15.6.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 171/25


Rikors ippreżentat fis-6 ta’ Mejju 2013 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

(Kawża C-248/13)

2013/C 171/48

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: J. Currall, J.-P. Keppenne u D. Martin, aġenti)

Konvenuta: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

tiddikkjara li billi ma adottax il-proposta tal-Kummissjoni dwar regolament tal-Kunsill li jaġġusta, b’effett mill-1 ta’ Lulju 2012, ir-remunerazzjonijiet u l-pensjonijiet tal-uffiċjali u impjegati oħra tal-Unjoni Ewropea kif ukoll il-koeffiċjenti ta’ korrezzjoni applikabbli għal dawn ir-remunerazzjonijiet u pensjonijiet, il-Kunsill naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt ir-Regolamenti tal-Persunal.

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz ta’ dan ir-rikors, ir-rikorrenti ssostni li l-Kunsill astjena illegalment milli jadotta l-proposta ta’ regolament tal-Kummissjoni li jaġġusta r-remunerazzjonijiet u l-pensjonijiet tal-uffiċjali skont l-Artikolu 3 tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal, minkejja li mill-kliem vinkolanti ta’ dan l-artikolu jirriżulta li l-metodu ta’ aġġustament annwali ta’ dawn ir-remunerazzjonijiet u pensjonijiet huwa proċedura awtomatika li ma tħalli ebda marġni ta’ diskrezzjoni għall-Kunsill. L-imsemmi artikolu fil-fatt jobbliga lil dan tal-aħħar sabiex jadotta l-proposta tal-Kummissjoni qabel il-31 ta’ Diċembru tas-sena kurrenti. Il-Kummissjoni tikkritika lill-Kunsill li sempliċement ikkonstata li ma kienx hemm maġġoranza kwalifikata fi ħdanu sabiex jadotta l-proposta tal-Kummissjoni li tirrigwarda, minn naħa, l-aġġustament tas-salarji, u min-naħa l-oħra, il-koeffiċjenti ta’ korrezzjoni previsti fl-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal. Skont ir-rikorrenti, il-Kunsill fil-fatt applika, mingħajr motivazzjoni, l-Artikolu 10 tal-Anness XI, filwaqt li injora l-prerogattivi tal-Kummissjoni u tal-Parlament. Meta għamel dan, il-Kunsill mhux biss kiser id-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, iżda wkoll, il-prinċipju ta’ bilanċ istituzzjonali, filwaqt li wettaq użu ħażin ta’ poter.