SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

21 ta’ April 2015 ( *1 )

“Appell — Politika estera u ta’ sigurtà komuni — Miżuri restrittivi meħuda kontra r-Repubblika Għarbija Sirjana — Miżuri indirizzati kontra persuni u entitajiet li jibbenefikaw mill-politika mħaddna mir-reġim — Prova tal-fondatezza tal-inklużjoni fil-listi — Sensiela ta’ indizji”

Fil-Kawża C‑630/13 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fil-25 ta’ Novembru 2013,

Issam Anbouba, residenti f’Homs (is-Sirja), irrappreżentat minn M.‑A. Bastin, J.‑M. Salva u S. Orlandi, avukati,

rikorrent,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn A. Vitro kif ukoll minn R. Liudvinaviciute u M.‑M. Joséphidès, bħala aġenti,

konvenut fl-ewwel istanza,

sostnut minn

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn S. Pardo Quintillán u F. Castillo de la Torre, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

intervenjenti fl-appell,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, K. Lenaerts, Viċi President, A. Tizzano, R. Silva de Lapuerta, C. Vajda u S. Rodin, Presidenti ta’ Awla, A. Rosas (Relatur), E. Juhász, A. Borg Barthet, C. Toader, M. Safjan, D. Šváby u F. Biltgen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: V. Tourrès, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-18 ta’ Novembru 2014,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑8 ta’ Jannar 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tiegħu, I. Anbouba jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat-13 ta’ Settembru 2013, Anbouba vs Il‑Kunsill (T‑563/11, EU:T:2013:429, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha hija ċaħdet ir-rikors tiegħu intiż għall-annullament:

tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/684/PESK, tat-13 ta’ Ottubru 2011, li temenda d-Deċiżjoni 2011/273/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (ĠU L 269, p. 33),

tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/782/PESK, tal-1 ta’ Diċembru 2011, dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja u tħassar id-Deċiżjoni 2011/273/PESK (ĠU L 319, p. 56),

tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1011/2011, tat-13 ta’ Ottubru 2011, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 442/2011 dwar miżuri ristrettivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja (ĠU L 269, p. 18),

tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 36/2012, tat-18 ta’ Jannar 2012, dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 442/2011 (ĠU L 16, p. 1), u

tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 410/2012, tal-14 ta’ Mejju 2012, li jimplimenta l-Artikolu 32(1) tar-Regolament Nru 36/2012 (ĠU L 126, p. 3),

sa fejn isem I. Anbouba jirriżulta fil-listi tal-persuni li fir-rigward tagħhom japplikaw il-miżuri restrittivi deċiżi skont dawn l-atti (iktar ’il quddiem l-“atti kontenzjużi”).

Il-fatti li wasslu għall-kawża

2

Fid-9 ta’ Mejju 2011, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta, abbażi tal-Artikolu 29 TUE, id-Deċiżjoni 2011/273/PESK, dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (ĠU L 121, p. 11). Hekk kif jirriżulta mill-premessa 2 ta’ din id-deċiżjoni “[l]-Unjoni kkundannat bil-qawwa r-repressjoni vjolenti, inkluż permezz tal-użu ta’ munizzjon attiv, ta’ protesti paċifiċi f’lokalitajiet differenti madwar is-Sirja li wasslet għall-mewt ta’ diversi dimostranti, il-feriment ta’ persuni u detenzjonijiet arbitrarji”. Il-premessa 3 tal-imsemmija deċiżjoni hija redatta kif ġej:

“Fid-dawl tas-serjetà tas-sitwazzjoni, għandhom jiġu imposti miżuri restrittivi kontra [r-Repubblika Għarbija Sirjana] u kontra l-persuni responsabbli mir-repressjoni vjolenti kontra l-popolazzjoni ċivili fis-Sirja.”

3

L-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni 2011/273 jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji għall-prevenzjoni tad-dħul, jew tat-tranżitu fit-territorju tagħhom, tal-persuni responsabbli għar-repressjoni vjolenti eżerċitata kontra l-popolazzjoni ċivili fis-Sirja u tal-persuni assoċjati magħhom, li l-lista tagħhom tinsab annessa ma’ din id-deċiżjoni. L-Artikolu 4(1) tal-imsemmija deċiżjoni jipprovdi li “[i]l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu, huma proprjetà ta’, miżmuma jew ikkontrollati mill-persuni responsabbli mir-repressjoni vjolenti fuq il-popolazzjoni ċivili fis-Sirja, u l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, u l-entitajiet assoċjati magħhom, kif elenkati fl-Anness, għandhom jiġu ffriżati.” Il-modalitajiet ta’ dan l-iffiriżar huma ddefiniti fl-Artikolu 4(2) sa (6) tad-Deċiżjoni 2011/273. Skont l-Artikolu 5(1) ta’ din id-deċiżjoni, il-Kunsill jistabbilixxi l-imsemmija lista.

4

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 442/2011, tad-9 ta’ Mejju 2011, dwar miżuri ristrettivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja (ĠU L 121, p. 1), ġie adottat abbażi tal-Artikolu 215 TFUE u tad-Deċiżjoni 2011/273. Fl-Artikolu 4(1) tiegħu huwa jipprovdi li “l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu lil, li huma l-proprjetà ta’, li huma miżmuma jew ikkontrollati mill- persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l-entitajiet u l-korpi elenkati fl-Annessi II għandhom jiġu ffriżati”.

5

Fil-premessa 2 tad-Deċiżjoni 2011/522/PESK, tat-2 ta’ Settembru 2011, li temenda d-Deċiżjoni 2011/273(ĠU L 228, p. 16), il-Kunsill fakkar li l-Unjoni Ewropea kkundannat bl-iktar mod qawwi l-kampanja brutali li l-President Bashar Al-Assad u r-reġim tiegħu wettqu kontra l-popolazzjoni tagħhom u li matulha numru kbir ta’ Sirjani nqatlu jew indarbu. Peress li r-reġim Sirjan baqa’ ma tax każ is-sejħiet tal-Unjoni u tal-komunità internazzjonali kollha, l-Unjoni ddeċidiet li tadotta miżuri restrittivi ġodda kontriha. Il-premessa 4 tal-imsemmija deċiżjoni hija fformulata kif ġej:

“Ir-restizzjonijiet fuq l-ammissjoni u l-iffriżar ta’ fondi u riżorsi ekonomiċi għandhom jiġu applikati għal persuni u entitajiet addizzjonali li jibbenefikaw minn jew jappoġġaw lir-reġim, partikolarment persuni u entitajiet li jiffinanzjaw lir-reġim, jew jipprovdu appoġġ loġistiku lir-reġim, partikolarment l-apparat tas-sigurtà, jew li jimminaw l-isforzi lejn tranżizzjoni paċifika għad-demokrazija fis-Sirja.”

6

L-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni 2011/273, kif emendata bid-Deċiżjoni 2011/522, jirrigwarda wkoll il-“persuni li jibbenefikaw minn jew li jappoġġaw ir-reġim, u persuni assoċjati magħhom”. Bl-istess mod, l-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjoni 2011/273, kif emendata bid-Deċiżjoni 2011/522, jipprovdi għall-iffriżar tal-fondi li jappartjenu, b’mod partikolari, lil “persuni u entitajiet li jibbenefikaw minn jew li jappoġġaw ir-reġim, u persuni u entitajiet assoċjati magħhom, kif elenkati fl-Anness”.

7

Permezz tad-Deċiżjoni 2011/522, isem I. Anbouba ġie miżjud mal-lista annessa mad-Deċiżjoni 2011/273. Ir-raġunijiet għall-inklużjoni tiegħu f’din il-lista huma dawn li ġejjin:

“President ta’ Issam Anbouba Est. għall-agro-industrija [(iktar ’il quddiem is-‘SAPCO’)]. Jappoġġa ekonomikament lir-reġim Sirjan.”

8

Ir-Regolament Nru 878/2011, tat-2 ta’ Settembru 2011, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 442/2011 (ĠU L 228, p. 1), emenda wkoll il-kriterji ġenerali ta’ inklużjoni pprovduti fl-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 442/2011, sabiex jinkludi, hekk kif inhu indikat fil-premessa 2 tar-Regolament Nru 878/2011, il-persuni u entitajiet li jibbenefikaw mill-appoġġ tar-reġim jew li jsostnuh. Isem I. Anbouba ġie miżjud, permezz tar-Regolament Nru 878/2011, fl-Anness II tar-Regolament Nru 442/2011. Ir-raġunijiet indikati għall-inklużjoni tiegħu fil-lista li tinsab f’dan l-anness huma identiċi għal dawk indikati fl-Anness tad-Deċiżjoni 2011/522.

9

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/628/PESK, tat-23 ta’ Settembru 2011, li temenda d-Deċiżjoni 2011/273/PESK (ĠU L 247, p. 17), u r-Regolament Nru 1011/2011, żammew isem I. Anbouba fil-listi inkwistjoni u daħħlu informazzjoni relatata mad-data u l-post tat-twelid tiegħu.

10

Id-Deċiżjoni 2011/684, li temenda d-Deċiżjoni 2011/273, żiedet l-isem ta’ entità ġdida mal-lista tal-persuni, tal-entitajiet u tal-organi kkonċernati mill-miżuri inkwistjoni u emendat ċerti dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni 2011/273 fuq il-mertu.

11

Wara l-adozzjoni ta’ miżuri supplimentari ġodda, id-Deċiżjoni 2011/273 ġiet imħassra u ssostitwita bid-Deċiżjoni 2011/782, fejn din żammet isem I. Anbouba fil-lista tal-persuni u tal-entitajiet li huma suġġetti għal miżuri restrittivi.

12

Ir-Regolament Nru 36/2012 ħassar ir-Regolament Nru 442/2011 u żamm isem I. Anbouba fil-lista tal-persuni, tal-entitajiet u tal-organi li huma suġġetti għal miżuri restrittivi. Min-naħa tiegħu, huwa ġie emendat bir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 168/2012, tas‑27 ta’ Frar 2012 (ĠU L 54, p. 1), li inkluda ismijiet oħra f’din il-lista u pprovda għal miżuri ġodda kontra l-persuni li l-ismijiet tagħhom huma inklużi fl-imsemmija lista.

13

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 410/2012 emenda l-informazzjoni relatata mad-data u mal-post ta’ twelid tal-appellant kif ukoll ir-raġunijiet għall-inklużjoni tiegħu fil-lista li tinsab fl-Anness II tar-Regolament Nru 36/2012 kif ġej:

“Jipprovdi appoġġ finanzjarju għall-apparat ripressiv u għall-gruppi paramilitari li jużaw il-vjolenza kontra l-popolazzjoni ċivili fis-Sirja. Jipprovdi proprjetà (binjiet, imħażen) għal ċentri ta’ detenzjoni improvviżati. Għandu relazzjonijiet finanzjarji ma’ uffiċjali għoljin Sirjani.”

Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

14

It-talba mressqa minn I. Anbouba, hekk kif imwessa’ b’talbiet ulterjuri, kienet intiża għall-annullament tal-atti kontenzjużi.

15

I. Anbouba kien ukoll ressaq talba għad-danni, li għaliha rrinunzja waqt is-seduta quddiem il-Qorti Ġenerali.

16

Insostenn tar-rikors tiegħu, wara li ressaq sitt motivi, I. Anbouba żamm biss erbgħa minnhom, jiġifieri l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza u ta’ qlib tal-oneru tal-prova, it-tieni motiv, ibbażat fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni relatati mar-raġunijiet għall-inklużjoni tiegħu fil-listi ta’ persuni suġġetti għal miżuri ta’ sanzjoni tal-Unjoni, it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża u r-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

17

Waqt l-eżami tal-ewwel motiv, il-Qorti Ġenerali qabel kollox tat deċiżjoni dwar l-oneru tal-prova, fil-punti 42 sa 54 tas-sentenza appellata.

18

Il-punti 42 sa 43 tas-sentenza appellata huma redatti kif ġej:

“42

Mill-premessi tad-Deċiżjoni 2011/522 jirriżulta li, peress li l-miżuri restrittivi adottati fid-Deċiżjoni 2011/273 ma ppermettewx li tintemm ir-ripressjoni tar-reġim Sirjan kontra l-popolazzjoni ċivili Sirjana, il-Kunsill ikkunsidra li kien hemm lok li jiġu applikati l-imsemmija miżuri għal persuni u entitajiet oħrajn li jgawdu mir-reġim jew jistrieħu fuqu, b’mod partikolari għal dawk li jiffinanzjaw ir-reġim jew jagħtuh appoġġ loġistiku, b’mod partikolari lill-apparat ta’ sigurtà, jew li jikkompromettu l-isforzi sabiex tiġi żgurata tranżizzjoni paċifika lejn id-demokrazija. B’hekk, jidher li d-Deċiżjoni 2011/522 estendiet il-miżuri restrittivi għall-imprendituri prinċipali Sirjani, peress li l-Kunsill jidhirlu li huma jistgħu jiġu kkwalifikati bħala persuni assoċjati mar-reġim Sirjan, inkwantu l-attivitajiet kummerċjali tal-impriżi tagħhom ma jistgħux jirnexxu mingħajr ma jibbenefikaw minn favuri mill-imsemmi reġim u li jroddulu lura ċertu appoġġ. Billi pproċeda b’dan il-mod, il-Kunsill ried japplika preżunzjoni ta’ appoġġ għar-reġim Sirjan kontra d-diretturi tal-impriżi prinċipali fis-Sirja.

43

Fir-rigward tar-rikorrent, mill-proċess jirriżulta li l-Kunsill applika dik il-preżunzjoni minħabba l-kwalitajiet tiegħu bħala president tas-[SAPCO], kumpannija ewlenija fl-industrija agroalimentari, bħala direttur ta’ diversi kumpanniji attivi fil-qasam tal-proprjetà immobbli u tal-edukazzjoni u bħala membru fundatur tal-bord tad-diretturi tal-kumpannija Cham Holding, li nħolqot fl-2007, u abbażi tal-funzjonijiet tiegħu ta’ segretarju ġenerali tal-kamra tal-kummerċ u l-industrija tal-belt ta’ Homs (is-Sirja).”

19

Sabiex jiġi vverifikat jekk il-Kunsill kienx wettaq żball ta’ liġi meta uża preżunzjoni, il-Qorti Ġenerali għamlet riferiment, fil-punt 45 tas-sentenza appellata, għall-ġurisprudenza dwar id-dritt tal-kompetizzjoni li tistabbilixxi li l-istituzzjonijiet jistgħu jużaw preżunzjonijiet li jirriflettu l-possibbiltà għall-amministrazzjoni li jkollha l-oneru tal-prova li tasal għal konklużjonijiet billi tibbaża ruħha fuq ir-regoli ta’ esperjenza komuni li jirriżultaw mill-iżvolġiment normali tal-affarijiet. Din fakkret, fil-punt 46 tas-sentenza appellata, li preżunzjoni, anki jekk il-konfutazzjoni tagħha tkun diffiċli, tibqa’ fi ħdan il-limiti aċċettati sakemm tkun proporzjonata għall-iskop leġittimu mfittex, li teżisti l-possibbiltà li titressaq prova kuntrarja u d-drittijiet ta’ difiża jkunu żgurati.

20

Fl-istess punt, il-Qorti Ġenerali rreferiet għall-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, li tgħid li l-Artikolu 6(2) tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950, ma huwiex diżinteressat mill-preżunzjonijiet ta’ fatt jew ta’ liġi, iżda jeżiġi li l-Istati jirrestrinġuhom f’limiti raġonevoli waqt li titqies il-gravità tal-kwistjoni u jitħarsu d-drittijiet tad-difiża.

21

Fil-punt 47 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rreferiet ukoll għall-punt 69 tas-sentenza Tay Za vs Il Kunsill (C‑376/10 P, EU:C:2012:138) li fiha, fir-rigward ta’ deċiżjonijiet dwar l-iffriżar ta’ fondi, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-użu ta’ preżunzjonijiet ma huwiex eskluż inkwantu dawn ikunu ġew previsti fl-atti inkwistjoni u jissodisfaw l-għan tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni.

22

Fil-punt 48 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, “meta titqies in-natura awtoritarja tar-reġim Sirjan u l-kontroll strett eżerċitat mill-Istat fuq l-ekonomija Sirjana, il-Kunsill seta’ jikkunsidra li jikkostitwixxi regola ta’ esperjenza komuni l-fatt li l-attivitajiet ta’ wieħed min-negozjanti ewlenin fis-Sirja, attiv f’għadd kbir ta’ setturi, ma setgħux jirnexxu kieku dan ma bbenefikax minn favuri mill-imsemmi reġim, u kieku huwa ma raddx lura ċertu appoġġ”.

23

Fil-punt 50 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali fakkret l-għanijiet tad-Deċiżjoni 2011/522, in-natura kawtelatorja tal-miżuri adottati u l-kunsiderazzjonijiet imperattivi li jolqtu s-sigurtà jew it-tmexxija ta’ relazzjonijiet internazzjonali tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha li jistgħu jipprekludu l-komunikazzjoni ta’ ċerti provi lill-partijiet ikkonċernati. Hija kkonkludiet li l-użu tal-preżunzjoni mill-Kunsill kien proporzjonat.

24

Fil-punt 51 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-preżunzjoni kkunsidrata kienet konfutabbli inkwantu l-Kunsill kellu jikkomunika lill-persuni milquta mill-miżuri restrittivi r-raġunijiet għall-inklużjoni tagħhom u li dawk il-persuni setgħu jibbażaw ruħhom fuq fatti u informazzjoni li huma biss setgħu kienu fil-pussess sabiex juru li huma ma kinux jagħtu l-appoġġ tagħhom lir-reġim eżistenti.

25

Fil-punt 53 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, b’riferiment għall-punt 42 tal-imsemmija sentenza, iddeċidiet li l-imsemmija preżunzjoni kienet prevista mill-atti kontenzjużi u, b’riferiment għall-punt 50, li din kienet tippermetti li jiġu ssodisfatti l-għanijiet intiżi minn dawn l-atti.

26

Fil-punt 54 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-Kunsill ma kienx wettaq żball ta’ liġi meta kkunsidra li l-kwalità ta’ I. Anbouba bħala negozjant importanti fis-Sirja, waħidha, kienet tippermettilu jippreżumi li dan tal-aħħar kien jagħti appoġġ ekonomiku lir-reġim Sirjan.

27

Fil-punti 63 sa 76 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eżaminat il-parti tat-tieni motiv dwar żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni. Qabel kollox hija fakkret, fil-punt 64, il-fatti li ma kinux ikkontestati mill-partijiet u, sussegwentement, eżaminat id-diversi provi prodotti mir-rikorrent fl-ewwel istanza. Fil-punt 76 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li r-rikorrent ma kien ipproduċa ebda prova li setgħet tikkonfuta l-preżunzjoni li, bħala negozjant importanti fis-Sirja, huwa kien jagħti appoġġ ekonomiku lir-reġim eżistenti.

28

Peress li ċaħdet kull wieħed mill-motivi invokati minn I. Anbouba insostenn tar-rikors tiegħu, il-Qorti Ġenerali ċaħdet dan ir-rikors u kkundannat lil I. Anbouba għall-ispejjeż.

It-talbiet tal-partijiet

29

I. Anbouba jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

tannulla s-sentenza appellata;

tannulla l-atti kontenzjużi, u

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż taż-żewġ istanzi.

30

Il-Kunsill jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

tiċħad l-appell;

sussidjarjament, tiċħad ir-rikors għall-annullament tal-atti kontenzjużi, u

tikkundanna lil I. Anbouba għall-ispejjeż.

31

Il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

tiċħad l-appell, u

tikkundanna lil I. Anbouba għall-ispejjeż.

Fuq l-appell

32

L-appell huwa bbażat fuq żewġ aggravji. Permezz tal-ewwel aggravju tiegħu, I. Anbouba jsostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat li l-Kunsill applika b’mod korrett preżunzjoni ta’ appoġġ għar-reġim Sirjan kontra diretturi tal-impriżi prinċipali fis-Sirja, peress li din il-preżunzjoni hija nieqsa minn bażi legali, sproporzjonata fil-konfront tal-għan leġittimu mfittex u inkonfutabbli. Permezz tat-tieni aggravju tiegħu, ibbażat fuq ksur mill-Qorti Ġenerali tar-regoli tal- provi, I. Anbouba jsostni li, peress li l-Kunsill ma setax jirrikorri għal tali preżunzjoni, huwa kellu l-obbligu li jipproduċi quddiem il-Qorti Ġenerali l-provi li jissostanzjaw id-deċiżjoni tiegħu li jinkludi lil ismu fil-lista tal-persuni suġġetti għall-miżuri restrittivi fis-Sirja (sentenza Il‑Kummissjoni et vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518). Hemm lok li dawn iż-żewġ aggravji jiġu eżaminati flimkien.

L-argumenti tal-partijiet

33

Fir-rigward tal-ewwel aggravju, fl-ewwel lok, I. Anbouba jinvoka l-assenza ta’ bażi legali għall-użu tal-preżunzjoni, kuntrarjament għall-kundizzjoni prevista mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Tay Za vs Il-Kunsill (C‑376/10 P, EU:C:2012:138). It-tieni sentenza tal-punt 42 tas-sentenza appellata tikkostitwixxi interpretazzjoni, mill-Qorti Ġenerali, tad-Deċiżjoni 2011/522 u ma tinkludix it-termini ta’ preżunzjoni prevista mil-leġiżlatur tal-Unjoni.

34

Fit-tieni lok, I. Anbouba jinvoka n-natura sproporzjonata tal-preżunzjoni kkunsidrata fir-rigward tiegħu meta mqabbla mal-għan imfittex mill-atti kontenzjużi.

35

Fit-tielet lok, I. Anbouba jsostni li, kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali, l-imsemmija preżunzjoni hija ta’ natura inkonfutabbli, sa fejn huwa ma jistax jiċħad li huwa direttur ta’ impriża fis-Sirja u sa fejn huwa materjalment impossibbli għalih li jipproduċi prova negattiva tal-assenza ta’ appoġġ lir-reġim Sirjan.

36

Il-Kunsill ifakkar in-natura kawtelatorja tal-miżuri restrittivi u s-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li għandu l-leġiżlatur tal-Unjoni fil-qasam tal-politika estera.

37

Huwa jenfasizza l-importanza taċ-ċirki familjari fl-eżerċizzju tal-poter, kemm politiku kif ukoll ekonomiku, fis-Sirja, u dan għal għexur ta’ snin. Huwa jfakkar li l-appellant jagħmel parti minn grupp ristrett kompost mill-iktar mexxejja ta’ impriżi importanti fis-Sirja u li l-impriżi tiegħu stagħnew taħt ir-reġim Sirjan, liema fatt ġie kkonstatat mill-Qorti Ġenerali fil-punt 64 tas-sentenza appellata.

38

Fir-rigward tal-proporzjonalità tal-preżunzjoni kkunsidrata fir-rigward ta’ I. Anbouba fir-rigward tal-għan imfittex mill-atti kontenzjużi, il-Kunsill jirreferi għall-punt 50 tas-sentenza appellata.

39

Fin-nota ta’ intervent tagħha, il-Kummissjoni tipproponi li l-appell jiġi miċħud bħala infondat.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

40

Permezz taż-żewġ aggravji tiegħu, I. Anbouba jsostni, essenzjalment, li, fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali marret kontra r-regoli relatati mal-oneru tal-prova fil-qasam ta’ miżuri restrittivi billi rrikonoxxiet l-eżistenza ta’ preżunzjoni ta’ appoġġ lir-reġim Sirjan min-naħa tiegħu u billi ma rrikjedietx lill-Kunsill jipproduċi provi addizzjonali insostenn tal-inklużjoni tiegħu fil-listi tal-persuni suġġetti għal tali miżuri.

41

Fl-ewwel lok, għandhom jiġu eżaminati l-kriterji ġenerali ta’ inklużjoni fil-listi tal-persuni suġġetti għal miżuri restrittivi, fit-tieni lok, il-motivazzjoni tal-inklużjoni ta’ I. Anbouba f’tali lista u, fit-tielet lok, il-prova tal-fondatezza ta’ din l-inklużjoni.

42

Fir-rigward tal-kriterji ġenerali kkunsidrati f’dan il-każ sabiex jiġu applikati miżuri restrittivi, li għad-definizzjoni tagħhom il-Kunsill għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kunsill vs Manufacturing Support & Procurement Kala Naft, C‑348/12 P, EU:C:2013:776, punt 120 u l-ġurisprudenza ċċitata), hemm lok li jiġi kkonstatat li l-Artikoli 3(1) u 4(1) tad-Deċiżjoni 2011/273, kif emendata bid-Deċiżjoni 2011/522, jirrigwardaw b’mod partikolari l-persuni u l-entitajiet li jibbenefikaw mill-politika mmexxija mir-reġim Sirjan jew li jappoġġjawh, kif ukoll il-persuni u entitajiet konnessi miegħu, filwaqt li l-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 442/2011, kif emendat bir-Regolament Nru 878/2011, jirrigwarda b’mod partikolari l-persuni u l-entitajiet li jibbenefikaw mill-appoġġ ta’ dan ir-reġim jew li jsostnuh, kif ukoll il-persuni u l-entitajiet li huma assoċjati magħhom.

43

La d-Deċiżjoni 2011/273, kif emendata bid-Deċiżjoni 2011/522, u lanqas ir-Regolament Nru 442/2011, kif emendat bir-Regolament Nru 878/2011, ma jinkludu definizzjoni tal-kunċetti ta’ “benefiċċju” jew ta’ “sostenn” mislut mill-politika mmexxija mir-reġim Sirjan, ta’ “appoġġ” mogħti lil dan ir-reġim, u lanqas dak ta’ “assoċjazzjoni” mal-persuni u entitajiet li jibbenefikaw mill-politika jew mis-sostenn tar-reġim Sirjan jew li jsostnuh. Huma lanqas ma jinkludu preċiżazzjonijiet dwar il-modalitajiet ta’ prova ta’ dawn l-elementi.

44

Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li la d-Deċiżjoni 2011/273, kif emendata bid-Deċiżjoni 2011/522, u lanqas ir-Regolament Nru 442/2011, kif emendat bir-Regolament Nru 878/2011, ma jintroduċu preżunzjoni ta’ appoġġ lir-reġim Sirjan kontra diretturi tal-impriżi prinċipali fis-Sirja. Issa, minkejja l-assenza ta’ tali preżunzjoni espliċita, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, fil-punt 42 tas-sentenza appellata, li d-Deċiżjoni 2011/522 kienet estendiet il-miżuri restrittivi fuq l-imprendituri prinċipali Sirjani minħabba li l-Kunsill kien iqis li l-mexxejja tal-impriżi prinċipali Sirjani setgħu jiġu kkwalifikati bħala persuni assoċjati mar-reġim Sirjan, ġaladarba l-attivitajiet kummerċjali tal-imsemmija impriżi ma jistgħux jitkattru mingħajr ma jibbenefikaw mill-favuri tal-imsemmi reġim b’korrispettiv ta’ ċertu appoġġ. Minn dan il-Qorti Ġenerali ddeduċiet li, billi mexa b’dan il-mod, il-Kunsill kellu l-intenzjoni japplika preżunzjoni ta’ appoġġ lir-reġim Sirjan kontra d-diretturi tal-impriżi prinċipali fis-Sirja.

45

Għalhekk, anki jekk il-Qorti Ġenerali b’hekk irreferiet għall-applikazzjoni ta’ preżunzjoni mill-Kunsill, madankollu għandu jiġi vverifikat jekk fir-rigward tal-istħarriġ li wettqet fir-rigward tal-legalità tal-evalwazzjonijiet li għalihom il-Kunsill ibbaża d-deċiżjoni tiegħu li jinkludi lil I. Anbouba fil-lista ta’ persuni suġġetti għal miżuri restrittivi, il-Qorti Ġenerali effettivament wettqitx żball ta’ liġi li għandu jagħti lok għall-annullament tas-sentenza appellata.

46

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-effettività tal-istħarriġ ġudizzjarju ggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea tirrikjedi li, għall-istħarriġ tal-legalità tal-motivi li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni li isem ta’ persuna jiġi inkluż fil-lista ta’ persuni li huma suġġetti għal miżuri restrittivi, il-qorti tal-Unjoni għandha tiżgura ruħha li din id-deċiżjoni, li għandha portata individwali għal din il-persuna, tkun tistrieħ fuq bażi fattwali u solida biżżejjed. Dan jinvolvi, f’dan il-każ, verifika tal-fatti allegati fl-espożizzjoni tal-motivi li hemm wara l-atti kontenzjużi, sabiex jiġi vverifikat jekk dawn il-motivi jew, mill-inqas, waħda minnhom meqjusa biżżejjed fiha nnifisha biex issostni l-imsemmija atti, humiex issostanzjati (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Il-Kummissjoni et vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punt 119, kif ukoll Il‑Kunsill vs Manufacturing Support & Procurement Kala Naft, C‑348/12 P, EU:C:2013:776, punt 73).

47

F’dan il-każ, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-gravità tas-sitwazzjoni, li tagħmel parti mill-istħarriġ tal-proporzjonalità tal-miżuri restrittivi inkwistjoni, jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest li fih jidħlu dawn il-miżuri, mill-fatt li kien urġenti li jiġu adottati tali miżuri li għandhom bħala għan li joħolqu pressjoni fuq ir-reġim Sirjan sabiex iwaqqaf ir-repressjoni vjolenti diretta kontra l-popolazzjoni u mid-diffikultà sabiex jinkisbu provi iktar preċiżi fi Stat f’sitwazzjoni ta’ gwerra ċivili b’reġim ta’ natura awtoritarja.

48

Fir-rigward tar-raġunijiet għall-inklużjoni ta’ I. Anbouba fil-lista tal-persuni suġġetti għal miżuri restrittivi, dawn huma marbuta mal-fatt li huwa l-president tas-SAPCO u li jagħti appoġġ ekonomiku lir-reġim Sirjan.

49

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punt 43 tas-sentenza appellata, il-fatt li l-parti kkonċernata kienet president tas-SAPCO, kumpannija ewlenija tal-industrija agroalimentari, direttur ta’ numru ta’ kumpanniji attivi fil-qasam tal-proprjetà immobbli u tal-edukazzjoni u membru fundatur tal-bord tad-diretturi ta’ Cham Holding, kumpannija maħluqa fl‑2007, kif ukoll segretarju ġenerali tal-kamra tal-kummerċ u tal-industrija tal-belt ta’ Homs.

50

I. Anbouba ma jikkontestax il-fatt li eżerċita dawn il-funzjonijiet. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali enfasizzat, fil-punt 64 tas-sentenza appellata, li “il-partijiet jaqblu dwar il-fatt li r-rikorrent huwa wieħed min-negozjanti prinċipali fis-Sirja, attiv fil-qasam tal-agroalimentari (SAPCO għanda sehem mis-suq ta’ 60 % fis-settur taż-żejt tas-soja), tal-proprjetà immobbli u tal-edukazzjoni, u li kellu suċċessi ekonomiċi importanti fis-Sirja taħt ir-reġim attwali”. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali żiedet tgħid li I. Anbouba “ammetta li kien is-segretarju ġenerali tal-kamra tal-kummerċ tal-belt ta’ Homs u li, mill‑2007 sax-xahar ta’ April 2011, kien wieħed mid-disa’ membri tal-bord tad-diretturi tal-iktar kumpannija privata importanti fis-Sirja, li kienet ukoll suġġetta għal miżuri restrittivi tal-Unjoni u li l-kopresident tagħha kien il-kuġin tal-President Sirjan Bashar Al‑Assad, li kien ukoll suġġett għal tali miżuri”.

51

L-istħarriġ tal-fondatezza tal-inklużjoni ta’ I. Anbouba fil-listi għandu jsir billi jiġi evalwat jekk is-sitwazzjoni tiegħu tikkostitwixxix prova suffiċjenti li huwa ta appoġġ ekonomiku lir-reġim Sirjan. Evalwazzjoni bħal din għandha ssir billi jiġu eżaminati l-provi mhux b’mod iżolat, iżda fil-kuntest li minnu jagħmlu parti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Il-Kummissjoni et vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punt 102, kif ukoll Il‑Kunsill vs Manufacturing Support & Procurement Kala Naft, C‑348/12 P, EU:C:2013:776, punt 70).

52

Fid-dawl ta’ dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali kellha raġun tikkunsidra li l-pożizzjoni ta’ I. Anbouba fil-ħajja ekonomika Sirjana, il-pożizzjoni tiegħu bħala president tas-SAPCO, il-funzjonijiet importanti kemm fi ħdan Cham Holding kif ukoll fi ħdan il-kamra tal-kummerċ u tal-industrija tal-belt ta’ Homs kif ukoll ir-relazzjonijiet tiegħu ma’ membru tal-familja tal-President Bashar Al‑Assad jikkostitwixxu sensiela ta’ indizji suffiċjentement konkreti, preċiżi u konkordanti li jippermettu li jiġi stabbilit li I. Anbouba kien jipprovdi appoġġ ekonomiku lir-reġim Sirjan.

53

F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi osservat li, hekk kif ikkonstata l-Avukat Ġenerali fil-punt 208 tal-konklużjonijiet tiegħu, fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja, il-Kunsill jissodisfa l-oneru tal-prova meħtieġ min-naħa tiegħu jekk jistabbilixxi quddiem il-qorti tal-Unjoni sensiela ta’ indizji suffiċjentement konkreti, preċiżi u konkordanti li jippermettu li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ rabta suffiċjenti bejn il-persuna suġġetta għal miżura ta’ ffriżar tal-fondi tagħha u r-reġim li kontrih tkun qed tittieħed azzjoni.

54

Fir-rigward tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża, hemm lok li jiġi kkonstatat li, fil-punti 65 sa 76 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eżaminat il-provi ppreżentati mill-appellant. Huwa mingħajr ma wettqet żball ta’ liġi li l-Qorti Ġenerali, fil-punti 71 sa 73 tas-sentenza appellata, qieset li ċerti provi ma setgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni. Fir-rigward tal-provi l-oħra, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li dawn ma kinux tali li juru li I. Anbouba ma kien jipprovdi ebda appoġġ ekonomiku lir-reġim Sirjan. Peress li I. Anbouba ma allegax li l-analiżi tal-Qorti Ġenerali tistrieħ fuq żnaturament tal-provi, ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest ta’ appell, li għandha tistħarreġ il-fondatezza tal-kunsiderazzjonijiet fattwali espressi mill-Qorti Ġenerali fir-rigward ta’ dawn il-provi.

55

Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-Qorti Ġenerali stħarrġet il-fondatezza tal-inklużjoni ta’ I. Anbouba fil-listi tal-persuni li huma suġġetti għal miżuri restrittivi abbażi ta’ sensiela ta’ indizji relatati mas-sitwazzjoni, mal-funzjonijiet u mar-relazzjonijiet tiegħu fil-kuntest tar-reġim Sirjan li ma ġewx ikkonfutati mill-persuna kkonċernata. Konsegwentement, ir-riferiment, fis-sentenza appellata, għal preżunzjoni ta’ appoġġ lill-imsemmi reġim ma huwiex tali li jaffettwa l-legalità tas-sentenza appellata sa fejn mill-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali jirriżulta li din stħarrġet suffiċjentement skont il-liġi l-eżistenza ta’ bażi fattwali suffiċjentement solida insostenn tal-inklużjoni ta’ I. Anbouba fil-listi kkunsidrati.

56

B’hekk, il-Qorti Ġenerali osservat il-prinċipji, li jirriżultaw mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 45 ta’ din is-sentenza, relatati mal-istħarriġ tal-legalità tal-motivi li fuqhom huma bbażati l-atti bħall-atti kontenzjużi.

57

Konsegwentement, peress li l-ewwel aggravju, ibbażat fuq ksur ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali, ma huwiex tali li jagħti lok għall-annullament tas-sentenza appellata u t-tieni aggravju ma huwiex fondat, l-aggravji mqajma minn I. Anbouba ma jistgħux jintlaqgħu.

58

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, l-appell għandu jiġi miċħud.

Fuq l-ispejjeż

59

Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż.

60

Skont l-Artikolu 138(1) tal-istess regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tagħhom, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ntalbu.

61

Skont it-talbiet tal-Kunsill, peress li I. Anbouba tilef, hemm lok li huwa jiġi kkundannat ibati l-ispejjeż rispettivi tiegħu kif ukoll dawk esposti mill-Kunsill.

62

Konformement mal-Artikolu 140(1) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tagħhom, il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-appell huwa miċħud.

 

2)

Issam Anbouba huwa kkundannat ibati, minbarra l-ispejjeż tiegħu, dawk esposti mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

 

3)

Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.