1.3.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 61/3


Appell ippreżentat fis-27 ta’ Novembru 2013 minn British Telecommunications plc mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) fis-16 ta’ Settembru 2013 fil-Kawża T-226/09 — British Telecommunications plc vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża C-620/13 P)

2014/C 61/05

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellanti: British Telecommunications plc (rappreżentanti: J. Holmes, Barrister, u H. Legge QC)

Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea, BT Pension Scheme Trustees Ltd

Talbiet tal-appellanti

tannulla s-sentenza appellata f’dak li jikkonċerna l-ewwel u t-tieni motivi tar-rikors fl-ewwel istanza;

tilqa’ dawk il-motivi bħala fondati;

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/703/KE, tal-11 ta’ Frar 2009 (1); u

tagħti lill-appellanti l-ispejjeż sostnuti minnha għal dan l-appell u għar-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tinvoka tliet aggravji.

Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, l-appellanti ssostni li fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali indikat ir-raġunijiet tagħha stess, liema raġunijiet ma jinsabux fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni, sabiex tinjora ċerti obbligi speċjali fl-evalwazzjoni tagħha tan-natura selettiva. B’hekk hija pprovat, b’mod illeċitu, tissostiwixxi r-raġunijiet tagħha ma’ dawk tal-Kummissjoni f’dak li jikkonċerna l-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ vantaġġ selettiv favur l-appellanti.

Permezz tat-tieni aggravju tagħha, l-appellanti ssostni li, fi kwalunkwe każ, ir-raġunijiet tal-Qorti Ġenerali stess fihom żbalji ta’ liġi, peress li, meta injorat l-obbligi speċjali, il-Qorti Ġenerali applikat kriterju legali inkorrett; barra minn hekk, kull waħda mir-raġunijiet li fuqhom hija bbażat ruħha kienet jew nieqsa minn rilevanza legali, jew inkella tali li tiżnatura s-sens ċar tal-provi.

Permezz tat-tielet aggravju tagħha, l-appellanti tqis li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta din eżaminat ir-raġunijiet tal-Kummissjoni sabiex tinjora l-obbligi speċjali, billi kkonkludiet li dawn il-motivi huma legalment rilevanti u suffiċjenti sabiex id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tiġi kkonfermata. L-eżami li l-Qorti Ġenerali għamlet ma huwiex adegwat. Fuq ċerti punti, huwa diffiċli li jiġi ddeterminat jekk il-Qorti Ġenerali taċċettax jew le r-raġunijiet tal-Kummissjoni u, jekk din taċċettahom, fuq liema bażi. Fuq punti oħra, il-Qorti Ġenerali tieħu inkunsiderazzjoni fatturi nieqsa minn rilevanza legali u tissostitwixxi r-raġunijiet tagħha ma’ dawk tal-Kummissjoni.


(1)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni, tal-11 ta’ Frar 2009, dwar l-għajnuna mill-Istat C/55/07 (ex NN 63/07, CP 106/06) implementata mir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq — Garanzija pubblika lill-BT [notifikata bid-dokument numru C(2009) 685]

ĠU L 242, p. 21.