29.6.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 189/4


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Juzgado de lo Social de Barcelona (Spanja) fil-15 ta’ April 2013 — Antonio Márquez Samohano vs Universitat Pompeu Fabra

(Kawża C-190/13)

2013/C 189/08

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Qorti tar-rinviju

Juzgado de lo Social de Barcelona

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Antonio Márquez Samohano

Konvenuta: Universitat Pompeu Fabra

Domandi preliminari

(1)

Il-Klawżola 5 tal-ftehim qafas anness mad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE (1), tat-28 ta’ Ġunju 1999, dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP, għandha tiġi interpretata fis-sens li dispożizzjonijiet legali nazzjonali bħall-Artikoli 48 u 53 tal-Liġi Organika 6/2001, tal-21 ta’ Diċembru 2001, dwar l-universitajiet, li ma tistabbilixxi l-ebda limiti ratione temporis għall-użu ta’ kuntratti ta’ xogħol suċċessivi, u filwaqt li ma teżisti l-ebda miżura ta’ dritt intern li tippermetti li jintużaw b’mod abbużiv kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi għall-għalliema tal-università, jipprekludu l-applikazzjoni tagħha?

(2)

Il-kunċett ta’ “ħaddiem għal terminu fiss [għal żmien determinat]” iddefinit fil-Klawżola 3 tal-ftehim qafas anness mad-Direttiva 1999/70/KE, għandu jiġi interpretat fis-sens li leġiżlazzjoni bħal dik imsemmija fl-Artikolu 1(2) tal-ħmistax-il dispożizzjoni addizzjonali tar-Regolament tal-Ħaddiema, li tipprovdi li l-kuntratt ta’ xogħol tiegħu jista’ jintemm meta l-awtorità kontraenti timla l-post li huwa jkun jokkupa, tipprekludi din id-definizzjoni?

(3)

Peress li d-dritt tal-ħaddiema għal żmien indeterminat, rikonoxxuti bħala tali, li jirċievu kumpens fil-każ ta’ terminazzjoni tal-kuntratt għal raġuni mhux relatata magħhom personalment jikkostitwixxi miżura xierqa fid-dritt nazzjonali sabiex jiġi evitat u sanzjonat l-użu abbużiv ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat fis-settur privat, u peress li ma teżisti l-ebda miżura ekwivalenti fis-settur pubbliku, il-fatt li jiġi rikonoxxut lill-ħaddiema għal żmien indeterminat tas-settur privat li jirċievu l-kumpens legalment previst jikkostitwixxi miżura xierqa fis-sens tal-Klawżola 5 tal-ftehim qafas anness mad-Direttiva 1999/70/KE?


(1)  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 368