SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

5 ta’ Marzu 2015 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Għajnuna mill-Istat — Garanzija tal-Istat assoċjata ma’ self — Deċiżjoni 2011/346/UE — Domandi dwar il-validità — Ammissibbiltà — Artikolu 107(1) TFUE — Motivazzjoni — Effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri — Artikolu 107(3)(b) TFUE — Perturbazzjoni gravi tal-ekonomija ta’ Stat Membru”

Fil-Kawża C‑667/13,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunal do Comércio de Lisboa (il-Portugall), permezz ta’ deċiżjoni tas-17 ta’ Ottubru 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-16 ta’ Diċembru 2013, fil-proċedura

Estado português

vs

Banco Privado Português SA, fi stralċ,

Massa Insolvente do Banco Privado Português SA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Awla, K. Lenaerts (Relatur), Viċi-President tal-Qorti tal-Ġustizzja, J.-C. Bonichot, A. Arabadjiev u J. L. da Cruz Vilaça, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Banco Privado Português SA, fi stralċ u l-Massa Insolvente do Banco Privado Português SA, minn M. Ferreira Santos u R. Leandro Vasconcelos, avukati,

għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes u A. Cunha, bħala aġenti, assistiti minn M. Pena Machete u G. Reino Pires, avukati,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. França u L. Flynn kif ukoll minn M. Afonso, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda, minn naħa, il-validità tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/346/UE, tal-20 ta’ Lulju 2010, dwar l-Għajnuna mill-Istat C 33/09 (ex NN 57/09, CP 191/09) implimentata mill-Portugall fil-forma ta’ garanzija tal-Istat lil BPP (ĠU 2011, L 159, p. 95) u, min-naħa l-oħra, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 14(1) u (2) tar-Regolament (KE) tal-Kunsill Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu [108 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn l-Estado português (Stat Portugiż) u Banco Privado Português SA (iktar ’il quddiem “BPP”), fi stralċ, kif ukoll il-Massa Insolvente do Banco Privado Português SA (massa ta’ kredituri ta’ BPP), dwar ir-reġistrazzjoni tal-kreditu ta’ dan l-Istat fil-passiv tal-istralċ sa ammont ta’ EUR 24 462 921.24, miżjuda bl-interessi dovuti, li jirrappreżenta l-ammont tal-irkupru tal-għajnuna li ngħatat illegalment lil BPP flimkien ma’ self ta’ ammont ta’ EUR 450 000 000 lil dan il-bank ta’ garanzija tal-Istat (iktar ’il quddiem il-“garanzija”).

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Ir-Regolament Nru 659/1999

3

L-Artikolu 1(f) tar-Regolament Nru 659/1999 jiddefinixxi l-għajnuna illegali bħala l-għajnuna ġdida li tiddaħħal fis-seħħ bi ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE.

4

L-Artikolu 14 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Rkupru tal-għajnuna”, jipprovdi:

“1.   Fejn jittieħdu deċiżjonijiet negattivi f’każijiet ta’ għajnuna llegali, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi li l-Istat Membru kkonċernat għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jirkupra l-għajnuna mill-benefiċjarju (iktar ’il quddiem imsejħa ‘deċiżjoni ta’ rkupru’). Il-Kummissjoni m’għandhiex teħtieġ ir-rkupru ta’ l-għajnuna jekk dan ikun kuntrarju għal prinċipju ġenerali tal-liġi [tal-Unjoni].

2.   L-għajnuna li ser tkun rikuperata skont deċiżjoni ta’ rkupru għandha tinkludi l-imgħax f’rata xierqa ffissata mill-Kummissjoni. L-imgħax għandu jkun pagabbli mid-data li fiha l-għajnuna llegali kienet fid-disposizzjoni tal-benefiċjarju sad-data li fiha kienet irkuprata.

3.   Mingħajr preġudizzju għall-ebda ordni tal-Qorti tal-Ġustizzja [tal-Unjoni Ewropea] skont l-Artikolu [278 TFUE], ir-rkupru għandu jsir mingħajr dewmien u f’konformità mal-proċeduri tal-liġi nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat, sakemm jippermettu għall-esekuzzjoni mmedjata u effettiva tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni. Għal dan l-effett u fl-eventwalità ta’ proċedura quddiem il-qrati nazzjonali, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa li huma disponibbli fis-sistemi legali rispettivi tagħhom, li jinkludu miżuri proviżjonali, mingħajr preġudizzju għall-liġi [tal-Unjoni].”

Id-deċiżjoni tat-13 ta’ Marzu 2009

5

Permezz tad-Deċiżjoni C (2009) 1892 finali, tat-13 ta’ Marzu 2009, dwar l-għajnuna mill-Istat NN 71/08 – Portugal, Auxílio estatal ao Banco Privado Português – BPP (ĠU C 174, p. 1, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni tat-13 ta’ Marzu 2009”), il-Kummissjoni, bħala miżura ta’ emerġenza, iddeċidiet li ma tqajjimx oġġezzjonijiet fir-rigward tal-għajnuna mogħtija lill-Estado Português fil-forma ta’ garanzija, li tkopri self ta’ EUR 450 miljun li kien ingħata minn sitt banek Portugiżi lil BPP fil-5 ta’ Diċembru 2008. Din il-garanzija ġiet awtorizzata abbażi tal-Artikolu 87(3)(b)KE, li sar l-Artikolu 107(3)(b) TFUE, għal perijodu ta’ sitt xhur, jiġifieri sal-5 ta’ Ġunju 2009.

6

Mill-premessa 34 ta’ din id-deċiżjoni jirriżulta l-evalwazzjoni tal-għajnuna li saret mill-Kummissjoni kienet mingħajr preġudizzju għal dik li hija kienet tagħmel kieku l-miżura ġiet estiża lil hinn mill-iskadenza msemmija fil-punt preċedenti.

7

Il-premessa 39 tal-imsemmija direttiva tistabbilixxi:

“Minkejja l-valur għoli tal-garanziji offruti, ir-remunerazzjoni tal-garanzija [...] kienet sostanzjalment inferjuri għal dak li normalment jitqies bħala adegwat fil-każ ta’ banek f’diffikultà. Il-Kummissjoni tqis li din ir-remunerazzjoni tista’, eċċezzjonalment, tiġi kklassifikata bħala adegwata sa fejn din tiżgura s-sopravvivenza ta’ [BPP], u dan madankollu biss għal perijodu qasir ta’ salvataġġ. Barra minn hekk, l-aċċettazzjoni ta’ dan il-livell ta’ remunerazzjoni huwa bil-kundizzjoni li jiġi ppreżentat pjan ta’ ristrutturazzjoni. Il-Kummissjoni tistenna li l-ispejjeż tal-għajnuna pubblika favur BPP jkunu riflessi, fit-tul, fil-pjan ta’ ristrutturazzjoni intiż li jistabbilixxi l-vijabbiltà tagħha [...] u li l-impatt kompetittiv tal-għajnuna mogħtija jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest ta’ miżuri kompensatorji. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoniu tfakkar ukoll u pożittivament tirrikonoxxi l-impenn tal-awtortijiet Portugiżi li jippreżentaw pjan ta’ ristrutturazzjoni f’terminu ta’ sitt xhur mid-data tal-għoti tal-miżura ta’ għajnuna lil [BPP], jiġifieri sal-5 ta’ Ġunju 2009.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

8

Il-Kummissjoni tfakkar, fil-premessa 41 tad-deċiżjoni tat-13 ta’ Marzu 2009, li kwalunkwe estensjoni eventwali tal-għajnuna, li t-tul huwa limitat għal sitt xhur, trid tiġi nnotifikata lilha għall-approvazzjoni.

Id-Deċiżjoni 2011/346

9

Il-premessi 9, 12, 13 u 19 sa 24 tad-Deċiżjoni 2011/346 huma fformulati kif ġej:

“(9)

BPP hija istituzzjoni finanzjarja bbażata fil-Portugall li tipprovdi servizzi bankarji privati, konsulenza korporattiva u ekwità privata. BPP huwa preżenti fil-Portugall, Spanja u sa ċertu punt fil-Brażil u fl-Afrika t’Isfel.

[...]

(12)

Fl-24 ta’ Novembru 2008, BPP informa lill-Bank Ċentrali Portugiż (“Bank tal-Portugall”) li huwa kien qiegħed jirriskja li ma jissodisfax l-obbligi ta’ ħlas tiegħu. BPP imbagħad tħalla jissospendi l-ħlasijiet tiegħu kollha mill-1 ta’ Diċembru 2008.

(13)

Fil-5 ta’ Diċembru 2008, BPP irċeva self ta’ EUR 5 miljun appoġġat b’garanzija [...]. Is-self u l-garanzija kienu jkopru biss l-obbligazzjonijiet ta’ BPP kif irreġistrati fil-karta tal-bilanċ fl-24 ta’ Novembru 2008 u s-self kellu jintuża biss għar-rimbors lid-depożitanti u kredituri oħrajn u mhux biex ikopri l-obbligazzjonijiet ta’ entitajiet oħrajn tal-grupp.

[...]

(19)

Fil-kuntest tal-eżami mill-Kummissjoni tal-miżura ta’ għajnuna ta’ emerġenza [għal salvataġġ], il-Portugall impenja ruħu li jipprovdi pjan ta’ ristrutturar għal BPP fi żmien sitt xhur mill-intervent tal-Istat (jiġifieri sal-5 ta’ Ġunju 2009).

(20)

Fid-deċiżjoni tagħha tat-13 ta’ Marzu 2009, il-Kummissjoni approvat il-miżura għal perjodu ta’ sitt xhur mill-għoti tal-garanzija [...], jiġifieri sal-5 ta’ Ġunju 2009. Il-Kummissjoni kkunsidrat ukoll is-sottomissjoni tal-pjan ta’ ristrutturar sal-5 ta’ Ġunju 2009 bħala neċessarja minħabba l-livell eċċezzjonalment baxx ta’ remunerazzjoni.

(21)

Sabiex itawlu l-validità tal-garanzija lil hinn mill-perjodu inizjali ta’ sitt xhur, l-awtoritajiet Portugiżi impenjaw ruħhom li jissottomettu notifika speċifika lill-Kummissjoni.

(22)

Il-Portugall ma ssodisfax l-impenji msemmija hawn fuq.

[...]

(23)

Permezz ta’ e-Mail datata t-23 ta’ Ġunju 2009, il-Portugall informa lill-Kummissjoni li kien ħa d-deċiżjoni li jestendi l-garanzija [...] għal perjodu ieħor ta’ sitt xhur (Despacho Nru 13364-A/2009 tal-Ministru tal-Finanzi tal-5 ta’ Ġunju 2009). Madankollu, il-Portugal la nnotifika dik l-estensjoni u lanqas fittex l-approvazzjoni tal-Kummissjoni.

(24)

Minħabba li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni approvat l-għajnuna biss sal-5 ta’ Ġunju 2009, l-għajnuna ta’ salvataġġ saret illegali fis-6 ta’ Ġunju 2009.”

10

Dwar il-klassifikazzjoni ta’ “għajnuna mill-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE tal-garanzija, il-premessi 57 sa 60 tad-Deċiżjoni 2011/346 jistabbilixxu:

“(57)

Kif stabbilit [...] fid-Deċiżjoni [...] tat-13 ta’ Marzu 2009 [...], il-garanzija [...] tippermetti lil BPP jikseb kundizzjonijiet finanzjarji aħjar għas-self miksub milli dawk normlament disponibbli fis-suq għall-kumpaniji f’ċirkostanzi simili, fil-każ improbabbli, kif ammess mill-awtoritajiet Portugiżi, li t-tali self kien ikun attwalment disponibbli. F’dan ir-rigward, id-Deċiżjoni [tat-13 ta’ Marzu 2009] diġà ddikjarat li t-tariffa [remunerazzjoni] ta’ 20 punt bażi kienet ferm iżjed baxxa mil-livell li jirriżulta mill-applikazzjoni tar-rakkomandazzjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-20 ta’ Ottubru 2008. Minkejja l-livell għoli ta’ kollateralizzazzjoni, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-ħlas għall-garanzija [...] kien ferm iżjed baxx minn dak li ġeneralment jitqies bħala xieraq għal banek f’diffikultà finanzjarja. Dan il-ħlas kien meqjus xieraq biss għall-fażi ta’ salvataġġ, soġġett għas-sottomissjoni ta’ pjan ta’ ristrutturar qabel il-5 ta’ Ġunju 2009.

(58)

B’differenza minn banek oħra, li ma bbenefikawx mill-garanzija [...] fuq is-self, BPP kiseb vantaġġ ekonomiku fis-sens li t-tariffa mitluba għall-garanzija [...] kienet b’mod evidenti iżjed baxxa mil-livell tas-suq.

(59)

L-argument imressaq mill-awtoritajiet Portugiżi li BPP ma kienx qed jopera fis-suq wara l-1 ta’ Diċembru 2008 ma tistax tiġi aċċettata. Minħabba li l-liċenzja bankarja ta’ BPP ġiet revokata biss mill-Bank tal-Portugall fil-15 ta’ April 2010, BPP seta’ daħal jew daħal mill-ġdid fis-suq fi żmien qasir. Tabilħaqq, il-pjanijiet ta’ rkupru għal BPP sottomessi bejn Diċembru 2008 u April 2009 juru l-potenzjal tal-bank li jkompli jeżerċita attività ekonomika bħala konsegwenza tal-miżura ta’ salvataġġ. Minħabba l-attivitajiet u l-pożizzjoni ta’ BPP fis-swieq finanzjarji internazzjonali, dan il-vantaġġ potenzjalment jaffettwa l-kompetizzjoni u l-kummerċ bejn l-Istati Membri skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE. Huwa biss mill-15 ta’ April 2010, mar-revoka tal-liċenzja bankarja, li BPP tilef kwalunkwe kapaċità li jidħol mill-ġdid fis-suq u biex potenzjalment ifixkel il-kompetizzjoni u jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

(60)

Abbażi ta’ dak li ssemma’ hawn fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-garanzija [...] tat vantaġġ ekonomiku lil BPP permezz tal-użu tar-riżorsi tal-Istat imputabbli lill-Portugall. Dan il-vantaġġ jista’ jaffettwa l-kompetizzjoni u l-kummerċ bejn l-Istati Membri skont l-Artikolu 107(1) tat-TFUE. Il-miżura għalhekk tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat.”

11

Dwar l-eżami tal-kompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq intern, il-premessi 65, 67, 68 u 70 sa 72 ta’ din id-deċiżjoni huma fformulati kif ġej:

“(65)

Il-Kummissjoni diġà rrikonoxxiet li l-kriżi finanzjarja globali attwali tista’ toħloq tfixkil serju fl-ekonomija ta’ Stat Membru u li l-miżuri li jappoġġjaw lill-banek jistgħu jitqiesu xierqa biex jirrimedjaw għal dan it-tfixkil. Ara l-[komunikazzjoni tal-Kummissjoni – L-applikazzjoni ta’ regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għal miżuri meħuda fejn jidħlu istituzzjonijiet finanzjarji fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja preżenti, ĠU C 270, p.8, iktar ’il quddiem il-‘Komunikazzjoni dwar il-Banek’)] [...]

[...]

(67)

Filwaqt li ma ssottomettiex il-pjan ta’ ristrutturar, minkejja t-talbiet ripetuti u l-mandat [inġunzjoni] ta’ [għal] informazzjoni, [...] il-Portugall estenda l-garanzija darbtejn mingħajr ma ta notifika minn qabel lil u mingħajr ma ħa l-approvazzjoni tal-Kummissjoni.

(68)

[...] Id-Deċiżjoni [tat-13 ta’ Marzu 2009] għamlet konnessjoni bejn l-approvazzjoni tal-garanzija [...] u l-implimentazzjoni tal-impenn mill-awtoritajiet Portugiżi biex jippreżentaw il-pjan ta’ ristrutturar fi żmien sitt xhur. L-awtoritajiet Portugiżi ma kkonformawx ma’ dan l-impenn.

[...]

(70)

[...] il-fatt jibqa’ li [dan i]l-pjan [...] ma ġiex ippreżentat fil-perjodu meħtieġ stabbilit fid-Deċiżjoni [tat-13 ta’ Marzu 2009] u għalhekk il-bażi li fuqu ngħatat l-approvazzjoni ma ġiex milqugħ.

(71)

Isegwi li l-ipprezzar [r-remunerazzjoni] tal-garanzija kien taħt il-livell normalment meħtieġ taħt il-Komunikazzjoni Bankarja biex tiġi meqjusa bħala għajnuna kompatibbli, u li l-Kummissjoni awtorizzat biss dak il-livell ta’ prezzar fid-Deċiżjoni [tat-13 ta’ Marzu 2009] abbażi ta’ impenn mill-Portugall li jissottometti pjan ta’ ristrutturar jew ta’ likwidazzjoni li jiminimizza f’mod xieraq it-tfixkil tal-kompetizzjoni. L-ebda pjan bħal dan ma ġie ppreżentat sal-5 ta’ Ġunju 2009, għalhekk il-Kummissjoni tikkonkludi li la l-garanzija [...] u lanqas il-kontinwazzjoni tagħha wara l-5 ta’ Ġunju 2009 ma huma kompatibbli mas-suq intern.

(72)

Għalkemm il-Portugall ma ppreżentax pjan ta’ ristrutturar għal BPP, l-awtoritajiet Portugiżi pprovdew informazzjoni li turi li l-proċedura ta’ likwidazzjoni li bdiet fil-15 ta’ April 2010 bir-revoka tal-liċenzja bankarja ta’ BPP għandha twassal għal-likwidazzjoni tiegħu. Barra minn hekk, l-ebda kumpens ma huwa sejjer jingħata lill-azzjonisti ta’ BPP minbarra kwalunkwe ammont li jirriżulta mill-proċedura ta’ likwidazzjoni stess. Abbażi ta’ din l-informazzjoni, il-Kummissjoni tqis li ma għandux ikun hemm riskju ta’ tfixkil tal-kompetizzjoni fil-futur fir-rigward ta’ BPP. Madankollu, din il-konklużjoni ma tirrimedjax l-inkompatibilità tal-miżura mogħtija mill-Portugall għall-perjodu bejn il-5 ta’ Diċembru 2008 u l-15 ta’ April 2010.”

12

L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2011/346 jiddikjara “[l]-għajnuna mill-Istat involuta fil-garanzija relatata mas-self ta’ EUR 450 miljun mogħti illegalment mill-Portugall, bi ksur tal-Artikolu 108(3) [TFUE], favur [BPP] hija inkompatibbli mas-suq intern”.

13

Skont l-Artikolu 2(1) ta’ din id-deċiżjoni, “[i]l-Portugall għandu jirkupra l-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1 mill-benefiċjarju”.

14

L-Artikolu 3(1) tal-imsemmija deċiżjoni jipprovdi li “[l]-irkupru tal-għajnuna msemmi fl-Artikolu 1 għandu jkun immedjat u effettiv”.

Id-dritt Portugiż

15

L-Artikolu 91(2) tal-Kodiċi tal-Insolvenza u tal-Irkupru ta’ Impriżi (Código da Insolvência e da Recuperação de Empresas), approvat bid-Digriet Liġi Nru 53/2004, tat-18 ta’ Marzu 2004 (iktar ’il quddiem iċ-“CIRE”), jipprevedi:

“Kwalunkwe obbligu li għadu ma huwiex dovut fid-data tad-dikjarazzjoni ta’ insolvenza li għalih interessi kumpensatorji ma humiex dovuti jew li għalih interessi iktar baxxi mir-rata ta’ interess legali ta’ interessi huma dovuti jitqies imnaqqas għall-ammont li, jekk jiżdied bl-interessi kkalkulati fuq dan l-ammont, rispettivament bir-rata legali jew b’rata ugwali għad-differenza bejn ir-rata legali u r-rata konvenzjonali, għall-perijodu ta’ avvanz tal-iskadenza, jikkorrispondi għall-ammont tal-obbligu inkwistjoni.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

16

Fid-9 ta’ Settembru 2010, l-Estado português ressaq talba quddiem il-qorti tar-rinviju skont id-dispożizzjonijiet taċ-CIRE, għar-reġistrazzjoni u l-ammissjoni għall-passiv tal-istralċ tal-kreditu tiegħu li jirriżulta mill-irkupru ordnat bid-Deċiżjoni 2011/346.

17

Quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Massa Insolvente do Banco Privado Português SA oġġezzjonat għal din it-talba billi sostniet li d-Deċiżjoni 2011/346 kellha natura illegali u li, b’hekk, il-kreditu tal-Estado Português ma kellu ebda bażi legali.

18

Huwa f’dan il-kuntest li fid-9 ta’ Settembru 2011, il-konvenuti fil-kawża prinċipali ressqu rikors quddiem il-Qorti tal-Unjoni Ewropea għall-annullament tad-Deċiżjoni 2011/346, li ġiet miċħuda minn din tal-aħħar fit-12 ta’ Diċembru 2014 (sentenza Banco Privado Português u Massa u Massa Insolvente do Banco Privado Português vs Il-Kummissjoni, T‑487/11, EU:T:2014:1077).

19

Sadanittant, minħabba r-rikors pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali, il-qorti nazzjonali ssospendiet il-proċeduri, sakemm tittieħed deċiżjoni li tikkonferma jew li tiċħad il-legalità tad-Deċiżjoni 2011/346. L-Estado Português, madankollu appella minn din id-deċiżjoni ta’ sospensjoni quddiem it-Tribunal da Relação de Lisboa (Qorti tal-Appell ta’ Lisbona), li ordnat il-kontinwazzjoni tal-proċeduri billi fakkret il-possibbiltà, għall-qorti tar-rinviju, li tindirizza talba għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja.

20

Il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-validità tad-Deċiżjoni 2011/346. Fl-ewwel lok, dwar il-klassifikazzjoni ta’ “għajnuna mill-Istat” fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, din il-qorti tfakkar li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ma jipprovdux li l-kummerċ bejn l-Istati Membri għandu jkun sempliċiment jista’ jiġi affettwat mill-miżura inkwistjoni, iżda li għandu jkun effettivament affettwat. Issa, il-motivi tad-Deċiżjoni 2011/346 ma jippermettux li jiġi konkluż li l-Kummissjoni kkonstatat li l-garanzija effettivament affettwat il-kummerċ bejn l-Istati Membri. Barra minn hekk, skont l-imsemmija qorti, il-fatti mhux neċessarjament jiddeduċu l-eżistenza ta’ tali effett. Din il-qorti tfakkar, f’dan ir-rigward, li, kif jirriżulta mill-premessa 77 tad-Deċiżjoni 2011/346, il-garanzija ngħatat lil BPP sabiex tkopri self li ntuża għar-rimbors lill-kredituri li l-krediti tagħhom kienu dovuti jew li BPP waqfet milli topera fis-suq mill-1 ta’ Diċembru 2008.

21

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-għajnuna, il-qorti tar-rinviju tfakkar li d-deċiżjoni tat-13 ta’ Marzu 2009 kienet ikkonkludiet li l-garanzija tista’ titqies bħala kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(b) TFUE għal perijodu ta’ sitt xhur mid-data attwali li fiha l-garanzija ngħatat, jiġifieri l-5 ta’ Diċembru 2008, sal-5 ta’ Ġunju 2009, peress li n-nuqqas ta’ BPP li twettaq l-obbligi finanzjarji tagħha jista’ jkollu impatt negattiv serju fuq is-settur finanzjarju Portugiż. Fi tmiem id-Deċiżjoni 2011/346, il-Kummissjoni madankollu kkonkludiet li l-għajnuna hija inkompatibbli, peress li l-Estado Português ma kienx issottometta pjan ta’ ristrutturazzjoni qabel it-tmiem tat-terminu msemmi iktar ’il fuq ta’ sitt xhur, li fuqu kienet bbażata l-approvazzjoni tal-miżura ta’ għajnuna. Il-qorti tar-rinviju tqis li d-Deċiżjoni 2011/346 ma tispeċifikax il-motivi li għalihom il-fatt li l-Estado Português ma ppreżentax pjan ta’ ristrutturazzjoni ta’ BPP li jaffettwa l-konklużjoni dwar il-kompatibbiltà tal-għajnuna kkonċernata li tinsab fid-Deċiżjoni tat-13 ta’ Marzu 2009, b’mod partikolari matul il-perijodu mill-5 ta’ Diċembru 2008 sal-5 ta’ Ġunju 2009.

22

Fit-tielet lok, hemm, skont il-qorti tar-rinviju, kontradizzjoni bejn il-motivi tad-Deċiżjoni 2011/346, kif ukoll bejn il-motivi u d-dispożittiv tagħha, rigward il-mument minn meta l-garanzija titqies bħala illegali. Fil-fatt, mill-premessa 24 ta’ din id-deċiżjoni jirriżulta li l-għajnuna saret illegali mis-6 ta’ Ġunju 2009. Il-premessa 72 tal-imsemmija deċiżjoni, madankollu, tiċċara li l-għajnuna kienet inkompatibbli mas-suq intern bejn il-5 ta’ Diċembru 2008 u l-15 ta’ April 2010. Fir-rigward tad-dispożittiv tad-Deċiżjoni 2011/346, jiddikjara biss li l-għajnuna hija inkompatibbli mas-suq intern. Il-kwistjoni tal-mument minn meta l-imsemmija garanzija għandha titqies illegali għandu jiddetermina l-kalkolu tal-ammont tal-għajnuna.

23

Fl-aħħar nett, fir-raba’ lok, il-qorti tar-rinviju ssostni li l-applikazzjoni, f’din il-kawża, tal-Artikolu 91(2) taċ-CIRE tista’ twassal għal tnaqqis tal-ammont li għandu jiġi rrimborsat lill-Estado Português. Għalhekk għandu jiġi ddeterminat jekk l-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 659/1999 jipprekludix li, jekk jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet, l-ammont li għandu jiġi rkuprat mill-Istat jista’ jitnaqqas skont l-Artikolu 91(2) taċ-CIRE.

24

F’dawn il-kundizzjonijiet, it-Tribunal do Comércio de Lisboa (Qorti tal-Kummerċ ta’ Lisbona) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja l-erba’ domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Id-Deċiżjoni [2011/346] hija vvizzjata b’nuqqas ta’ motivazzjoni minħabba:

a)

nuqqas ta’ indikazzjoni tar-raġuni għalfejn il-garanzija pprovduta mill-[Estado português] taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri?

b)

nuqqas ta’ kjarifika [spejgazzjoni] tar-raġuni għalfejn l-għajnuna mogħtija taħt il-forma ta’ garanzija li inizjalment ġiet kkunsidrata li taqa’ taħt l-Artikolu 107(3) [TFUE] issa ġiet iddikjarata inkompatibbli mas-suq [intern]?

2)

Id-Deċiżjoni [2011/346] hija vvizzjata b’kontradizzjoni bejn il-motivazzjoni tad-deċiżjoni u d-dispożittiv tad-deċiżjoni fir-rigward tal-mument li minnu [l-għajnuna] hija kkunsidrata illegali: 5 ta’ Diċembru 2008 jew 5 ta’ Ġunju 2009?

3)

Id-Deċiżjoni [2011/346] tmur kontra d-dispożizzjonijet tal-Artikolu 107(1) TFUE sa fejn l-għajnuna mogħtija ma affetwatx il-kummerċ bejn l-Istati Membri, b’mod partikolari fid-dawl tal-għan tas-self u tal-użu effettiv tal-istess self u tal-fatt li sa mill-1 ta’ Diċembru 2008 il-benefiċjarju ma jeżerċitax l-attività tiegħu?

4)

Id-Deċiżjoni [2011/346] tmur kontra d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 107(3) TFUE sa fejn l-għajnuna mogħtija kienet intiża sabiex tirrimedja perturbazzjoni serja tal-ekonomija ta’ Stat Membru u, f’dan is-sens, hija kompatibbli mas-suq [intern]?”

25

B’mod sussidjarju, it-Tribunal do Comércio de Lisboa għamel ukoll id-domanda ta’ interpretazzjoni li ġejja:

“5)

Sussidjarjament: [l-Artikolu 14](1) u (2) tar-Regolament Nru 659/1999 jipprekludi l-applikazzjoni, fil-każ inkwistjoni, tat-tnaqqis tal-ammont li għandu jiġi rkuprat, meta l-istess regola hija applikabbli, b’mod mhux diskriminatorju, għall-kredituri kollha tal-kumpannija insolventi?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ammissibbiltà

26

It-talba għal deċiżjoni preliminari għandha ħames domandi, l-ewwel erba’ dwar il-validità tad-Deċiżjoni 2011/346 u l-ħames waħda dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 14(1) u (2) tar-Regolament Nru 659/1999. Hemm lok li tiġi eżaminata separatament l-ammissibbiltà, minn naħa, tal-ewwel erba’ domandi u, min-naħa l-oħra, tal-ħames domanda.

Fuq l-ammissibbiltà tad-domandi dwar il-validità tad-Deċiżjoni 2011/346

27

Il-Gvern Portugiż isostni li d-domandi dwar il-validità tad-Deċiżjoni 2011/346 huma inammissibbli. B’riferiment għas-sentenza TWD Textilwerke Deggendorf (C‑188/92, EU:C:1994:90), dan il-gvern isostni li peress li qatt ma ġie ppreżentat rikors għal annullament kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Qorti Ġenerali, dan tal-aħħar għandu natura definittiva fir-rigward tiegħu, b’tali mod li l-validità tagħha ma tistax tkun iktar ikkontestata quddiem qorti nazzjonali. Barra minn hekk, id-Deċiżjoni 2011/346 ma kinitx suġġetta għal talba għal sospensjoni tal-eżekuzzjoni. Għaldaqstant din għandha tiġi implementata b’mod li tippermetti l-irkupru immedjat u effettiv tal-għajnuna.

28

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fis-sentenza tagħha TWD Textilwerke Deggendorf (EU:C:1994:90, punt 17), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li hija eskluża l-possibbiltà, għall-benefiċjarju ta’ għajnuna mill-Istat li huwa s-suġġett ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni indirizzata direttament lill-Istat Membru li taħtu jaqa’ taħt il-benefiċjarju, li seta’ mingħajr dubju jikkontesta din id-deċiżjoni u li ħalla jgħaddi t-terminu imperattiv previst f’dan ir-rigward fis-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, li jikkontesta l-legalità ta’ din id-deċiżjoni quddiem il-qrati nazzjonali (ara, ukoll, is-sentenzi Nachi Europe, C‑239/99, EU:C:2001:101, punt 30, u Lucchini, C‑119/05, EU:C:2007:434, punt 55). Il-Qorti tal-Ġustizzja fil-fatt ikkunsidrat li jekk tadotta soluzzjoni kuntrarja hija twassal sabiex tirrikonoxxi lill-benefiċjarju tal-għajnuna l-fakultà li jevita n-natura definittiva li, skont il-prinċipju ta’ ċertezza legali, hija marbuta ma’ deċiżjoni wara l-iskadenza tat-termini għall-preżentata ta’ rikors (sentenza Nachi Europe, EU:C:2001:101, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29

Is-sitwazzjoni li fuqu hija bbażata din il-ġurisprudenza ma tikkorripondix ma’ dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, il-benefiċjarju tal-għajnuna inkwistjoni f’din l-aħħar kawża li ppreżenta, fit-terminu prefiss mis-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, rikors għal annullament tad-Deċiżjoni 2011/346 quddiem il-Qorti Ġenerali, li tat lok għas-sentenza Banco Privado Português u Massa Insolvente do Banco Privado Português vs Il-Kummissjoni (EU:T:2014:1077), ma jistax jitqies bħala li jrid jevita n-natura definittiva marbuta ma’ din id-deċiżjoni peress li jikkontesta l-validità tagħha quddiem il-qorti tar-rinviju.

30

Barra minn hekk, peress li l-soluzzjoni adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 18 tas-sentenza TWD Textilwerke Deggendorf (EU:C:1994:90) hija bbażata fuq ir-riskju li tiġi evitata n-natura definittiva ta’ att tal-Unjoni, din tal-aħħar tapplika biss fir-rigward ta’ parti li tinvoka l-illegalità ta’ att tal-Unjoni Ewropea quddiem qorti nazzjonali minkejja li din setgħet – mingħajr ebda dubju – tippreżenta rikors għal annullament taħt l-Artikolu 263 TFUE kontra dan l-att, iżda naqset li tagħmel dan fit-termini prefissi. Konsegwentement, il-fatt li l-Estado Português, li ma jikkontestax il-legalità tad-Deċiżjoni 2011/346 quddiem il-qorti nazzjonali, ma ppreżentax rikors għal annullament ta’ din id-deċiżjoni quddiem il-Qorti Ġenerali huwa irrilevanti għall-evalwazzjoni tad-domandi relatati mal-validità tal-imsemmija deċiżjoni.

31

Fl-aħħar nett, ma jirriżultax ċar mis-sentenza TWD Textilwerke Deggendorf (EU:C:1994:90) li l-ammissibbiltà ta’ deċiżjoni preliminari dwar il-validità ta’ att tal-Unjoni hija suġġetta għall-fatt li dan tal-aħħar kien is-suġġett ta’ applikazzjoni għal sospensjoni tal-eżekuzzjoni abbażi tal-Artikolu 278 TFUE. Din is-sentenza fil-fatt ma tirreferix għall-inforzabbiltà tal-att tal-Unjoni li l-validità tiegħu hija kkontestata, iżda hija bbażata fuq ir-riskju li n-natura definittiva tiegħu tiġi evitata.

32

Għaldaqstant, l-ewwel erba’ domandi preliminari, dwar il-validità tad-Deċiżjoni 2011/346, huma ammissibbli.

Fuq l-ammissibbiltà tad-domanda relatata mal-interpretazzjoni tal-Artikolu 14(1) u (2) tar-Regolament Nru 659/1999

33

Skont il-Kummissjoni, id-deċiżjoni tar-rinviju ma tagħtix motivi għar-rilevanza ta’ din il-mistoqsija. Hija għaldaqstant tqis li din hija inammissibbli.

34

F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar illi, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn din tal-aħħar u l-qrati nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 267 KE, hija biss il-qorti nazzjonali li hija adita bil-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġuridika, li għandha tevalwa, fir-rigward taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti s-sentenza tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, peress illi d-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja bħala prinċipju għandha l-obbligu li tagħti deċiżjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Kamberaj, C‑571/10, EU:C:2012:233, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll id-digriet Dél-Zempléni Nektár Leader Nonprofit, C‑24/13, EU:C:2014:40, punt 39).

35

Madankollu, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha teżamina l-kundizzjonijiet li fihom il-kawża hija adita mill-qorti nazzjonali sabiex tivverifika l-ġurisdizzjoni tagħha stess. Fil-fatt, l-ispirtu ta’ kooperazzjoni li għandu jkun preżenti fl-iżvolġiment ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari jimplika li, min-naħa tagħha, il-qorti nazzjonali tirrispetta l-funzjoni fdata lill-Qorti tal-Ġustizzja, li hija dik li tikkontribwixxi fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja fl-Istati Membri u mhux dik li tesprimi opinjonijiet konsultattivi dwar domandi ġenerali jew ipotetiċi (ara s-sentenza Kamberaj, EU:C:2012:233, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll id-digriet Dél-Zempléni Nektár Leader Nonprofit, EU:C:2014:40, punt 40).

36

F’dan ir-rigward, iċ-ċaħda ta’ domanda ppreżentata minn qorti nazzjonali ma hijiex possibbli ħlief meta jidher manifestament li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandhiex x’taqsam mal-fatti jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali jew inkella meta l-problema hija ta’ natura ipotetika jew il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-elementi ta’ fatt u ta’ dritt neċessarji sabiex twieġeb b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (ara s-sentenza Kamberaj, EU:C:2012:233, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata kif ukoll id-digriet Dél-Zempléni Nektár Leader Nonprofit, EU:C:2014:40, punt 41).

37

F’din il-kawża, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 14(1) u (2) tar-Regolament Nru 659/1999 sabiex tiġi evalwata l-kompatibbiltà tal-Artikolu 91(2) taċ-CIRE ma’ dawn id-dispożizzjonijiet.

38

Madankollu, ebda parti mill-proċess prodott quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma turi li l-Artikolu 91(2) taċ-CIRE huwa applikabbli għall-kawża prinċipali. L-imsemmija dispożizzjoni hija relatata, fil-fatt, mal-krediti li għadhom mhux dovuti “fid-data tad-dikjarazzjoni ta’ insolvenza li [għalihom] interessi kumpensatorji ma humiex dovuti jew li [għalihom] interessi iktar baxxi mir-rata ta’ interess legali ta’ interessi huma dovuti”.

39

Issa, il-kreditu tal-Estado português inkwistjoni fil-kawża prinċipali kien dovut qabel il-ftuħ tal-proċeduri ta’ stralċ ta’ BPP, fil-15 ta’ April 2010. Fil-fatt, kif tfakkar fil-premessa 24 tad-Deċiżjoni 2011/346, l-għajnuna mill-Istat inkwistjoni għandha fi kwalunkwe każ titqies bħala illegali, skont l-Artikolu 108(3) TFUE, mis-6 ta’ Ġunju 2009, peress li d-deċiżjoni tat-13 ta’ Marzu 2009 iddikjarat din l-għajnuna bħala kompatibbli mas-suq intern biss għal perijodu ta’ sitt xhur, jiġifieri sal-5 ta’ Ġunju 2009.

40

Barra minn hekk, il-qorti nazzjonali tesprimi ruħha biss f’termini ipotetiċi dwar l-applikabbiltà tal-Artikolu 91(2) taċ-CIRE għall-kawża prinċipali.

41

F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jitqies li l-ħames domanda preliminari ma tirrigwardax interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tilħaq ħtieġa oġġettiva għad-deċiżjoni li l-qorti tar-rinviju għandha tieħu (ara digrieti Abt et, C‑194/10, EU:C:2011:182, punt 37, kif ukoll Dél-Zempléni Nektár Leader Nonprofit, EU:C:2014:40, punt 44).

42

Għaldaqstant, il-ħames domanda preliminari, li tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-Artikolu 14(1) u (2) tar-Regolament Nru 659/1999, hija inammissibbli.

Fuq il-mertu

–Fuq l-ewwel parti tal-ewwel domanda u fuq it-tielet domanda

43

B’dawn id-domandi, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, l-ewwel nett, jekk il-klassifikazzjoni ta’ “għajnuna mill-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, tal-garanzija hijiex suffiċjentement motivata fid-dawl tal-fatt li d-Deċiżjoni 2011/346 ma tindikax għaliex din il-garanzija tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri. Min-naħa l-oħra, din il-qorti tistaqsi jekk il-Kummissjoni setgħetx ġustament tikkonstata li l-garanzija taffettwa dan il-kummerċ, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, fid-dawl tas-self li din il-garanzija kienet assoċjata miegħu u peress li BPP ma għadhiex teżerċita din l-attività mill-1 ta’ Diċembru 2008.

44

Kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-motivazzjoni mitluba mill-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, awtriċi tal-att, b’tali mod li l-partijiet ikkonċernati jkunu jistgħu jsiru jafu bil-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata u l-qorti kompetenti tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha (sentenza Nuova Agricast, C‑390/06, EU:C:2008:224, punt 79 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45

Ladarba l-klassifikazzjoni ta’ “għajnuna mill-Istat” fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE tirrikjedi li l-kundizzjonijiet kollha msemmija f’din id-dispożizzjoni jkunu ssodisfatti (sentenzi Il-Kummissjoni vs Deutsche Post, C‑399/08 P, EU:C:2010:481, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll il-Ministerio de Defensa u Navantia, C‑522/13, EU:C:2014:2262, punt 19), id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li żżomm din tali klassifika għandha tispjega l-motivi li għalihom din l-istituzzjoni tqis li l-miżura tal-Istat ikkonċernata tissodisfa dawn l-imsemmija kundizzjonijiet kollha.

46

Fir-rigward ta’ jekk il-Deċiżjoni 2011/346 hijiex motivata b’mod suffiċjenti fid-dritt fid-dawl tal-kundizzjoni tal-effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri, imsemmi fl-Artikolu 107(1) TFUE, huwa importanti li jitfakkar li l-Kummissjoni ma hijiex obbligata li turi li miżura tal-Istat għandha impatt reali fuq dawn l-iskambji, u lanqas li dan joħloq distorsjoni effettiva tal-kompetizzjoni. Hija marbuta biss li tistabbilixxi li l-imsemmija miżura tista’ tipproduċi tali effetti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Unicredito Italiano, C‑148/04, EU:C:2005:774, punt 54; Cassa di Risparmio di Firenze et, C‑222/04, EU:C:2006:8, punt 140; Libert et, C‑197/11 u C‑203/11, EU:C:2013:288, punt 76, kif ukoll Eventech, C‑518/13, EU:C:2015:9, punt 65).

47

F’din il-kawża, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni ddikjarat li hemm elementi tali li jindikaw li l-vantaġġ li minnu tgawdi BPP seta’ jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri. Il-Kummissjoni tirreferi f’dan ir-rigward, għall-premessa 58 tad-Deċiżjoni 2011/346, għat-tisħiħ tal-pożizzjoni kompetittiva ta’ BPP fir-rigward tal-istituzzjonijiet l-oħra fis-settur bankarju. Hija tfakkar ukoll, fil-premessa 59 tal-imsemmija deċiżjoni, l-attivitajiet ta’ BPP u l-pożizzjoni ta’ din tal-aħħar fis-swieq finanzjarji domestiċi u internazzjonali. Il-premessa 9 tal-imsemmija deċiżjoni tispeċifika li BPP hija attiva f’żewġ Stati Membri u tipprovdi servizzi bankarji privati, konsulenza korporattiva u ekwità privata.

48

Fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 44 sa 46 iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat li d-Deċiżjoni 2011/346 hija mmotivata b’mod suffiċjenti fid-dritt sa fejn tidher b’mod ċar u inekwivoku r-raġuni għaliex l-istituzzjoni, awtriċi tal-att, iddeċidiet fil-premessa 60 tad-Deċiżjoni 2011/346 li l-kundizzjoni marbuta mal-effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, hija vverifikata f’dan il-każ.

49

Rigward il-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni setgħetx ġustament tikkonstata li l-garanzija affettwat il-kummerċ bejn l-Istati Membri, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, mill-punt 46 ta’ din is-sentenza jirriżulta li, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni ta’ miżura nazzjonali ta’ “għajnuna mill-Istat”, huwa biżżejjed li jiġi eżaminat jekk din il-miżura tistax taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

50

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-għan tas-self li l-garanzija hija assoċjata miegħu, li, kif jirriżulta mill-premessa 13 tad-Deċiżjoni 2011/346, jista’ jintuża biss sabiex jirrimborsa lid-depożitanti u lill-kredituri l-oħra ta’ BPP, ma jostakolax li l-garanzija tista’ taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

51

Fil-fatt, fir-rigward tal-kriterju ta’ effett fuq l-kummerċ bejn l-Istati Membri, ġie deċiż li, meta għajnuna mogħtija minn Stat Membru ssaħħaħ il-pożizzjoni ta’ impriża meta mqabbla ma’ impriżi oħra li jikkompetu fil-kummerċ bejn l-Istati Membri, dawn tal-aħħar jeħtieġ li jitqiesu li ntlaqtu minn dik l-għajnuna. F’dan ir-rigward, iċ-ċirkustanza li settur ekonomiku, bħal dak tas-servizzi finanzjarji, ikun suġġett għal proċess importanti ta’ liberalizzazzjoni fil-livell tal-Unjoni, li aċċenwa l-kompetizzjoni li tista’ tirriżulta diġà miċ-ċirkulazzjoni libera tal-kapital prevista mit-Trattat, hija ta’ natura li tikkaratterizza effett reali jew potenzjali tal-għajnuna fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Cassa di Risparmio di Firenze et, EU:C:2006:8, punti 141, 142 u l-ewwel inċiż tal-punt 145).

52

Issa, il-garanzija tat vantaġġ lil BPP, li, kif jirriżulta mill-premessa 57 tad-Deċiżjoni 2011/346, setgħet kisbet is-self bl-aħjar kundizzjonijiet finanzjarji minn dawk li kieku normalment jinkisbu minn impriżi oħra fis-suq fl-istess ċirkustanzi, jekk fil-fatt tali self kien ukoll disponibbli. F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa ġustament li l-premessa 59 ta’ din id-deċiżjoni tikkonstata li l-imsemmi vantaġġ jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri rigward l-attivitajiet ta’ BPP u l-pożizzjoni tagħha fis-swieq domestiċi u internazzjonali. Fil-fatt, kif irrilevat mill-Kummissjoni, mingħajr l-injezzjoni ta’ kapital li setgħet issir grazzi għall-garanzija, il-klijenti ta’ BPP probabbilment kienu jagħżlu bank kompetitur mill-mument fejn BPP kienet uriet sinjali ta’ diffikultajiet finanzjarji.

53

L-allegat waqfien tal-attività kummerċjali ta’ BPP ma huwiex tali li jikkontesta din il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni, li tinsab fil-premessa 59 tad-Deċiżjoni 2011/346.

54

Fil-fatt, anki jekk wieħed jassumi li dan il-waqfien ta’ attività ġie stabbilit, BPP setgħet, sal-irtirar tal-liċenzja bankarja tagħha, fil-15 ta’ April 2010, terġa’ tibda l-attività kummerċjali normali tagħha. Konsegwentement, huwa ġustament li l-Kummissjoni kkonstatat, fil-premessa 59 tad-Deċiżjoni 2011/346, li huwa biss fil-15 ta’ April 2010 li kwalunkwe riskju li BPP terġa’ tiġi lura fis-suq u tista’, b’hekk, taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri sparixxa.

55

Minn dan isegwi li l-eżami tal-ewwel parti tal-ewwel domanda u dak tat-tielet domanda ma wera xejn li jaffettwa l-validità tad-Deċiżjoni 2011/346.

Fuq it-tieni parti tal-ewwel domanda u fuq it-tieni domanda

56

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-Deċiżjoni 2011/346 hijiex ivvizzjata minn nuqqas ta’ motivazzjoni, peress li l-għajnuna li kienet oriġinarjament iddikjarata kompatibbli mas-suq intern, fl-imsemmija deċiżjoni, ġiet iddikjarata inkompatibbli ma’ dan is-suq. Barra minn hekk, hija tistaqsi dwar jekk l-imsemmija deċiżjoni hijiex ibbażata fuq motivi kontradittorji fis-sens li hija tistabbilixxi, l-ewwel nett, fil-premessa 24 tagħha, li l-għajnuna saret illegali mis-6 ta’ Ġunju 2009, u, min-naħa l-oħra, fil-premessi 71 u 72 tagħha, li din l-istess għajnuna għandha titqies li hija inkompatibbli mas-suq intern mill-5 ta’ Diċembru 2008.

57

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-ewwel sentenza tal-Artikolu 108(3) KE jistabbilixxi, għall-Istati Membri, obbligu ta’ notifikazzjoni tal-proġetti intiżi sabiex jistabbilixxu jew jemendaw għajnuna. Skont l-aħħar sentenza ta’ din id-dispożizzjoni, l-Istat Membru li għandu l-intenzjoni li jagħti għajnuna ma jistax jimplementa l-miżuri ppjanati qabel ma l-imsemmija proċedura tkun wasslet għal deċiżjoni finali tal-Kummissjoni. Il-projbizzjoni prevista minn din id-dispożizzjoni hija intiża sabiex tiggarantixxi li l-effetti ta’ għajnuna ma jippreżentawx ruħhom qabel ma l-Kummissjoni jkollha terminu raġonevoli sabiex teżamina l-proġett fid-dettall, u, jekk ikun il-każ, tibda l-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Franza vs Il-Kummissjoni, C‑301/87, EU:C:1990:67, punt 17, kif ukoll CELF u ministre de la Culture et de la Communication, C‑199/06, EU:C:2008:79, punti 33 sa 36).

58

L-Artikolu 88(3) KE jistabbilixxi b’dan il-mod kontroll ta’ prevenzjoni fuq il-proġetti ta’ għajnuna ġodda (sentenzi Lorenz, 120/73, EU:C:1973:152, punt 2; CELF u ministre de la Culture et de la Communication, EU:C:2008:79, punt 37, kif ukoll Deutsche Lufthansa, C‑284/12, EU:C:2013:755, punt 25).

59

Minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li miżura ta’ għajnuna implementata bi ksur tal-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 108(3) KE hija illegali. Barra minn hekk tali interpretazzjoni hija kkonfermata mill-Artikolu 1(f) tar-Regolament Nru 59/1999 (ara s-sentenza Residex Capital IV, C‑275/10, EU:C:2011:814, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

60

Il-Kummissjoni hija marbuta li teżamina l-kompatibbiltà tal-għajnuna proposta mas-suq intern, anki jekk l-Istat Membru jikser il-projbizzjoni fuq l-implementazzjoni tal-miżuri ta’ għajnuna u li l-għajnuna hija, għaldaqstant illegali. Issa, il-Qorti Ġenerali diġà ddeċidiet li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar il-kompatibbiltà ta’ għajnuna ma taffettwax l-illegalità ta’ din tal-aħħar li tirriżulta mill-ksur tal-projbizzjoni prevista mill-ewwel sentenza tal-Artikolu 108(3) TFUE. Kwalunkwe interpretazzjoni oħra twassal sabiex tiffavorixxi n-nuqqas ta’ osservanza tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 108(3) TFUE mill-Istat Membru kkonċernat u ċċaħħadha mill-effettività tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Fédération nationale du commerce extérieur des produits alimentaires u Syndicat national des négociants et transformateurs de saumon, C‑354/90, EU:C:1991:440, punt 16, kif ukoll CELF u ministre de la Culture et de la Communication, EU:C:2008:79, punt 40).

61

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li d-Deċiżjoni 2011/346 issemmi dati differenti minn fejn l-għajnuna mill-Istat għandha titqies bħala illegali, minn naħa waħda, u inkompatibbli mas-suq intern, min-naħa l-oħra, ma juri ebda kontradizzjoni mal-motivi sottostanti għaliha.

62

Barra minn hekk, il-premessi 20, 21, 57 u 67 sa 71 tar-Deċiżjoni 2011/346 jispjegaw b’mod suffiċjenti fid-dritt ir-raġunijiet għaliex l-garanzija hija ddikjarata inkompatibbli mas-suq intern anki jekk id-deċiżjoni tat-13 ta’ Marzu 2009 kienet ikkonstatat li l-għajnuna kienet kompatibbli magħha taħt ċerti kundizzjonijiet.

63

Fil-fatt, mill-premessi 20, 21, 57, 67, 68 u 70 tad-Deċiżjoni 2011/346 jirriżulta li d-deċiżjoni tat-13 ta’ Marzu 2009 kienet provviżorja u kienet adottata fid-dawl tal-impenji magħmula mill-awtoritajiet Portugiżi, minn naħa, li ma jestendux il-garanzija lil hinn mill-5 ta’ Ġunju 2009 mingħajr notifika u ftehim minn qabel tal-Kummissjoni u, min-naħa l-oħra, sabiex jissottomettu pjan ta’ ristrutturazzjoni ta’ BPP fi żmien sitt xhur, jiġifieri għall-5 ta’ Ġunju 2009 l-iktar tard. Issa, il-premessa 67 tar-Deċiżjoni 2011/346 tikkonstata li l-awtoritajiet Portugiżi estendew il-garanzija darbtejn mingħajr ma informaw lill-Kummissjoni minn qabel jew talbu l-qbil tagħha u li l-pjan ta’ ristrutturazzjoni ta’ BPP ma ġiex ippreżentat, anki wara li l-Kummissjoni bagħtet inġunzjoni lir-Repubblika Portugiża f’dan is-sens. Huwa, għaldaqstant, wara li fakkret il-kundizzjonijiet li għalihom kienet suġġetta l-approvazzjoni tal-miżura ta’ għajnuna u kkonstatat li dawn ma kinux ġew osservati li l-Kummissjoni kkonkludiet, fil-premessa 71 tad-Deċiżjoni 2011/346 li l-garanzija kienet inkompatibbli mas-suq intern.

64

Minn dan isegwi li l-eżami tat-tieni parti tal-ewwel domanda u tat-tieni domanda ma turi l-ebda elementi tali li jaffettwaw il-validità tad-Deċiżjoni 2011/346.

Fuq ir-raba’ domanda

65

Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-Deċiżjoni 2011/346 tiksirx l-Artikolu 107(3)(b) TFUE, ladarba tiddikjara inkompatibbli mas-suq intern għajnuna li hija maħsuba “sabiex tirrimedja taħwid serju fl-ekonomija ta’ Stat Membru” fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni. Barra minn hekk, hija tistaqsi wkoll jekk, skont din id-dispożizzjoni, il-garanzija għandhiex titqies bħala inkompatibbli mas-suq intern.

66

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-għajnuna li taqa’ fl-Artikolu 107(3)(b) TFUE ma hijiex ex lege kompatibbli mas-suq intern, iżda tista’ titqies kompatibbli mal-imsemmi suq mill-Kummissjoni. Din l-evalwazzjoni taqa’ fil-kompetenza esklużiva ta’ din l-istituzzjoni, li taġixxi taħt l-istħarriġ tal-qrati tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Deutsche Lufthansa, EU:C:2013:755, punt 28).

67

L-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali li għandha l-Kummissjoni fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 107(3) TFUE jimplika evalwazzjonijiet kumplessi ta’ natura ekonomika u soċjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Deufil vs Il-Kummissjoni, 310/85, EU:C:1987:96, punt 18, u l-Italja vs Il-Kummissjoni, C‑372/97, EU:C:2004:234, punt 83). B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja, fl-istħarriġ tagħha tal-legalità tal-eżerċizzju ta’ din is-setgħa, ma tistax tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha għal dik tal-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Spanja vs Il-Kummissjoni, C‑169/95, EU:C:1997:10, punt 34, kif ukoll Unicredito Italiano, EU:C:2005:774, punt 71).

68

Il-konvenuti fil-kawża prinċipali jsostnu li mill-premessi 64 sa 76 tad-Deċiżjoni 2011/346 jirriżulta li l-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni tal-inkompatibbiltà tal-garanzija mas-suq intern abbażi ta’ nuqqas ta’ osservanza ta’ motivi purament proċedurali, jiġifieri l-fatt li r-Repubblika Portugiża estendiet il-garanzija darbtejn mingħajr ma għarrfet minn qabel lill-Kummissjoni u lanqas fittxet l-approvazzjoni tagħha u l-fatt li dan l-Istat Membru ma ppreżentax pjan ta’ ristrutturazzjoni ta’ BPP f’terminu ta’ sitt xhur stabbilit fid-deċiżjoni tat-13 ta’ Marzu 2009. Il-Kummissjoni b’hekk naqset milli tevalwa jekk l-għajnuna inkwistjoni kinitx intiża li tirrimedja perturbazzjoni serja fl-ekonomija tal-Istat Membru kkonċernat, fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE.

69

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, rigward l-evalwazzjoni, fid-dawl tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE, ta’ garanziji tal-Istat mogħtija lil istituzzjonijiet finanzjarji fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja mondjali, il-Kummissjoni tillimita ruħha fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha meta adottat il-Komunikazzjoni Bankarja. Il-Kummissjoni għaldaqstant ma tistax tmur kontra r-regoli stabbiliti f’din il-komunikazzjoni, mingħajr ma twettaq ksur, jekk ikun il-każ, tal-prinċipji ġenerali tad-dritt, bħal dawk tal-ugwaljanza fit-trattament jew tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi (ara s-sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, EU:C:2005:408, punt 211).

70

Issa, mill-Komunikazzjoni Bankarja jirriżulta li l-għoti ta’ garanzija mill-Istat għandu jitqies bħala miżura ta’ emerġenza u, għaldaqstant, neċessarjament temporanju (punti 13 u 24). Tali garanzija għandha wkoll tkun akkumpanjata minn miżuri ta’ ristrutturazzjoni jew ta’ likwidazzjoni tal-benefiċjarju (punti 29 sa 31).

71

Fid-deċiżjoni tagħha tat-13 ta’ Marzu 2009, il-Kummissjoni applikat il-kriterji tal-Komunikazzjoni Bankarja. Kif jirriżulta mill-punt 39 ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni approvat il-garanzija għal perijodu ta’ sitt xhur, jiġifieri sal-5 ta’ Ġunju 2009, suġġett għall-preżentazzjoni ta’ pjan ta’ ristrutturazzjoni għar-Repubblika Portugiża sa din id-data, konformement mal-impenn ta’ dan l-Istat Membru. Il-Kummissjoni speċifikat, fil-premessa 34 tal-imsemmija deċiżjoni, li l-evalwazzjoni tagħha tal-għajnuna kienet mingħajr preġudizzju għal dik li hija tagħmel kieku l-miżura ġiet estiża lil hinn mill-perijodu ta’ sitt xhur u fakkret, fil-punt 41 tal-istess deċiżjoni, li kwalunkwe estensjoni tal-garanzija kellha tiġi nnotifikata minn qabel.

72

Huwa wkoll b’osservanza lejn il-Komunikazzjoni Bankarja li l-Kummissjoni qieset, fil-premessi 67, 70 u 71 tad-Deċiżjoni 2011/346 li, fl-iskadenza tal-perijodu ta’ sitt xhur msemmi fid-deċiżjoni tat-13 ta’ Marzu 2009, il-kriterji rilevanti li wasslu lil din l-istituzzjoni li toħroġ l-awtorizzazzjoni provviżorja tal-għajnuna inkwistjoni ma kinux issodisfatti, peress li, kuntrarjament għall-impenji tagħhom, minn naħa waħda, l-awtoritajiet Portugiżi naqsu milli jippreżentaw pjan ta’ ristrutturar ta’ BPP fit-terminu stabbilit u, min-naħa l-oħra, l-imsemmija awtoritajiet kienu estendew il-garanzija darbtejn lil hinn mill-perijodu massimu ta’ sitt xhur, mingħajr ma nnotifikaw formalment dawn l-estensjonijiet lill-Kummissjoni.

73

Mill-premessa 39 tad-Deċiżjoni tat-13 ta’ Marzu 2009 u mill-premessa 71 tad-Deċiżjoni 2011/346 jirriżulta li l-Kummissjoni ma setgħetx tawtorizza l-livell ta’ remunerazzjoni tal-garanzija, li kien b’mod sinjifikattiv taħt il-livell normalment meħtieġ mill-Komunikazzjoni Bankarja, għal perijodu qasir u sakemm ir-Repubblika Portugiża tippreżenta, f’terminu ta’ sitt xhur, pjan ta’ ristrutturazzjoni jew ta’ likwidazzjoni li jippermetti li tiġi llimitata b’mod xieraq kwalunkwe distorsjoni tal-kompetizzjoni.

74

Kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tal-konvenuti fil-kawża prinċipali, il-limitu ta’ żmien għall-għajnuna mogħtija fil-forma ta’ garanzija tal-Istat u l-obbligu ta’ notifika ta’ kwalunkwe estensjoni tiegħu li tirriżulta minnu, kif ukoll l-obbligu għall-benefiċjarju tal-imsemmija garanzija li jippreżenta pjan ta’ ristrutturazzjoni, jikkostitwixxu mhux sempliċi formalitajiet, iżda kundizzjonijiet neċessarji sabiex din l-għajnuna tista’ tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern u strumenti sabiex jiżguraw li l-għajnuna ta’ emerġenza mogħtija lil impriża f’diffikultà ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq l-għan ta’ interess komuni ikkonċernat, li jikkonsisti, f’dan il-każ, li tiġi evitata perturbazzjoni serja tal-ekonomija nazzjonali.

75

Għaldaqstant l-eżami tar-raba’ domanda ma wera l-ebda fatturi li jaffettwaw il-validità tad-Deċiżjoni 2011/346.

76

Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-eżami tad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju ma wera ebda element tali li jaffettwa l-validità tad-Deċiżjoni 2011/346.

Fuq l-ispejjeż

77

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-eżami tad-domandi preliminari magħmula mit-Tribunal do Comércio de Lisboa (il-Portugall) ma wera ebda element tali li jaffettwa l-validità tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/346/UE, tal-20 ta’ Lulju 2010, dwar l-Għajnuna mill-Istat C 33/09 (ex NN 57/09, CP 191/09) implimentata mill-Portugall fil-forma ta’ garanzija tal-Istat lil BPP.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Portugiż.