20.7.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 207/2


Appell ippreżentat fit-22 ta’ Marzu 2013 minn Ghezzo Giovanni & C. Snc di Ghezzo Maurizio & C. mid-digriet mogħti mill-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) fit-22 ta’ Jannar 2013 fil-Kawża T-218/00, Cooperativa Mare Azzurro Socialpesca Soc. coop. arl, li kienet Cooperativa Mare Azzurro Soc. coop. rl, Cooperativa vongolari Sottomarina Lido Soc. coop. rl, vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża C-145/13 P)

2013/C 207/02

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Appellanti: Ghezzo Giovanni & C. Snc di Ghezzo Maurizio & C. (rappreżentanti: R. Volpe u C. Montagner, avukati)

Partijiet oħra fil-proċeduri: Cooperativa Mare Azzurro Socialpesca Soc. coop. r.l., li kienet Cooperativa Mare Azzurro Soc. coop. r.l., Cooperativa vongolari Sottomarina Lido Soc. coop. r.l., Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tal-appellanti

tilqa’ l-appell preżenti;

konsegwentement, tannulla d-digriet tal-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla), tat-23 ta’ Jannar 2013, innotifikat fl-24 ta’ Jannar 2013, u tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/394/KE tal-25 ta’ Novembru 1999;

sussidjarjament, tannulla l-Artikolu 5 tal-imsemmija deċiżjoni sa fejn timponi obbligu ta’ rkupru tal-ammont ta’ tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet ta’ sigurtà soċjali inkwistjoni u sa fejn tipprovdi li għandhom jiżdiedu l-interessi ma’ dan l-ammont għall-perijodu inkwistjoni;

tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż tal-proċeduri fl-ewwel istanza u tal-proċeduri fl-appell.

Aggravji u argumenti prinċipali

Permezz tad-digriet tagħha tat-23 ta’ Jannar 2013 (iktar ’il quddiem id-“digriet appellat”), il-Qorti Ġenerali ddikjarat li r-rikors ippreżentat minn Ghezzo Giovanni & C. Snc għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/394/KE dwar tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali kien parzjalment manifestament inammissibbli u parzjalment manifestament infondat fid-dritt.

L-ewwel aggravju jallega li ebda dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet ma ġiet ipprovduta sabiex ir-rikors jitqies inammissibbli quddiem il-Qorti Ġenerali, għalhekk, il-punt 58 tad-digriet appellat jikser il-prinċipju ġenerali ta’ obbligu ta’ motivazzjoni tal-miżuri adottati, u b’mod iktar speċifiku, jikser l-Artikolu 81 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

It-tieni aggravju jallega li ma kienx hemm interpretazzjoni sħiħa u xierqa tal-Artikolu 87(1) KE [li issa sar l-Artikolu 107(1) TFUE].

Huwa allegat ukoll li hemm ksur tal-Artikolu 87(1) KE inkwantu kien hemm ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni, peress li 22 kumpannija ġew iddikjarati eżenti mill-irkupru tal-għajnuna mogħtija lilhom peress li pprovdew raġunijiet komprensivi għal dan l-għoti, filwaqt li l-appellanti tqieset li ma pprovdietx raġunijiet komprensivi għall-għoti tagħha.

Id-digriet appellat jikser ukoll il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, inkwantu jagħti leġittimità lid-deċiżjoni tal-Kummissjoni li permezz tagħha l-irkupru tal-għajnuna skont l-Artikolu 87(1) KE ġie eskluż għall-kumpanniji muniċipali (li l-Kummissjoni, meta implementat din id-deċiżjoni, kienet awtorizzat sabiex tiġi pprovduta l-informazzjoni addizzjonali neċessarja għall-evalwazzjoni tal-legalità tal-għajnuna mogħtija), filwaqt li l-appellanti qatt ma kienet intalbet dokumentazzjoni addizzjonali qabel ma nbeda l-irkupru tal-għajnuna.

Insostenn ulterjuri tal-allegazzjonijiet tiegħu ta’ ksur tal-Artikolu 87(1) KE, l-appell jipprovdi wkoll li d-digriet appellat ma jipprovdi ebda raġunijiet għall-konstatazzjoni li l-għajnuna mogħtija lill-appellanti kellha effett fuq il-kummerċ intra-Komunitarju. L-ewwel il-Kummissjoni u mbagħad il-Qorti Ġenerali sostnew li l-għajnuna inkwistjoni kienet illegali, u ċċitaw id-distorsjoni tal-kummerċ intra-Komunitarju bħala element inerenti fl-għoti tal-għajnuna fl-industrija tas-sajd, mingħajr ma wettqu ebda eżami tas-suq rilevanti jew mingħajr ma pprovdew motivazzjoni għal din il-konstatazzjoni.

Id-digriet appellat jikser ukoll l-Artikolu 87(3)(a) KE [li issa sar l-Artikolu 107(3)(a) TFUE], peress li ma evalwax il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-eżenzjoni inkwistjoni għas-sitwazzjoni tal-appellanti. B’mod partikolari, il-livell ta’ għixien f’Chioggia huwa estremament baxx, b’livelli eċċezzjonali ta’ qgħad.

Bl-istess mod, id-digriet appellat jikser l-Artikolu 87(3)(ċ) KE [li issa sar l-Artikolu 107(3)(ċ) TFUE], sa fejn jikkonstata li l-eżenzjoni ma tapplikax għas-sitwazzjoni tal-appellanti, għalkemm ma pprovda ebda raġuni f’dan ir-rigward, u l-Artikolu 87(3)(d) KE [li issa sar l-Artikolu 107(3)(d) TFUE], peress li, bi ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, jikkonstata li l-eżenzjoni li tqieset applikabli għal kumpanniji oħrajn ta’ Venezia ma tapplikax għas-sitwazzjoni tal-appellanti.

Fl-aħħar nett, huwa allegat li l-Qorti Ġenerali żbaljat fl-interpretazzjoni tagħha dwar in-nuqqas ta’ “għajnuna eżistenti”, u għalhekk kisret l-Artikoli 1, 14 u 15 tar-Regolament Nru 659/1999 (1). Ma jistax jiġi nnegat li s-suċċessjoni ta’ regoli fis-seħħ tirrappreżenta tnaqqis kontinwu fil-kontribuzzjonijiet ta’ sigurtà soċjali fuq perijodu ta’ diversi għexur ta’ snin.


(1)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339).