13.4.2013 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 108/16 |
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Administrativen sad Sofia- grad (il-Bulgarija) fil-21 ta’ Jannar 2013 — Global Trans Lodzhistik OOD vs Nachalnik na Mitnitsa Stolichna
(Kawża C-30/13)
2013/C 108/33
Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru
Qorti tar-rinviju
Administrativen sad Sofia — grad
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Global Trans Lodzhistik OOD
Konvenut: Nachalnik na Mitnitsa Stolichna (Direttur tad-dwana tal-kapitali)
Domandi preliminari
(1) |
L-Artikou 243(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2913/92 (1) tat-Kunsill, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità, moqri flimkien mal-Artikolu 245 tal-Kodiċi u l-prinċipji tad-drittijiet tad-difiża u tal-awtorità ta’ res judicata jippermettu leġiżlazzjoni nazzjonali bħall-Artikoli 220 u 211(a) tal-liġi Bulgara dwar id-dwana (Zakon za mitnitsite), li jgħid li diversi deċiżjonijiet ta’ awtorità doganali, li jinnotifikaw żieda fid-dejn doganali, sabiex jiġi rkuprat sussegwentement, inkluż meta l-adozzjoni ta’ deċiżjoni definittiva fis-sens tal-Artikolu 181a(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2454/93 (2), tat-2 ta’ Lulju 1993, li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 2913/92, huwa konċepibbli fil-kawża prinċipali, għall-finijiet tan-notifika tal-imsemmija żieda? |
(2) |
L-Artikolu 243(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2913/92, dwar id-dritt ta’ appell, għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa ma jissuġġettax l-ammissibbiltà ta’ appell kontra deċiżjoni definittiva, fis-sens tal-Artikolu 181a(2) tar-Regolament (KE) Nru 2454/93, għall-eżerċizzju ta’ stħarriġ amministrattiv, bħala kundizzjoni vinkolanti? |
(3) |
L-Artikolu 181a(2) tar-Regolament (KE) Nru 2454/93 għandu jiġi interpretat, fid-dawl tal-fatti tal-kawża prinċipali, fis-sens li meta l-proċedura prevista f’din id-dispożizzjoni ma ġietx osservata rigward id-dritt għal smigħ u d-dritt li jitqajmu oġġezzjonijiet, id-deċiżjoni meħuda mill-awtorità doganali bi ksur ta’ dawn ir-regoli ma tikkostitwixxix deċiżjoni finali fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, iżda hija biss parti mill-proċedura tal-adozzjoni tagħha? Sussidjarjament, din l-istess dispożizzjoni għandha tiġi interpretata, fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, fis-sens li d-deċiżjoni meħuda fil-preżenza tal-ksur proċedurali msemmi iktar ’il fuq tista’ tkun suġġett ta’ appell quddiem qorti li hija obbligata tiddeċiedi fuq il-mertu? |
(4) |
L-Artikolu 181a(2) tar-Regolament (KE) Nru 2454/93 għandu jiġi interpretat, fid-dawl tal-fatti fil-kawża prinċipali u tal-prinċipju ta’ legalità, fis-sens li meta l-proċedura prevista minn din id-dispożizzjoni ċċitata iktar ’il fuq ma ġietx osservata rigward id-dritt għal smigħ u d-dritt li jitqajmu oġġezzjonijiet, id-deċiżjoni meħuda minn awtorità doganali bi ksur ta’ dawn id-drittijiet hija nulla minħabba vizzju ta’ proċedura sostanzjali, ekwivalenti għall-ksur sostanzjali, li l-ksur tiegħu jwassal għan-nullità tal-att indipendentement mill-konsegwenzi reali tal-ksur, peress li l-qorti adita hija obbligata li tiddeċiedi fuq l-appell li jsir kontra tali att, mingħajr ma hemm il-possibbiltà li l-kawża tiġi rrinvjata lill-awtorità amministrattiva sabiex il-kawża tingħalaq skont ir-regoli? |
(1) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307.
(2) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 6, p. 3.