25.1.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 24/13


Appell ippreżentat fil-25 ta’ Novembru 2013 minn Aloys F. Dornbracht GmbH & Co. KG mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) fis-16 ta’ Settembru 2013 fil-Kawża T-386/10 — Aloys F. Dornbracht GmbH & Co. KG vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża C-604/13 P)

2014/C 24/24

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Appellanti: Aloys F. Dornbracht GmbH & Co. KG (rappreżentanti: H. Janssen u T. Kapp, avukati)

Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea u Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet tal-appellanti

tannulla fl-intier tagħha s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea (Ir-Raba’ Awla) tas-16 ta’ Settembru 2013 fil-Kawża T-386/10 u tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2010) 4185 finali, tat-23 ta’ Ġunju 2010, fil-Każ COMP/39.092 — Installazzjonijiet sanitarji għall-kmamar tal-banju, sa fejn tikkonċerna lir-rikorrenti;

sussidjarjament, tnaqqas b’mod xieraq l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti fid-deċiżjoni kkontestata;

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appellanti tibbaża l-appell tagħha fuq l-aggravji li ġejjin:

 

L-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003 (1), il-prinċipju ta’ preċiżjoni, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament kif ukoll il-prinċipju ta’ proporzjonalità, billi interpretat it-tieni sentenza tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 bħala limitu massimu, u permezz ta’ dan ċaħdet l-illegalità tal-iffissar tal-ammont tal-multa mill-Kummissjoni kif ukoll naqset milli tnaqqas korrettament l-ammont tal-multa.

 

It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003 peress li hija naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-illegalità tal-linji gwida tal-2006, peress illi naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni t-tul u l-gravità ta’ ksur imwettaq minn impriżi li jipproduċu prodott wieħed.

 

It-tielet nett, il-Qorti Ġenerali ma rrikonoxxietx li l-konvenuta kellha tagħmel użu mis-setgħa diskrezzjonali tagħha skont il-punt 37 tal-linji gwida tal-2006, fis-sens li għall-impriżi li jipproduċu prodott wieħed hija kellha tiffissa l-ammont tal-multa għal inqas mil-limitu ta’ 10 %.

 

Il-Qorti Ġenerali kisret, barra minn hekk, il-prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività, peress illi hija kkunsidrat li l-kalkolu tal-multa mill-Kummissjoni permezz tal-għajnuna tal-linji gwida tal-2006 kien legali.

 

Il-Qorti Ġenerali wettqet ukoll żbalji ta’ liġi fil-kalkolu tal-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti, u f’dak li jikkonċerna l-portata ġeografika, il-parteċipazzjoni f’wieħed biss minn tliet gruppi ta’ prodotti u r-rwol sekondarju tar-rikorrenti.

 

Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju tat-tul raġonevoli tal-proċedura.


(1)  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205.