9.11.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 325/15


Appell ippreżentat fit-12 ta’ Awwissu 2013 mill-Confederazione Cooperative Italiane, Cooperativas Agro-alimentarias, Fédération française de la coopération fruitière, légumière et horticole (Felcoop) mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) fit-30 ta’ Mejju 2013 fil-Kawża T-454/10, Associazione Nazionale degli Industriali delle Conserve Alimentari Vegetali (Anicav), Agrupación Española de Fabricantes de Conservas Vegetales (Agrucon) vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża C-455/13 P P)

2013/C 325/26

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellanti: Confederazione Cooperative Italiane, Cooperativas Agro-alimentarias, Fédération française de la coopération fruitière, légumière et horticole (Felcoop) (rappreżentanti: M. Merola, M.C. Santacroce, avukati)

Partijiet oħra fil-proċedura: Associazione Nazionale degli Industriali delle Conserve Alimentari Vegetali (Anicav), Agrupación Española de Fabricantes de Conservas Vegetales (Agrucon), Associazione Italiana Industrie Prodotti Alimentari (AIIPA), il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tal-appellanti

tannulla s-sentenza appellata fl-intier tagħha;

tiddikjara li r-rikors tal-proċeesuri industrijali tal-frott u tal-ħaxix inammissibbli, u, konsgwentement, tilqa’ t- talbiet tal-appellanti fl-ewwel istanza;

sussidjarjament, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li r-rikorsi għal annullament huma ammissibbli (quod non), tannulla s-sentenza appellata għal żbalji serji u manifesti ta’ liġi, kif ukoll għal motivazzjoni insuffiċjenti fid-dritt u kontradittorja, kif spjegat fl-appell u tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali għall-eżami tal-mertu tal-kawża;

sussidjarjament, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li tikkonferma (quod non) l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali fuq il-mertu tal-kawża, tannulla l-parti tas-sentenza dwar l-effetti tal-annullament tal-Artikolu 60(7) tar-Regolament Nru 543/2011 (1) minħabba li huwa bbażat fuq motivazzjoni kontradittorja, li hija wkoll kuntrarja għall-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ aspettattivi leġittimi, minħabba t-tul u l-funzjonament tal-programmi operattivi;

tikkundanna lir-rikorrenti fl-ewwel istanza għall-ispejjeż taż-żewġ istanzi tal- proċeduri jew tirriżerva l-ispejjeż tal-ewwel istanza u tal-appell jekk il-kawża tiġi rrinvjata lill-Qorti Ġenerali.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appellanti jsostnu li, fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali:

evalwat b’mod żbaljat l-ammissibbiltà tar-rikors fil-Kawża T-454/10 sa fejn tirreferi għall-Anness VIII għar-Regolament Nru 1580/2007 (2), b’mod partikolari billi kkunsidrat li l-Anness VIII jiffoma parti sħiħa mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 52(2)a tar-regolament imsemmi hawn fuq u ma rrealizzatx li din l-aħħar dispożizzjoni ma ġabet ebda tibdil fil-kontenut tal-Anness VIII, li dejjem kien jammetti l-attivitajiet ta’ finanzjament u l-investimenti tal-Unjoni fuq ċerti attivitajiet ta’ pproċessar;

evalwat b’mod żbaljat il-locus standi tar-rikorrenti fl-ewwel istanza li jippreżentaw ir-rikorsi għal annullament skont l-Artikolu 263(4) u (6) TFUE;

b’mod żbaljat iddeċidiet li d-dispożizzjonijiet ikkontestati ġew adottati bi ksur tar-Regolament dwar l-OKS Unika, billi b’mod żbaljat assumiet li l-imsemmi regolament eskluda mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-finanzjament Ewropew l-attivitajiet kollha mwettqa mill-organizzazzjonijiet tal-produtturi ħlief il-produzzjoni ta’ prodotti friski (kemm jekk għall-konsum jew maħsuba għall-ipproċessar);

applikat b’mod żbaljat il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, billi fixklitu mal-prinċipju ta’ kompetizzjoni mhux distorta bejn atturi ugwali fis-suq, u nsiet li s-settur agrikolu huwa suġġett għar-regoli proprji tiegħu fil-qafas tal-Politika Agrikola Komuni;

sa fejn l-effetti tal-annullament huma kkonċernati, applikat b’mod żbaljat l-Artikolu 264 (2) TFUE billi għamlet distinzjoni bejn it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 52(2)a tar-Regolament Nru 1580/2007 ta’ qabel u l-Artikolu 50(3) tar-Regolament Nru 543/2011, minn naħa, u l-Artikolu 60(7) tar-Regolament Nru 543/2011, min-naħa l-oħra, kif ukoll billi tat sentenza li huwa impossibbli li tiġi eżegwita, skont l-Artikolu 60(7) tar-Regolament Nru 543/2011.


(1)  543/2011/UE: Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 543/2011 tas-7 ta’ Ġunju 2011, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 għas-setturi tal-frott u l-ħaxix u tal-frott u l-ħaxix ipproċessat (ĠU L 157, p. 1).

(2)  Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1580/2007, tal- 21 ta’ Diċembru 2007, li jistabbilixxi regoli ta’ implimentazzjoni tar-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2200/96, (KE) Nru 2201/96 u (KE) Nru 1182/2007 fis-settur tal-frott u ħxejjex (ĠU L 350, p. 1).