21.9.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 274/12


Appell ippreżentat fit-12 ta’ Lulju 2013 minn Inuit Tapiriit Kanatami et mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) fil-25 ta’ April 2013 fil-Kawża T-526/10, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Kummissjoni Ewropea, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew

(Kawża C-398/13 P)

2013/C 274/20

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellanti: Inuit Tapiriit Kanatami, Nattivak Hunters and Trappers Association, Pangnirtung Hunters’ and Trappers’ Association, Jaypootie Moesesie, Allen Kooneeliusie, Toomasie Newkingnak, David Kuptana, Karliin Aariak, Canadian Seal Marketing Group, Ta Ma Su Seal Products, Inc., Fur Institute of Canada, NuTan Furs, Inc., GC Rieber Skinn AS, Inuit Circumpolar Council, Johannes Egede, Kalaallit Nunaanni Aalisartut Piniartullu Kattuffiat (KNAPK), William E. Scott & Son, l-Association des chasseurs de phoques des Îles-de-la-Madeleine, Hatem Yavuz Deri Sanayi iç Ve Diș Ticaret Ltd Șirketi, Northeast Coast Sealers’ Co-Operative Society, Ltd (rappreżentanti: H. Viaene, avukat, J. Bouckaert, avukat)

Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew

Talbiet tal-appellanti

tannulla s-sentenza taħt appell tal-Qorti Ġenerali, tiddikjara r-Regolament Nru 1007/2009 (1) illegali u mhux applikabbli skont l-Artikolu 277 TFUE u tannulla r-Regolament Nru 737/2010 (2) skont l-Artikolu 263 TFUE, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li huma preżenti l-elementi kollha meħtieġa biex jiġi deċiż dwar is-sustanza tal-azzjoni għal annullament tar-regolament ikkontestat;

sussidjarament, tannulla s-sentenza taħt appell u tirreferi l-kawża lura lill-Qorti Ġenerali;

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż tal-appellanti.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-Appell huwa bbażat fuq żewġ aggravji prinċipali, jiġifieri l-konvinzjoni li: 1) Il-Qorti Ġenerali żbaljat fid-dritt fl-applikazzjoni tal-Artikolu 95 tat-Trattat KE, u 2) Il-Qorti Ġenerali żbaljat fid-dritt fl-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-prinċipji tad-drittijiet fundamentali.

Fl-ewwel aggravju, l-appellanti jallegaw li l-Qorti Ġenerali żbaljat fid-dritt billi ma evalwatx jekk ir-rekwiżiti biex tirrikorri għall-Artikolu 95 KE bħala bażi legali kienu sodisfatti fiż-żmien rilevanti. L-appellanti juru li huwa fiż-żmien tal-proposta tal-Kummissjoni li r-rekwiżiti biex isir rikors għall-Artikolu 95 KE bħala bażi legali għandhom jintlaqgħu. L-appellanti jikkunsidraw ukoll li ma hemmx rimedju għan-nuqqas ta’ osservanza tar-rekwiżiti biex jirrikorru għall-Artikolu 95 KE bħala bażi legali fl-istadju tal-istħarriġ ġudizzjarju. L-appellanti huma tal-opinjoni wkoll li l-Qorti Ġenerali żbaljat fid-dritt billi applikat il-kriterju żbaljat meta evalwat jekk id-differenzi eżistenti bejn id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jirregolaw il-kummerċ fil-prodotti tal-foki kienu tali li jiġġustifikaw l-intervent tal-leġiżlatura tal-Unjoni abbażi tal-Artikolu 95 KE. Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali applikat limitu bbażat fuq il-kriterju tan-natura mhux negliġibbli tal-kummerċ fil-prodotti kkonċernati bejn l-Istati Membri. Madankollu, in-natura mhux negliġibbli tal-kummerċ f’prodott partikolari huwa ftit differenti min-natura “relattivament mdaqqsa” ta’ dak il-kummerċ jiġifieri, il-kriterju applikat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-każistika rilevanti tagħha.

Fit-tieni aggravju, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali żbaljat fid-dritt billi rriferiet għad-dispożizzjonijiet tal-Karta biss. L-appellanti jikkunsidraw li s-sempliċi fatt li l-protezzjoni mogħtija mill-artikoli tal-KEDB li bbażaw fuqhom l-appellanti hija implementata fid-dritt tal-Unjoni permezz tal-Artikoli 17, 7, 10 u 11 rispettivament tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ma jneħħix l-obbligu tal-Qorti Ġenerali li tieħu inkunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet tal-KEDB bħala prinċipji ġenerali tad-dritt. L-appellanti jsostnu wkoll li l-Qorti Ġenerali żbaljat fid-dritt billi eskludiet l-interessi kummerċjali mill-portata tad-dritt għal proprjetà, billi kkonkludiet li “id-dritt għall-proprjetà ma tistax tiġi estiża biex tipproteġi biss interessi kummerċjali” u billi ċaħħdet lill-appellanti mill-garanziji mniżżlin fl-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru. 1 għall-KEDB. L-appellanti jallegaw ukoll li l-Qorti Ġenerali żbaljat fid-dritt billi ma eżaminatx ir-Regolament Bażiku fid-dawl tal-Artikolu 19 tad-Dikjarazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni. Peress li l-Unjoni għandha tosserva d-dritt internazzjonali fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħha u li r-Regolament Bażiku għalhekk għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-Artikolu 19 tal-UNDRIP, il-Qorti Ġenerali kienet obbligata li teżamina jekk l-istituzzjonijiet tal-UE kienux kisbu l-kunsens liberu, minn qabel u infurmat tal-appellanti qabel ma adottaw ir-Regolament Bażiku.


(1)  Regolament (KE) Nru 1007/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 dwar il-kummerċ tal-prodotti mill-foki (ĠU L 286, p. 36)

(2)  Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 737/2010 tal-10 ta’ Awwissu 2010 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1007/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kummerċ tal-prodotti mill-foki (ĠU L 216, p. 1)