25.1.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 24/5


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgerichtshof (l-Awstrija) fis-6 ta’ Novembru 2013 — Karoline Gruber

(Kawża C-570/13)

2014/C 24/09

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Verwaltungsgerichtshof

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Karoline Gruber

Konvenut: Unabhängiger Verwaltungssenat für Kärnten

Intervenjenti: EMA Beratungs- und Handels GmbH

Parti oħra: Bundesminister für Wirtschaft, Familie und Jugend

Domandi preliminari

(1)

Id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari d-Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Diċembru 2011, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (1), b’mod partikolari l-Artikolu 11 tagħha, jipprekludi sitwazzjoni legali nazzjonali li tipprovdi li, deċiżjoni li tikkonstata li ma hemmx lok li ssir evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent fir-rigward ta’ proġett partikolari, torbot ukoll lill-ġirien li ma kinux partijiet fil-proċedura preċedenti għal deċizjoni deklaratorja u tista’ tiġi invokata kontrihom fi proċedura sussegwenti għal awtorizzazzjoni, anki jekk dawn għandhom il-possibbiltà li jqajmu l-oġġezzjonijiet tagħhom fir-rigward tal-proġett matul l-imsemmija proċedura għal awtorizzazzjoni (f’dan is-sens l-oġġezzjoni fil-kawża prinċipali tkun dik li l-effetti tal-proġett jippreġudikaw il-ħajja, is-saħħa jew il-proprjetà tagħhom jew li huma jġarrbu dannu irraġonevoli minħabba r-riħa, il-ħoss, id-duħħan, it-traffiku, it-trab, it-theżżiż jew kwalunkwe inkonvenjent ieħor)?

Fil-każ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun fl-affermattiv:

(2)

Id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari d-Direttiva 2011/92/UE, permezz tal-applikazzjoni diretta tagħha, jeżiġi li jiġi kkonstatat in-nuqqas tal-effett vinkolanti msemmi fl-ewwel domanda?


(1)  ĠU L 26, p. 1.