23.11.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 344/50


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Administrativen sad Varna (il-Bulgarija) fit-23 ta’ Settembru 2013 — Levent Redzheb Yumer vs Direktor na Teritorialna direktsia na NAP — Varna

(Kawża C-505/13)

2013/C 344/87

Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru

Qorti tar-rinviju

Administrativen sad Varna

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Levent Redzheb Yumer

Konvenuta: Teritorialna direktsia na NAP — Varna

Domandi preliminari

(1)

L-Artikolu 2 tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea u l-Artikoli 20 u 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jippermettu li biss kategorija waħda ta’ persuni — persuni fiżiċi li huma rreġistrati taħt iz-Zakon za danak varhu dobavenata stoynost (Liġi dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud, iktar ’il quddiem iz-“ZDDS”) — ma għandhiex dritt rikonoxxut mil-liġi għal tnaqqis tat-taxxa fir-rigward ta’ attività tal-agrikoltura?

(2)

L-Artikolu 2 tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea u l-Artikoli 20 u 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jippermettu l-iffissar ta’ rati ta’ taxxa differenti għall-istess tip ta’ attività skont il-forma ġuridika tal-eżerċizzju ta’ dik l-attività u reġistrazzjoni taħt iz-ZDDS?

(3)

L-introduzzjoni ta’ miżuri nazzjonali li jkollhom bħala riżultat li persuni fiżiċi rreġistrati taħt iz-ZDDS u bħala bdiewa jiġu rrifjutati tnaqqis tat-taxxa li huwa previst għal negozjanti li jaħdmu għal rashom u għal persuni ġuridiċi — minkejja li jkunu ssodisfaw l-obbligi legali tagħhom li jikkostitwixxu d-dħul taxxabbli tagħhom bl-istess mod bħal negozjanti li jaħdmu għal rashom u li jistabbilixxu l-valur taxxabbli annwali tagħhom bl-istess mod bħal negozjanti li jaħdmu għal rashom — tikkostitwixxi ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ effikaċja u ta’ proporzjonalità?