SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

10 ta’ Settembru 2015 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Dumping — Dazju antidumping impost fuq l-importazzjonijiet tal-madum taċ-ċeramika li joriġina miċ-Ċina — Regolament ta’ Implementazzjoni (UE) Nru 917/2011 — Validità — Regolament (KE) Nru 1225/2009 — Artikolu 2(7)(a) — Valur normali — Determinazzjoni fuq il-bażi tal-prezz f’pajjiż terz b’ekonomija tas-suq — Għażla tal-pajjiż terz xieraq — Dmir ta’ diliġenza — Drittijiet tad-difiża — Obbligu ta’ motivazzjoni — Teħid ta’ kampjuni”

Fil-Kawża C‑687/13,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Finanzgericht München (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-24 ta’ Ottubru 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-30 ta’ Diċembru 2013, fil-proċedura

Fliesen-Zentrum Deutschland GmbH

vs

Hauptzollamt Regensburg,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, A. Ó Caoimh (Relatur), C. Toader, E. Jarašiūnas u C. G. Fernlund, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-3 ta’ Diċembru 2014,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Fliesen-Zentrum Deutschland GmbH, minn B. Enders, avukat,

għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, minn S. Boelaert, bħala aġent, assistita minn R. Bierwagen, avukat,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. França, T. Maxian Rusche u R. Sauer, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-21 ta’ Mejju 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-validità tar-Regolament ta’ Implementazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 917/2011, tat-12 ta’ Settembru 2011, li jimponi dazju antidumping definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet tal-madum taċ-ċeramika li joriġina fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 238, p. 1).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ tilwima bejn Fliesen-Zentrum Deutschland GmbH (iktar ’il quddiem “Fliesen-Zentrum”) u l-Hauptzollamt Regensburg (uffiċċju doganali prinċipali ta’ Regensburg, iktar ’il quddiem il-“Hauptzollamt”) dwar il-ġbir minn dan tal-aħħar ta’ dazju antidumping fuq l-importazzjonijiet ta’ madum taċ-ċeramika li joriġina miċ-Ċina maħdum minn din il-kumpannija.

Il-kuntest ġuridiku tal-Unjoni

Ir-Regolament bażiku

3

Ir-Regolament (KE) Nru 1225/2009 tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 2009, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU L 343, p.51, iktar ’il quddiem ir-“Regolament bażiku”), jipprevedi fl-Artikolu 1(1) li “[d]azju kontra dumping jista’ jiġi applikat għal kwalunkwe prodott oġġett ta’ dumping li l-liberazzjoni tiegħu għal ċirkulazzjoni ħielsa [fl-Unjoni] tikkawża ħsara”.

4

L-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament intitolat “Tistabbilixxi dumping” jipprevedi fil-paragrafi 1 sa 6 tiegħu, ir-regoli li jirrigwgardaw tali determinazzjoni fil-każ ta’ importazzjonijiet minn pajjiżi terzi b’ekonomija tas-suq. B’mod partikolari il-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu jipprovdi li:

“Il-valur normali għandu normalment ikun ibbażat fuq il-prezzijiet imħallsa jew pagabbli, fit-tmexxija ordinarja tal-kummerċ, minn klijenti indipendenti mill-pajjiż esportatur.

Madanakollu, fejn l-esportatur fil-pajjiż esportatur ma jipproduċix jew ma jbigħx il-prodott simili, il-valur normali jista’ jiġi stabbilit fuq il-bażi ta’ prezzijiet ta’ bejjiegħa jew produtturi oħra.

[...]”

5

L-Artikolu 2(7)(a) tal-imsemmi regolament imsemmi jipprovdi kif ġej:

“Fil-każ ta’ l-importazzjonijiet minn pajjiżi li ma għandhomx l-ekonomija tas-suq [...], il-valur normali għandu jiġi stabilit fuq il-bażi tal-prezz jew tal-valur maħdum f’pajjiż terz b’ekonomija tas-suq, jew il-prezz minn dan il-pajjiż terz għall-pajjiżi l-oħra, inkluża [l-Unjoni], jew fejn dawn ma jkunux possibbli, fuq kull bażi oħra raġjonevoli, inkluż il-prezz attwalment imħallas jew li jrid jitħallas [fl-Unjni] għal prodott simili, aġġustat kif xieraq jekk meħtieġ għalbiex jinkludi marġni ta’ profitt raġjonevoli.

Għandu jiġi magħżul pajjiż terz xieraq b’ekonomija tas-suq b’manjiera li ma tkunx irraġjonevoli, filwaqt jitqies kull tagħrif ta’ min joqgħod fuqu li jkun disponibbli fiż-żmien tal-għażla. Għandhom jitqiesu wkoll il-limiti taż-żmien; fejn xieraq, għandu jiġi wżat pajjiż terz b’ekonomija tas-suq li huwa bla ħsara għall-istess investigazzjoni.

[...]”

6

L-Artikolu 2(10) ta’ dan ir-regolament huwa fformulat kif ġej:

“Għandu jsir paragun xieraq bejn il-prezz ta’ l-esportazzjoni u l-valur normali. Dan il-paragun għandu jsir fl-istess livell tal-kummerċ u fejn għandhom x’jaqsmu l-bejgħ magħmula, kemm jista’ jkun kważi fl-istess ħin, u b’kont dovut meħud ta’ differenzi oħra li jaffettwaw il-paragun tal-prezz. Fejn il-valur normali u l-prezz ta’ l-esportazzjoni kif stabbiliti mhumiex fuq bażi daqshekk komparabbli għandu jkun hemm disposizzjoni, f’forma ta’ aġġustamenti, f’kull każ, fuq il-merti tiegħu, għal differenzi fil-fatturi li huma pretiżi, u murija, li jaffettwaw il-prezzijiet u l-paragun tal-prezzijiet. [...]”

7

L-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Tistabbilixxi l-ħsara”, jipprovdi fil-paragrafi 2 u 3 tiegħu:

“2.   Il-ħsara trid tkun stabbilita billi tkun ibbażata fuq evidenza pożittiva u għandha tinvolvi eżaminazzjoni objettiva kemm ta’:

(a)

il-volum ta’ importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping u l-effett ta’ l-importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping fuq il-prezzijiet fis-suq tal-[Unjoni] għall-prodotti simili; u kemm

(b)

l-impatt konsegwenti ta’ dawk l-importazzjonijiet fuq l-industrija [tal-Unjoni].

3.   Fejn għandu x’jaqsam il-volum ta’ l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping, għandu jingħata kas ta’ jekk kienx hemm żjieda sinifikanti fl-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping, jew f’termini assoluti jew imqabbla mal-produzzjoni u l-konsum [fl-Unjoni]. Fejn għandu x’jaqsam l-effett ta’ l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping fuq prezzijiet, għandu jingħata kas ta’ jekk kienx hemm waqgħat sinifikanti fil-prezzijiet ta’ l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping meta mqabbla mal-prezz ta’ prodott simili ta’ l-industrija [tal-Unjoni], jew jekk l-effett ta’ importazzjonijiet bħal dawn huwiex mod ieħor biex iwaqqa’ l-prezzijiet għal grad sinifikanti jew biex jipprevjeni żjidiet fil-prezz, li setgħu jseħħu, sa grad sinifikanti. L-ebda wieħed jew iktar minn dawn il-fatturi ma jista neċessarjament jagħti gwida deċiżiva.”

8

L-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku huwa fformulat kif ġej:

“Meta l-fatti kif stabbiliti fl-aħħar juru li hemm id-dumping u l-ħsara kkawżata minnu, u l-interess [tal-Unjoni] jitlob li jkun hemm intervent [...], dazju definittiv kontra d-dumping għandu jiġi impost mill-Kunsill [...] L-ammont tad-dazju ta’ kontra d-dumping ma għandux ikun ogħla mill-marġini tad-dumping stabbilit iżda għandu jkun anqas mill-marġini jekk dan id-dazju mnaqqas ikun biżżejjed biex titneħħa l-ħsara lill-industrija [tal-Unjoni].”

9

L-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku, intitolat “Teħid ta’ kampjuni”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 li, “[f’]’każijiet fejn in-numru ta’ min qiegħed jilmenta, l-esportaturi jew l-importaturi, it-tipi ta’ prodott jew it-transizzjonijiet huma kbar, l-investigazzjoni tista’ tiġi limitata għal numru raġjonevoli ta’ partijiet, prodotti, jew transizzjonijiet bl-użu ta’ teħid ta’ kampjuni li huma statistikament validi fuq il-bażi ta’ l-informazzjoni disponibbli fiż-żmien ta’ l-għażla, jew għall-akbar volum ta’ produzzjoni, bejgħ jew esportazzjonijiet rappreżentanti li jistgħu b’mod raġjonevoli jiġu investigati fiż-żmien disponibbli.”

10

Il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu jipprovdi li “[l]-għażla finali ta’ partijiet, tipi ta’ prodotti jew transizzjonijiet magħmula taħt dawn id-dispożizzjonijiet tal-kampjuni għandha tibqa’ f’idejn il-Kummissjoni, għalkemm għandha tingħata preferenza għall-għażla ta’ kampjun f’konsultazzjoni ma’, u l-kunsens tal-partijiet konċernati, [...]”.

11

L-Artikolu 18(1) u (5) tar-Regolament bażiku huwa fformulat kif ġej:

“1.   F’każijiet fejn kwalunkwe parti interessata tirrifjuta aċċess għal, jew inkella ma tagħtix informazzjoni neċessarja fi żmien il-limiti ta’ żmien mogħtija f’dan ir-Regolament, jew timpedixxi l-investigazzjoni b’mod sinifikanti, is-sejbiet proviżorji jew finali, affirmattivi jew negattivi, jistgħu jiġu magħmula fuq il-bażi tal-fatti disponibbli. Fejn jinstab li parti interessata tkun forniet informazzjoni falza jew qarrieqa, l-informazzjoni għandha tiġi injorata u jista’ jsir użu mill-fatti disponibbli. Partijiet interessati għandhom jiġu magħmula konxji mill-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ koperazzjoni.

[...]

5.   Jekk it-tisjib, inklużi dawk li għandhom x’jaqsmu mal-valur normali, jkunu bbażati fuq id-disposizzjonijiet tal-paragrafu 1, inkluża l-informazzjoni fornita fl-ilment, għandhom, fejn prattikabbli u b’qies dovut għal-limiti ta’ żmien ta’ l-investigazzjoni, jiġu mfittxa b’referenza għall-informazzjoni minn sorsi oħra indipendenti li jistgħu ikunu disponibbli, bħal listi ta’ prezzijiet ippubblikati, statistiċi uffiċjali ta’ l-importazzjoni u r-returns tad-dwana, jew informazzjoni miksuba minn partijiet oħra interessati matul l-investigazzjoni.

Din l-informazzjoni tista’ tinkludi dejta rilevanti li tappartjeni għas-suq dinji jew swieq oħra rappreżentattivi, fejn ikun xieraq.”

12

L-Artikolu 20(4) tal-imsemmi regolament, dwar l-iżvelar ta’ informazzjoni bejn il-partijiet, jipprevedi li:

“Żvelar finali għandu jiġi mogħti bil-miktub. Għandu jsir, filwaqt li tingħata l-attenzjoni dovuta għall-protezzjoni ta’ informazzjoni kunfidenzjali, kemm jista’ jkun malajr u, normalment, mhux iktar tard minn xahar qabel deċiżjoni definittiva jew mis-sottomissjoni mill-Kummissjoni ta’ kwalunkwe proposta għal azzjoni finali skond l-Artikolu 9. Fejn il-Kummissjoni ma tkunx fil-pożizzjoni li tiżvela xi fatti jew kunsiderazzjonijiet f’dak il-ħin, dawn għandhom jiġu żvelati kemm jista jkun malajr wara. L-iżvelar ma għandux jippreġudika kwalunkwe deċiżjoni sussegwenti li tista’ tittieħed mill-Kummissjoni jew mill-Kunsill imma, fejn deċiżjoni bħal din tkun ibbażata fuq kwalunkwe fatti u kunsiderazzjonijiet differenti, dawn għandhom jiġu mikxufa kemm jista jkun malajr.”

Ir-Regolament provviżorju

13

Fis-16 ta’ Awwissu 2011, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament (UE) Nru 258/2011 li jimponi dazju antidumping provviżorju fuq importazzjonijiet ta’ madum taċ-ċeramika li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 70, p. 5, iktar ’il quddiem ir-“Regolament provviżorju”).

14

Il-parti A ta’ dan ir-regolament tinkludi punt 2 dwar il-partijiet ikkonċernati mill-proċedura. Il-premessa 4 taħt dan il-punt 2 kienet tipprovdi li, “[s]abiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk it-teħid ta’ kampjuni jkunx neċessarju u jekk iva, tagħżel kampjun, il-produtturi esportaturi kollha magħrufa fiċ-Ċina, l-importaturi u l-produtturi tal-Unjoni, intalbu jidentifikaw lilhom infushom mal-Kummissjoni u jipprovdu, kif speċifikat fl-Avviż ta’ tnedija, tagħrif bażiku dwar l-attivitajiet tagħhom relatati mal-prodott ikkonċernat matul il-perjodu mill-1 ta’ April 2009 sal-1 ta’ Marzu 2010. L-awtoritajiet taċ-Ċina ġew ikkonsultati wkoll”.

15

Il-punt 2.1 ta’ din il-parti jirrigwarda t-teħid ta’ kampjuni tal-produtturi-esportaturi Ċiniżi. Dan jinkludi l-premessa 6 tal-imsemmi regolament li tiddikjara:

“Skont l-Artikolu 17(1) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni għażlet kampjun ta’ produtturi esportaturi abbażi tal-akbar volum rappreżentattiv tal-esportazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni li jista’ jiġi investigat raġonevolment fil-perjodu ta’ żmien disponibbli. Il-kampjun magħżul ikkonsista minn tliet gruppi, li jirrappreżentaw 10 produtturi individwali, li ammontaw għal 14,4 % tal-volum totali tal-esportazzjonijiet miċ-Ċina lejn l-Unjoni u 31,3 % tal-volum totali tal-esportaturi li kkoperaw matul il-PI. Skont l-Artikolu 17(2) tar-Regolament bażiku, il-partijiet ikkonċernati u l-awtoritajiet Ċiniżi ġew ikkonsultati dwar l-għażla tal-kampjun. Numru ta’ kummenti ġew irċevuti fir-rigward tal-kampjun propost. Il-kummenti meqjusin xierqa ngħataw kunsiderazzjoni fl-għażla tal-kampjun finali.”

16

Il-punt 2.2 li jinsab fl-imsemmija parti A, dwar teħid ta’ kampjuni tal-produtturi tal-Unjoni, kien jinkludi l-premessi 7 sa 14 tar-Regolament provviżorju. B’mod partikolari, il-premessi 7 sa 9 u 11 sa 13, kienu jipprovdu:

“(7)

[...], il-Kummissjoni kienet [...] ipprovduta b’tagħrif minn 73 prodottur tal-Unjoni.

(8)

Fl-eżerċizzju tat-teħid ta’ kampjuni ġiet ikkunsidrata l-frammentazzjoni għolja tas-settur tal-madum taċ-ċeramika. Sabiex jiġi żgurat li r-riżultati tal-kumpaniji kbar ma jiddominawx l-analiżi tal-ħsara iżda li s-sitwazzjoni tal-kumpaniji ż-żgħar, li kollettivament jifformaw l-ikbar sehem tal-produzzjoni tal-Unjoni, tkun ġiet riflessa sew, ġie deċiż li s-segmenti kollha, jiġifieri l-kumpaniji żgħar, ta’ daqs medju u kbar għandhom jiġu rappreżentati fil-kampjun.

(9)

Tliet segmenti ġew distinti abbażi tal-volum tal-produzzjoni annwali:

[...]

(11)

Għaxar kumpaniji ġew ikkunsidrati fil-kampjun. Dawn huma l-akbar ta’ kull wieħed mit-tliet segmenti, b’kunsiderazzjoni tal-bejgħ, tal-produzzjoni u tal-pożizzjoni ġeografika. Kumpanija waħda fil-kampjun tappartjeni mas-segment tal-kumpaniji kbar, erbgħa mas-segment ta’ kumpaniji ta’ daqs medju u ħamsa mas-segment ta’ kumpaniji żgħar. Il-kumpaniji magħżula huma bbażati f’sitt Stati Membri (l-Italja, Spanja, il-Polonja, il-Portugall, il-Ġermanja u Franza) li flimkien jammontaw għal iżjed minn 90 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni. Dan il-kampjun irrappreżenta 24 % tal-produzzjoni totali mill-produtturi li kkoperaw u 7 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni.

(12)

Matul l-investigazzjoni, kumpanija waħda fil-kampjun mill-Polonja ddeċidiet li ma tkomplix il-kooperazzjoni tagħha fl-investigazzjoni. Il-Kummissjoni ma setgħetx tikseb kooperazzjoni minn ebda produttur ieħor ibbażat fil-Polonja.

(13)

Minkejja l-irtirar tal-produttur Pollakk, ir-rappreżentanza tal-kampjun baqa’ għoli skont il-kriterji kollha msemmija fil-premessi 8 u 10. Għalhekk ġie deċiż li l-proċediment setgħa jkompli b’kampjun ta’ disa’ produtturi minn ħames Stati Membri.”

17

Il-premessi 46 sa 54 tar-Regolament provviżorju kienu jirrigwardaw l-għażla tal-Istati Uniti tal-Amerika (iktar ’il quddiem “l-Istati Uniti”) bħala pajjiż analogu, skont l-Artikolu 2(7) tar-Regolament bażiku, u kienu fformulati kif ġej:

“(46)

Fl-Avviż ta’ tnedija, il-Kummissjoni indikat l-intenzjoni tagħha li tuża l-USA bħala pajjiż analogu xieraq biex jiġi stabbilit il-valur normali għaċ-Ċina, u stiednet lill-partijiet interessati jikkumentaw dwar dan.

(47)

Numru ta’ kummenti ġew irċevuti u bosta pajjiżi oħra ġew proposti biex iservu bħala alternattiva, b’mod partikolari l-Brażil, it-Turkija, in-Niġerja, it-Tajlandja u fl-aħħar l-Indoneżja.

(48)

Il-Kummissjoni għalhekk iddeċidiet li tfittex kooperazzjoni minn produtturi magħrufa f’dawn il-pajjiżi inkluż l-USA. Madankollu, huma biss żewġ produtturi tal-prodott ikkonċernat fl-USA li wieġbu għall-kwestjonarji. Produttur Tajlandiż issottometta wkoll tweġiba mhux kompluta għall-kwestjonarju; u fi kwalunkwe każ il-firxa tal-prodotti tiegħu ma kinitx kompletament paragunabbli mal-produtturi Ċiniżi li kkoperaw.

(49)

L-investigazzjoni żvelat li l-USA kien suq kompetittiv għall-prodott ikkonċernat. Ħafna produtturi kienu attivi fis-suq domestiku Amerikan u l-volumi tal-importazzjoni kienu għoljin. L-investigazzjoni wriet ukoll li l-madum taċ-ċeramika li joriġina fiċ-Ċina u fl-Amerika għandu bażikament l-istess karatteristiċi fiżiċi u użi u li l-proċessi tal-produzzjoni huma simili.

(50)

Kien argumentat li peress li s-suq tal-USA kien l-aktar karatterizzat minn importazzjonijiet, il-madum taċ-ċeramika manifatturat fl-USA u dak manifatturat fiċ-Ċina jkopru segmenti differenti tas-suq. Għalhekk, it-tipi ta’ prodotti manifatturati domestikament li jservu bħala bażi biex jiġi stabbilit il-valur normali ma jkunux paragunabbli mat-tipi ta’ prodotti esportati miċ-Ċina lejn l-Unjoni. Madankollu, l-investigazzjoni wriet li l-produzzjoni tal-USA tkopri firxa vasta ta’ tipi ta’ prodotti paragunabbli ma’ dawk immanifatturati fiċ-Ċina u esportati minnha, kif imsemmi fil-premessa 49.

(51)

Kien argumentat ukoll li l-USA jkun attur relattivament żgħir fis-suq dinji tal-madum taċ-ċeramika. Madankollu, madwar 600 miljun m2 ġew immanifatturati domestikament fl-2009 li hu meqjus sinifikanti. Bħala paragun, iċ-Ċina, l-ikbar produttur dinji, immanifatturat 2 biljun m2 fl-istess perjodu.

(52)

Parti waħda argumentat li l-USA kellha standards tal-kwalità stretti u effettivament ħolqot barrieri bla tariffi għall-importazzjonijiet Ċiniżi. Madankollu, l-investigazzjoni wriet li kif imsemmi hawn fuq il-volumi tal-importazzjoni miċ-Ċina fl-USA kienu għoljin u kkostitwixxew is-sehem ewlieni tal-konsum domestiku Amerikan. Għalhekk, l-argument li l-barrieri bla tariffi fil-USA jaffettwaw l-importazzjonijiet u b’hekk il-kompetizzjoni ġie miċħud.

(53)

Id-dejta sottomessa fit-tweġiba tagħhom miż-żewġ produtturi Amerikani li kkoperaw ġiet verifikata fuq il-post. Hija biss id-dejta minn produttur wieħed li saritlu żjara li fl-aħħar ġiet ikkunsidrata, peress li nstab li kien tagħrif affidabbli li fuqu seta’ jiġi bbażat il-valur normali. Id-dejta mit-tieni prodottur li saritlu żjara nstabet li mhix affidabbli u kellha tiġi mwarrba, peress li dan il-produttur irrapporta biss parti mill-bejgħ domestiku tiegħu u l-ispejjeż ma setgħux jiġu rikonċiljati sew mal-kontijiet.

(54)

Għalhekk ġie konkluż provviżorjament li l-USA huwa pajjiż analogu xieraq u raġonevoli skont l-Artikolu 2(7) tar-Regolament bażiku.”

18

Il-premessa 61 tar-Regolament provviżorju dwar l-aġġustament magħmul fuq il-valur normali tiddikjara:

“Sabiex jiġi żgurat paragun ġust bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni, sar provvediment xieraq fil-forma ta’ aġġustamenti għad-differenzi li jaffettwaw il-prezzijiet u l-paragunabilità tal-prezzijiet skont l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku. Il-valur normali kien aġġustat għad-differenzi fil-karatteristiċi [...] u għad-differenzi fil-kwalità għal ċertu tipi mhux immanifatturati mill-produttur tal-pajjiż analogu - għall-ispejjeż aktar baxxi ta’ madum mhux tal-porċellana. Twettqu iżjed aġġustamenti, fejn xieraq, fir-rigward tat-trasport tal-merkanzija bil-baħar, tal-assigurazzjoni, tal-ispejjeż tal-ġestjoni u anċillari, tal-ippakkjar, tal-kreditu, u tat-tariffi u l-kummissjonijiet bankarji fil-każijiet kollha fejn instab li huwa raġonevoli, preċiż u appoġġjat minn evidenza verifikata.”

19

Il-premessa 144 tar-regolament provviżorju kienet tindika li “l-prodott li qed jiġi investigat huwa manifatturat f’ħafna pajjiżi, kemm fl-Unjoni kif ukoll barra minnha (fit-Turkija, fl-Emirati Għarab Magħquda, fl-Eġittu, fix-Xlokk tal-Asja, fil-Brażil u oħrajn)”.

Ir-Regolament Nru 917/2011

20

Il-premessi 9 sa 33 tar-Regolament 917/2011 jistabbilixxu l-partijiet ikkonċernati fil-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tad-dazju antidumping inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Dawn jinkludu kunsiderazzjonijiet relatati mal-kompożizzjoni tal-kampjun ta’ produtturi-esportaturi Ċiniżi kif ukoll dak tal-produtturi tal-Unjoni. B’mod partikolari il-premessi 18, 23 u 31 jipprovdu:

“(18)

Huwa korrett li produttur Pollakk partikolari ddeċieda li jwaqqaf il-kooperazzjoni tiegħu u għalhekk kellu jiġi eskluż mill-kampjun. Madankollu, mhuwiex neċessarju li kampjun jirrifletti l-firxa ġeografika u l-piż eżatti tal-Istati Membri li jipproduċu sabiex ikun rappreżentattiv. Billi l-firxa ġeografika hija biss waħda mill-fatturi li għandhom jiġu kkunsidrati sabiex tiġi żgurata r-rappreżentattività, approċċ bħal dan ma kienx ikun prattikabbli mil-lat amministrattiv. Pjuttost, huwa biżżejjed li fil-parti l-kbira l-kampjun jirrifletti proporzjonijiet tal-pajjiżi l-kbar li jimmanifatturaw involuti. B’valutazzjoni skont dan il-kriterju, instab li l-irtirar tal-kumpanija Pollakka ma affettwax ir-rappreżenattività ġenerali tal-kampjun. Fuq din il-bażi, huwa kkonfermat li l-kampjun tal-produtturi tal-Unjoni kien rappreżentattiv biżżejjed skont l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

[...]

(23)

Rigward il-metodoloġiji differenti użati għall-għażla ta’ kampjun tal-produtturi tal-Unjoni min-naħa waħda u tal-produtturi esportaturi Ċiniżi min-naħa l-oħra, għandu jiġi nnutat li l-metodoloġiji ntużaw skont l-għanijiet tal-eżerċizzju tal-kampjunar. Għal dak li jirrigwarda l-industrija tal-Unjoni, il-Kummissjoni għandha tivvaluta s-sitwazzjoni tal-industrija kollha u għalhekk, intgħażlu l-kriterji li għandhom jiggarantixxu l-istampa l-iżjed rappreżentattiva tas-settur kollu. Għal dak li jirrigwarda l-esportaturi Ċiniżi, ġie kkunsidrat xieraq li jintgħażel kampjun ibbażat fuq l-ikbar volum ta’ esportazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat u b’hekk l-ikbar esportaturi ntgħażlu bħala kampjun. Qed jiġi nnotat ukoll li ma hemm l-ebda obbligu fl-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku li ż-żewġ kampjuni jintgħażlu fuq il-bażi tal-istess kriterju. Barra dan, f’dan il-każ, qabel ma ġie ffinalizzat il-kampjun tal-produtturi esportaturi Ċiniżi, il-partijiet li qegħdin jikkooperaw fiċ-Ċina kif ukoll l-awtoritajiet Ċiniżi ngħataw l-opportunità li jikkummentaw fuq il-kampjun propost. Ġew riċevuti kummenti dwar il-kompożizzjoni tal-kampjun iżda mhux dwar ir-rappreżentattività tiegħu.

[...]

(31)

Għal dak li jirrigwarda l-affermazzjoni dwar l-użu tal-kriterju tal-firxa ġeografika, qed jiġi osservat li din hija industrija frammentata u sabiex tiġi valutata r-rappreżentattività tal-kumpaniji magħżula, tintuża l-firxa ġeografika tal-produtturi fost l-Istati Membri, sabiex jiġu riflessi s-sitwazzjonijiet differenti li wieħed jista’ jiltaqa’ magħhom fl-Unjoni. Il-kampjun ikopri l-Istati Membri fejn madwar 90 % tal-produzzjoni tal-Unjoni tiġi manifatturata; wara l-irtirar tal-kumpanija Pollakka, dan il-livell baqa’ għoli f’madwar 80 %. Għalhekk, il-metodoloġija applikata mill-Kummissjoni żgurat li l-kampjun kien rappreżentattiv tal-produzzjoni tal-Unjoni b’mod ġenerali u li jikkonforma mal-Artikolu 17(1) tar-Regolament bażiku. Għalhekk, il-pretensjoni ġiet miċħuda.”

21

Il-premessi 55, 58 sa 63, 67 u 68, 70 sa 72 kif ukoll 74 sa 77 tar-Regolament Nru 917/2011, dwar l-għażla tal-Istati Uniti bħala pajjiż analogu kif ukoll għad-determinazzjoni tal-valur normali, matul il-proċedura ta’ investigazzjoni, skont l-Artikolu 2(7) tar-Regolament bażiku, huma fformulati kif ġej:

“(55)

Żewġ importaturi ssottomettew kummenti kontra l-għażla tal-Istati Uniti tal-Amerika (“USA”) […] bħala pajjiż analogu, billi affermaw li mhuwiex xieraq li l-USA jitqies bħala pajjiż analogu minħabba l-produzzjoni proprja insinifikanti, u n-nuqqas ta’ kompetittività tiegħu fis-suq dinji. Huma affermaw ukoll li l-USA ntgħażel b’mod mhux raġonevoli, billi affermaw li n-nuqqas ta’ pajjiżi analogi alternattivi ġie kkawżat minn pressjoni żejda min-naħa tal-assoċjazzjoni tal-produtturi tal-Unjoni fuq produtturi minn pajjiżi oħra analogi sabiex il-kooperazzjoni possibbli tagħhom tiġi skoraġġata. Żewġ importaturi sostnew li l-Kummissjoni injorat informazzjoni minn numru ta’ pajjiżi li setgħu jikkooperaw u li dejta li hija disponibbli għall-pubbliku minn assoċjazzjonijiet nazzjonali u transnazzjonali ta’ produtturi f’pajjiżi terzi ma ġietx ikkunsidrata.

[...]

(58)

Dawn l-importaturi affermaw ukoll li, il-volum annwali tal-produzzjoni tal-madum taċ-ċeramika fil-USA kien ta’ madwar 60 miljun m2 kull sena, u mhux 600 miljun m2 kif iddikjarat fil-premessa 51 tar-Regolament provviżorju. Dan ġie verifikat u nstab li huwa korrett.

(59)

Rigward l-istabbilità [għażla] tal-USA bħala pajjiż analogu fid-dawl tal-livell ta’ produzzjoni li huwa iżjed baxx b’mod konsiderevoli, għandu jiġi enfasizzat li s-suq tal-USA huwa kompetittiv ħafna – hemm ħafna kumpaniji lokali tal-produzzjoni u l-kwantitajiet tal-importazzjoni huma sinifikanti. Barra dan, kif imsemmi fil-premessa 52 tar-Regolament provviżorju, ma hemm l-ebda evidenza ta’ ostakli nontariffarji li jistgħu joħolqu tfixkil sinifikanti għall-kompetizzjoni fis-suq. F’dawn iċ-ċirkostanzi, minkejja l-volum ta’ produzzjoni iżjed baxx, il-konklużjoni ġenerali li l-USA huwa pajjiż analogu xieraq tibqa’ l-istess.

(60)

Żewġ importaturi sostnew li l-prezzijiet tal-bejgħ tal-unitajiet tal-madum prodott fil-USA fis-suq domestiku tal-USA kienu ħafna iżjed ogħla minn dawk fis-suq tal-Unjoni u, meta mqabbla mal-prezzijiet tal-esportazzjoni, jagħtu lok li jsiru prattiki ta’ dumping. Dan l-argument instab li kien irrilevanti għall-fini ta’ din il-proċedura, billi kwalunkwe allegazzjoni bħal din, meta wieħed jassumi li jkun hemm evidenza għaliha prima facie, tista’ tiġi eżaminata bir-reqqa biss fi proċedura ta’ antidumping separata relatata mal-USA. Għalhekk ġie injorat.

(61)

[Żewġ importaturi] sostnew ukoll li l-produttur tal-USA li kien qed jikkoopera kien il-proprjetà tal-Unjoni jew kien affiljat ma’ produtturi tagħha u għalhekk l-investigazzjoni kienet difettuża billi d-dejta miksuba ma kinitx indipendenti.

(62)

Qed jiġi mfakkar li d-dejta sottomessa mill-produttur tal-USA li qed jikkoopera ġiet verifikata fuq il-post. Għalhekk instab li din il-pretensjoni hija irrilevanti u ġiet injorata.

(63)

Dawn l-importauri affermaw ukoll li l-volumi tal-esportazzjoni tal-USA kienu limitati. Dan l-argument ġie kkunsidrat bħala irrilevanti għall-għażla tal-pajjiż analogu, billi d-dejta tal-pajjiż analogu tintuża sabiex jiġi determinat il-valur normali u mhux il-prezzijiet tal-esportazzjoni. Għalhekk ġie miċħud.

[...]

(67)

Wara l-iżvelar finali, assoċjazzjoni ta’ importaturi għamlet ħafna talbiet. L-ewwel nett, affermat li l-volum baxx allegat ta’ bejgħ tal-produtturi tal-Istati Uniti fis-suq domestiku tagħhom meta mqabbel mal-esportazzjonijiet Ċiniżi lejn l-Unjoni jagħmel lill-USA suq mhux adatt bħala pajjiż analogu. F’dan ir-rigward, waqt l-eżami tal-pajjiżi analogi possibbli, il-livell ta’ kompetizzjoni f’dawk il-pajjiżi huwa, inter alia, wieħed mill-elementi eżaminati. Li jintlaħqu livelli simili ta’ bejgħ domestiku tal-industrija domestika u ta’ importazzjonijiet mill-pajjiż taħt investigazzjoni mhijiex prekundizzjoni sabiex pajjiż jitqies bħala pajjiż analogu adatt. Għal dak li jirrigwarda dawn il-pretensjonijiet, għal din l-investigazzjoni, u kif iddikjarat fil-premessa 59, instab li s-suq tal-Istati Uniti kien kompetittiv biżżejjed sabiex ikun għażla adatta. F’dawn iċ-ċirkostanzi, din il-pretensjoni qiegħda tiġi miċħuda.

(68)

L-assoċjazzjoni tal-importaturi sostniet ukoll li ma kinitx tikkunsidra li l-fatt li l-importazzjonijiet fis-suq tal-Istati Uniti huma sinifikanti kien rilevanti fl-għażla tal-Istati Uniti bħala pajjiż analogu. Għal dak li jirrigwarda din l-affermazzjoni, għandu jiġi nnotat li l-livell ta’ importazzjonijiet huwa tabilħaqq wieħed mill-fatturi importanti eżaminati fl-għażla ta’ pajjiż analogu adatt. Il-kombinazzjoni tal-produzzjoni domestika u l-volumi għoljin ta’ importazzjonijiet tikkontribwixxi għal suq kompetittiv kif imsemmi fil-premessa 59. F’dawn iċ-ċirkostanzi, din il-pretensjoni qiegħda tiġi miċħuda.

[...]

(70)

L-assoċjazzjoni sostniet ukoll li, billi l-prezz medju tal-bejgħ domestiku fl-USA tal-madum taċ-ċeramika prodott domestikament allegatament kien ħafna drabi ogħla mill-prezz tal-importazzjonijiet tal-Unjoni miċ-Ċina, il-prodott tal-Istati Uniti mhuwiex “prodott simili” għall-prodott impurtat miċ-Ċina. F’dan ir-rigward, il-fatt li dawn iż-żewġ prezzijiet huma differenti mhijiex raġuni sabiex jiġi kkunsidrat li l-prodott tal-Istati Uniti mhuwiex prodott simili għall-prodott ikkonċernat. Kif iddikjarat fil-premessa 32 tar-Regolament provviżorju, instab li l-prodott ikkonċernat u, inter alia, il-prodott prodott u mibjugħ fis-suq domestiku tal-USA għandhom l-istess karatteristiċi fiżiċi u tekniċi bażiċi kif ukoll l-istess użijiet bażiċi. F’dawn iċ-ċirkostanzi jiġu kkunsidrati bħala simili skont l-Artikolu 1(4) tar-Regolament bażiku. Il-pretensjoni tal-assoċjazzjoni għalhekk qiegħda tiġi miċħuda.

(71)

Finalment, l-assoċjazzjoni staqsiet għaliex l-Unjoni ma kinitx ikkunsidrata bħala pajjiż analogu xieraq fin-nuqqas ta’ kooperazzjoni minn pajjiżi terzi minbarra l-USA. F’dan ir-rigward, billi nstab li l-USA huwa pajjiż analogu adatt, kif imsemmi fil-premessa 59, il-ħtieġa li jiġu eżaminati swieq oħra adatti ma nħolqitx. Għalhekk, il-pretensjoni tal-assoċjazzjoni qiegħda tiġi miċħuda.

(72)

Fin-nuqqas ta’ iżjed kummenti, qed jiġi kkonfermat li l-għażla tal-USA bħala pajjiż analogu kienet approprjata u raġjonevoli skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, u l-premessi minn 45sa 54 tar-Regolament provviżorju qegħdin b’dan jiġu kkonfermati.

[...]

(74)

[Żewġ] importaturi osservaw li, billi it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament bażiku kien jeżiġi li l-valur normali jkun ibbażat fuq il-prezzijiet ta’ ‘bejjiegħa jew produtturi oħra’, kien żbaljat li jiġi stabbilit valur normali fuq il-bażi tad-dejta ta’ kumpanija waħda biss.

(75)

Għal dan ir-rigward, qed jiġi mfakkar li din il-proċedura tikkonċerna l-importazzjonijiet minn pajjiż b’ekonomija mhux tas-suq fejn il-valur normali jeħtieġ li jiġi stabbilit skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament Bażiku. Għalhekk, din l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

(76)

Wara l-iżvelar finali, assoċjazzjoni ta’ importaturi ddikjarat li hija kkunsidrat li l-valur normali f’pajjiż analogu ma setax jiġi bbażat fuq dejta pprovduta minn kumpanija waħda. Madankollu, għar-raġunijiet stabbiliti fil-premessa 75, din l-affermazzjoni qiegħda tiġi miċħuda.

(77)

Finalment, dawn l-importaturi affermaw li l-prodott tal-produttur analogu ma kellux rappreżentattività billi dan serva esklussivament is-segment bi prezz għoli. Billi t-talba għall-kunfidenzjalità tal-produttur analogu ġiet milqugħa, din l-allegazzjoni la hija kkonfermata u lanqas miċħuda. Fi kwalunkwe każ, anki jekk l-allegazzjoni kienet korretta, kif spjegat fil-premessa 61 tar-regolament provviżorju, saru aġġustamenti fejn kien meħtieġ għall-valur normali maħdum sabiex jiġu kkunsidrati t-tipi kollha ta’ madum, inkluż il-markar korporattiv għall-bejgħ mill-ġdid. Għalhekk instab li din l-affermazzjoni ma kinitx meħtieġa u għalhekk ġiet miċħuda.”

22

Il-premessi 86 u 87 tar-Regolament 917/2011 dwar l-aġġustamenti tal-valur normali, jindikaw:

‘‘(86)

Wara l-iżvelar finali, produttur esportatur partikolari afferma li, billi l-valur normali kien ibbażat fuq dejta minn produttur wieħed fil-pajjiż analogu u konsegwentement dejta preċiża ma setgħetx tiġi żvelata għal raġunijiet ta’ kunfidenzjalità, kien imperattiv li jiġi żgurat li jsiru l-agġustamenti fejn xieraq sabiex tiġi garantita l-paragunabilità tal-prodott għall-finijiet tal-kalkoli tad-dumping. F’dan ir-rigward, kif imsemmi fil-premessa 61 tar-Regolament provviżorju, saru aġġustamenti fejn meħtieġ sabiex jiġi żgurat paragun ġust bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni.

(87)

Wara l-iżvelar finali, żewġ importaturi sostnew li l-produttur tal-Istati Uniti li qed jesporta jservi esklussivament is-settur tal-madum taċ-ċeramika ta’ prezz għoli waqt li l-produtturi esportaturi Ċiniżi jservu s-segment bi prezz baxx. F’termini li jiġi garantit paragun ġust bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni, dawn l-importaturi sostnu li l-aġġustamenti meħtieġa taħt l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku ma ġewx żvelati lilhom. F’dan ir-rigward, qed jiġi nnotat li l-premessa 61 tar-Regolament provviżorju tispjega l-aġġustamenti li saru sabiex jiġi garantit paragun ġust.”

23

Il-Parti D tar-Regolament 917/2011, dwar id-determinazzjoni tal-ħsara kkawżata lill-industrija tal-Unjoni, tinkludi l-premessi 99 sa 137 tal-istess. Skont il-premessa 113 ta’ dan ir-regolament, taħt il-punt 3 ta’ din il-Parti D, dwar it-twaqqigħ tal-prezzijiet:

“L-investigazzjoni evidenzjat livelli ta’ twaqqigħ tal-prezzijiet bejn 43,2 % u 55,7 %, li hija sitwazzjoni kemm kemm differenti minn dak li nstab b’mod provviżorju [...]”

24

L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 917/2011/KEE jistabbilixxi:

“Huwa b’dan impost dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċangaturi u ċangar taċ-ċeramika gglejżjat u mhux igglejżjat, madum tal-qiegħ tal-fuklar jew tal-ħitan; kubi tal-mużajk taċ-ċeramika gglejżjati u mhux igglejżjati u dawk simili, kemm fuq saff kif ukoll mhux fuq saff, li attwalment jaqgħu taħt il-kodiċi [tan-Nomenklatura Magħquda inkluża fl-anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni tad-Dwana (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti Kapitolu 2, Vol. 2 p. 382-36) kif emendat (iktar’il quddiem in-“NM)] 6907 10 00, 6907 90 20, 6907 90 80, 6908 10 00, 6908 90 11, 6908 90 20, 6908 90 31, 6908 90 51, 6908 90 91, 6908 90 93 u 6908 90 99, u li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina.”

25

Skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, ir-rata tad-dazju antidumping definittiv applikabbli għall-prezz nett, ħieles fil-fruntiera tal-Unjoni, qabel id-dazju hija ta’ bejn 26,3 % u 69,7 %, skont il-kumpannija produttriċi.

26

Skont l-Artikolu 2 tar-Regolament 917/2011 l-ammonti ggarantiti permezz tad-dazji provviżorji tal-antidumping fuq importazzjonijiet ta’ madum taċ-ċeramika li joriġina miċ-Ċina imposti mir-Regolament provviżorju għandhom jinġabru b’mod definittiv.

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

27

Fis-7 ta’ Mejju 2010, il-Kummissjoni rċeviet ilment, li l-importazzjonijiet tal-madum taċ-ċeramika li joriġina miċ-Ċina kienu suġġetti għal prattiki ta’ dumping u għalhekk jikkawżaw preġudizzju lill-industrija tal-Unjoni.

28

Għaldaqstant, hija ppubblikat, fid-19 ta’ Ġunju 2010, avviż ta’ tnedija ta’ proċediment ta’ anti-dumping fir-rigward tal-importazzjonijiet tal-madum taċ-ċeramika li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 160, p. 20). L-investigazzjoni ġiet estiża għall-madum taċ-ċeramika kollu importat taħt l-intestaturi 6907 u 6908 tan-Nomenklatura Magħquda li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 382), kif emendat (iktar ’il quddiem in-“NM”).

29

Fis-16 ta’ Marzu 2011, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament provviżorju.

30

Fix-xahar ta’ Lulju 2011, Fliesen-Zentrum importat fit-territorju doganali tal-Unjoni madum mhux igglejżjat immanifatturat fiċ-Ċina taħt l-intestatura tarriffarja 6907 9020 tan-NM. Fil-15 ta’ Lulju 2011 hija talbet ir-rilaxx għal ċirkulazzjoni libera billi ddepożitat mal-Haptzollamt diversi dikjarazzjonijiet doganali ssimplifikati, mimlija fit-18 ta’ Lulju 2011. Permezz ta’ avviż tat-2 ta’ Awwissu 2011, il-Hauptzollamt iffissa, minbarra d-dazji doganali u t-taxxa fuq il-valur miżjud, garanzija għal dazju antidumping provviżorju b’rata ta’ 32.3 % fl-ammont ta’ EUR 9479.09 li Fliesen-Zentrum ħallset.

31

Permezz ta’ ittra tal-5 ta’ Awwissu 2011, Fliesen-Zentrum ippreżentat appell amministrattiv quddiem il-Haptzollamt kontra dan l-avviż, li ġie miċħud permezz ta’ deċiżjoni tad-19 ta’ Ottubru 2011.

32

Fit-12 ta’ Settembru 2011, il-Kunsill adotta r-Regolament Nru 917/2011.

33

Permezz ta’ avviż tal-4 ta’ Novembru 2011, il-Haupzollamt stabbilixxa definittivament l-ammont tad-dazji antidumping għal EUR 9479.09, li ġie paċut totalment bil-garanzija mħallsa għad-dazju antidumping provviżorju. Fliesen-Zentrum reġgħet ippreżentat appell amministrattiv kontra dan l-avviż, li l-Hauptzollamt ċaħad permezz ta’ deċiżjoni tat-3 ta’ Frar 2012.

34

Fliesen-Zentrum ppreżentat appell intiż għall-annullament ta’ dawn l-avviżi quddiem il-qorti tar-rinviju billi invokat l-invalidità tar-Regolament Nru 917/2011. Il-qorti tar-rinviju kkunsidrat li erba’ mill-motivi mressqa minn Fliesen-Zentrum insostenn tal-appell tagħha jistgħu jkunu fondati.

35

F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tesponi d-dubji tagħha dwar il-validità tar-Regolament Nru 917/2011. B’mod partikolari, din il-qorti tistaqsi, fl-ewwel lok, jekk il-fatt li l-Kunsill kien għażel, f’dan ir-regolament, l-Istati Uniti bħala pajjiż ta’ referenza sabiex jiġi stabbilit il-valur normali tal-prodotti analogi għall-madum inkwistjoni fil-kawża prinċipali jmurx kontra t-tieni subparagrafu tal-Artikoli 2(7)(a) u 18 tar-Regolament bażiku. B’riferiment għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-għażla ta’ pajjiż terz xieraq b’ekonomija tas-suq sabiex jiġi ddeterminat il-valur normali tal-prodotti importati minn pajjiż li ma għandux ekonomija bħal din, din il-qorti tosserva li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom l-obbligu li jieħdu inkunsiderazzjoni elementi essenzjali biex jistabbilixxu l-adegwatezza tal-pajjiż terz magħżul u jeżaminawhom bid-diliġenza meħtieġa. F’dan il-każ hija tistaqsi jekk l-għażla tal-Istati Uniti bħala pajjiż ta’ referenza hijiex raġonevoli fis-sens tar-Regolament provviżorju u r-Regolament Nru 917/2011, peress illi s-suq Amerikan u dak Ċiniż tal-madum taċ-ċeramika huma estremament differenti wieħed mill-ieħor. Hija tindika, f’dan ir-rigward, li kien hemm pajjiżi ta’ referenza oħra possibbli li kienu ġew espressament indikati mill-partijiet implikati fil-proċedura amministrattiva ta’ antidumping. Barra minn hekk, il-Kummissjoni setgħet għażlet tali pajjiż ta’ referenza u tiddetermina l-valur normali tal-prodotti kkonċernati abbażi tad-data aċċessibbli pubblikament.

36

Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, billi użat data minn produttur wieħed simili matul il-kalkolu tal-valur normali tal-prodotti importati, il-Kummissjoni kisritx id-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 2(1) u (7)(a) tar-Regolament bażiku, skont liema dan il-kalkolu għandu jsir abbażi ta’ data minn diversi produtturi, speċjalment meta dan il-kalkolu għandu jitwettaq fir-rigward ta’ pajjiż ta’ referenza. Skont din il-qorti, it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ produttur wieħed simili ma żgurax ir-rappreżentattività tal-informazzjoni.

37

Fit-tielet lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-affidabbiltà tal-kalkolu tal-imsemmi valur u, konsegwentement, fuq l-eventwali ksur f’dan ir-rigward tal-Artikoli 2(7)(a) u 10 tar-Regolament bażiku. Barra minn hekk, din il-qorti tistaqsi jekk l-istituzzjonijiet tal-Unjoni naqsux milli jwettqu l-obbligu ta’ motivazzjoni u b’hekk kisru d-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, billi l-informazzjoni vaga pprovduta mill-Kummissjoni dwar il-kalkolu preċiż tal-valur normali tagħmel impossibbli l-preżentazzjoni ta’ osservazzjonijiet issostanzjati.

38

Fir-raba’ lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, waqt il-kostituzzjoni tal-kampjuni ta’ produtturi-esportaturi Ċiniżi u ta’ produtturi tal-Unjoni, il-Kummissjoni kisritx id-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikoli 3 u 17 tar-Regolament bażiku. F’dan ir-rigward, minn naħa waħda, jidher li l-impriżi żgħar u medji Ċiniżi ma setgħux jew setgħu jiġu rrappreżentati biss marġinalment fil-kampjun. Issa, skont il-qorti tar-rinviju, dan huwa f’kontradizzjoni mal-frammentazzjoni kbira tal-industrija Ċiniża tal-madum taċ-ċeramika, li hija kkostitwita minn impriżi żgħar u medji, hekk kif jirriżulta mill-premessa 73 tar-Regolament Nru 917/2011. Min-naħa l-oħra, matul il-kostituzzjoni tal-kampjuni ta; produtturi tal-Unjoni, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-frammentazzjoni kbira tal-industrija tal-madum taċ-ċeramika tal-Unjoni u inkludiet is-segmenti kollha, jiġifieri, l-impriżi żgħar, medji u kbar. Barra minn hekk, kienu biss il-produtturi tal-pajjiżi tal-Ewropa tal-Punent li kienu ġew inklużi fil-kampjun tal-produtturi tal-Unjoni, billi l-produtturi tal-Istati Membri fejn il-livell tal-prezz tagħhom huwa iktar baxx ma kinux riflessi hawnhekk. Konsegwentement, il-kostituzzjoni ta’ dawn iż-żewġ kampjuni, skont il-qorti tar-rinviju, twassal biex jiġu pparagunati kampjuni ta’ produtturi Ċiniżi u ta’ produtturi tal-Unjoni li ma kinux paragunabbli.

39

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Finanzgericht München iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Ir-[Regolament Nru 917/2011] huwa validu?”

Fuq id-domanda preliminari

Osservazzjonijiet preliminari

40

Fl-ewwel lok, Fliesen-Zentrum targumenta fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, sussidjarjament, żewġ motivi ta’ invalidità tar-Regolament Nru 917/2011, minbarra l-erba’ motivi l-oħra li qajmet quddiem il-qorti tar-rinviju fid-domanda preliminari tagħha. Dawn il-motivi huma bbażati fuq nuqqas ta’ motivazzjoni u fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża fl-assenza ta’ komunikazzjoni ta’ informazzjoni essenzjali rilevanti u, b’mod partikolari, fuq ksur tal-Artikoli 19 u 21 tar-Regolament bażiku.

41

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE hija bbażata fuq separazzjoni netta tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, b’tali mod li hija biss il-qorti nazzjonali li quddiemha titressaq il-kawża u li għandha tagħti d-deċiżjoni, li għandha tevalwa, fir-rigward tal-partikolarijiet tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun fil-pożizzjoni li tagħti s-sentenza tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja (ara b’mod partikolari, is-sentenza Hoesch Metals and Alloys, C‑373/08, EU:C:2010:68, punt 59).

42

Jirriżulta wkoll minn ġurisprudenza stabbilita sew li l-Artikolu 267 TFUE ma jiftaħx rimedji ġudizzjarji lill-partijiet f’kawża pendenti quddiem il-qorti nazzjonali, b’mod li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tkun obbligata li tevalwa l-validità tad-dritt tal-Unjoni għar-raġuni biss li din il-kwistjoni ġiet invokata quddiemha minn waħda minn dawn il-partijiet fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha (ara s-sentenza MSD Sharp & Dohme, C‑316/09, EU:C:2011:275, punt 23 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

43

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx lok li l-eżami tal-validità tar-Regolament Nru 917/2011 jiġi estiż fir-rigward tal-motivi mhux imsemmija mill-qorti tar-rinviju (ara, b’analoġija, is-sentenza Hoesch Metals and Alloys, C‑373/08, EU:C:2010:68, punt 60).

44

Fit-tieni lok, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni, b’mod partikolari fir-rigward tal-miżuri ta’ protezzjoni tal-kummerċ, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa minħabba l-kumplessità ta’ sitwazzjonijiet ekonomiċi, politiċi u legali li għandhom jeżaminaw. Fir-rigward tal-istħarriġ ġudizzjarju ta’ evalwazzjoni bħal din, għandu għalhekk ikun limitat għall-verifiki tal-osservanza tar-regoli tal-proċedura, tal-eżattezza materjali tal-fatti li fuqhom kienet ibbażata l-għażla kkontestata, tal-assenza ta’ żball fl-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti jew tal-assenza ta’ użu ħażin ta’ poter (ara s-sentenza Simon, Evers & Co., C‑21/13, EU:C:2014:2154, punt 29 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

Fuq l-għażla tal-Istati Uniti bħala pajjiż terz analogu

45

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-għażla tal-Istati Uniti bħala pajjiż terz b’ekonomija tas-suq xierqa, imwettqa mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, għall-finijiet tal-kalkolu tal-valur normali tal-prodotti kkonċernati permezz tal-importazzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxix ksur tat-tieni subparagrafu tal-Artikoli 2(7)(a) u 18 tar-Regolament bażiku.

46

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, b’mod partikolari, jekk l-imsemmija għażla hijiex xierqa fid-dawl tal-fatt li, fl-ewwel lok, is-suq tal-madum Amerikan u dak Ċiniż tal-madum taċ-ċeramika huma sostanzjalment differenti minn xulxin. In-natura xierqa tal-għażla tista’ tiġi kkontestata minħabba li, fit-tieni lok, l-esportaturi Amerikani jesportaw ftit ħafna u jipprovdu biss segment żgħir ta’ madum ta’ kwalità superjuri fis-suq domestiku, fejn tliet kwarti tas-suq huwa essenzjalment suq ta’ importazzjoni. Din tista’ wkoll tkun dubjuża, fit-tielet lok, peress li ma huwiex ċert jekk il-Kummissjoni eżerċitatx id-diliġenza kollha dovuta, jekk eżaminatx b’mod eżawrjenti pajjiżi analogi potenzjali oħra u jekk ikkunsidratx data taħt forma ta’ statistika oħra pubblikament aċċessibbli sabiex tikkjarifika l-għażla tagħha.

47

Fliesen-Zentrum tqis li l-għażla tal-Istati Uniti bħala pajjiż analogu ma kinitx xierqa. Filwaqt li tibbaża fuq is-sentenza Nölle (C‑16/90, EU:C:1991:402, punt 35), hija tenfasizza li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom, meta jagħżlu l-pajjiż ta’ referenza, jeżaminaw l-adegwatezza ta’ dan il-pajjiż bid-diliġenza kollha dovuta. F’dan il-każ, il-Kummissjoni ġiet informata matul il-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tar-Regolament Nru 917/2011 bin-natura mhux paragunabbli tas-swieq Amerikani u Ċiniżi u tal-fatt li l-Istati Uniti ma kienx pajjiż analogu xieraq għall-finijiet tal-investigazzjoni antidumping. B’mod partikolari, Fliesen-Zentrum targumenta li l-Kummissjoni setgħet tikkunsidra wkoll pajjiżi terzi oħra bħala pajjiżi ta’ referenza bħall-Emirati Għarab Magħquda, ir-Repubblika Għarbija tal-Eġittu, il-Malasja u r-Repubblika tat-Tuneżija.

48

F’dan ir-rigward, skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, fil-każ ta’ importazzjonijiet minn pajjiżi li ma għandhomx ekonomija tas-suq, minkejja r-regoli stabbiliti fil-paragrafi 1 sa 6 tal-istess artikolu, il-valur normali huwa, bħala prinċipju, iddeterminat abbażi tal-prezz jew tal-valur maħdum f’pajjiż terz b’ekonomija tas-suq. Fil-fatt, l-imsemmija dispożizzjoni hija intiża li tipprevjeni t-teħid inkunsiderazzjoni tal-prezzijiet u tal-ispejjeż eżistenti f’pajjiż terz li ma għandux ekonomija tas-suq sa fejn dawn il-parametri ma humiex ir-riżultat normali tal-forzi li jaġixxu fis-suq (ara s-sentenzi Rotexchemie, C‑26/96, EU:C:1997:261, punt 9, u GLS, C‑338/10, EU:C:2012:158, punt 20).

49

Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(7)(a), tar-Regolament bażiku, għandu jiġi magħżul pajjiż terz xieraq b’ekonomija tas-suq b’mod li ma jkunx irraġonevoli, filwaqt li jitqies kull tagħrif ta’ min joqgħod fuqu li jkun disponibbli fiż-żmien tal-għażla. Fil-fatt, huma l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, filwaqt li jieħdu inkunsiderazzjoni alternattivi li jippreżentaw ruħhom, li għandhom ifittxu li jsibu pajjiż terz fejn il-prezz ta’ prodott simili huwa ffurmat f’ċirkustanzi daqstant paragunabbli kemm jista’ jkun ma’ dawk tal-pajjiż ta’ esportazzjoni, bil-kundizzjoni li dan ikun pajjiż b’ekonomija tas-suq (sentenza GLS, C‑338/10, EU:C:2012:158, punt 21).

50

Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li jirriżulta mill-formulazzjoni u mill-istruttura tal-imsemmija dispożizzjoni li l-għan li tingħata prijorità għall-metodu prinċipali stabbilit mill-imsemmija dispożizzjoni, jiġifieri d-determinazzjoni tal-valur normali ta’ prodott, fil-każ ta’ importazzjonijiet minn pajjiżi li ma għandhomx ekonomija tas-suq, mill-“prezz jew [mill-valur] maħdum f’pajjiż terz b’ekonomija tas-suq” jew ukoll minn “il-prezz minn dan il-pajjiż terz għall-pajjiżi l-oħra, inkluża l-[Unjoni]”, huwa li tinkiseb determinazzjoni raġonevoli ta’ valur normali, fil-pajjiż esportatur, bl-għażla ta’ pajjiż terz fejn il-prezz ta’ prodott simili huwa ffurmat f’ċirkustanzi li kemm jista’ jkun jistgħu jiġu pparagunati ma’ dawk tal-pajjiż ta’ esportazzjoni, bil-kundizzjoni li dan ikun pajjiż b’ekonomija tas-suq (sentenza GLS, C‑338/10, EU:C:2012:158, punti 24 u 25).

51

Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt [44] tas-sentenza preżenti, l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, meta jintgħażel il-pajjiż terz ta’ referenza, huwa suġġett għal stħarriġ ġudizzjarju. B’mod partikolari, għandu jiġi vverifikat jekk dawn l-istituzzjonijiet naqsux milli jieħdu inkunsiderazzjoni elementi essenzjali sabiex tiġi stabbilita l-adegwatezza tal-pajjiż magħżul u jekk l-elementi tal-proċess ġewx eżaminati bid-diliġenza kollha dovuta sabiex ikun jista’ jiġi kkunsidrat li l-valur normali tal-prodott ikkonċernat kien iddeterminat b’mod xieraq u mhux b’mod irraġonevoli (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Nölle, C‑16/90, EU:C:1991:402, punti 12 u 13, kif ukoll GLS, C‑338/10, EU:C:2012:158, punt 22).

52

F’dan il-każ, f’dak li jirrigwarda, l-ewwel nett, it-tfittxija ta’ pajjiżi analogi, jirriżulta mill-elementi mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li l-parti li ressqet l-ilment li ta bidu għall-proċedura antidumping ipproponiet l-Istati Uniti bħala pajjiż analogu, skont il-possibbiltà mogħtija lilha mill-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku. Għalhekk, il-Kummissjoni fl-avviż tal-ftuħ tal-proċedura ta’ antidumping tad-19 ta’ Ġunju 2010, ipprevediet li tagħżel l-Istati Uniti bħala pajjiż terz xieraq b’ekonomija tas-suq, u stiednet lill-partijiet fl-investigazzjoni sabiex iressqu l-kummenti tagħhom dwar dan. Jirriżulta wkoll mill-premessa 47 tar-Regolament provviżorju li “bosta pajjiżi oħra ġew proposti biex iservu bħala alternattiva, b’mod partikolari l-Brażil, it-Turkija, in-Niġerja, it-Tajlandja u fl-aħħar l-Indoneżja”. Il-Kummissjoni talbet ukoll lill-produtturi ta’ ċertu daqs importanti, stabbiliti f’dawn l-Istati u fl-Istati Uniti sabiex iwieġbu kwestjonarju li hija kienet bagħtitilhom. Kif spjegat fil-premessa 48 tar-Regolament provviżorju, kienu biss żewġ produtturi tal-prodott ikkonċernat stabbiliti fl-Istati Uniti li wieġbu, b’mod komplet, għal dan il-kwestjonarju.

53

Barra minn hekk, jirriżulta mill-elementi mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li l-Federazzjoni Russa kienet ukoll ġiet proposta, matul il-proċedura ta’ investigazzjoni, bħala pajjiż terz possibbli, u li kien jirriżulta wkoll mill-premessa 144 tar-Regolament provviżorju li l-prodott investigat kien prodott f’diversi pajjiżi terzi, bħall-Emirati Għarab Magħquda, ir-Repubblika Għarbija tal-Eġittu u l-pajjiżi tan-Nofsinhar ix-Xlokk tal-Asja.

54

Madankollu, minn naħa waħda, qabel ma kkonkludiet, fil-premessa 54 tar-Regolament provviżorju, li “l-USA huwa pajjiż analogu xieraq u raġonevoli skont l-Artikolu 2(7) tar-Regolament bażiku”, il-Kummissjoni spjegat, fil-premessi 49 sa 53 tar-Regolament provviżorju, l-elementi kollha tal-investigazzjoni antidumping li wassluha għal din il-konklużjoni, billi tenfasizza wkoll li d-data pprovduta mill-produtturi tal-Istati Uniti li kkooperaw fl-investigazzjoni antidumping kienet ġiet ivverifikata fuq il-post.

55

Min-naħa l-oħra, jidher mill-elementi mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li l-Kummissjoni kkunsidrat li tieħu inkunsiderazzjoni pajjiżi terzi oħra bħala pajjiżi ta’ referenza u ppruvat mingħajr suċċess sabiex tagħmel kuntatt ma’ produtturi stabbiliti f’dawn il-pajjiżi terzi. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, peress li produtturi stabbiliti fil-pajjiżi terzi analogi kkunsidrati ma humiex meħtieġa li jikkooperaw, il-fatt li dawn ma jweġbux għall-istedina sabiex jikkooperaw li ġejja mill-Kummissjoni ma jistax jikkostitwixxi ksur tad-dmir ta’ diliġenza li din l-istituzzjoni għandha. Għalhekk, huwa meħtieġ li jiġi kkunsidrat li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni mxew, bid-diliġenza meħtieġa, fit-tfittxija ta’ pajjiż analogu xieraq.

56

B’mod partikolari, fir-rigward tal-allegazzjoni li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni ċerta data statistika aċċessibbli għall-pubbliku matul din it-tfittxija, il-Qorti tal-Ġustizzja ċertament iddeċidiet, fis-sentenza GLS (C‑338/10, EU:C:2012:158, punt 30), li huma l-istituzzjonijiet tal-Unjoni li għandhom jeżaminaw bid-diliġenza kollha dovuta l-informazzjoni li tkun disponibbli għalihom, inkluż b’mod partikolari l-istatistika tal-Eurostat għall-finijiet ta’ tfittxija jekk pajjiż analogu fis-sens tal-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, jistax jiġi magħżul. Madankollu, għandu jiġi rrilevat li dawn il-kunsiderazzjonijiet kienu relatati mal-obbligi tal-Kummissjoni meta ebda waħda mill-kumpanniji mitluba ma kienet lesta li tikkoopera u meta hija applikat il-metodu sussidjarju previst f’din id-dispożizzjoni li kien jikkonsisti li jiġi ddeterminat il-valur normali tal-prodott ikkonċernat “fuq kull bażi oħra raġjonevoli”. Madankollu, huwa paċifiku li, fil-proċedura antidumping preżenti, kumpannija Amerikana aċċettat li tikkoopera mal-Kummissjoni u din tal-aħħar, għalhekk, applikat il-metodu prinċipali stabbilit mill-imsemmija dispożizzjoni, li kien jeżentaha milli teżamina dawn l-istatistiċi.

57

Sussegwentement, jirriżulta mill-premessi 59, 67 u 68 tar-Regolament Nru 917/2011 li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni eżaminaw id-differenzi bejn is-suq Amerikan u Ċiniż tal-madum taċ-ċeramika. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li s-suq Amerikan huwa kompetittiv ħafna u ma teżisti ebda prova li tista’ turi l-eżistenza ta’ ostakoli mhux tariffarji li jistgħu jostakolaw serjament il-kompetizzjoni fis-suq. Huwa osservat ukoll li l-produzzjoni fl-Istati Uniti tkopri sensiela wiesgħa ta’ tipi ta’ prodotti paragunabbli ma’ dawk prodotti u esportati miċ-Ċina.

58

B’mod partikolari, hekk kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 71 tal-konklużjonijiet tagħha, f’dak li jirrigwarda, minn naħa, l-effett tal-kompetizzjoni fis-suq, il-kompetizzjoni qawwija bħala prinċipju teżerċita influwenza li tbaxxi l-prezzijiet, sabiex id-data minn suq kompetittiv ħafna mhux bilfors twassal għal marġni ta’ dumping ogħla minn dak li jirriżulta mill-użu ta’ data ta’ pajjiż bi spejjeż iktar baxxi, iżda wkoll kompetizzjoni inqas qawwija. Fir-rigward, min-naħa l-oħra, tad-differenza bejn dawn iż-żewġt iswieq dwar il-livell ta’ żvilupp teknoloġiku, livell iktar avvanzat ta’ żvilupp jista’ jpaċi spejjeż ta’ xogħol iktar baxxi, b’tali mod li l-ispejjeż tax-xogħol ikbar ma jistgħux neċessarjament jitqiesu bħala indiċi ta’ prezzijiet ogħla u valur normali ogħla.

59

Għalhekk, minkejja din id-differenza, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni setgħu, ġustament, jibbażaw ruħhom fuq il-kompetizzjoni qawwija eżistenti fis-suq tal-madum taċ-ċeramika fl-Istati Uniti għall-finijiet tal-għażla ta’ dan l-Istat bħala l-pajjiż terz xieraq b’ekonomija tas-suq.

60

Minn dan isegwi li huwa xieraq li jiġi kkunsidrat li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni eżaminaw, bid-diliġenza kollha dovuta, id-differenzi bejn is-suq Amerikan u dak Ċiniż tal-madum taċ-ċeramika u setgħu, ġustament, jikkunsidraw l-Istati Uniti bħala l-pajjiż analogu, skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku.

61

Fl-aħħar nett, f’dak li jirrigwarda l-allegazzjoni li l-esportaturi Amerikani jesportaw ftit wisq u jipprovdu biss segment żgħir ta’ madum taċ-ċeramika ta’ kwalità superjuri fis-suq Amerikan, għandu jiġi rrilevat li, hekk kif ġie indikat fil-premessi 49 u 50 tar-Regolament provviżorju, l-investigazzjoni antidumping uriet li l-madum taċ-ċeramika miċ-Ċina u mill-Istati Uniti fundamentalment kellu l-istess karatteristiċi fiżiċi, kien iddestinat għall-istess użu u kien prodott permezz ta’ proċess ta’ produzzjoni simili.

62

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għażlu b’mod mhux irraġonevoli, skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament bażiku, lill-Istati Uniti bħala pajjiż terz xieraq b’ekonomija tas-suq bħala pajjiż analogu għall-finijiet tal-kalkolu tal-valur normali.

Fuq id-determinazzjoni tal-valur normali fuq il-bażi ta ’ informazzjoni kkomunikata minn produttur wieħed

63

Fit-tieni lok, permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tesprimi dubji dwar ir-rappreżentattività tal-valur normali li ġie stabbilit abbażi ta’ informazzjoni kkomunikata minn produttur wieħed.

64

B’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fl-ewwel lok, jekk jirriżultax mill-formulazzjoni tal-Artikolu 2(1) u (6) tar-Regolament bażiku li l-valur normali għandu jiġi stabbilit fuq il-bażi tal-prezzijiet mitluba minn diversi produtturi. Hija tixtieq tkun taf, fit-tieni lok, jekk ir-riferiment għad-data minn produttur wieħed jippermettix madankollu li jiġi ddeterminat b’mod preċiż u oġġettiv dan il-valur, b’mod partikolari meta jkun hemm riskju, bħal ma hemm fil-kawża prinċipali, li l-produttur li kkomunika d-data tiegħu huwa kkontrollat minn produttur tal-Unjoni u li għalhekk ma huwiex ekonomikament indipendenti. Fit-tielet lok, minħabba li d-data minn produttur wieħed hija kkundizzjonata mill-għażla ta’ politika speċifika tal-impriża, din il-qorti tistaqsi dwar jekk hijiex il-Kummissjoni li għandha tirrikorri għal esperti esterni.

65

Qabel kollox, f’dak li jirrigwarda l-formulazzjoni tal-Artikolu 2(1) u (6) tar-Regolament bażiku, il-qorti tar-rinviju u Fliesen-Zentrum huma tal-fehma li l-valur normali għandu jiġi stabbilit fuq il-bażi tal-prezzijiet ta’ diversi produtturi, sa fejn din id-dispożizzjoni tirreferi “għall-prezzijiet” u “għall-esportaturi jew produtturi oħrajn” għall-finijiet ta’ determinazzjoni ta’ dan il-valur. Madankollu, wieħed għandu jinnota li fil-każ ta’ importazzjonijiet minn pajjiżi li ma għandhomx ekonomija tas-suq, ir-Regolament bażiku jipprevedi, fl-Artikolu 2(7) tiegħu, reġim speċifiku f’dak li jikkonċerna d-determinazzjoni tal-valur normali, differenti minn dak previst fil-paragrafi 1 sa 6 ta’ dan l-artikolu, b’tali mod li l-formulazzjoni ta’ dawn il-paragrafi tal-aħħar ma hijiex rilevanti sabiex jiġi stabbilit jekk il-valur normali inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandux jinħadem abbażi ta’ prezzijiet ta’ produttur wieħed jew iktar.

66

Sussegwentement, fir-rigward tad-determinazzjoni tal-valur normali skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni ċertament irrikonoxxiet, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, li r-riferiment għad-data ta’ diversi produtturi stabbiliti fil-pajjiż analogu, minflok produttur wieħed biss, huwa, fil-prinċipju, preferibbli. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li s-sempliċi fatt li jeżisti produttur wieħed fil-pajjiż ta’ referenza ma jeskludix minnu nnifsu li l-prezzijiet hemmhekk huma r-riżultat ta’ kompetizzjoni reali, peress li tali kompetizzjoni tista’ tirriżulta wkoll, fl-assenza ta’ kontroll tal-prezzijiet, mill-preżenza ta’ importazzjonijiet sinjifikattivi minn pajjiżi oħra (sentenza Rotexchemie; C‑26/96, EU:C:1997:261, punt 15).

67

Għalhekk, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-element determinanti, għall-finijiet tal-għażla tal-produttur jew produtturi fil-pajjiż ta’ referenza, huwa dak dwar jekk il-prezzijiet fis-suq intern tal-pajjiż terz humiex ir-riżultat ta’ kompetizzjoni reali. Madanakollu, kif diġà ġie rrilevat fil-punt 57 tas-sentenza preżenti, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni eżaminaw din il-kwistjoni matul l-investigazzjoni antidumping u kkunsidraw li s-suq Amerikan huwa kompetittiv, b’tali mod li ma jeżisti l-ebda element li jippermetti li tintwera l-eżistenza ta’ ostakoli mhux tariffarji li jistgħu jostakolaw serjament il-kompetizzjoni fis-suq.

68

Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-allegat riskju li l-produttur li kkomunika d-data tiegħu fil-kuntest tal-proċedura antidumping huwa kkontrollat minn produttur tal-Unjoni u li għalhekk ma huwiex ekonomikament indipendenti, għandu jiġi kkunsidrat li huwa improbabbli, kif enfasizzat l-Avukat Ġenerali fil-punt 97 tal-konklużjonijiet tagħha, li ttieħdet inkunsiderazzjoni data ta’ produttur li biegħ lil klijenti marbuta miegħu, peress li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni qed jiġu kkritikati li ħadmu prezz normali artifiċjalment għoli. Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi rrilevat li, kif indikat fil-premessa 62 tar-Regolament Nru 917/2011, id-data kienet ivverifikata fuq il-post mis-servizzi tal-Kummissjoni.

69

Fl-aħħar nett, fir-rigward tar-riferiment mill-Kummissjoni lejn esperti esterni, huwa importanti li jiġi enfasizzat li tali riferiment ma huwiex iġġustifikat meta, bħal fil-kawża prinċipali, id-data ta’ produttur hija rappreżentattiva. Kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 88 tal-konklużjonijiet tagħha, fl-assenza ta’ raġuni speċifika, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom, bħala regola, jiġu kkunsidrati kapaċi li jevalwaw huma stess id-data tagħhom b’mod xieraq.

70

F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni setgħu, ġustament, jistabbilixxu l-valur normali abbażi ta’ informazzjoni kkomunikata minn produttur wieħed.

Dwar l-obbligu ta ’ motivazzjoni u d-drittijiet tad-difiża, fir-rigward tal-kalkolu tal-valur normali maħdum

71

Fit-tielet lok, permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, dwar jekk humiex l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, meta jwettqu aġġustamenti tal-valur normali stabbilit abbażi tal-prezzijiet tal-produttur tal-pajjiż analogu, li għandhom jibbażaw fuq provi, jew tal-inqas fuq indizji, li jippermettu li tiġi stabbilita l-eżistenza tal-fattur li għalih l-aġġustament ikun sar u sabiex jiġi stabbilit l-impatt tiegħu fuq il-paragunabbiltà bejn il-prezz tal-esportazzjoni u l-valur normali. Għalhekk, din il-qorti tistaqsi jekk dawn l-istituzzjonijiet, billi jipprovdu informazzjoni vaga rigward il-kalkolu eżatt tal-valur normali u billi jagħmlu impossibbli l-preżentazzjoni ta’ osservazzjonijiet debitament fondati, naqsux mill-obbligu ta’ motivazzjoni u għaldaqstant kisru d-drittijiet tad-difiża ta’ Fliesen-Zentrum.

72

Fliesen-Zentrum tikkunsidra li, skont l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku, l-aġġustamenti tal-valur normali għandhom isiru biex jitqiesu d-differenzi kkonstatati fil-fatturi li permezz tagħhom jintwera li dawn jaffettwaw il-prezzijiet, u, għalhekk, il-paragunabbiltà tagħhom, bħal, b’mod partikolari, id-differenzi fil-kwalità. Filwaqt li tibbaża, b’mod partikolari, fuq is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea Kundan u Tata vs Il‑Kunsill (T‑88/98, EU:T:2002:280. punti 95 kif ukoll 96), Fliesen-Zentrum issostni li huma l-istituzzjonijiet tal-Unjoni li għandhom jibbażaw fuq l-imsemmija indizji jew provi. Fil-kawża prinċipali, il-valur normali stabbilit mill-Kummissjoni huwa tant vag li ma jkunx jista’ jservi bħala bażi għall-istabbiliment ta’ eventwali dumping. F’dan ir-rigward, Fliesen-Zentrum tikkunsidra li l-Kummissjoni ma wrietx kif dan il-valur kien maħdum.

73

Fir-rigward, fl-ewwel lok, ta’ Fliesen-Zentrum, għandu jiġi enfasizzat li huwa paċifiku li din il-kumpannija ma pparteċipatx fil-proċedura ta’ investigazzjoni ta’ dumping u ma hijiex marbuta ma’ xi produttur Ċiniż. Għaldaqstant din ma tistax titlob għaliha nnifisha l-benefiċċju tad-drittijiet tad-difiża waqt proċedura li għaliha hija ma pparteċipatx.

74

F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa xieraq li jiġi eżaminat, fit-tieni lok, jekk il-motivi li jikkonċernaw l-aġġustament tal-valur normali stabbilit abbażi tal-prezzijiet tal-produttur tal-pajjiż analogu jissodisfawx ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-obbligu ta’ motivazzjoni stabbilit fl-Artikolu 296 TFUE.

75

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 296 TFUE għandha tkun adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi, b’mod ċar u inekwivoku, ir-raġunament tal-istituzzjoni li tkun l-awtriċi, sabiex il-partijiet ikkonċernati jsiru jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u lill-qorti kompetenti sabiex teżerċita s-stħarriġ tagħha (ara s-sentenza L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, C‑138/03, C‑324/03 u C‑431/03, EU:C:2005:714, punt 54 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

76

Dan ir-rekwiżit għandu jiġi evalwat skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari l-kontenut tal-att, in-natura tal-motivi invokati u l-interess li d-destinatarji jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment mill-att jista’ jkollhom sabiex jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti kollha, sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi evalwata fir-rigward mhux biss tal-formulazzjoni tiegħu, iżda wkoll fir-rigward tal-kuntest tiegħu u tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (ara s-sentenza L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, C‑138/03, C‑324/03 u C‑431/03, EU:C:2005:714, punt 55 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

77

Bl-istess mod, fil-każ ta’ regolament, il-motivazzjoni tista’ tkun limitata sabiex tindika, minn naħa, is-sitwazzjoni ġenerali li wasslet għall-adozzjoni tiegħu, u min-naħa l-oħra l-għanijiet ġenerali li huwa maħsub li jilħaq (sentenzi Abrias et vs Il-Kummissjoni, 3/83, EU:C:1985:283, punt 30, kif ukoll Spanja vs Il-Kunsill C‑342/03, EU:C:2005:151, punt 55). Għalhekk, ma jistax jiġi meħtieġ mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni li jispeċifikaw fatti differenti li ta’ spiss ikunu numerużi u kumplessi li fuqhom ir-regolament ikun ġie adottat, u lanqas a fortiori li jipprovdu evalwazzjoni sħiħa jew kważi sħiħa (ara f’dan is-sens, is-sentenza Beus, 5/67, EU:C:1968:13, punt 4).

78

Minn dan isegwi li, jekk l-għan essenzjali segwit mill-istituzzjoni jirriżulta mill-att ta’ portata ġenerali inkwistjoni, dan tal-aħħar ma għandux jinkludi motivazzjoni speċifika għal kull wieħed mill-aġġustamenti għall-valur normali tal-prodott inkwistjoni.

79

Fil-kawża prinċipali, huwa paċifiku li l-motivi li għalihom il-valur normali ġie aġġustat issemmew fil-premessa 61 tar-Regolament provviżorju, li indikat li hija kienet “għad-differenzi fil-karatteristiċi [...] u għad-differenzi fil-kwalità għal ċertu tipi mhux immanifatturati mill-produttur tal-pajjiż analogu [...]. Twettqu iżjed aġġustamenti, fejn xieraq, fir-rigward tat-trasport tal-merkanzija bil-baħar, tal-assigurazzjoni, tal-ispejjeż tal-ġestjoni u anċillari, tal-ippakkjar, tal-kreditu, u tat-tariffi u l-kummissjonijiet bankarji fil-każijiet kollha fejn instab li huwa raġonevoli, preċiż u appoġġjat minn evidenza verifikata”. Ir-Regolament Nru 917/2011, li fil-premessi 86 u 87 jirreferi għall-motivi stabbiliti f’din il-premessa 61 li għalihom il-valur normali ġie aġġustat, iżid jgħid li dawn l-aġġustamenti twettqu, fejn meħtieġ, sabiex jiġi żgurat paragun ġust bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni.

80

Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li l-motivi li jikkonċernaw l-aġġustamenti tal-valur normali stabbilit fuq il-bażi tal-prezzijiet tal-produttur tal-pajjiż analogu jissodisfaw ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-obbligu ta’ motivazzjoni.

Fuq l-użu ta ’ kampjuni

81

Fir-raba’ lok, permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, fid-determinazzjoni tal-livell ta’ twaqqigħ tal-prezzijiet, il-kampjuni ta’ produtturi-esportaturi Ċiniżi kif ukoll produtturi u importaturi tal-Unjoni jkunux ġew debitament maħduma jew jekk l-istituzzjonijiet tal-Unjoni f’dan ir-rigward kisrux id-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikoli 3 u 17 tar-Regolament bażiku.

82

B’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-livelli ta’ twaqqigħ tal-prezzijiet ikkonstatati fil-premessa 113 tar-Regolament Nru 917/2011 ġewx iddeterminati b’mod preċiż u oġġettiv. Hija tirrileva li meta l-istituzzjonijiet tal-Unjoni użaw it-teħid ta’ kampjuni, sabiex jiddeterminaw il-prezzijiet tal-produtturi tal-Unjoni, huma llimitaw ruħhom, skont l-Artikolu 17(1) tar-Regolament bażiku, għal numru raġonevoli ta’ partijiet, prodotti, jew tranżazzjonijiet, bl-użu ta’ teħid ta’ kampjuni li huma statistikament validi fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli fiż-żmien tal-għażla. Min-naħa l-oħra, sabiex jiddeterminaw il-prezzijiet mitluba mill-produtturi Ċiniżi, dawn l-istituzzjonijiet kienu bbażaw ruħhom fuq l-ikbar volum ta’ produzzjoni, bejgħ jew esportazzjonijiet tal-prodotti kkonċernati fuq liema l-investigazzjoni tista’ tibbaża. Din il-qorti tistaqsi jekk tali approċċ huwiex validu, peress li t-teħid ta’ kampjuni tal-produtturi tal-Unjoni kien jikkonsisti prinċipalment minn numri kbir ta’ impriżi żgħar u medji u dak relatat mal-produtturi Ċiniżi kien jinkludi numru żgħir ta’ produtturi kbar, minkejja li ż-żewġt iswieq huma maqsuma u komposti, prinċipalment, minn impriżi żgħar u medji. Barra minn hekk, kienu biss il-produtturi ta’ pajjiżi tal-Ewropa tal-Punent li kienu inklużi fil-kampjun tal-produtturi tal-Unjoni, u mhux dawk ta’ Stati Membri oħra fejn il-livell tal-prezz huwa iktar baxx.

83

Fliesen-Zentrum iżżid li l-paragun bejn il-prezzijiet mitluba mill-produtturi Ċiniżi kbar mal-prezzijiet ta’ impriżi żgħar u medji tal-Unjoni jikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament kif ukoll tal-Artikoli 3(2) u 9(4) tar-Regolament bażiku. Fir-rigward tar-rappreżentattività tal-kampjun tal-produtturi tal-Unjoni, Fliesen-Zentrum temmen li dan għandu jinkludi mill-inqas 25 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni. Fir-rigward, b’mod partikolari tal-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku, li jinkludi r-regola magħrufa bħala “dazju mnaqqas”, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni stabbilixxew b’mod żbaljat il-marġnijiet ta’ twaqqigħ tal-prezzijiet.

84

Għandu jiġi rrilevat, skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament bażiku, li d-determinazzjoni tad-dannu għandha tkun akkumpanjata minn “eżaminazzjoni objettiva” [eżami oġġettiv] tal-volum ta’ importazzjonijiet suġġetti għal dumping, tal-effett tagħhom fuq il-prezzijiet mitluba fis-suq tal-Unjoni u tal-impatt tagħhom fuq l-industrija tal-Unjoni. L-Artikolu 3(3) tar-Regolament bażiku jipprevedi li, f’dak li jikkonċerna l-effett tal-importazzjonijiet suġġetti għal dumping fuq il-prezzijiet, hemm lok li jiġi eżaminat jekk kienx hemm, għall-importazzjonijiet suġġetti għal dumping, twaqqigħ fil-prezzijiet sinjifikattiv tal-prodotti Ċiniżi meta pparagunati mal-prezz ta’ prodott simili tal-industrija tal-Unjoni.

85

F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija l-Qorti tal-Ġustizzja, fl-eżami tagħha tal-validità tar-Regolament Nru 917/2011, li għandha tivverifika jekk l-istituzzjonijiet tal-Unjoni setgħux jikkonkludu li kien jeżisti tali twaqqigħ tal-prezzijiet.

86

F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 17(1) tar-Regolament bażiku, il-kampjuni tal-partijiet, prodotti jew tranżazzjonijiet għandhom ikunu statistikament rappreżentattivi skont l-informazzjoni disponibbli fil-mument tal-għażla jew jinkludu l-ikbar volum ta’ produzzjoni, bejgħ jew esportazzjonijiet li jistgħu b’mod raġonevoli jiġu investigati, fid-dawl taż-żmien disponibbli.

87

Huwa importanti li jiġi rrilevat li la din id-dispożizzjoni, la l-Artikolu 3 tar-Regolament bażiku u lanqas il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament ma jeħtieġu li jintuża l-istess metodu sabiex jinħadem il-kampjun tal-produtturi Ċiniżi u sabiex jinħadem il-kampjun tal-produtturi tal-Unjoni. Pjuttost, jirriżulta mill-Artikolu 17(2) tar-Regolament bażiku li l-għażla finali tal-partijiet, tat-tipi ta’ prodotti jew ta’ tranżazzjonijiet taqa’ taħt il-Kummissjoni, skont id-dispożizzjonijiet rigward it-teħid ta’ kampjuni.

88

F’dan il-każ, kif jirriżulta mill-premessa 23 tar-Regolament Nru 917/2011 u kif enfasizzat mill-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, l-użu ta’ żewġ metodi differenti sabiex tiġi ddeterminata l-kompożizzjoni tal-kampjun tal-produtturi tal-Unjoni, minn naħa waħda, u dak tal-produtturi-esportaturi Ċiniżi, min-naħa l-oħra, huwa ġġustifikat mill-fatt li dawn il-kampjuni għandhom għanijiet differenti. Fil-fatt, fir-rigward tal-kampjun tal-produtturi-esportaturi Ċiniżi, l-għan tiegħu huwa li jiġu inklużi l-ikbar numru possibbli ta’ importazzjonijiet, sabiex il-prezzijiet medji tal-importazzjoni kkonstatati għal kull tip ta’ prodott ikunu qrib kemm jista’ jkun mal-medja reali u jirriflettu kemm jista’ jkun possibbli l-pressjoni fuq il-prezzijiet subita mill-industrija tal-Unjoni. Fir-rigward tal-kampjun ta’ produtturi tal-Unjoni, dan iservi biex jiġi aċċertat jekk il-prezzijiet medji ta’ importazzjoni kkonstatati għal kull tip ta’ prodott jeżerċitawx effetti simili fuq il-produtturi kollha tal-Unjoni jew jekk teżistix kategorija speċifika ta’ produtturi tal-Unjoni li hija affetwata partikolarment.

89

Sussegwentement, fir-rigward, b’mod partikolari, tal-kampjun tal-produtturi tal-Unjoni, għandu jiġi rrilevat li kien jirriżulta mill-premessa 11 tar-Regolament provviżorju li dan il-kampjun kien jirrappreżenta 24 % tal-produzzjoni totali tal-produtturi li kkooperaw u 7 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni. Barra minn hekk, irriżulta fil-premessa 13 ta’ dan ir-regolament li, minkejja l-irtirar tal-kampjun ta’ produttur Pollakk, ir-rappreżentattività tal-aħħar baqgħet għolja fir-rigward tal-kriterji kollha adottati għall-kompożizzjoni ta’ dan il-kampjun.

90

Barra minn hekk, jirriżulta mill-premessa 18 tar-Regolament Nru 917/2011 li, biex ikun rappreżentattiv, kampjun ma għandux neċessarjament bżonn li jirrifletti l-firxa ġeografika u l-piż eżatti tal-Istati Membri produtturi, billi din il-firxa hija biss wieħed mill-fatturi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi żgurata r-rappreżentattività. Għalhekk, ma hemmx lok li jiġi kkunsidrat li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni kienu jeħtieġu li jinkludu impriża mill-Ewropa Ċentrali jew mil-Lvant sabiex tiġi żgurata r-rappreżentattività ta’ dak il-kampjun.

91

Fi kwalunkwe każ, kif indikat fil-premessa 31 tar-Regolament Nru 917/2011 u kif huwa enfasizzat mill-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-kampjun tal-Unjoni jirrappreżenta kważi 80 % tal-produzzjoni tal-Unjoni u l-verifika mid-data disponibbli pubblikament wriet li l-inklużjoni ta’ produttur ta’ dawn l-Istati Membri ma kinitx ser taffettwa b’mod sinjifikattiv id-determinazzjoni tad-dannu.

92

Fl-aħħar nett, fir-rigward tad-dubji espressi mill-qorti tar-rinviju li seta’ ġie impost dazju inqas għoli jekk il-marġni tat-twaqqigħ tal-prezzijiet kien ġie stabbilit fuq bażi differenti, għandu jiġi enfasizzat li dan il-marġni u l-marġni ta’ dumping huma żewġ kunċetti differenti. B’mod partikolari, skont l-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku, l-ammont ta’ dazju antidumping għandu jkun inqas mill-marġni tad-dumping, jekk dan id-dazju mnaqqas ikun biżżejjed sabiex jitneħħa d-dannu kkawżat lill-industrija tal-Unjoni. Kif intqal fil-premessa 198 tar-Regolament Nru 917/2011, il-marġni tad-dumping għandu jservi bħala l-bażi sabiex jiġi stabbilit il-livell tad-dazju skont ir-regola dwar l-inqas dazju. Minn dan isegwi li il-marġni tat-twaqqigħ tal-prezzijiet huwa irrilevanti għall-użu tar-regola dwar l-inqas dazju li tinsab f’dan il-paragrafu 4.

93

Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li, meta użaw il-kampjuni, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, minħabba s-setgħa diskrezzjonali wiesgħa disponibbli għalihom, ma kisrux id-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikoli 3 u 17 tar-Regolament bażiku u lanqas il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

94

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda preliminari għandha tkun li l-eżami tagħha ma żvelat l-ebda element tali li jaffettwa l-validità tar-Regolament Nru 917/2011.

Fuq l-ispejjeż

95

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-eżami tad-domanda preliminari ma żvela ebda element ta’ natura li jaffettwa l-validità tar-Regolament ta’ Implementazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 917/2011, tat-12 ta’ Settembru 2011, li jimponi dazju antidumping definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet tal-madum taċ-ċeramika li joriġina fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.