9.11.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 325/13


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (il-Pajjiżi l-Baxxi) fit-2 ta’ Awwissu 2013 — Unitrading vs Staatssecretaris van Financiën

(Kawża C-437/13)

2013/C 325/21

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Qorti tar-rinviju

Hoge Raad der Nederlanden

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Unitrading Ltd

Konvenut: Staatssecretaris van Financiën

Domandi preliminari

(1)

Jekk jingħad li l-awtoritajiet doganali jixtiequ, fil-kuntest tal-prova tal-oriġini ta’ merkanzija importata, jibbażaw ruħhom fuq ir-riżultati ta’ eżamijiet imwettqa minn terz, li dwarhom dan it-terz jirrifjuta li jipprovdi informazzjoni addizzjonali, sew lill-awtoritajiet doganali jew dak li jagħmel id-dikjarazzjoni, b’tali mod li tiġi ostakolata jew li jkun impossibbli li tiġi vverifikata jew miċħuda l-eżattezza tal-konklużjonijiet użati, kif ukoll b’mod li l-qorti tiġi ostakolata fl-evalwazzjoni li hija għandha twettaq tar-riżultati tal-eżamijiet, id-drittijiet stabbiliti fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (1) jimplikaw li l-qorti ma tistax tieħu inkunsiderazzjoni l-imsemmija riżultati? Huwa rilevanti, għall-eżami ta’ din id-domanda, li t-terz inkwistjoni jkun ċaħħad lill-awtoritajiet doganali u lill-persuna kkonċernata mill-informazzjoni inkwistjoni għar-raġuni, li huwa ma ssostanzjax, li din l-informazzjoni hija sensittiva fir-rigward tal-eżekuzzjoni tal-liġijiet (law enforcement sensitive)?

(2)

Jekk jingħad li l-awtoritajiet doganali ma jistgħux jagħtu informazzjoni addizzjonali rigward l-eżamijiet li saru u li fuqhom hija bbażata l-konklużjoni tagħhom li l-merkanzija inkwistjoni ġejja minn pajjiż speċifiku — konklużjoni li kienet is-suġġett ta’ kontestazzjoni mmotivata —, id-drittijiet stabbiliti fl-Artikolu 47 tal-Karta jimplikaw li l-awtoritajiet doganali — sa fejn huwa raġjonevoli li huma jintalbu jagħmlu dan — għandhom jikkooperaw fil-kuntest tat-talba tal-persuna kkonċernata sabiex jiġi ordnat li jsiru, bi spejjeż tagħha, eżamijiet u/jew ġbir ta’ kampjuni fil-pajjiż iddikjarat minnha bħala l-pajjiż ta’ oriġini?

(3)

Huwa rilevanti, għall-eżami tal-ewwel u tat-tieni domanda, li wara n-notifika tad-dazji doganali dovuti, parti mill-kampjuni tal-merkanzija nżammu tul ċertu żmien, kampjuni li l-persuna kkonċernata setgħet tuża għall-finijiet ta’ verifiki permezz ta’ laboratorju ieħor, anki jekk ir-riżultat ta’ tali verifiki bl-ebda mod ma jbiddel il-fatt li l-konstatazzjonijiet tal-laboratorju kkonsultat mill-awtoritajiet doganali ma jistgħux jiġu vverifikati, b’tali mod li, f’tali każ ukoll, ikun impossibbli għall-qorti — fil-każ li l-labortorju l-ieħor jikkonkludi li l-oriġini hija l-istess bħal dik iddikjarata mill-persuna kkonċernata — li tagħmel paragun bejn il-konklużjonijiet taż-żewġ laboratorji fuq il-livell tal-affidabbiltà tagħhom? Jekk ir-risposta tkun fl-affermattiv, l-awtoritajiet doganali għandhom jinformaw lill-persuna kkonċernata bl-eżistenza ta’ porzjonijiet ta’ kampjuni ta’ merkanzija miżmuma u bil-fatt li hija tista’ titlobhom għall-finijiet tal-imsemmija verifiki?


(1)  ĠU 2000, C 364, p. 1.