26.10.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 313/12


Appell ippreżentat fit-12 ta’ Awwissu 2013 minn Donaldson Filtration Deutschland GmbH mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) fit-30 ta’ Mejju 2013 fil-Kawża T-396/11 — ultra air GmbH vs L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)

(Kawża C-450/13 P)

2013/C 313/21

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Appellanti: Donaldson Filtration Deutschland GmbH (rappreżentanti: N. Siebertz, M. Teworte-Vey, A. Renvert, avukati)

Partijiet oħra fil-proċedura: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni), ultra air GmbH

Talbiet tal-appellanti

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) tat-30 ta’ Mejju 2013 fil-Kawża T-396/11 u għaldaqstant tiċħad ir-rikors ippreżentat minn ultra air GmbH kontra d-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern, tat-18 ta’ Mejju 2011 (Każ R 374/2010-4);

tikkundanna lil ultra air GmbH għall-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appell mill-imsemmija sentenza tal-Qorti Ġenerali huwa essenzjalment ibbażat fuq l-aggravji li ġejjin:

(1)

Nuqqas ta’ evalwazzjoni tal-eċċezzjoni ta’ abbuż ta’ dritt bħala prinċipju legali ġenerali

Skont l-appellanti, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi, kuntrarjament għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li quddiemha ġie ppreżentat dan l-appell, ma ħaditx inkunsiderazzjoni fis-sentenza appellata li l-prinċipju legali ġenerali ta’ abbuż ta’ dritt, li jippermetti u jeżiġi li ssir evalwazzjoni tal-fatti tal-każ inkwistjoni, għandu jiġi osservat anki fil-kuntest tad-dritt Komunitarju fil-qasam tat-trade marks. Minflok, il-Qorti Ġenerali llimitat ruħha biss li tiddikjara li l-proċedura skont l-Artikolu 52(1)(a), ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 56(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 (1), hija azzjoni popolari, u li għaldaqstant il-fatti tal-każ inkwistjoni li ġew invokati ma għandhomx jiġu evalwati.

B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li, minkejja li l-leġiżlatur ikkonċepixxa l-proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità skont l-Artikolu 56(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 bħala proċedimenti li jistgħu jitressqu minn kulħadd, dan madankollu ma jipprekludix it-teħid inkunsiderazzjoni tal-eċċezzjoni ta’ abbuż ta’ dritt bħala prinċipju legali ġenerali, li għandu jiġi osservat anki fil-kuntest tad-dritt Komunitarju.

Fil-fatt, l-esklużjoni tat-talbiet ivvizzjati minn abbuż ta’ dritt ma hijiex paragunabbli mal-introduzzjoni tar-rekwiżit tal-prova tal-eżistenza ta’ interess ġuridiku min-naħa tal-parti li tressaq talba u, għaldaqstant, lanqas ma twassal għal limitazzjoni tad-dritt li titressaq talba permezz tal-introduzzjoni ta’ rekwiżiti addizzjonali partikolari. Barra minn hekk, jimmilita favur ir-rilevanza tal-eċċezzjoni ta’ abbuż ta’ dritt fil-kuntest tal-Artikolu 56(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 il-fatt li l-leġiżlatur ikkonċepixxa l-proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bħala proċedimenti li jinbdew fuq inizjattiva ta’ parti u li dikjarazzjoni ta’ invalidità ex officio ta’ trade mark irreġistrata hija assolutament impossibbli.

(2)

Nuqqas ta’ evalwazzjoni tal-fatti konkreti tal-każ inkwistjoni

Billi l-Qorti Ġenerali ċaħħdet lill-appellanti mit-teħid inkunsiderazzjoni tal-eċċezzjoni ta’ abbuż ta’ dritt bħala prinċipju legali ġenerali, ma ġewx evalwati l-fatti partikolari tal-każ inkwistjoni, liema fatti kienu jiżvelaw li t-tressiq tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tat-trade mark “ultrafilter international”, CTM 001121839, min-naħa ta’ ultra air GmbH kienet ivvizzjata minn abbuż ta’ dritt.

Fil-fatt, permezz tal-użu tagħha stess tas-sinjal inkwistjoni, ir-rikorrenti quddiem il-Qorti Ġenerali tixtieq tistrumentalizza għall-benefiċċju tagħha r-reputazzjoni tat-trade mark ikkontestata minnha, billi tqarraq xjentement bil-pubbliku rilevanti, u tixtieq toħloq l-impressjoni żbaljata li din it-trade mark tagħmel parti mit-tradizzjoni tal-predeċessura magħrufa tal-appellanti.

Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ma evalwatx b’mod suffiċjenti r-rwol tal-amministratur ta’ ultra air GmbH bħala l-parti li ressqet it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tat-trade mark “ultrafilter international”, CTM 001121839, li matul il-funzjonijiet tiegħu mal-appellanti kien personalment u esklużivament responsabbli għar-reġistrazzjoni tat-trade mark li issa qiegħed jikkontesta. Id-dokumenti kollha prodotti fil-proċedimenti għar-registrazzjoni sabiex tiġi pprovata l-kisba tal-karattru distintiv tat-trade mark ikkontestata ġew ippreżentati minnu stess u inparti saħansitra nħarġu minnu u kienu jinsabu għad-dispożizzjoni esklużiva tiegħu.


(1)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (verżjoni kodifikata) (ĠU L 78, p. 1).