Kawża C‑607/13
Ministero dell’Economia e delle Finanze et
vs
Francesco Cimmino et
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Corte suprema di cassazione)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Agrikoltura — Organizzazzjoni komuni tas-swieq — Banana — Regolament (KE) Nru 2362/98 — Artikoli 7, 11 u 21 — Kwoti tariffarji — Banana li toriġina mill-pajjiżi AKP — Operatur ġdid — Liċenzji ta’ importazzjoni — Natura mhux trasferibbli tad-drittijiet li jirriżultaw minn ċerti liċenzji ta’ importazzjoni — Prattika abbużiva — Regolament (KE) Nru 2988/95 — Artikolu 4(3)”
Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tad-9 ta’ Lulju 2015
Domandi preliminari – Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja – Limiti – Ġurisdizzjoni tal-qorti nazzjonali – Stabbiliment u evalwazzjoni tal-fatti tat-tilwima – Neċessità ta’ domanda preliminari u rilevanza tad-domandi mqajma – Evalwazzjoni mill-qorti nazzjonali – Domandi manifestament irrilevanti u domandi ipotetiċi magħmula f’kuntest li jeskludi risposta utli – Domandi mhux relatati mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali
(Artikolu 267 TFUE)
Domandi preliminari – Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja – Limiti – Identifikazzjoni tas-suġġett tad-domanda
(Artikolu 267 TFUE)
Agrikoltura – Organizzazzjoni komuni tas-swieq – Banana – Sistema tal-importazzjonijiet – Kwota tariffarja – Tqassim – Operatur ġdid – Kunċett – Kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni
(Regolament tal-Kunsill Nru 404/93, Artikolu 18(1) u (2); Regolament tal-Kummissjoni Nru 2362/98, kif emendat bir-Regolament Nru 1632/2000, premessa 8 u Artikoli 7(a), u 11)
Liġi tal-Unjoni Ewropea – Eżerċizzju abbużiv ta’ dritt li jirriżulta minn dispożizzjoni tal-Unjoni – Tranżazzjonijiet li jikkostitwixxu prattika abbużiva – Elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni – Verifika li taqa’ fuq il-qorti nazzjonali
Agrikoltura – Organizzazzjoni komuni tas-swieq – Banana – Sistema ta’ importazzjonijiet – Kwota tariffarja – Tqassim – Importazzjoni, minn operatur ġdid, tal-merkanzija mixtrija barra mill-Unjoni mingħand operatur tradizzjonali bl-intermedjarju ta’ operatur ġdid ieħor, segwita bil-bejgħ mill-ġdid tal-merkanzija lill-imsemmi operatur tradizzjonali permezz tal-istess intermedjarju – Klassifikazzjoni bħala prattika abbużiva – Kundizzjonijiet – Verifika mill-qorti nazzjonali
(Regolament tal-Kummissjoni Nru 2362/98, kif emendat bir-Regolament Nru 1632/2000, Artikoli 3 u 21(2))
Riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea – Regolament dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni – Irregolarità – Kunċett – Operatur li jibbenefika indebitament mit-tariffa preferenzjali għall-importazzjoni tal-banana – Inklużjoni – Konsegwenzi
(Regolament tal-Kunsill Nru 2988/95, Artikolu 4(3))
Ara t-test tad-deċiżjoni.
(ara l-punti 32, 35)
Ara t-test tad-deċiżjoni.
(ara l-punti 37, 38)
L-Artikolu 7(a) tar-Regolament Nru 2362/98, li jistabbilixxi metodi għall-applikazzjoni tar-Regolament Nru 404/93 f’dak li jikkonċerna s-sistema ta’ importazzjoni ta’ banana fil-Komunità, kif emendat bir-Regolament Nru 1632/2000, moqri fid-dawl tal-Artikolu 11 ta’ dan ir-Regolament, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kundizzjoni li tgħid li aġent ekonomiku għandu jeżerċita attività kummerċjali bħala importatur f’ismu stess u b’mod indipendenti hija meħtieġa mhux biss għar-reġistrazzjoni ta’ dan l-aġent bħala operatur “ġdid” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni iżda anki biex dan ikun jista’ jżomm din il-kwalità fid-dawl tal-importazzjoni tal-banana fil-kuntest tal-kwoti tariffarji previsti mir-Regolament Nru 404/93, dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-banana, kif emendat bir-Regolament Nru 1257/1999.
Fil-fatt, it-tqassim tal-kwoti tariffarji bejn l-operaturi tradizzjonali u l-operaturi ġodda jimplika li operaturi ġodda reali jintervjenu fis-suq u, għalhekk, jeżerċitaw l-attivitajiet ekonomiċi tagħhom b’mod sħiħ. F’dan ir-rigward, hekk kif jirriżulta mill-premessa 8 tar-Regolament Nru 2362/98, il-kriterji ffissati għall-ammissibbiltà tal-operaturi l-ġodda huma intiżi, fil-kuntest tal-amministrazzjoni tal-kwoti tariffarji, biex tiġi evitata r-reġistrazzjoni ta’ sempliċi aġenti li jidhru f’isimhom għal ħaddieħor u, b’dan il-mod, biex jiġġieldu kontra l-prattiki spekulattivi u artifiċjali. Għalhekk, il-kundizzjoni marbuta mal-awtonomija tal-attività kummerċjali tal-operaturi ġodda, li tinsab fl-Artikolu 7(a) tar-Regolament Nru 2362/98, għandha l-għan li tevita li operatur tradizzjonali li diġà jibbenefika minn sehem mill-kwoti tariffarji jkun jista’ jaħtaf, bl-intermedjarju ta’ operatur ieħor, is-sehem tal-kwoti tariffarji rriżervati għall-operaturi ġodda. Isegwi li din il-kundizzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li tkopri wkoll l-attività ta’ importazzjoni tal-banana mwettqa mill-operaturi ġodda fil-kuntest tal-kwoti tariffarji.
(ara l-punti 49-51, 54 u d-dispożittiv 1)
Ara t-test tad-deċiżjoni.
(ara l-punti 60, 61)
L-Artikolu 21(2) tar-Regolament Nru 2362/98, li jistabbilixxi metodi għall-applikazzjoni tar-Regolament Nru 404/93 f’dak li jikkonċerna s-sistema ta’ importazzjoni ta’ banana fil-Komunità, kif emendat bir-Regolament Nru 1632/2000, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi tranżazzjonijiet li bihom operatur ġdid jixtri, bl-intermedjarju ta’ operatur ieħor irreġistrat bħala ġdid, merkanzija mingħand operatur tradizzjonali qabel l-importazzjoni tagħha fl-Unjoni, u wara jbigħha mill-ġdid lil dan l-operatur tradizzjonali, permezz tal-istess intermedjarju, wara li jkun importaha fl-Unjoni, meta dawn it-tranżazzjonijiet ikunu jikkostitwixxu prattika abbużiva, liema ħaġa għandha tiġi ddeterminata mill-qorti nazzjonali.
Fir-rigward tal-motiv ta’ dawn it-tranżazzjonijiet, għandu jiġi stabbilit ukoll, biex tingħata l-prova ta’ prattika abbużiva, li l-għan essenzjali ta’ dawn it-tranżazzjonijiet kien li l-operatur tradizzjonali kkonċernat ikun jista’ jimporta l-banana tiegħu bit-tariffa preferenzjali fil-kuntest tas-sehem tal-kwoti tariffarji rriżervat lill-operaturi ġodda. F’dan ir-rigward, biex dawn it-tranżazzjonijiet ikunu jistgħu jitqiesu li kellhom bħala għan essenzjali li jagħtu lix-xerrej fl-Unjoni vantaġġ indebitu, huwa neċessarju li l-importaturi kellhom l-intenzjoni li jagħtu tali vantaġġ lix-xerrej imsemmi u li t-tranżazzjonijiet ma jkollhom ebda ġustifikazzjoni ekonomika u kummerċjali għalihom. Anki meta tali tranżazzjonijiet ikunu mmotivati mir-rieda tax-xerrej li jibbenefika mit-tariffa preferenzjali u anki jekk l-importaturi kkonċernati jkunu konxji minn dan, dawn it-tranżazzjonijiet ma jistgħux a priori jitqiesu li huma nieqsa minn ġustifikazzjoni ekonomika għal dawn tal-aħħar. Madankollu, ma jistax jiġi eskluż li, f’ċerti ċirkustanzi, tali tranżazzjonijiet ikunu ġew ippjanati artifiċjalment bil-għan essenzjali li jittieħed benefiċċju mit-tariffa preferenzjali.
F’dan ir-rigward, in-natura artifiċjali tal-imsemmija tranżazzjonijiet ta’ xiri u ta’ bejgħ mill-ġdid tista’ b’mod partikolari tiġi evalwata fid-dawl tal-eżistenza ta’ indizji li juru li r-rwol tal-operaturi ġodda kien fir-realtà limitat għal dak ta’ sempliċi aġent li jidher f’ismu favur operatur tradizzjonali fis-sens tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2362/98. Għal dan il-għan, il-qorti nazzjonali tista’ tieħu inkunsiderazzjoni r-rabtiet legali, ekonomiċi u/jew personali kollha bejn l-operaturi inkwistjoni f’dawn l-operazzjonijiet u tieħu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari l-fatt li l-operatur ġdid li għandu liċenzji ta’ importazzjoni ma assuma ebda riskju kummerċjali fil-kuntest tal-operazzjonijiet inkwistjoni, billi fir-realtà ġie kopert mix-xerrej fl-Unjoni li huwa wkoll operatur tradizzjonali, jew il-fatt li, fir-rigward tal-prezz tal-bejgħ u ta’ bejgħ mill-ġdid tal-merkanzija kkonċernata, il-marġni ta’ profitt tal-operaturi ġodda irriżulta li kien insinjifikanti. Barra minn hekk, in-natura artifiċjali tat-tranżazzjonijiet tista’ tirriżulta wkoll mill-involviment sistematiku, f’dawn it-tranżazzjonijiet, ta’ kumpannija intermedjarja irreġistrata bħala operatur ġdid, jekk jirriżulta li dan l-involviment kellu bħala skop biss li jaħbi r-rabtiet bejn operatur tradizzjonali u operaturi ġodda, sabiex jaħarbu mill-applikazzjoni tal-Artikolu 21(2) tar-Regolament Nru 2362/98.
(ara l-punti 64-67, 69, 70 u d-dispożittiv 2)
L-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 2988/95, dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-konstatazzjoni ta’ prattika abbużiva timplika li l-operatur li poġġa ruħu artifiċjalment f’sitwazzjoni li tippermettilu jibbenefika indebitament mit-tariffa preferenzjali għall-importazzjoni tal-banana huwa marbut li jħallas id-dazji relatati mal-prodotti kkonċernati, mingħajr preġudizzju, jekk ikun il-każ, għas-sanzjonijiet amministrattivi, ċivili jew kriminali previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali.
(ara l-punt 76 u d-dispożittiv 3)