7.9.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 260/27


Rikors ippreżentat fil-25 ta’ Ġunju 2013 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Ellenika

(Kawża C-351/13)

2013/C 260/48

Lingwa tal-kawża: il-Grieg

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: A. Markoulli u B. Schima)

Konvenuta: Ir-Repubblika Ellenika

Talbiet tar-rikorrenti

tiddikjara li, r-Repubblika Ellenika billi ma pprovdietx garanziji li mill-1 ta’ Jannar 2012 it-tiġieġ li jbid ma jibqax jitrabba f’gaġeġ mhux mibdula, hija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha fis-sens tal-Artikolu 3 u tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/74/KE (1), tad-19 ta’ Lulju 1999, li tistabilixxi standards minimi għall-ħarsien ta’ tiġieġ li jbid.

tikkundanna lir-Repubblika Ellenika għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Mill-1 ta’ Jannar 2012, l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 1999/74/KE jipprojbixxi t-trobbija tat-tiġieġ li jbid f’gaġeġ mhux mibdula. Barra minn hekk, l-Artikolu 3 tad-Direttiva 1999/74/KE jipprovdi li l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jiżguraw li s-sidien u d-detenturi ta’ tiġieġ li jbid japplikaw għat-tiġieġ li jbid unikament is-sistemi ta’ trobbija awtorizzati mid-Direttiva.

Il-Kummissjoni ġibdet l-attenzjoni tal-Istati Membri dwar l-obbligi tagħhom sabiex jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva msemmija iktar il fuq mhux iktar tard mill-2011. Mill-elementi pprovduti mir-Repubblika Ellenika jirriżulta li numru sostanzjali ta’ sidien u detenturi ta’ stabbilimenti tat-tiġieġ li jbid ma setgħux jikkonformaw mal-obbligi tagħhom skont id-Direttiva 1999/74/KE sat-terminu previst mid-Direttiva.

Mill-elementi pprovduti mir-Repubblika Ellenika matul il-proċedimenti prekontenzjużi, kif ukoll minn aġġornamenti iktar reċenti ta’ dawn l-elementi, jirriżulta li r-Repubblka Ellenika għadha ma kkonformatx mal-obbligi tagħha skont l-Artikolu 3 u l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 1999/74/KE.


(1)  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 26, p. 225.