1.6.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 156/19


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgerichtshof Baden-Württemberg (il-Ġermanja) fit-28 ta’ Frar 2013 — U vs Stadt Karlsruhe

(Kawża C-101/13)

2013/C 156/30

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Verwaltungsgerichtshof Baden-Württemberg

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: U

Konvenuta: Stadt Karlsruhe

Domandi preliminari

(1)

Skont l-Anness tar-Regolament (KE) Nru 2252/2004 (1), il-mod ta’ ħruġ tal-paġna tad-data personali, li tista’ tinqara minn magna, tal-passaporti maħruġa mill-Istati Membri għandu jkun konformi mal-ispeċifikazzjonijiet obbligatorji kollha previsti fil-Parti 1 (passaporti li jistgħu jinqraw minn magna) tad-Dokument Nru 9303 tal-ICAO (2)?

(2)

Jekk il-Liġi dwar l-ismijiet ta’ Stat Membru tipprovdi li l-isem ta’ persuna huwa kompost minn isimha u mill-kunjom tal-familja tagħha, l-Istat Membru inkwistjoni huwa awtorizzat, skont l-Anness tar-Regolament Nru 2252/2004, moqri flimkien mad-dispożizzjonijiet tal-Punt 8.6 tas-Sezzjoni IV tal-Parti 1 (passaporti li jistgħu jinqraw minn magna) tad-Dokument Nru 9303 tal-ICAO, li jinkludi wkoll l-isem tat-twelid bħala l-identifikatur primarju fil-Kamp 6 tal-paġna tad-data personali, li tista’ tinqara minn magna, tal-passport?

(3)

Jekk il-Liġi dwar l-ismijiet ta’ Stat Membru tipprovdi li l-isem ta’ persuna huwa kompost minn isimha u mill-kunjom tal-familja tagħha, l-Istat Membru inkwistjoni huwa awtorizzat, skont l-Anness tar-Regolament Nru 2252/2004, moqri flimkien mad-dispożizzjonijiet tas-Sezzjoni IV tal-Parti 1 (passaporti li jistgħu jinqraw minn magna) tad-Dokument Nru 9303 tal-ICAO, li jinkludi wkoll l-isem tat-twelid bħala l-identifikatur sekondarju fil-Kamp 7 tal-paġna tad-data personali, li tista’ tinqara minn magna, tal-passport?

(4)

Fil-każ li d-domandi 2 jew 3 jingħataw risposta fl-affermattiv: jekk il-Liġi dwar l-ismijiet ta’ Stat Membru tipprovdi li l-isem ta’ persuna għandu jkun kompost minn isimha u mill-kunjom tal-familja tagħha, l-Istat Membru inkwistjoni huwa obbligat, fid-dawl tal-protezzjoni tal-isem tal-persuna ggarantita mill-Artikolu 7 tal-Karta (3) u mill-Artikolu 8 tal-KEDB (4), jindika, fid-deskrizzjoni tal-kamp ta’ data rilevanti tal-paġna tad-data personali, li tista’ tinqara minn magna, tal-passport li fih ikun inkluż l-isem tat-twelid, li l-isem tat-twelid għandu jiġi wkoll inkluż fl-imsemmi kamp?

(5)

Fil-każ li d-domanda 4 tingħata risposta negattiva: Stat Membru, li l-Liġi dwar l-ismijiet tiegħu tipprovdi li l-isem tal-persuna huwa kompost minn isimha u mill-kunjom tal-familja tiegħu u li d-dritt nazzjonali tiegħu dwar il-passporti jipprovdi, minn naħa, li d-deskrizzjonijiet tal-kampijiet ta’ data li jinsabu fil-paġna tad-data personali, li tista’ tinqara minn pagna, tal-passport għandhom jiġu pprovduti wkoll bl-Ingliż u bil-Franċiż u, min-naħa l-oħra, li l-isem tat-twelid għandu wkoll jiġi inkluż fil-Kamp 6 tal-imsemmija paġna, f’linja separata, ippreċedut bl-abbrevjazzjoni “geb.” għal “geboren” (twieldet/twieled), għandu l-obbligu li jipprovdi traduzzjoni tal-imsemmija abbrevjazzjoni wkoll bl-Ingliż u bil-Franċiż, fid-dawl tal-protezzjoni tal-isem tal-persuna ggarantita mill-Artikolu 7 tal-Karta u mill-Artikolu 8 tal-KEDB?

(6)

Jekk il-Liġi dwar l-ismijiet ta’ Stat Membru tipprovdi li l-isem ta’ persuna huwa kompost minn isimha u mill-kunjom tal-familja tagħha, l-Istat Membru inkwistjoni huwa intitolat, skont l-Anness tar-Regolament Nru 2252/2004, moqri flimkien mad-dispożizzjonijiet tal-Punt 8.6 tas-Sezzjoni IV tal-Parti 1 (passaporti li jistgħu jinqraw minn magna) tad-Dokument Nru 9303 tal-ICAO, jinkludi l-isem tat-twelid bħala data personali fakultattiva fil-Kamp 13 tal-paġna tad-data personali, li tista’ tinqara minn magna, tal-passport?


(1)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2252/2004, tat-13 ta’ Diċembru 2004, dwar l-istandards għall-karatteristiċi ta’ sigurtà u għall-bijometriċi f’passaporti u dokumenti tal-ivvjaġġar maħruġa mill-Istati Membri (ĠU L 153M, 7.6.2006, p. 375), kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 444/2009 tal-Parlament Eworpew u tal-Kunsill, tat-28 ta’Mejju 2009 (ĠU L 142, p. 1), kif irrettifikat (ĠU L 188, p. 127).

(2)  Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali.

(3)  Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

(4)  Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali.