23.11.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 344/47


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Okrazhen sad — Targovishte (il-Bulgarija) fid- 9 ta’ Settembru 2013 — Parva Investitsionna Banka AD, UniKredit Bulbank AD, Siyk Faundeyshan LLS vs Ear Proparti Developmant — v nesastoyatelnost AD, Amministratur ta’ proċedura ta’ falliment ta’ Ear Proparti Developmant — v nesastoyatelnost AD

(Kawża C-488/13)

2013/C 344/81

Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru

Qorti tar-rinviju

Okrazhen sad — Targovishte

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Parva Investitsionna Banka AD, UniKredit Bulbank AD, Siyk Faundeyshan LLS

Konvenut:“Ear Proparti Developmant — v nesastoyatelnost” AD, Amministratur ta’ proċedura ta’ falliment ta’ “Ear Proparti Developmant — v nesastoyatelnost” AD

Domandi preliminari

(1)

Kif għandu jiġi interpretat il-kriterju dwar in-natura inkontestabbli ta’ pretensjoni għal ħlas infurzabbli, fis-sens tal-premessa 6 tar-Regolament Nru 1896/2006?

(2)

Fil-każijiet fejn il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, li fit-territorju tiegħu tkun qiegħda tiġi eżegwita pretensjoni għal ħlas, ma tiddeterminax jekk l-ordni ta’ infurzar hijiex applikabbli għall-ordni ta’ tali ħlas fi proċeduri ta’ insolvenza li jkunu nbdew kontra persuna li fir-rigward tal-proprjetà tagħha jkun intalab l-infurzar, il-projbizzjoni fl-Artikolu 2(2)(b) tar-Regolament għandha tiġi interpretata b’mod strett u tapplika biss fir-rigward ta’ pretensjonijiet għal ħlas kontestabbli li għandhom jiġu infurzati jew inkella tikkonċerna wkoll pretensjonijiet għal ħlas inkontestabbli li l-infurzar tagħhom huwa mitlub?

(3)

L-Artikolu 2(2)(b) tar-Regolament, li jipprovdi l-esklużjoni, mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu, ta’ fallimenti ta’ kumpanniji jew ta’ persuni ġuridiċi oħra, ta’ proċeduri ta’ stralċ ta’ kumpanniji insolventi u ta’ proċeduri oħra simili, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-limitazzjoni tikkonċerna biss il-bidu tal-imsemmija proċeduri, jew tali limitazzjoni tkopri wkoll l-iżvolġiment kollu tagħhom, skont l-istadji tal-proċeduri previsti fid-dritt nazzjonali tal-Istat Membru inkwistjoni?

(4)

Skont il-prinċipju tas-supremazija tad-dritt Komunitarja u fil-każ ta’ lakuna fid-dritt nazzjonali ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, il-qorti nazzjonali tal-Istat Membru li quddiemha jkunu nbdew proċeduri ta’ insolvenza kontra persuna li fir-rigward tal-proprjetà tagħha jkun intalab l-infurzar, tista’ tagħti deċiżjoni permezz ta’ sentenza differenti u li tmur kontra l-prinċipji ġenerali tar-Regolament, abbażi tal-premessa 10 u tal-Artikolu 26 ta’ dan tal-aħħar?