25.1.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 24/6


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-cour d’appel de Bruxelles (il-Belġju) fit-8 ta’ Novembru 2013 — Hewlett-Packard Belgium SPRL vs Reprobel SCRL

(Kawża C-572/13)

2014/C 24/11

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Qorti tar-rinviju

Cour d’appel de Bruxelles

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Hewlett-Packard Belgium SPRL

Konvenuta: Reprobel SCRL

Domandi preliminari

(1)

L-espressjoni “kumpens ġust” inkluża fl-Artikolu 5(2)(a) u fl-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29/KE (1) għandha tiġi interpretata b’mod differenti skont jekk ir-riproduzzjoni mwettqa fuq karta jew fuq mezz simili permezz ta’ kull xorta ta’ teknika fotografika jew ta’ xi proċess ieħor li jkollu l-istess effetti issir minn xi utent jew minn persuna fiżika għal użu privat u għal finijiet mhux direttament jew indirettament kummerċjali? Fil-każ ta’ risposta pożittiva, din id-differenza ta’ interpretazzjoni għandha tiġi bbażata fuq liema kriterji?

(2)

L-Artikolu 5(2)(a) u l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29/KE għandhom jiġu interpretati bħala li jawtorizzaw lill-Istati Membri jistabbilixxu l-kumpens ġust dovut lid-detenturi tad-drittjiet fil-forma:

(1)

ta’ remunerazzjoni fil-forma ta’ somma f’daqqa mħallsa mill-manifattur, mill-importatur jew mill-akkwirent intra-Komunitarju ta’ apparati li jippermettu l-ikkopjar ta’ xogħlijiet protetti, meta dawn l-apparati jitqiegħdu f’ċirkolazzjoni libera fit-territorju nazzjonali, li l-ammont tagħha huwa kkalkolat biss abbażi tal-ħeffa li biha l-magna li tikkopja tista’ tagħmel numru ta’ kopji kull minuta, mingħajr rabta oħra mad-dannu eventwalment subit mid-detenturi tad-drittijiet,

u

(2)

ta’ remunerazzjoni proporzjonali, iddeterminata biss minn prezz unitarju immultiplikat bin-numru ta’ kopji magħmula, li tvarja skont jekk id-debitur ikkooperax jew le fir-rigward tal-ġbir ta’ din ir-remunerazzjoni, li hija imposta fuq il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jagħmlu kopji ta’ xogħlijiet jew, skont il-każ, minflok fuq dawn il-persuni, fuq dawk li għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom, bi ħlas jew bla ħlas, apparat ta’ riproduzzjoni li qiegħed għad-dispożizzjoni ta’ ħaddieħor.

Fil-każ ta’ risposta negattiva għal din id-domanda, liema huma l-kriterji rilevanti u koerenti li l-Istati Membri għandhom isegwu sabiex, skont id-dritt tal-Unjoni, il-kumpens jista’ jitqies bħala ġust u sabiex jiġi stabbilit bilanċ ġust bejn il-persuni kkonċernati?

(3)

L-Artikou 5(2)(a) u l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29/KE għandhom jiġu interpretati bħala li jawtorizzaw lill-Istati Membri jagħtu nofs il-kumpens ġust dovut lid-detenturi tad-drittijiet lill-edituri tax-xogħlijiet maħluqa mill-awturi, mingħajr xi obbligu għall-edituri li jiżguraw li l-awturi jibbenefikaw, anki b’mod indirett, minn parti mill-kumpens li huma mċaħħda minnu?

(4)

L-Artikolu 5(2)(a) u l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29/KE għandhom jiġu interpretati bħala li jawtorizzaw lill-Istati Membri jistabbilixxu sistema indifferenzjata ta’ ġbir tal-kumpens ġust dovut lid-detenturi tad-drittijiet, fil-forma ta’ somma f’daqqa u ta’ ammont għal kull kopja magħmula, li tkopri b’mod impliċitu iżda ċert u parzjalment, l-ikkopjar ta’ mużika fuq il-karta u ta’ riproduzzjonjiet foloz?


(1)  Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230).