10.8.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 233/3


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas (il-Litwanja) fis-7 ta’ Ġunju 2013 — Užsienio reikalų ministerija vs Vladimir Peftiev, BelTechExport ZAO, Sport-pari ZAO, BT Telecommunications PUE

(Kawża C-314/13)

2013/C 233/05

Lingwa tal-kawża: il-Litwan

Qorti tar-rinviju

Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas (Qorti Amministrattiva Suprema tal-Litwanja)

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Užsienio reikalų ministerija (Ministru għall-Affarjiet Barranin)

Konvenuti: Vladimir Peftiev, BelTechExport ZAO, Sport-pari ZAO, BT Telecommunications PUE

Parti oħra fil-proċeduri: Finansinių nusikaltimų tyrimų tarnyba prie Vidaus reikalų ministerijos (Dipartiment għall-Investigazzjoni ta’ Reati Finanzjarji fi ħdan il-Ministeru tal-Intern)

Domandi preliminari

(1)

L-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 765/2006 (1), tat-18 ta’ Mejju 2006, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-awtorità responsabbli mill-applikazzjoni tal-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 3(1)(b) ta’ dan ir-regolament tgawdi minn setgħa diskrezzjonali assoluta sabiex tiddeċiedi dwar l-applikazzjoni ta’ din l-eċċezzjoni?

(2)

Fil-każ li r-risposta għall-ewwel domanda hija fin-negattiv, liema huma l-kriterji li din l-awtorità għandha ssegwi u liema huma l-kriterji li bihom hija hi marbuta meta tiddeċiedi dwar l-applikazzjoni tal-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 765/2006, tat-18 ta’ Mejju 2006?

(3)

L-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 765/2006, tat-18 ta’ Mejju 2006, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-awtorità responsabbli mill-applikazzjoni ta’ din l-eċċezzjoni, meta tipproċedi għall-eżami tat-talba għall-applikazzjoni tal-eċċezzjoni għandha, b’mod partikolari, id-dritt jew l-obbligu li tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li bit-tressiq tat-talba tagħhom ir-rikorrenti jixtiequ jimplementaw id-drittijiet fundamentali tagħhom (f’din il-kawża, id-dritt għal azzjoni ġudizzjarja), minkejja li hija għandha wkoll tiżgura li, jekk l-eċċezzjoni tingħata fil-każ speċifiku, l-għan tas-sanzjoni prevista ma jiġix injorata u li l-eċċezzjoni ma tiġix żnaturata (pereżempju, jekk is-somma intiża għad-difiża legali hija manifestament sproporzjonata meta mqabbla mal-importanza tas-servizzi legali pprovduti)?

(4)

L-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 765/2006, tat-18 ta’ Mejju 2006, għandu jiġi interpretat fis-sens li wieħed mill-motivi li jista’ jiġġustifika li ma tiġix applikata l-eċċezzjoni prevista minn din id-dispożizzjoni jista’ jkun l-illegalità tal-akkwist ta’ fondi li l-użu tagħhom huwa invokat bi ħsieb li tiġi implementata din l-eċċezzjoni?


(1)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 765/2006, tat-18 ta’ Mejju 2006, dwar miżuri restrittivi kontra l-President Lukashenko u ċerti uffiċjali tal-Belarus (ĠU L 352M, 31.12.2008, p. 432)