19.10.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 304/7


Appell ippreżentat fis-6 ta’ Awissu 2013 minn Riccardo Nencini mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) fl-4 ta’ Ġunju 2013, fil-Kawża T-431/10, Necini vs Il-Parlament Ewropew

(Kawża C-447/13 P)

2013/C 304/13

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Appellant: Riccardo Nencini (rappreżentant: M. Chiti, avukat)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Parlament Ewropew

Talbiet tal-appellant

tannulla, wara li tikkonstata, jekk dan ikun neċessarju, l-illegalità/invalidità tal-Artikolu 85b tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2342/2002 (1), tat-23 ta’ Diċembru 2002, u tal-Artikolu 73a tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (2), tal-25 ta’ Ġunju 2002, is-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea fl-4 ta’ Ġunju 2013 fil-Kawżi magħquda T-431/10 u T-560/10, Nencini vs Il-Parlament Ewropew, u tiddeċiedi, filwaqt li tirriforma l-isemmija sentenza, billi tilqa’ t-talbiet li tqajmu quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, li l-atti kkontestati fl-ewwel istanza huma illegali;

sussidjarjament, fil-każ ikkontestat li l-kundanna ta’ Nencini għall-ħlas lura tal-ammonti inkwistjoni tiġi kkonfermata, tiddetermina mil-ġdid — wara l-annullament jew ir-riforma tas-sentenza appellata — b’mod ekwu l-ammonti inkwistjoni, jew li tibgħat lura l-proċess lis-Segretarjat Ġenerali tal-Parlament għal determinazzjoni ġdida ekwa tal-ammont inkwistjoni.

tannulla s-sentenza fil-parti relatata mal-ispejjeż u, konsegwentement, tirriformaha billi tikkundanna lill-Parlament għall-ispejjeż marbuta mal-Kawża T-431/10 u billi tikkundanna lill-Parlament jew tordna l-kumpens għall-ispejjeż marbuta mal-Kawża T-560/10;

fi kwalunkwe każ, tikkundanna lill-Parlament Ewropew għall-ispejjeż marbuta mal-proċedura tal-appell.

Aggravji u argumenti prinċipali

Fl-ewwel lok, l-appellant jinvoka ksur tar-regoli ta’ preskrizzjoni u tal-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ effettività u ta’ raġonevolezza. Il-Qorti Ġenerali ċaħdet it-talbiet tal-appellant billi kkunsidrat li t-termini ta’ preskrizzjoni jibdew jiddekorru min-notifika tad-deċiżjoni ta’ rkupru u ta’ debitu, jiġifieri mhux inqas minn ħdax-il sena wara l-waqfien mill-funzjonijiet parlamentari ta’ R. Nencini.

Fit-tieni lok, l-appellant jinvoka żball ta’ liġi fir-rigward tal-ksur tal-prinċipji ta’ kontradittorju u ta’ effettività tal-protezzjoni peress li l-elementi insostenn tad-deċiżjoni kienu parzjalment differenti minn dawk li kienu ġew ikkontestati.

Fit-tielet lok, qiegħda tiġi invokata l-applikazzjoni żbaljata tar-Regolamenti dwar l-ispejjeż u l-allowances tal-membri tal-Parlament (ir-“regolamenti IAD”) kemm fir-rigward tal-ammonti kkontestati abbażi tar-rimbors tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar kif ukoll fir-rigward tal-ammonti kkontestati abbażi ta’ allowances tas-segretarjat. B’mod partikolari, qiegħed jiġi sostnut, minn naħa, li l-kunċett ta’ “domiċilju” ġie interpretat b’mod skorrett, peress li dan tal-aħħar ma jistax jiġi interpretat bħala li jikkoinċidi mal-kunċett ta’ “residenza” formali; u, min-naħa l-oħra, li l-abbuż huwa ineżistenti minn diversi perspettivi, u li huwa kontradittorju li tiġi kkunsidrata bħala sempliċi “irregolarità formali” l-assenza ta’ indikazzjoni ta’ ismijiet tal-benefiċċjarji kollha tal-allowance ta’ assistenza tas-segretarjat, iżda li din tiġi kkunsidrata bħala mhux sanzjonabbli fid-dawl tan-natura konfuża tar-regolamenti li kienu jeżistu f’dak il-mument.

Fir-raba’ lok, l-appell huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità fid-determinazzjoni tal-ammont suġġett għall-irkupru. Il-kundanna għall-ħlas tal-ammont kollu miġbur tkun assurda.

Fl-aħħar, l-appellant jikkritika l-iżball imwettaq fid-determinazzjoni tal-ispejjeż imposti fuq Nencini. L-ispejjeż sostnuti għall-kontestazzjoni tal-ewwel deċiżjoni, li sussegwentement ġiet irrinunzjata, huma dovuti għal aġir żbaljat tal-kontroparti li barra minn hekk wettqet dik l-irregolarità billi pproċediet — wara n-notifika tal-ewwel rikors — bis-sostituzzjoni tad-deċiżjoni b’oħra bil-lingwa Taljana.


(1)  Regolament tal-Kummissjoni (KE, EURATOM) Nru 2342/2002, tat-23 ta’ Diċembru 2002, li jippreskrivi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 fuq ir-Regolamenti Finanzjaru li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 145).

(2)  Regolament tal-Kunsill (KE, EURATOM) Nru 1605/25, tal-25 ta’ Gunju 2002, rigward ir-Regolament Finanazjarju applikabbli ghall-bagit generali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 74).