20.7.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 207/4


Appell ippreżentat fid-9 ta’ April 2013 minn Marek Marszałkowski mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (l-Ewwel Awla) fl-4 ta’ Frar 2013 fil-Kawża T-159/11, Marszałkowski vs L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) — Mar-Ko Fleischwaren GmbH & Co. KG

(Kawża C-177/13 P P)

2013/C 207/06

Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

Partijiet

Appellant: Marek Marszałkowski (rappreżentant: C. Sadkowski, radca prawny)

Partijiet oħra fil-proċedura: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni), Mar-Ko Fleischwaren GmbH & Co. KG

Talbiet tal-appellant

tannulla fl-intier tagħha s-sentenza appellata tal-Qorti Ġenerali, tikkonferma l-invalidità tad-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) tal-11 ta’ Jannar 2011 (Każ R 760/2010-4), tordna lill-UASI sabiex jipproċedi bir-reġistrazzjoni tat-trade mark “Marko Walichnowy” li għaliha saret l-applikazzjoni f’isem l-appellant sa fejn tikkonċerna l-prodotti msemmija fl-appell, u tordna lill-parti l-oħra fil-proċeduri sabiex tħallas l-ispejjeż ta dawn il-proċeduri u l-ispejjeż tal-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali;

Sussidjarjament, tannula fl-intier tagħha s-sentenza appellata tal-Qorti tal-Ġustizzja u tirrinvija l-kawża quddiem din il-qorti għal deċiżjoni mill-ġdid, skont it-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appellant isostni li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 u l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha.

Fir-rigward tal-ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, l-appellant isostni li l-Qorti Ġenerali:

wettqet ksur ta’ liġi li naqset milli teżamina korrettament jekk il-prodotti koperti mill-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade marks inkwistjoni kinux simili;

wettqet ksur ta’ liġi meta applikat b’mod żbaljat l-Artikolu 8(1)(b) meta kkonkludiet li t-trade marks inkwistjoni kienu simili;

wettqet ksur ta’ liġi meta kkonkludiet li l-element verbali MARKO kien l-element dominanti tas-sinjal “Walichnowy Marko”;

wettqet ksur ta’ liġi li naqset milli tiddefinixxi l-pubbliku rilevanti li fir-rigward tiegħu kien hemm probabblità ta’ konfużjoni, u li indikat li din il-probabbiltà ta’ konfużjoni kienet teżisti f’moħħ il-konsumatur medju Pollakk;

wettqet ksur ta’ liġi li naqset milli tikkunsidra r-reputazzjoni tat-trade mark “Walichnowy Marko” u li naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li hija kienet tgawdi prijorità fit-territorju Pollakk sa mill-bidu tal-1995.

wettqet żball ta’ liġi li naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-livell ta’ attenzjoni li l-konsumatur medju għandu għall-prodotti li t-trade marks inkwistjoni huma marbuta magħhom u li naqset milli tikkunsidra jekk dan il-livell ta’ attenzjoni setax inaqqas il-probabbiltà ta’ konfużjoni.

Fir-rigward tal-ksur tal-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, l-appellant isostni li, fil-paragrafu 26 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali żbaljat meta naqset milli tirrileva li kien biss fl-istadju tas-seduta li dan l-appellant iddikjara li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kienet ġiet irreġistra fil-Polanja sa mill-1995