20.7.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 207/26


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour d’appel de Bruxelles (il-Belġju) fit-8 ta’ Mejju 2013 — Orgacom BVBA vs Vlaamse Landmaatschappij

(Kawża C-254/13)

2013/C 207/41

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Qorti tar-rinviju

Cour d’appel de Bruxelles

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Orgacom BVBA

Konvenut: Vlaamse Landmaatschappij

Domandi preliminari

(1)

L-Artikolu 21(5) tad-digriet tat-23 ta’ Jannar 1991 dwar il-protezzjoni tal-ambjent kontra t-tniġġis dovut għall-fertilizzanti, jipprevedi dazju fuq l-importazzjoni applikabbli biss għall-importazzjonijiet fil-Vlaamse Gewest ta’ eċċessi ta’ demel tal-annimali u ta’ fertilizzanti oħra ta’ provenjenza minn Stati Membri oħra, li dawn il-fertilizzanti jiġu sussegwentement ipproċessati jew li jiġu mifruxa fit-territorju tal-Vlaamse Gewest. Dan id-dazju, li huwa impost fuq l-importatur, filwaqt li t-taxxa fuq l-eċċessi ta’ fertilizzanti prodotti ġewwa t-territorju hija imposta fuq il-prodottur, għandu jiġi kkunsidrat bħala taxxa b’effett ekwivalenti għal dazju doganali fuq l-importazzjoni fis-sens tal-Artikolu 30 TFUE, meta l-Istat Membru ta’ esportazzjoni ta’ dawn l-eċċessi jipprevedi huwa stess tnaqqis tat-taxxi f’każ ta’ esportazzjoni ta’ dawn l-eċċessi lejn Stati Membri oħra?

(2)

[F’każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda:] dan id-dazju fuq l-importazzjoni għandu għalhekk jiġi kkunsidrat bħala imposta diskriminatorja fuq il-prodotti tal-Istati Membri l-oħra, fis-sens tal-Artikolu 110 TFUE, peress illi taxxa bażika, li hija prevista minn leġiżlazzjoni nazzjonali u li t-tariffa tagħha tvarja skont il-proċess ta’ produzzjoni użat, hija imposta fuq id-demel tal-annimali lokali, filwaqt li għall-eċċessi ta’ fertilizzanti importati, indipendentememt mill-proċess ta’ produzzjoni tagħhom (b’mod partikolari l-oriġini minn annimali tagħhom jew il-kontenut tagħhom fi P2O5N), dazju fuq l-importazzjoni huwa impost b’tariffa uniformi li l-ammont tagħha huwa ogħla mit-tariffa l-iktar baxxa tat-taxxa bażika applikabbli għad-demel tal-annimali prodott fil-Vlaamse Gewest, li hija ta’ EUR 0, meta l-Istat Membru ta’ esportazzjoni ta’ dan l-eċċess jipprevedi huwa stess tnaqqis tat-taxxi f’każ ta’ esportazzjoni ta’ dawn l-eċċessi lejn Stati Membri oħra?