4.5.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 129/7


Appell ippreżentat fis-26 ta’ Frar 2013 minn Alfier Costruzioni Srl et mid-digriet mogħti mill-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) fit-12 ta’ Diċembru 2012, fil-Kawża T-261/00, Sacaim SpA et vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża C-95/13 P)

2013/C 129/14

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Appellanti: Alfier Costruzioni Srl et (rappreżentanti: A. Vianello, A. Bortoluzzi u A. Veronese, avukati)

Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea, Ir-Repubblika Taljana, Sacaim SpA et

Talbiet tal-appellanti

tannulla u/jew tibdel id-digriet appellat, kif ukoll tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-proċeduri.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tagħhom, l-appellanti jinvokaw żbalji ta’ liġi fl-applikazzjoni tal-prinċipji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza “Comitato Venezia vuole vivere”; minn naħa, fir-rigward tal-obbligu ta’ motivazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, u min-naħa l-oħra, fir-rigward tat-tqassim tal-oneru tal-prova tal-prerekwiżiti tal-Artikolu 107(1) TFUE.

Fid-digriet li huwa s-suġġett tal-appell preżenti, il-Qorti tal-Ġustizzja ma kkonformatx ruħha mad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza “Comitato Venezia vuole vivere” tad-9 ta’ Ġunju 2011, li tistabbilixxi li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni għandha “jkollha fiha nnfisha l-elementi essenzjali kollha għall-implementazzjoni tagħha min-naħa tal-awtoritajiet nazzjonali”. Minkejja li d-deċiżjoni ma kinitx tinkludi l-elementi essenzjali għall-implementazzjoni tagħha mill-awtoritajiet nazzjonali, il-Qorti Ġenerali ma kkonstatat ebda nuqqas fil-metodu adottat mill-Kummissjoni sabiex tadotta d-deċiżjoni kkontestata, li jimplika żball ta’ liġi.

Abbażi tal-prinċipji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza “Comitato Venezia vuole vivere” fil-kuntest tal-irkupru, huwa l-Istat Membru — u mhux il-benefiċjarju — li għandu juri każ b’każ l-eżistenza tal-prerekwiżiti tal-Artikolu 107(1)(TFUE). Madankollu, fil-każ ineżami, il-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, naqset milli tippreċiża l-“modalitajiet” ta’ tali verifika; konsegwentement, peress li ma kellhiex elementi essenzjali li juru, fil-kuntest tal-irkupru, li l-vantaġġi mogħtija jikkostitwixxu, għall-benefiċjarji, għajnuna mill-Istat, ir-Repubblika Taljana — permezz tal-Liġi Nru 228 tal-24 ta’ Diċembru 2012 (Artikolu 1(351) et seq) — iddeċidiet li tbiddel l-oneru tal-prova, kuntrarjament għal dak li ġie stabbilit fil-ġurisprudenza Komunitarja.

Skont il-leġiżlatur Taljan, b’mod partikolari, ma huwiex l-Istat, iżda pjuttost kull impriża benefiċjarja tal-għajnuna mogħtija taħt forma ta’ eżenzjoni mill-kontribuzzjonijiet ta’ sigurtà soċjali, li għandha tipprova li l-vantaġġi inkwistjoni ma joħolqux distorsjoni tal-kompetizzjoni jew ma jaffettwawx il-kummerċ intra-Komunitarju, u f’każ ta’ tali nuqqas, hija preżunta n-natura stess tal-vantaġġ mogħti li joħloq distorsjoni jew li jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri. Dan kollu jkun imur manifestament kontra l-prinċipji stabbiliti fis-sentenza “Comitato Venezia vuole vivere”.