1.2.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 31/4


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Juzgado de Primera Instancia no 2 de Santander (Spanja) fil-25 ta’ Novembru 2013 — Banco Bilbao Vizcaya Argentaria S.A. vs Fernando Quintano Ujeta u María Isabel Sánchez García

(Kawża C-602/13)

2014/C 31/06

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Qorti tar-rinviju

Juzgado de Primera Instancia no 2 de Santander

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Banco Bilbao Vizcaya Argentaria S.A.

Konvenuti: Fernando Quintano Ujeta u María Isabel Sánchez García

Domandi preliminari

(1)

Skont id-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, b’mod partikolari l-Artikoli 6(1) u 7(1) tagħha, sabiex tiġi ggarantita l-protezzjoni tal-konsumaturi u tal-utenti skont il-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, qorti nazzjonali li tikkonstata l-eżistenza tan-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali dwar l-interessi moratorji għandha tikkonkludi l-invalidità ta’ kull tip ta’ interesi moratorji, inklużi dawk li jistgħu jirriżultaw mill-applikazzjoni sussidjarja ta’ regola nazzjonali bħal ma huma, l-Artikolu 1 108 tal-Kodiċi Ċivili, it-tieni dispożizzjoni tranżitorja tal-Liġi 1/2003, flimkien mal-Artikolu 114 tal-Liġi Ipotekarja, jew l-Artikolu 4 tad-Digriet-Liġi Rjali 6/2012, mingħajr ma tikkunsidra lilha nnifisha marbuta mill-kalkolu l-ġdid eventwalment maħdum mill-professjonist skont it-tieni dispożizzjoni tranżitorja tal-Liġi 1/2003?

(2)

It-tieni dispożizzjoni tranżitorja tal-Liġi 1/2003 għandha tiġi interpretata fis-sens li din ma tistax tikkostitwixxi ostakolu għall-protezzjoni tal-interessi tal-konsumatur?

(3)

Skont id-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, b’mod partikolari l-Artikoli 6(1) u 7(1) tagħha, sabiex tiġi ggarantita l-protezzjoni tal-konsumaturi u tal-utenti skont il-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, qorti nazzjonali li tikkonstata l-eżistenza tan-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali dwar skadenza antiċipata abbużiva għandha tikkunsidra din il-klawżola bħala nulla ab initio u tislet il-konklużjonijiet inerenti minn dan il-fatt, anki meta l-professjonist stenna li jgħaddi l-perijodu minimu previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali?