21.9.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 274/10


Rikors ippreżentat fit-12 ta’ Lulju 2013 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Renju tal-Belġju

(Kawża C-395/13)

2013/C 274/18

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: O. Beynet u E. Manhaeve, aġenti)

Konvenut: Ir-Renju tal-Belġju

Talbiet tar-rikorrenti

tikkonstata li, billi ma żgurax il-ġbir u t-trattament tal-ilma urban mormi ta’ 57 agglomerazzjoni li għandhom ekwivalenti ta’ popolazzjoni ta’ bejn 2 000 u 10 000, ir-Renju tal-Belġju naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva tal-Kunsill 91/271/KEE, tal-21 ta’ Mejju 1991, dwar it-trattament tal-ilma urban mormi (1);

tikkundanna lir-Renju tal-Belġju għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tallega li r-Renju tal-Belġju ma eżegwiex b’mod korrett, f’sebgħa u ħamsin agglomerazzjoni, id-Direttiva tal-Kunsill 91/271/KEE, tal-21 ta’ Mejju 1991, dwar it-trattament tal-ilma urban mormi.

Skont l-Artikolu 3(1) u l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 91/271/KEE, f’agglomerazzjonijiet b’ekwivalenti ta’ popolazzjoni ekwivalenti (e.p.) ta’ bejn 2 000 u 10 000 kellhom ikunu pprovduti b’sistemi ta’ ġbir sa mhux iktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2005.

F’dak li jirrigwarda l-obbligi ta’ trattament tal-ilma urban mormi, l-Artikolu 4(1) tad-direttiva timponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jiżguraw li l-ilma mormi li jidħol fis-sistemi ta’ ġbir għandu jkun suġġett għal trattament sekondarju jew trattament ekwivalenti qabel ma jiġi skarikat.

Fl-aħħar nett, il-proċeduri ta’ kontroll stabbiliti fil-punt D tal-Anness I tad-direttiva jippermettu li jiġi vverifikat jekk l-iskariki tal-impjanti ta’ trattament tal-ilma urban mormi humiex konformi mad-dispożizzjonijiet tad-direttiva fil-qasam tal-iskariku ta’ ilma mormi.


(1)  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 26.