni ta’ impjieg kif ukoll il-kundizzjonijiet ta’ impjieg maqbula permezz ta’ ftehim kollettiv, għandha tiġi interpretata b’mod strett, fid-dawl tal-għan ġenerali ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-ħaddiema f’każ ta’ trasferiment ta’ impriża previst minn din id-direttiva (sentenza Il-Kummissjoni vs l-Italja, EU:C:2009:363, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43

Għalhekk, il-benefiċċji mogħtija barra skemi statutorji ta’ sigurtà soċjali elenkati b’mod eżawrjenti fl-Artikolu 3(4)(a) tad-Direttiva 2001/23 biss jistgħu jiġu esklużi mill-obbligu tat-trasferiment tad-drittijiet tal-impjegati (sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja, EU:C:2009:363, punt 32).

44

Jeħtieġ ukoll li jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 3(4)(b) tal-imsemmija direttiva, anki meta l-Istati Membri japplikaw din l-eċċezzjoni, l-esklużjoni tal-obbligu ta’ trasferiment iddikjarati f’din id-dispożizzjoni għandha tkun akkumpanjata mill-adozzjoni, mill-Istat Membru kkonċernat, tal-miżuri neċessarji sabiex jiġu protetti l-interessi tal-impjegati — inklużi dawk li li jkunu diġà telqu mill-azjenda tat-trasferent fil-mument tat-trasferiment — fir-rigward tad-drittijiet tagħhom akkwistati jew fil-proċess li jiġu akkwistati għal allowances tax-xjuħija u tas-superstiti abbażi tal-iskemi addizzjonali msemmija fl-istess paragrafu 4(a) (sentenza Il-Kummissjoni vs l-Italja, EU:C:2009:363, punt 31).

45

Fit-tielet lok, l-Istati Membri jistgħu, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/23, jidderogaw mil-ewwel paragrafu ta’ din id-dispożizzjoni, billi jipprevedi li r-regoli fil-qasam tat-tkeċċija msemmija f’dan l-ewwel paragrafu ma japplikawx għal ċerti kategoriji speċifiċi ta’ impjegati li ma humiex koperti mil-leġiżlazzjoni jew mill-prassi tal-Istati Membri fil-qasam tal-protezzjoni mit-tkeċċija.

46

Fir-raba’ lok, l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2001/23 jipprovdi li l-Artikoli 3 u 4 ta’ din tal-aħħar ma japplikawx, fil-prinċipju, għat-trasferiment ta’ impriża meta t-trasferent ikun suġġett għal proċedura ta’ falliment jew għal proċedura ta’ insolvenza analoga miftuħa bil-għan li jiġu llikwidati l-beni tat-trasferent u li jkunu taħt il-kontroll ta’ awtorità pubblika kompetenti.

47

Madankollu, kif jirriżulta mill-kliem tal-istess imsemmi artikolu 5(1) u (2), l-ewwel parti tas-sentenza, l-Istati Membri jistgħu madankollu jagħżlu li japplikaw l-Artikoli 3 u 4 għal trasferiment ta’ impriża fil-kuntest ta’ proċedura ta’ insolvenza mibdija fir-rigward tat-trasferent u li tkun tinsab taħt il-kontroll ta’ awtorità pubblika kompetenti.

48

Meta Stat Membru jagħmel użu minn din l-applikazzjoni fakultattiva, l-imsemmi Artikolu 5(2), jawtorizzah madankollu, taħt ċerti kundizzjonijiet, ma japplikax ċerti garanziji msemmija fl-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva 2001/23 peress li tkun mibdija proċedura ta’ insolvenza u peress li tkun taħt il-kontroll ta’ awtorità pubblika kompetenti (sentenza Il-Kummissjoni vs l-Italja, EU:C:2009:363, punt 38).

49

Għalhekk, b’deroga mill-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/23, dan l-Istat Membru jista’ jipprevedi, b’applikazzjoni tal-Artikolu 5(2)(a) u (b) ta’ din tal-aħħar, li l-obbligi tat-trasferent li jirriżultaw minn kuntratt ta’ impjieg jew minn relazzjoni ta’ impjieg li huma dovuti qabel id-data tat-trasferiment jew qabel dik tal-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza ma jiġux ittrasferiti liċ-ċessjonarju, bil-kundizzjoni li din il-proċedura tiżgura, skont il-leġiżlazzjoni tal-imsemmi Stat Membru, għal protezzjoni tal-inqas ekwivalenti għal dik iggarantita mid-Direttiva 80/987, u/jew li, sa fejn tippermetti l-leġiżlazzjoni jew il-prassi fis-seħħ, l-kundizzjonijiet tal-impjieg jistgħu jinbidlu b’kuntratt sabiex jiġu protetti l-impjiegi filwaqt li tiġu żgurata s-sopravivenza tal-impriża.

50

L-imsemmi Artikolu 5 jipprovdi wkoll, fil-paragrafu 4 tiegħu, li l-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri neċessarji bil-għan li jiġi evitat l-użu abbużiv ta’ proċeduri ta’ insolvenza maħsuba sabiex l-impjegati jiġu mċaħħda mid-drittijiet li jirriżultaw mid-Direttiva 2001/23.

51

Fl-aħħar, għalkemm, kif intqal fil-punt 39 ta’ dan id-digriet, ir-regoli ta’ protezzjoni stabbiliti mill-imsemmija direttiva huma imperattivi, b’riżerva għall-eċċezzjonijiet previsti espressament minn din tal-aħħar, hemm lok li jiġi rrilevat li l-Artikolu 8 tagħha jipprovdi li hija ma tinċidix fuq id-dritt tal-Istati Membri li japplikaw jew li jintroduċu skema iktar favorevoli għall-impjegati.

52

Mill-iżviluppi preċedenti, jirriżulta li, fl-ewwel lok, id-Direttiva 2001/23 tistabbilixxi r-regola ta’ prinċipju li ċ-ċessjonarju huwa marbut bid-drittijiet u l-obbligi naxxenti mill-kuntratt ta’ impjieg jew relazzjoni ta’ impjieg eżistenti bejn l-impjegat u t-trasferent fid-data tat-trasferiment tal-impriża. Kif jirriżulta mill-kliem u mill-istruttura tal-Artikolu 3 ta’ din id-Direttiva, it-trażmissjoni liċ-ċessjonarju tal-piżijiet imposti, fil-mument tat-trasferiment tal-impriża, fuq it-trasferent minħabba ċ-ċirkustanza li l-impjieg tal-impjegati jinkludi d-drittijiet kollha ta’ dawn tal-aħħar sa fejn dawn ma jkunux jaqgħu taħt eċċezzjoni prevista espressament mill-istess direttiva (ara, b’analoġija, is-sentenza Beckmann, C‑164/00, EU:C:2002:330, punti 36 u 37).

53

Għaldaqstant jifformaw parti integrali mill-piżijiet mhux biss is-salarji u r-remunerazzjonijiet dovuti lill-ħaddiema tal-impriża inkwistjoni, iżda wkoll il-kontribuzzjonijiet favur l-iskema ta’ sigurtà soċjali imposta fuq it-trasferent, peress li tali piż jirriżulta minn kuntratti jew relazzjonijiet ta’ impjieg li jorbtu lil dan tal-aħħar. Fil-fatt, kif jirriżulta wkoll mill-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2001/23, kuntratt ta’ impjieg jew relazzjoni ta’ impjieg jimplikaw, skont l-imsemmija direttiva, relazzjoni ġuridika bejn min jimpjega u l-impjegati, li għandha bħala suġġett ir-regolamentazzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ impjieg (sentenza Kirtruna u Vigano, EU:C:2008:574, punt 41).

54

Fit-tieni lok, skont l-Artikolu 5(1) tal-istess direttiva, din ir-regola ta’ prinċipju ma hijiex applikabbli fil-każ li, bħall-każ inkwistjoni fil-kawża prinċipali, it-trasferent huwa suġġett għal proċedura ta’ insolvenza u jinsab taħt il-kontroll ta’ awtorità pubblika kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat. Fil-fatt, f’dan il-każ, il-ħlas tad-djun naxxenti mir-relazzjoni tal-impjegati mal-persuna li timpjegahom fi stat ta’ insolvenza huwa ggarantit lil dawn tal-aħħar abbażi tad-Direttiva 80/987.

55

Fit-tielet lok, minkejja din id-deroga stabbilita bid-Direttiva 2001/23, l-Artikolu 5(1) ta’ din tal-aħħar tawtorizza lil kull Stat Membru li japplika b’mod partikolari l-Artikolu 3 ta’ din id-Direttiva għal trasferiment ta’ impriża fil-kuntest ta’ proċedura ta’ insolvenza mibdija fil-konfront tat-trasferent. Meta Stat Membru jagħmel użu minn din il-fakultà, il-paragrafu 2(a) tal-istess artikolu 5 jipprevedi li huwa awtorizzat jidderoga mill-Artikolu 3(1) tal-istess direttiva fis-sens li ma jiġux ittrasferiti liċ-ċessjonarju l-piżijiet li huma imposti fuq it-trasferent, fid-data tat-trasferiment jew tal-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza, abbażi tal-kuntratti u tar-relazzjonijiet ta’ impjieg, bil-kundizzjoni madankollu li tkun teżisti f’dan l-Istat Membru protezzjoni tal-inqas ekwivalenti għal dik stabbilita mid-Direttiva 80/987, li teżiġi l-implementazzjoni ta’ mekkaniżmu ta’ garanzija tal-ħlas tad-djun dovuti lill-impjegati b’applikazzjoni tal-kuntratti jew tar-relazzjonijiet ta’ impjieg konkluż mal-persuna li timpjega li tkun f’insolvenza. Din il-possibbiltà ta’ deroga hija ta’ natura mhux biss li tiggarantixxi l-ħlas tas-salarji tal-impjegati kkonċernati, iżda wkoll li tissalvagwarda l-impjiegi billi tiżgura s-sopravivenza tal-impriża f’diffikultà.

56

Fir-raba’ lok, skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2001/23, huwa permess li l-Istati Membri jipprovdu għal u japplikaw kull skema oħra fil-qasam tat-trasferiment tal-impriżi, sakemm din tkun iktar favorevoli għall-impjegati minn dik stabbilita minn din id-direttiva. Fil-fatt, tali metodu huwa konformi mal-għan segwit mill-istess direttiva kif imfakkar fil-punt 34 ta’ dan id-digriet. Għalhekk, Stat Membru ma huwiex imċaħħad mill-fakultà li japplika l-Artikolu 3(1) tal-imsemmija direttiva anki fil-każ fejn operatur jassumi impriża f’sitwazzjoni ta’ insolvenza.

57

Fil-ħames lok, jirriżulta kemm mill-kliem tad-Direttiva 2001/23 kif ukoll mill-iskema implementata minn din tal-aħħar, ħlief għall-obbligu impost fuq l-Istati Membri sabiex jipproteġu d-drittijiet akkwistati jew qegħdin jiġi akkwistati mill-impjegati li jkunu telqu mill-azjenda tat-trasferent fid-data tat-trasferiment fir-rigward tal-allowances previsti fl-Artikolu 3(4)(b) tal-imsemmija direttiva, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma pprevediex regoli fir-rigward tal-piżijiet tat-trasferent naxxenti minn kuntratti jew relazzjonijiet ta’ impjieg li jkunu diġà spiċċaw fid-data tat-trasferiment. Madankollu, għal-istess raġunijiet bħal dawk stabbiliti fil-punt preċedenti, Stat Membru ma huwiex prekluż milli jipprovdi għat-trasferiment ta’ tali piżijiet liċ-ċessjonarju.

58

Huwa fid-dawl ta’ dawn l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li l-qorti tar-rinviju għandha tiddeċiedi l-kawża li tkun adita biha billi tevalwa l-kompatibbiltà mar-rekwiżiti ta’ dan id-dritt tal-leġiżlazzjoni applikabbli fl-Istat Membru kkonċernat u billi tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha li jikkaratterizzaw is-sitwazzjoni legali u fattwali li tat lok għal din il-kawża.

59

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, hemm lok li tingħata risposta għad-domandi magħmula li d-Direttiva 2001/23 għandha tiġi interpretata fis-sens li:

f’każ li, fil-kuntest ta’ trasferiment ta’ impriża, it-trasferent ikun suġġett għal proċedura ta’ insolvenza li tinsab taħt il-kontroll ta’ awtorità pubblika kompetenti u li l-Istat Membru kkonċernat ikun għażel li juża l-Artikolu 5(2) ta’ din id-direttiva, dan tal-aħħar ma jipprekludix lil dan l-Istat Membru milli jipprevedi jew milli jippermetti li l-piżijiet imposti fuq it-trasferent, fid-data tat-trasferiment jew tal-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza, minn kuntratti jew relazzjonijiet ta’ impjieg, inklużi dawk marbuta mal-iskema legali ta’ sigurtà soċjali, ma jiġux ittrasferiti liċ-ċessjonarju, bil-kundizzjoni li din il-proċedura tiżgura protezzjoni tal-impjegati tal-inqas ekwivalenti għal dik stabbilita mid-Direttiva 80/987, dan l-Istat Membru ma huwiex madankollu prekluż milli jipprevedi li tali piżijiet għandhom jiġu sostnuti miċ-ċessjonarju anki f’każ ta’ insolvenza tat-trasferent;

bla ħsara għad-dispożizzjonijiet previsti fl-Artikolu 3(4)(b) tagħha, l-imsemmija direttiva ma tistabbilixxix obbligi fir-rigward tal-piżijiet tat-trasferent naxxenti minn kuntratti jew minn relazzjonijiet ta’ impjieg li spiċċaw qabel id-data tat-trasferiment, iżda ma tostakolax li leġiżlazzjoni tal-Istati Membri tippermetti t-trasferiment ta’ tali piżijiet liċ-ċessjonarju.

Fuq l-ispejjeż

60

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Id-Direttiva tal-Kunsill 2001/23/KE, tat-12 ta’ Marzu 2001, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet tal-impjegati fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ impriżi jew negozji għandha tiġi interpretata fis-sens li:

 

f’każ li, fil-kuntest ta’ trasferiment ta’ impriża, it-trasferent ikun suġġett għal proċedura ta’ insolvenza li tinsab taħt il-kontroll ta’ awtorità pubblika kompetenti u li l-Istat Membru kkonċernat ikun għażel li juża l-Artikolu 5(2) ta’ din id-direttiva, dan tal-aħħar ma jipprekludix lil dan l-Istat Membru milli jipprevedi jew milli jippermetti li l-piżijiet imposti fuq it-trasferent, fid-data tat-trasferiment jew tal-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza, minn kuntratti jew relazzjonijiet ta’ impjieg, inklużi dawk marbuta mal-iskema legali ta’ sigurtà soċjali, ma jiġux ittrasferiti liċ-ċessjonarju, bil-kundizzjoni li din il-proċedura tiżgura protezzjoni tal-impjegati tal-inqas ekwivalenti għal dik stabbilita mid-Direttiva tal-Kunsill 80/987/KEE tal-20 ta’ Ottubru 1980 [dwar it-taqrib tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar il-protezzjoni tal-impjegati f’każ ta’ l-insolvenza ta’ min iħaddimhom], dan l-Istat Membru ma huwiex madankollu prekluż milli jipprevedi li tali piżijiet għandhom jiġu sostnuti miċ-ċessjonarju anki f’każ ta’ insolvenza tat-trasferent;

 

bla ħsara għad-dispożizzjonijiet previsti fl-Artikolu 3(4)(b) tagħha, l-imsemmija direttiva ma tistabbilixxix obbligi fir-rigward tal-piżijiet tat-trasferent naxxenti minn kuntratti jew minn relazzjonijiet ta’ impjieg li spiċċaw qabel id-data tat-trasferiment, iżda ma tostakolax li leġiżlazzjoni tal-Istati Membri tippermetti t-trasferiment ta’ tali piżijiet liċ-ċessjonarju.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.