21.9.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 274/6


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Handelsgericht Wien (l-Awstrija) fit-3 ta’ Lulju 2013 — Harald Kolassa vs Barclays Bank PLC

(Kawża C-375/13)

2013/C 274/12

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Handelsgericht Wien

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Harald Kolassa

Konvenut: Barclays Bank PLC

Domandi preliminari

A.

L-Artikolu 15(1) tar-Regolament (KE) Nru 44/2001  (1) (iktar ’il quddiem, ir-“Regolament Brussell I”):

(1)

L-espressjoni “F’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ kuntratt konkluż minn xi persuna, il-konsumatur, għal skop li jista’ jkun meqjus ‘l hinn minn negozju jew professjoni tiegħu”, li tinsab fl-Artikolu 15(1) tar-Regolament Brussell I, għandha tiġi interpretata fis-sens li

1.1)

rikorrent li, inkwantu konsumatur, ikun akkwista bond anonimu fis-suq sekondarju u li issa jinvoka drittijiet kontra l-persuna li ħarġet il-bond abbażi tal-kundizzjonijiet tas-self, għall-ksur tal-obbligi ta’ informazzjoni u ta’ kontroll u tar-responsabbiltà li daħlet għaliha l-persuna li ħarġet il-bond skont il-prospett jista’ jinvoka l-ġurisdizzjoni prevista minn din id-dispożizzjoni, meta, bix-xiri tat-titolu minn terz, huwa ssurroga ruħu għall-persuna li ssottoskriviet ruħha inizjalment għas-self fil-kuntest tal-kuntratt konkluż mal-persuna li ħarġet il-bond?

1.2)

(fil-każ ta’ risposta affermattiva għad-domanda 1.1) ir-rikorrent jista’ wkoll jinvoka l-ġurisdizzjoni prevista fl-Artikolu 15 tar-Regolament Brussell I meta t-terz li mingħandu akkwista l-bond huwa nnifsu akkwistaha għal użu li jista’ jitqies li jaqa’ taħt l-attività professjonali tiegħu, jiġifieri meta r-rikorrent ikun akkwista l-bond mingħand persuna li ma hijiex il-konsumatur?

1.3)

(fil-każ ta’ risposta affermattiva għad-domandi 1.1 u 1.2) ir-rikorrent jista’ wkoll jinvoka l-ġurisdizzjoni prevista fl-Artikolu 15 tar-Regolament Brussell I meta d-detentur tal-bond ma huwiex ir-rikorrent innifsu, iżda t-terz inkarigat li jikseb it-titolu għar-rikorrent, peress li, skont il-modalitajiet miftiehma, dan it-terz, li ma huwiex huwa nnifsu konsumatur, iżomm it-titolu f’ismu u għan-nom tar-rikorrent, u dan tal-aħħar jista’ biss jitlob il-kunsinna tiegħu skont id-dritt kuntrattwali?

(2)

(fil-każ ta’ risposta affermattiva għad-domanda 1.1) il-qorti mitluba tiddeċiedi fil-qasam kuntrattwali fuq id-drittijiet ibbażati fuq l-akkwist ta’ self tista’ titqies li għandha ġurisdizzjoni anċillari, skont l-Artikolu 15(1), tar-Regolament Brussell I, sabiex tiddeċiedi f’materja delittwali fuq dan l-istess akkwist?

B.

L-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament Brussell I:

(1)

L-espressjoni “f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt” li tinsab fl-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament Brussell I għandha tiġi interpretata fis-sens li

1.1)

rikorrent li, inkwantu konsumatur, akkwista bond anonimu fis-suq sekondarju u li issa jinvoka drittijiet kontra l-persuna li ħarġet il-bond abbażi tal-kundizzjonijiet tas-self, għall-ksur tal-obbligi ta’ informazzjoni u ta’ kontroll u tar-responsabbiltà li daħlet għaliha l-persuna li ħarġet il-bond skont il-prospett jista’ jinvoka l-ġurisdizzjoni prevista minn din id-dispożizzjoni, meta, bix-xiri tat-titolu minn terz, huwa ssurroga ruħu għall-persuna li ssottoskriviet ruħha inizjalment għas-self fil-kuntest tal-kuntratt konkluż mal-persuna li ħarġet il-bond?

1.2)

(fil-każ ta’ risposta affermattiva għad-domanda 1.1) ir-rikorrent jista’ wkoll jinvoka l-ġurisdizzjoni prevista fl-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament Brussell I meta d-detentur tal-bond ma huwiex ir-rikorrent innifsu, iżda t-terz inkarigat li jikseb it-titolu għar-rikorrent, peress li, skont il-modalitajiet miftiehma, dan it-terz iżomm it-titolu f’ismu u għan-nom tar-rikorrent, u dan tal-aħħar jista’ biss jitlob il-kunsinna tiegħu skont id-dritt tal-obbligi?

(2)

(fil-każ ta’ risposta affermattiva għad-domanda 1.1) il-qorti mitluba tiddeċiedi fil-qasam kuntrattwali fuq id-drittijiet ibbażati fuq l-akkwist ta’ self għandha wkoll ġurisdizzjoni anċillari, skont l-Artikolu 15(1)(a) tar-Regolament Brussell I, sabiex tiddeċiedi f’materja delittwali?

C.

L-Artikolu 5(3) tar-Regolament Brussell I:

(1)

Fil-kuntest tal-ħruġ ta’ bond anonimu, id-drittijiet ibbażati fuq ir-responsabbiltà li daħlet għaliha l-persuna li ħarġet il-bond skont il-prospett kif ukoll fuq il-ksur tal-obbligi ta’ protezzjoni u ta’ informazzjoni jistgħu jitqiesu bħala drittijiet f’materja delittwali jew ta’ kważi-delittwali fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Brussell I?

1.1)

(fil-każ ta’ risposta affermattiva għad-domanda 1), dan jgħodd ukoll meta persuna li ma hijiex hija nfisha d-detentur tal-bond, iżda li għandha biss dritt għal ħlas lura kontra l-persuna li żżomm it-titolu f’isimha tinvoka tali drittijiet kontra l-persuna li tkun ħarġet il-bond?

(2)

L-espressjoni “post fejn l-effett tal-ħsara jkun twettaq jew jista’ jitwettaq” li tinsab fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament Brussell I għandha tiġi interpretata fis-sens li, fil-każ li titolu ġie akkwistat abbażi ta’ informazzjoni żbaljata intenzjonalment,

2.1)

il-post tal-effett tal-ħsara jistqies li jinsab fid-domiċilju tal-vittma inkwantu ċ-ċentru tal-patrimonju tagħha?

2.2)

(fil-każ ta’ risposta affermattiva għad-domanda 2.1) Dan jgħodd ukoll meta l-ordni tax-xiri u l-ħlas tal-valur jistgħu jiġu rrevokati sat-twettiq tat-tranżazzjoni u meta l-imsemmija tranżazzjoni twettqet fi Stat Membru ieħor ċertu żmien wara li sar il-ħlas mill-kont tal-vittma?

D.

Verifika tal-ġurisdizzjoni, fatti rilevanti b’mod doppju

(1)

Fil-kuntest tal-verifika tal-ġurisdizzjoni skont l-Artikoli 25 u 26 tar-Regolament Brussell I, il-qorti adita għandha tipproċedi bil-produzzjoni dettaljata tal-prova f’dak li jirrigwarda l-fatti inkwistjoni li huma kemm rilevanti għall-kwistjoni tal-ġurisdizzjoni kif ukoll għall-eżistenza tad-dritt invokat (“fatti rilevanti b’mod doppju”) jew inkella tista’ tqis, għall-finijiet tad-deċiżjoni fuq il-ġurisdizzjoni, li l-allegazzjonijiet tal-parti rikorrenti huma korretti?


(1)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42).