18.5.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 141/11


Rikors ippreżentat fl-4 ta’ Frar 2013 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq

(Kawża C-60/13)

2013/C 141/19

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: A. Caeiros, L. Flynn, aġenti)

Konvenut: Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq

Talbiet tar-rikorrenti

tiddikjara li, billi rrifjuta li jqiegħed għad-dispożizzjoni s-somma ta’ £ 20 061 462,11 li jikkorrispondu għal dazji fuq importazzjonjiet ta’ tewm frisk ikkalkolati skont informazzjoni tariffarja vinkolanti żbaljata, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 4(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, l-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni 2000/597/KE (1) u l-Artikoli 2, 6, 9, 10 u 11 tar-Regolament (KE) Nru 1150/2000 (2);

tikkundanna lir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-awtoritajiet tar-Renju Unit ikkawżaw telf ta’ riżorsi proprji tradizzjonali bil-ħruġ ta’ dokumenti ta’ Informazzjoni Tariffarja Vinkolanti mingħajr ma ħadu l-prekawzjonijiet neċessarji, liema fatt ippermetta importazzjonijiet ta’ tewm frisk Ċiniż lil hinn mill-kwota. Il-Kummissjoni tqis li, fejn kien hemm żball amministrattiv u konsegwentment kien hemm riżorsi proprji li, b’mod indebitu, ma nġabrux, l-UE għandha tingħata kreditu bl-ekwivalenti tal-ammont ta’ riżorsi proprji mitlufa. Konsegwentement, l-awtoritajiet tar-Renju Unit kellhom jagħmlu disponibbli lill-Kummissjoni l-ammont totali ta’ dazji doganali involuti, li huwa stmat għal £ 20 061 462,11, kif ukoll l-interessi moratorji skont l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 1150/2000.


(1)  2000/597/KE, Euratom: Id-Deċiżjoni tal-Kunsill, tad-29 ta’ Settembru 2000, dwar is-sistema tar-riżorsi tagħhom (proprji) tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 200)

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, EURATOM) Nru 1150/2000, tat-22 ta’ Mejju 2000, li jimplimenta d-Deċiżjoni 94/728/KE, Euratom dwar is-sistema tar-riżorsi tagħhom (proprji) tal-Komunitajiet (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 169).