26.10.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 313/13


Appell ippreżentat fis-16 ta’ Settembru 2013 minn GRE Grand River Enterprises Deutschland GmbH mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) fit-3 ta’ Lulju 2013 fil-Kawża T-78/12 — GRE Grand River Enterprises Deutschland GmbH vs Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u disinni)

(Kawża C-496/13 P)

2013/C 313/24

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Appellanti: GRE Grand River Enterprises Deutschland GmbH (rappreżentanti: I. Memmler, S. Schulz, avukati)

Partijiet oħra fil-proċedura: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u disinni), Villiger Söhne GmbH

Talbiet tal-appellanti

tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali tat-3 ta’ Lulju 2013 fil-Kawża T-78/12, kif ukoll id-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-UASI tal-1 ta’ Diċembru 2011, fil-Każ R 2109/2010-1;

tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

Permezz tal-uniku aggravju tagħha, l-appellanti tinvoka l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 (1) u n-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tar-regoli fil-qasam tal-provi fl-applikazzjoni ta’ tali dispożizzjoni.

Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tinvoka s-segwenti:

 

Meta pparagunat is-sinjali, il-Qorti Ġenerali ma applikatx b’mod korrett il-kriterju tal-evalwazzjoni globali, peress li pparagunat b’mod ġenerali l-komponenti “LIBERTAD” u “LIBERTE”, mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni l-komponenti l-oħra kollha tat-trade marks.

 

B’mod partikolari, għall-applikazzjoni korretta tal-kriterju tal-evalwazzjoni globali, il-Qorti Ġenerali kellha tieħu inkunsiderazzjoni komponenti oħra tat-trade marks kunfliġġenti, fosthom, il-kombinazzjoni tal-kuluri tat-trade mark ikkontestata u tat-trade mark invokata insostenn tal-oppożizzjoni u d-denominazzjoni “LA” tat-trade mark invokata insostenn tal-oppożizzjoni, kif ukoll id-denominazzjoni “brunes” tat-trade mark ikkontestata.

 

Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali applikat b’mod żbaljat il-prinċipji dwar ix-xebh kunċettwali, stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, peress li ma ħaditx suffiċjentement inkunsiderazzjoni l-lingwi differenti tat-trade marks.

 

Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ma osservatx ir-regoli fil-qasam tal-provi stabbiliti mir-Regoli tal-Proċedura, peress li għamlet preżunzjonijiet mingħajr ebda prova fir-rigward tal-pronunzja tat-trade mark “LA LIBERTAD” u peress li d-deċiżjoni tagħha kienet ibbażata fuq tali preżunzjonijiet.

 

B’mod ġenerali, il-Qorti Ġenerali għalhekk waslet għal riżultat żbaljat.


(1)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1)