22.2.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 52/26


Appell ippreżentat fis-26 ta’ Novembru 2013 minn Hansa Metallwerke AG et mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) fis-16 ta’ Settembru 2013 fil-Kawża T-375/10, Hansa Metallwerke AG et vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża C-611/13 P)

2014/C 52/48

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Appellanti: Hansa Metallwerke AG, Hansa Nederland BV, Hansa Italiana Srl., Hansa Belgium, Hansa Austria GmbH (rappreżentanti: H.-J. Hellmann u S. Cappellari, avukati)

Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea, Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet tal-appellanti

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta’ Settembru 2013 fil-Kawża T-375/10, Hansa Metallwerke AG et vs Il-Kummissjoni u tiddeċiedi definittivament il-kawża kif ġej:

(1)

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta’ Ġunju 2010, innotifikata lill-appellanti fit-30 ta’ Ġunju 2010, dwar proċedura skont l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/39092 — Installazzjonijiet sanitarji), sa fejn tikkonċerna lill-appellanti,

sussidjarjament,

tnaqqas l-ammont tal-multa,

(2)

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-proċedura.

Iktar sussidjarjament,

tannulla s-sentenza appellata u tirrinvija l-kawża lill-Qorti Ġenerali sabiex tagħti deċiżjoni.

Aggravji u argumenti prinċipali

Qabelxejn, l-appellanti jinvokaw ksur tal-prinċipju fundamentali rikonoxxut fid-dritt tal-Unjoni dwar l-individwalità tal-pieni u tas-sanzjonijiet. B’mod partikolari, huma jqisu li l-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li l-bidla fl-2006 tal-linji gwida għall-kalkolu tal-multi implikat modifika radikali tal-metodu ġenerali tal-kalkolu, b’mod partikolari għall-impriżi li għandhom firxa ta’ offerti limitata. Bħala konsegwenza għal dan l-approċċ żbaljat fid-dritt, il-Qorti Ġenerali ma osservatx l-obbligu tagħha li teżerċita kontroll ta’ ġurisdizzjoni sħiħa fir-rigward tad-determinazzjoni tal-multa mill-Kummissjoni, jew inkella għamlet dan b’mod żbaljat fid-dritt.

Sussegwentement, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali ma mmotivatx b’mod suffiċjenti l-kunsiderazzjonijiet dwar il-prinċipju ta’ individwalità tal-pieni. B’mod partikolari, skont l-appellanti, il-Qorti Ġenerali b’ebda mod ma eżaminat is-sentenza rilevanti tat-Tmien Awla tal-Qorti Ġenerali fil-Kawża T-211/08 (1) u lanqas il-bidla manifesta tal-fehma tal-Kummissjoni fid-deċiżjoni tagħha fil-Każ COMP/39452, minkejja li l-appellanti esprimew ruħhom sostanzjalment dwar dan il-punt.

Fl-aħħar nett, l-appellanti jallegaw ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, rikonoxxut fid-dritt tal-Unjoni. Billi evalwat il-mod kif il-Kummissjoni, kuntrarjament għal dak li kienet żgurat matul il-proċedura amministrattiva, ma awtorizzatx, fid-deċiżjoni, tnaqqis tal-ammont tal-multa, il-Qorti Ġenerali, skont l-appellanti, injorat l-importanza superjuri marbuta mal-kooperazzjoni leali mal-Kummissjoni fil-kuntest tal-komunikazzjoni tagħha dwar l-immunità mill-multi u t-tnaqqis tal-ammont tagħhom.


(1)  Sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2011, Putters International vs Il-Kummissjoni, Ġabra p. II-3729.