SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

20 ta’ Novembru 2014 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Unjoni doganali — Klassifikazzjoni tariffarja — Tariffa Doganali Komuni — Nomenklatura Magħquda — Intestaturi 8541 u 8543 — Moduli għat-trażmissjoni u għar-riċezzjoni ta’ data fuq distanza qasira — Subintestaturi 8543 89 95 u 8543 90 80 — Kunċett ta’ partijiet ta’ magni u ta’ apparati elettriċi”

Fil-Kawża C‑666/13,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Finanzgericht Düsseldorf (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tas-27 ta’ Novembru 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-16 ta’ Diċembru 2013, fil-proċedura

Rohm Semiconductor GmbH

vs

Hauptzollamt Krefeld,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

komposta minn C. Toader (Relatur), li qed jaġixxi bħala President tat-Tmien Awla, E. Jarašiūnas u C. G. Fernlund, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Rohm Semiconductor GmbH, minn H. Nehm, avukat,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn B.‑R. Killmann u A. Caeiros, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-intestaturi 8541 u 8543 kif ukoll tas-subintestaturi 8543 89 95 u 8543 90 80 tan-Nomenklatura Magħquda, li jinsabu fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 382), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1832/2002, tal-1 ta’ Awwissu 2002 (ĠU L 290, p. 1, iktar ’il quddiem in-“NM”).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Rohm Semiconductor GmbH (iktar ’il quddiem “Rohm Semiconductor”) u l-Hauptzollamt Krefeld (uffiċċju prinċipali tad-dwana ta’ Krefeld) fir-rigward tal-irkupru tad-dazji doganali fuq l-importazzjoni ta’ moduli għat-trażmissjoni u għar-riċezzjoni ta’ data fuq distanza qasira.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

In-NM hija bbażata fuq is-Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u l-Kodifika ta’ Merkanzija (iktar ’il quddiem is-“SA”), imfassla mill-Kunsill tal-Kooperazzjoni Doganali, li sar l-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana (ODD), u mwaqqfa mill-Konvenzjoni Internazzjonali dwar Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u l-Kodifika ta’ Oġġetti, konkluża fi Brussell fl-14 ta’ Ġunju 1983, u approvata f’isem il-Komunità Ekonomika Ewropea, bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/369/KEE, tas-7 ta’ April 1987 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 288). Hija tinkludi l-klassifikazzjoni b’sitt ċifri tal-intestaturi u tas-subintestaturi tas-SA, u żżid is-seba’ u t-tmien ċifra sabiex tifforma subdiviżjonijiet speċifiċi.

4

L-ewwel parti tan-NM tinkludi ġabra ta’ dispożizzjonijiet preliminari. F’din il-parti, taħt it-Titolu I dwar ir-regoli ġenerali, it-Taqsima A, intitolata “Regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-[NM]”, tiddisponi:

“Il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti fin-[NM] għandha tkun irregolata mill-prinċipji li ġejjin:

1.

It-titli tat-taqsimiet, kapitli u subkapitli huma maħsubin għall-ħeffa ta’ referenza biss; għal għanijiet legali, il-klassifikazzjoni għandha tkun deċiża skond it-termini tat-titli u n-noti ta’ kwalunkwe taqsima jew kapitlu relattiv u, sakemm dawn t-titli jew in-noti ma jkunux jeħtieġu mod ieħor, skond id-dispożizzjonijiet li ġejjin.

2.

a)

Kwalunkwe referenza f’titlu għal oġġett għandha titqies li tinkludi referenza għal dak l-oġġett mhux komplut jew mhux mitmum, sakemm, kif preżentat, l-oġġett mhux komplut jew mhux mitmum ikollu l-karattru essenzjali ta’ l-oġġett komplut jew mitmum. Għandha wkoll titqies li tinkludi referenza għal dak l-oġġett komplut jew mitmum (jew li jista’ jkun klassifikat bħala komplut jew mitmum permezz ta’ din ir-regola), preżentat mhux armat jew żarmat.

[…]

6.

Għal għanijiet legali, il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti fis-subtitli ta’ titlu għandha tkun deċiża skond it-termini ta’ dawk is-subtitli u kwalunkwe noti ta’ subtitli relatati u, mutatis mutandis skond ir-regoli ta’ hawn fuq, skond il-kondizzjoni li subtitli fl-istess livell biss huma komparabbli. […]”

5

It-tieni parti tan-NM, intitolata “Skeda ta’ dazji tad-dwana”, fiha Taqsima XVI. Din it-taqsima b’mod partikolari tinkludi l-Kapitolu 85, intitolat “Makkinarju u għodod mekkaniċi; apparat elettriku; partijiet tagħhom; strumenti li jirrekordjaw u strumenti li jirriproduċu l-ħoss; strumenti li jirrekordjaw u strumenti li jirriproduċu stampa u ħoss televiżivi u partijiet u aċċessorji ta’ dawn l-oġġetti”.

6

Taħt it-titolu ta’ din it-taqsima hemm in-nota 2, li tippreċiża:

“[…]

a)

Partijiet li huma oġġetti inklużi f’xi wieħed mill-intestaturi ta’ Kapitolu 84 jew 85 (ħlief l-intestaturi 8409, 8431, 8448, 8466, 8473, 8485, 8503, 8522, 8529, 8538 u 8548) għandhom fil-każijiet kollha jkunu kklassifikati fl-intestaturi rispettivi tagħhom;

[…]

ċ)

Il-partijiet l-oħrajn kollha għandhom ikunu kklassifikati fl-intestaturi 8409, 8431, 8448, 8466, 8473, 8503, 8522, 8529 jew 8538 kif xieraq jew, jekk le, fl-intestaturi 8487 jew 8548.” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

7

Il-Kapitolu 85 jinkludi partikolarment l-intestaturi u s-subintestaturi segwenti:

“8529 Partijiet tajbin għal użu biss jew prinċipalment mal-apparat tal-intestaturi 8525 sa 8528:

[…]

8529 90 – Oħrajn:

8529 90 10 ‐ ‐ Immuntar u subimmuntar magħmulin minn żewġ partijiet jew partijiet jew iktar marbutin jew imwaħħlin flimkien, għal apparati taħt is-subintestaturi 8526 10 10, 8526 91 11, 8526 91 19 u 8526 92 10 u intiżi għal mezzi tal-ajru ċivili […]

‐ ‐ Oħrajn:

8529 90 40 ‐ ‐ ‐ Partijiet minn apparati ta’ subintestaturi 8525 10 50, 8525 20 91, 8525 20 99, 8525 40 11 u 8527 90 92

‐ ‐ ‐ Oħrajn:

‐ ‐ ‐ ‐ Armarji u kaxex:

[…]

8541 Dajowds, transisters u mezzi simili semikondutturi; mezzi semikondutturi fotosensittivi, inklużi ċelluli fotovoltajki immuntati f’moduli jew magħmulin f’pannelli jew le; dajowds jarmu d-dawl; kristalli pjeżoelettriċi ingastati:

[…]

8543 Magni u apparat elettriċi, b’funzjonijiet individwali, mhux speċifikati jew inklużi band’oħra f’dan il-kapitolu:

[…]

– Magni u apparat ieħor:

[…]

8543 89 – — Oħrajn

[…]

8543 89 95 – — – — Oħrajn

8543 90 – Partijiet:

[…]

8543 90 80 – — Oħrajn

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

8

L-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1255/96, tas-27 ta’ Ġunju 1996, li jissospendi b’mod temporanju d-dazji awtonomi tat-Tariffi Doganali Komuni fuq ċerti prodotti industrijali, agrikoli u tas-sajd (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 7, p. 180), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2264/2002, tad-19 ta’ Diċembru 2002 (ĠU L 350, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1255/96”), jipprovdi li d-dazji awtonomi tat-Tariffa Doganali Komuni dwar il-prodotti elenkati fl-anness kienu sospiżi bir-rati tad-dazji doganali indikati fir-rigward ta’ kull wieħed minnhom. Skont dan l-anness, il-prodotti li jikkorrispondu għas-subintestatura 8543 90 80 ma humiex is-suġġett tad-dazji doganali. B’mod partikolari kien intiż l-assemblaġġ tal-oġġetti tal-intestatura Nru 8541 jew Nru 8542 immuntati fuq ċirkwit stampat, imqiegħed f’qafas. Ir-Regolament Nru 1255/96 ġie mħassar bir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1344/2011, tad-19 ta’ Diċembru 2011, li jissospendi d-dazji awtonomi tat-Tariffa Doganali Komuni fuq ċerti prodotti agrikoli, tas-sajd u industrijali u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1255/96 (ĠU L 349, p. 1). Madankollu, ir-Regolament Nru 1255/96 jibqa’ applikabbli għal ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

In-noti ta ’ spjega tas-SA

9

L-ODD tapprova, taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u l-Kodifika ta’ Oġġetti Internazzjonali, konkluża fi Brussell fl-14 ta’ Ġunju 1983, in-noti ta’ spjega u l-opinjonijiet ta’ klassifikazzjoni adottati mill-Kumitat tas-SA.

10

In-noti ta’ spjega tas-SA dwar l-intestatura 8541 jinkludu, fil-punt B, intitolat “Mezzi fotosensittivi semikondutturi”, l-informazzjoni li ġejja:

“Dan il-grupp jinkludi l-mezzi fotosensittivi semikondutturi li fih dawl viżibbli, infraaħmar jew ultravjola jikkawżaw, b’effett fotoelettriku intern, varjazzjoni tar-reżistenza.

[…]

Mezzi fotosensittivi semikondutturi koperti minn din l-intestatura, li kienu fi stat immuntat, jiġifieri mgħammra bil-konnessjonijiet tagħhom, inkapsulati jew fi stat mhux immuntat.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

11

In-noti ta’ spjega dwar l-intestatura 8543 tas-SA jipprovdu, b’mod partikolari, dan li ġej:

“Għandhom jiġu kkunsidrati bħala magni jew apparati fis-sens ta’ din l-intestatura, mezzi elettriċi li għandhom funzjoni speċifika. Id-dispożizzjonijiet tan-nota ta’ spjega ta’ Nru 8479 dwar il-magni u l-apparati li għandhom funzjoni speċifika, għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-magni u l-apparati ta’ din l-intestatura.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

12

F’dan ir-rigward, in-noti ta’ spjega tas-SA dwar l-intestatura 8479 jiddisponu:

“Din l-intestatura tinkludi l-magni u l-apparati mekkaniċi li għandhom funzjoni speċifika li ma humiex:

[…]

c)

ikklassifikati f’intestaturi iktar speċifiċi oħra ta’ dan il-kapitolu minħabba li:

[…]

1°)

ma humiex speċjalizzati skont il-funzjoni jew it-tip tagħhom;

[…]

Il-magni u l-apparati ta’ din l-intestatura huma differenti minn partijiet ta’ magni jew ta’ apparati li jiġu kklassifikati skont id-dispożizzjonijiet ġenerali relatati mal-partijiet, mill-fatt li huma ma għandhomx funzjoni speċifika.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

13

Fl-2003, Rohm Semiconductor iddikjarat, fid-dawl tar-rilaxx tagħhom għaċ-ċirkulazzjoni libera, moduli għat-trażmissjoni u għar-riċezzjoni ta’ data fuq distanza qasira li jinteraġġixxu ma’ apparat elettroniku ieħor permezz tar-raġġi infraħomor. Dawn il-moduli huma maħsuba sabiex jiġu inkorporati fit-telefons u fil-laptops. Huma b’mod partikolari komposti minn ċirkwit stampat li fuqu huma mmuntati fotodajowds u dajowds li jemettu d-dawl [light-emitting diodes] (iktar ’il quddiem il-“LEDs”).

14

Matul is-snin 2006 u 2007, il-Hauptzollamt Krefeld applika għal dawn il-moduli dazji doganali bir-rata ta’ 3.7 % minħabba li dawn l-istess moduli jaqgħu taħt is-subintestatura 8543 89 95 tan-NM. Għalhekk, huwa ħareġ fil-konfront ta’ Rohm Semiconductor, żewġ deċiżjonijiet ta’ rkupru ta’ dazji doganali ta’ ammont totali ta’ EUR 125 397.15.

15

Rohm Semiconductor ippreżentat rikors kontra dawn id-deċiżjonijiet quddiem il-Finanzgericht Düsseldorf (Qorti tal-Finanzi ta’ Düsseldorf). Hija tqis li l-moduli inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaqgħu taħt l-intestatura tariffarja 8541 li tinkludi, b’mod partikolari, id-dajowds, it-transisters u mezzi simili semikondutturi, kif ukoll il-LED, u li konsegwentement dawn il-moduli huma s-suġġett ta’ eżenzjoni ta’ dazji doganali. Insostenn ta’ dan l-argument, hija tinvoka s-sentenza X (C‑411/07, EU:C:2008:535), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja sabet li l-optocouplers jaqgħu taħt l-intestatura 8541 tan-NM.

16

Hauptzollamt Krefeld tikkontesta r-rilevanza ta’ dan l-argument. Fil-fatt, il-moduli inkwistjoni huma differenti mill-optocouplers sa fejn, kuntrarjament għal dawn tal-aħħar, dawn il-moduli joperaw permezz tal-interazzjoni tad-dajowds li huma inkorporati fihom, flimkien mad-dajowds esterni, installati f’apparat elettroniku ieħor.

17

L-ewwel nett huwa jikkunsidra li s-sempliċi fatt li l-istess moduli ma humiex optocouplers jipprekludi li dawn jiġu kklassifikati taħt l-intestatura 8541. Fil-fatt, jeżisti bejn l-elementi li jittrażmettu u dawk li jirċievu dawl mill-optocouplers, iżolament galvaniku li jeskludi kull moviment elettriku bejn iċ-ċirkwiti interkonnessi minn dawn il-komponenti. Bil-kontra, fil-moduli inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-LEDs u l-fotodajowds ma humiex iddisinjati sabiex jinteraġġixxu ma’ xulxin, iżda għandhom rispettivament jittrażmettu sinjali lill-kontrapartijiet tagħhom esterni u sabiex jirċievu minn dawn.

18

Barra minn hekk, dawn il-moduli għandhom funzjoni oħra minbarra dik tal-optocoupler. Fil-fatt, bħala moduli li jitrażmettu/jirċievu, jikkonċernaw il-komunikazzjoni ottika mingħajr fili.

19

Fl-aħħar nett, din il-funzjoni hija distinta minn dik tal-apparati, telefons ċellulari jew laptops, li fihom huma inkorporati. Dawn il-moduli, mill-funzjoni tagħhom stess, ma jikkostitwixxux element integrat jew parti integrali minn dawn l-apparati.

20

Fid-dawl tal-argumenti ppreżentati, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar jekk l-istess moduli jaqgħux taħt l-intestatura 8541 tan-NM minħabba l-kompożizzjoni tagħhom, jew l-intestatura 8543 tan-NM minħabba l-funzjoni individwali tagħhom.

21

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Finanzgericht Düsseldorf iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti

“1)

Il-fatt li merkanzija jkollha funzjoni individwali fis-sens tal-intestatura 8543 tan-[NM] għandu bħala konsegwenza li, minkejja l-kompożizzjoni tagħha, din il-merkanzija ma tkunx tista’ tibqa’ tiġi kklassifikata taħt l-intestatura 8541?

2)

Fil-każ li l-ewwel domanda tingħata risposta affermattiva: taħt liema kundizzjonijiet moduli li jitrażmettu/jirċievu [intiżi għat-trasferiment ta’ data minn telefon ċellulari lejn telefon ċellulari ieħor jew lejn apparat eletroniku ieħor bħal laptop, printer jew apparat fotografiku diġitali permezz tar-raġġi infraħomor], li għandhom funzjoni individwali fis-sens tal-intestatura 8543, għandhom jiġu kkunsidrati bħala partijiet ta’ magni, apparat jew tagħmir koperti minn din l-intestatura?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

22

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk in-NM għandhiex tiġi interpretata fis-sens li l-moduli jikkostitwixxu, kull wieħed minnhom, mill-interkonnessjoni ta’ LED, ta’ fotodajowd u ta’ diversi mezzi semikondutturi oħra u li jistgħu jintużaw sabiex jittrażmettu/jirċievu permezz tal-infraħomor meta minnhom jgħaddi l-elettriku li ġej mill-apparati li jinkorporawhom, li jaqgħu taħt l-intestatura 8541 jew 8543 tan-NM.

23

L-ewwel nett għandu jitfakkar li skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta din ikollha quddiemha rinviju għal deċiżjoni preliminari dwar il-klassifikazzjoni tariffarja, ir-rwol tagħha huwa li tagħti kjarifika lill-qorti nazzjonali dwar il-kriterji li permezz tagħhom il-qorti nazzjonali tkun tista’ tikklassifika b’mod korrett il-prodotti inkwistjoni fil-kawża prinċipali fin-NM, iktar milli li tikklassifikahom hija stess, u dan peress li hija mhux neċessarjament tiddisponi mill-elementi indispensabbli kollha f’dan ir-rigward. B’hekk, jidher li l-qorti nazzjonali fi kwalunkwe każ hija f’pożizzjoni aħjar sabiex tagħmel dan. Madankollu, sabiex il-qorti tar-rinviju tingħata risposta utli, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, fi spirtu ta’ kooperazzjoni mal-qrati nazzjonali, tagħtiha l-indikazzjonijiet kollha li hija tqis li huma neċessarji (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Data I/O, C‑370/08, EU:C:2010:284, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll Data I/O, C‑297/13, EU:C:2014:331, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

24

Barra minn hekk, kif isostnu Rohm Semiconductor u l-Kummissjoni Ewropea, fl-interess taċ-ċertezza legali u tal-faċilità tal-istħarriġ, il-kriterju deċiżiv għall-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija għandu jinstab, b’mod ġenerali, fil-karatteristiċi tagħha u l-proprjetajiet oġġettivi tagħha, kif iddefiniti mill-formulazzjoni tal-intestatura tan-NM u tan-noti tat-taqsima jew tal-kapitolu (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Peacock, C‑339/98, EU:C:2000:573, punt 9; Codirex Expeditie, C‑400/06, EU:C:2007:519, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll Sysmex Europe, C‑480/13, EU:C:2014:2097, punt 29).

25

Fl-aħħar nett, in-noti ta’ spjega mħejjija, għal dak li jikkonċerna n-NM, mill-Kummissjoni u, għal dak li jikkonċerna s-SA, mill-ODD, jgħinu ħafna fl-interpretazzjoni tal-portata tad-diversi intestaturi tariffarji mingħajr, madankollu, ma għandhom setgħa vinkolanti fid-dritt (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi Data I/O, EU:C:2014:331, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll Lukoyl Neftohim Burgas, C‑330/13, EU:C:2014:1757, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26

F’dak li jirrigwarda, minn naħa, l-intestatura 8541 tan-NM, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li b’mod partikolari jaqgħu taħt din l-intestatura l-mezzi fotosensittivi semikondutturi, bħall-optocouplers (sentenza X, EU:C:2008:535, punt 30).

27

Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-intestatura 8543, din hija biss applikabbli għal magna jew għal apparat elettriku jekk dan ikollu funzjoni individwali u jekk ma jistax jiġi kklassifikat taħt intestaturi oħra tal-Kapitolu 85 tan-NM (ara, f’dan is-sens, is-sentenza X, EU:C:2008:535, punti 27 u 28).

28

Peress li l-qorti tar-rinviju kkonstatat li l-moduli inkwistjoni fil-kawża prinċipali kellhom funzjoni individwali, huwa meħtieġ li tiġi eżaminata t-tieni kundizzjoni.

29

Jirriżulta min-natura sussidjarja tal-intestatura 8543 li din tinkludi l-prodotti li, waqt li jaqgħu taħt il-Kapitolu 85 tan-NM, dawn ma jikkorrispondu għall-ebda intestatura oħra ta’ dan il-kapitolu (ara, b’analoġija, is-sentenza Data I/O, EU:C:2014:331, punt 49).

30

Fl-ewwel lok, il-karatteristiċi tal-prodott inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma iktar kumplessi minn dawk ta’ optocoupler.

31

Fil-fatt, moduli, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huma distinti minn sempliċi mezz semikonduttur jew minn sempliċi dajowd billi, hekk kif innotat il-qorti tar-rinviju, huma komposti minn diversi ċirkwiti rranġati fuq diversi mezzi semikondutturi kif ukoll LED u fotodajowd. Għalhekk, l-ebda wieħed minn dawn il-komponenti ma jagħti lil dawn il-moduli funzjoni karatteristika peress li dawn tal-aħħar jistgħu jintużaw kemm sabiex jittrażmettu u sabiex jirċievu sinjali.

32

Barra minn hekk, waqt li l-optocouplers jittrażmettu sinjal ta’ ċirkwit elettriku lill-ċirkwit ieħor fi ħdan l-istess prodott, dawn il-moduli jippermettu komunikazzjoni esterna lill-prodotti li fihom huma inkorporati. Għalhekk, il-komunikazzjoni ta’ data, permezz tal-istess moduli, isseħħ bejn apparati separati.

33

It-tieni lok, hekk kif il-Kummissjoni tosserva fl-osservazzjonijiet bil-miktub, il-fatt li moduli, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huma komposti minn elementi li meta kkunsidrati separatament jistgħu t-tnejn li huma jkunu marbuta mal-intestatura 8541 tan-NM, ma hijiex ta’ natura tali li tikkontesta l-klassifikazzjoni tagħhom f’intestatura oħra minħabba fil-fatt li l-immuntar ta’ dawn l-elementi jikkostitwixxi prodotti distinti minn dawn tal-aħħar (ara, b’analoġija, is-sentenza Kloosterboer Servizzi, C‑173/08, EU:C:2009:382, punt 29).

34

Għalhekk, minn naħa, li moduli, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, użati għat-trażmissjoni u għar-riċezzjoni bl-interazzjoni ma’ mezzi oħra elettroniċi, permezz ta’ raġġi infraħomor, ta’ data fuq distanza qasira għandhom funzjoni individwali u, min-naħa l-oħra, li dawn il-moduli, li huma komposti, kull wieħed minnhom, mill-interkonnessjoni ta’ LED, ta’ fotodajowd u ta’ diversi mezzi semikondutturi oħra, u li huma intiżi sabiex jiġu integrati f’apparati oħra li minnhom jgħaddi l-elettriku, ma huma inklużi fl-ebda intestatura oħra tal-Kapitolu 85 tan-NM għajr l-intestatura 8543, dawn il-moduli jaqgħu taħt din l-aħħar intestatura.

35

Jirriżulta minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq li hemm lok li r-risposta għall-ewwel domanda tkun li n-NM għandha tiġi interpretata fis-sens li l-moduli jikkostitwixxu, kull wieħed minnhom, mill-interkonnessjoni ta’ LED, ta’ fotodajowd u ta’ diversi mezzi semikondutturi oħra u li jistgħu jintużaw sabiex jittrażmettu/jirċievu permezz tal-infraħomor meta minnhom jgħaddi l-elettriku li ġej mill-apparati li jinkorporawhom li jaqgħu taħt l-intestatura 8543 tan-NM.

Fuq it-tieni domanda

Fuq l-ammissibbiltà

36

Rohm Semiconductor ssostni li t-tieni domanda hija ipotetika u għalhekk tipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddikjaraha inammissibbli. F’dan ir-rigward, hija tinvoka d-definizzjoni tat-terminu “partijiet”, li ġiet adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha X (UE:C:2008:535) sabiex tafferma li sa fejn il-moduli inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jistgħux joperaw b’mod utli indipendentement mit-telefons ċellulari li huma intiżi għalihom, dawn għandhom jiġu kklassifikati bħala “partijiet” ta’ dawn it-telefons ċellulari. Madankollu, skont in-nota 2(c) tat-Taqsima XVI tan-NM, dawn il-moduli għandhom ikunu kklassifikati taħt is-subintestatura 8529 90 40 sa fejn huma intiżi, speċifikament, sabiex jiġu inkorporati fit-telefons ċellulari.

37

Skont Rohm Semiconductor, it-tieni domanda għalhekk tfittex li tiddetermina jekk, fil-każ fejn l-ifformular tal-intestatura 8525 tan-NM teskludi telefons ċellulari, tali moduli bħal dawn għandhomx jiġu kkunsidrati, bħala magna/apparat taħt l-intestatura 8543 minħabba li għandhom funzjoni individwali għalihom, distinta minn dik ta’ telefon ċellulari, jew jekk, minkejja din il-funzjoni individwali, dawn il-moduli huma partijiet ta’ magni taħt dik l-intestatura.

38

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest legali u fattwali li huwa l-kompitu tagħha li tiddefinixxi, u li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tiegħu, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Iċ-ċaħda mill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn qorti nazzjonali hija possibbli biss meta jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Pohotovosť, C‑470/12, EU:C:2014:101, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll Kušionová, C‑34/13, EU:C:2014:2189, punt 38).

39

Issa, minn naħa, fid-dawl tar-risposta għall-ewwel domanda, li n-NM għandha tiġi interpretata fis-sens li l-moduli, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jaqgħu taħt l-intestatura 8543, in-neċessità u r-rilevanza, għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali, li tingħata lill-qorti tar-rinviju risposta għat-tieni domanda hija stabbilita a fortiori.

40

Għandu, min-naħa l-oħra, jiġi mfakkar, li skont in-nota 2(a) tat-Taqsima XVI tan-NM, “[p]artijiet li huma oġġetti inklużi f’xi wieħed mill-intestaturi ta’ Kapitolu 84 jew 85 (ħlief l-intestaturi 8409, 8431, 8448, 8466, 8473, 8485, 8503, 8522, 8529, 8538 u 8548) għandhom fil-każijiet kollha jkunu kklassifikati fl-intestaturi rispettivi tagħhom”. Din ir-regola ta’ klassifikazzjoni tapplika meta l-partijiet ikkunsidrati jikkonsistu f’oġġetti li, minħabba fil-karatteristiċi speċifiċi tagħhom, huma koperti minn intestatura tariffarja speċifika taħt l-Kapitolu 84 jew il-Kapitolu 85 tan-NM. Skont din ir-regola, il-partijiet ta’ magni huma kklassifikati skont il-karatteristiċi tagħhom stess, bħala oġġetti awtonomi, taħt l-intestatura speċifika li taħtha jaqgħu dawn l-oġġetti.

41

Hekk kif sostniet il-qorti tar-rinviju, dan il-punt ma huwiex mingħajr rilevanza, għaliex il-ġbir ta’ dazji doganali huwa sospiż għal ċerti prodotti taħt l-intestatura 8543 90 tan-NM skont ir-Regolament Nru 1255/96. Fost il-prodotti li jaqgħu taħt l-intestatura 8543 90 tan-NM, li għalihom teżisti tali sospensjoni, hemm dawk li huma taħt il-forma ta’ “[a]ssemblaġġ tal-oġġetti tal-intestatura Nru 8541 jew Nru 8542 immuntati fuq ċirkwit stampat, imqiegħed f’qafas”. Kif imfakkar fil-punt 33 ta’ din is-sentenza, huwa possibbli li l-prodott inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kompost minn mezzi li individwalment jaqgħu kollha taħt l-intestatura 8541 tan-NM, jistgħu jikkorrispondu għal din id-deskrizzjoni. Sabiex tingħata tali sospensjoni, madankollu huwa neċessarju li dan il-prodott jista’ jiġi kklassifikat bħala “parti”. Għalhekk, ir-riżoluzzjoni tal-kawża prinċipali tiddependi mir-risposta mogħtija lit-tieni domanda.

42

Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li t-tieni domanda hija ammissibbli.

Fuq il-mertu

43

Permezz tat-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk in-NM għandhiex tiġi interpretata fis-sens li l-moduli, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, inkorporati f’apparati għall-operazzjoni mekkanika jew elettrika li ma humiex neċessarji jikkostitwixxu partijiet fis-sens tas-subintestatura 8543 90 80 tan-NM, jew fis-sens li dawn il-moduli jaqgħu taħt is-subintestatura 8543 89 95 tan-NM dwar magni oħra jew apparati elettriċi oħra, b’funzjonijiet individwali, mhux speċifikati jew inklużi band’oħra fil-Kapitolu 85 tan-NM.

44

Il-kunċett ta’ “partijiet” fis-sens tan-nota 2 tat-Taqsima XVI tan-NM, ma huwiex definit minn din tal-aħħar. Fl-interess tal-applikazzjoni koerenti u uniformi tat-tariffa doganali komuni, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħti lil dan il-kunċett definizzjoni unika komuni għall-kapitoli kollha tan-NM (ara, f’dan is-sens, is-sentenza HARK, C‑450/12, EU:C:2013:824, punt 37).

45

Jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, f’dak li jirrigwarda l-intestatura 8473 tan-NM, u tan-nota 2(b) tat-Taqsima XVI ta’ din, li l-kunċett ta’ “partijiet” jimplika l-preżenza ta’ ragruppament ta’ elementi li għall-operazzjoni tagħhom dawn huma indispensabbli (sentenzi Peacock, EU:C:2000:573, punt 21, kif ukoll Data I/O, EU:C:2014:331, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46

Sabiex oġġett ikun jista’ jikkwalifika bħala “parti”, ma huwiex biżżejjed li jintwera li, mingħajr dan l-oġġett, il-magna ma tkunx f’pożizzjoni li tirrispondi għall-bżonnijiet li hija destinata għalihom. Għad għandu jiġi stabbilit li l-operazzjoni mekkanika jew elettrika tal-magna inkwistjoni hija kkundizzjonata mill-imsemmi oġġett (sentenzi HARK, EU:C:2013:824, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll Data I/O, EU:C:2014:331, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

47

In-noti ta’ spjega tas-SA dwar l-intestatura 8543 jistabbilixxu li għandhom jiġu kkunsidrati bħala magni jew apparati fis-sens ta’ din l-intestatura, il-mezzi elettriċi li għandhom funzjoni individwali. Dan il-punt jippreċiża wkoll li d-dispożizzjonijiet tan-nota ta’ spjega tal-intestatura 8479 tas-SA dwar il-magni u l-apparati li għandhom funzjoni individwali, għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-magni u l-apparati tal-intestatura 8543 tas-SA.

48

F’dan ir-rigward, in-noti ta’ spjega tas-SA dwar l-intestatura 8479 jippreċiżaw, minn naħa li dan jinkludi l-magni u l-apparati mekkaniċi li għandhom funzjoni individwali li ma humiex ikklassifikati f’intestaturi iktar speċifiċi tal-Kapitolu 84 tas-SA minħabba li ma humiex speċjalizzati skont il-funzjoni jew it-tip tagħhom u, min-naħa l-oħra, li l-magni u l-apparati ta’ din l-intestatura huma differenti minn partijiet ta’ magni jew ta’ apparati li jiġu kklassifikati skont id-dispożizzjonijiet ġenerali relatati mal-partijiet, mill-fatt li għandhom funzjoni individwali.

49

Skont Rohm Semiconductor, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-optocouplers inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza X (UE:C:2008:535, punt 28) ma setgħux jiġu kklassifikati fl-intestatura 8543, anki jekk kien ikkunsidrat li dawn ma jaqgħux taħt l-intestatura 8541 tan-NM.

50

Filwaqt li huwa minnu li, fil-punt 28 tal-verżjoni Ġermaniża ta’ din is-sentenza jissemmew “partijiet ta’ magni”, dawn it-termini ma jirreferux għall-kunċett ta’ “partijiet” fis-sens tan-NM, iżda jfissru li l-optocoupler huwa komponent li jikkostitwixxi magni oħra, raġuni għalfejn il-klassifikazzjoni tagħha taħt l-intestatura 8541 tan-NM kienet rilevanti.

51

Fil-fatt, hekk kif tenfasizza l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-verżjoni Franċiża tas-sentenza X (EU:C:2008:535) tista’ twassal għall-istess konfużjoni bħal dik indotta mill-verżjoni Ġermaniża. Madankollu, fil-punt 28 tal-verżjoni Ingliża ta’ din is-sentenza huma użati, minflok il-kliem “partijiet ta’ magna” fil-verżjoni Franċiża, it-termini “machine components”. Fil-każ fejn kien jikkonċerna “partijiet” fis-sens tan-NM, f’dan il-punt tal-verżjoni Ingliża ta’ din is-sentenza kienet saret referenza għall-espressjoni “parts of machines”, kif b’mod partikolari jirriżulta fil-punt 6 ta’ din il-verżjoni.

52

Il-Qorti tal-Ġustizzja effettivament iddeċidiet li optocouplers, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża li tat lok għal din l-istess sentenza, ma setgħux jaqgħu taħt l-intestatura 8543, kif huwa eżattament indikat minnha fil-punt 29 ta’ din l-aħħar sentenza, minħabba li dawn huma maħsuba għal diversi tipi ta’ magni u ta’ apparati u mhux biss għall-kategorija residwali ta’ magni u ta’ apparati msemmija fl-intestatura 8543 tan-NM li tikkorrispondi għall-magni u għall-apparati elettriċi, b’funzjonijiet individwali, mhux speċifikati jew inklużi band’oħra fil-Kapitolu 85.

53

Hekk kif qieset il-qorti tar-rinviju, filwaqt li dawn il-moduli inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma verament inkorporati fit-telefons ċellulari jew f’apparati oħra, dawn ma humiex meħtieġa għall-użu tagħhom. Hekk kif osservat il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, dawn il-moduli, bħala tali, ma għandhom l-ebda rwol fil-proċess tat-telefonija, tal-ipproċessar tad-data, tal-istampar jew tar-riproduzzjoni ta’ ritratti. U skont l-indikazzjonijiet ipprovduti minn din il-qorti, l-assenza ta’ inkorporazzjoni ta’ dawn il-moduli fit-telefons ċellulari, fil-laptops, fil-printers, jew fil-kameras diġitali ma jfixklux l-operazzjoni ta’ dawn.

54

Peress li din l-inkorporazzjoni ma kinitx neċessarja għall-operazzjoni ta’ dawn il-magni, dawn il-moduli ma jistgħux għalhekk jiġu kkunsidrati bħala partijiet fis-sens tal-intestatura 8543 90 80 tan-NM.

55

Għalhekk, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li n-NM għandha tiġi interpretata fis-sens li l-moduli, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, inkorporati f’apparati għall-operazzjoni mekkanika jew elettrika li ma humiex neċessarji ma jikkostitwixxux partijiet fis-sens tas-subintestatura 8543 90 80 tan-NM, iżda jaqgħu taħt is-subintestatura 8543 89 95 tan-NM dwar magni oħra jew apparati elettriċi oħra, b’funzjonijiet individwali, mhux speċifikati jew inklużi band’oħra fil-Kapitolu 85 tan-NM.

Fuq l-ispejjeż

56

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

In-Nomenklatura Magħquda li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana, kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1832/2002, tal-1 ta’ Awwissu 2002, għandha tiġi interpretata fis-sens li l-moduli jikkostitwixxu, kull wieħed minnhom, mill-interkonnessjoni ta’ LED, ta’ fotodajowd u ta’ diversi mezzi semikondutturi oħra u li jistgħu jintużaw sabiex jitrażmettu/jirċievu permezz tal-infraħomor meta minnhom jgħaddi l-elettriku li ġej mill-apparati li jinkorporawhom li jaqgħu taħt l-intestatura 8543 ta’ din in-nomenklatura.

 

2)

In-Nomenklatura Magħquda li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1832/2002, għandha tiġi interpretata fis-sens li l-moduli, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, inkorporati f’apparati għall-operazzjoni mekkanika jew elettrika li ma humiex neċessarji ma jikkostitwixxux partijiet fis-sens tas-subintestatura 8543 90 80 ta’ din in-nomenklatura, iżda jaqgħu taħt is-subintestatura 8543 89 95 tan-nomenklatura dwar magni oħra jew apparati elettriċi oħra, b’funzjonijiet individwali, mhux speċifikati jew inklużi band’oħra fil-Kapitolu 85 ta’ din l-istess nomenklatura.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.