SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

9 ta’ Diċembru 2015 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Sitt Direttiva tal-VAT — Eżenzjonijiet — Artikolu 13B(d), punt 6 — Fondi speċjali ta’ investiment — Kunċett — Investimenti fi proprjetajiet immobbli — Immaniġġjar ta’ fondi speċjali ta’ investiment — Kunċett — Operat effettiv ta’ proprjetà immobbli”

Fil-Kawża C‑595/13,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (qorti suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tal-1 ta’ Novembru 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-21 ta’ Novembru 2013, fil-proċedura

Staatssecretaris van Financiën

vs

Fiscale Eenheid X NV cs,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn T. von Danwitz, President tar-Raba’ Awla, li qed jaġixxi bħala President tal-Ħames Awla, D. Šváby, A. Rosas (Relatur), E. Juhász u C. Vajda, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-4 ta’ Marzu 2015,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Fiscale Eenheid X NV cs, minn T. Scheer, advocaat, K. Bruins u M. Morawski, adviseurs,

għall-Gvern Olandiż, minn M. Bulterman, B. Koopman u H. Stergiou, bħala aġenti,

għall-Gvern Svediż, minn A. Falk, C. Meyer-Seitz, U. Persson, E. Karlsson, L. Swedenborg, u C. Hagerman, bħala aġenti,

għall-Gvern tar-Renju Unit, minn L. Christie, bħala aġent, assistit minn R. Hill, barrister,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn W. Roels u C. Soulay, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-20 ta’ Mejju 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 13B(d), punt 6, tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23), kif emendata permezz tad-Direttiva tal-Kunsill 91/680/KEE, tas-16 ta’ Diċembru 1991 (ĠU L 376, p. 1, iktar ’il quddiem is-“Sitt Direttiva”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn l-iStaatssecretaris van Financiën (is-segretarju tal-Istat għall-finanzi) u l-Fiscale Eenheid X NV (iktar ’il quddiem, “X”) dwar avviż ta’ aġġustament tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) li ntbagħat lil din tal-aħħar fir-rigward tas-sena 1996.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Il-leġiżlazzjoni dwar il-VAT

3

Skont l-Artikolu 2, punt 1 tas-Sitt Direttiva, huma suġġetti għall-VAT, fost l-oħrajn, il-“provvista ta’ [...] servizzi magħmula bi ħlas fit-territorju tal-pajjiż minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali”.

4

Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(4) tas-Sitt Direttiva, “kull Stat Membru jista’ jqis bħala persuna taxxabbli waħedha persuni stabbiliti fit-territorju tal-pajjiż li, filwaqt li huma indipendenti legalment, ikollhom x’jaqsmu mill-qrib ma’ xulxin b’rabtiet finanzjarji, ekonomiċi u organizzattivi.”

5

L-Artikolu 13B(d), punt 6, tas-Sitt Direttiva huwa fformulat kif ġej:

“Mingħajr preġudizzju għal disposizzjonijet oħra tal-Komunità, l-Istati Membri għandhom jeżentaw li ġej taħt il-kondizzjonijiet li huma għandhom jistabilixxu għall-iskopijiet biex jassiguraw l-applikazzjoni korretta u ċara ta’ l-eżenzjonijet u tal-prevenzjoni ta’ kwalunkwe eżenzjoni possibbli, evitar u abbuż:

[...]

d)

it-transazzjonijet li ġejjin:

[...]

6.

maniġġjar ta’ fondi speċjali ta’ investiment kif definiti mill-Istati Membri”.

6

L-Artikolu 13B(d), punt 6, tas-Sitt Direttiva huwa redatt, essenzjalment, f’termini identiċi għal dawk tal-Artikolu 135(1)(g) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, p. 1), li ħassret u ssostitwiet is-Sitt Direttiva mill-1 ta’ Jannar 2007.

Il-leġiżlazzjoni dwar is-sorveljanza tal-investimenti

7

Id-Direttiva tal-Kunsill 85/611/KEE, tal-20 ta’ Diċembru 1985, dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li jirrelataw għal impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 139, iktar ’il quddiem id-“Direttiva UCITS”), tipprevedi, fl-ewwel u fit-tieni premessa tagħha:

“Billi l-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ impriżi ta’ investiment ivarjaw b’mod apprezzabbli minn Stat għall-ieħor, b’mod partikolari fir-rigward ta’ l-obbligi u l-kontrolli li huma imposti fuq dawk l-impriżi; billi dawk id-differenzi jwasslu għal distorsjoni tal-kondizzjonijiet ta’ kompetizzjoni bejn dawk l-impriżi u ma jassigurawx protezzjoni ekwivalenti għal titolari ta’ unitajiet;

Billi l-liġijiet nazzjonali li jirregolaw impriżi ta’ investiment kollettiv għandhom ikunu kkoordinati bl-iskop ta’ l-approssimazzjoni tal-kondizzjonijiet ta’ kompetizzjoni bejn dawk l-impriżi fil-livell tal-Komunità, waqt li fl-istess ħin jassiguraw protezzjoni aktar effettiva u aktar uniformi għal titolari ta’ unitajiet; billi din il-koordinazzjoni tagħmilha aktar faċli għal impriża ta’ investiment kollettiv li tinstab fi Stat Membru wieħed li ddaħħal l-unitajiet tagħha fis-suq ta’ Stati Membri oħrajn”.

8

Il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva UCITS huwa ddefinit permezz tas-sitt premessa bil-mod li ġej:

“Billi l-koordinazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri għandha tkun limitata inizjalment għal impriżi ta’ investiment kollettiv barra minn dawk tat-tip ‘magħluqa’ li jippromwovu l-bejgħ ta’ l-unitajiet tagħhom lill-pubbliku fil-Komunità u li l-uniku l-objettiv tagħhom hu l-investiment f’titoli trasferibbli [...]; billi r-regolament ta’ l-impriżi ta’ investiment kollettiv li mhumiex koperti b’din id-Direttiva joħloq varjetà ta’ problemi li għandhom jiġu ttrattati permezz ta’ dispożizzjonijiet oħrajn, u dawn l-impriżi ikunu għalhekk is-suġġett ta’ koordinazzjoni aktar tard; [...]”.

9

Fil-verżjoni emendata tagħha permezz tad-Direttiva 2001/108/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ Jannar 2002 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 4, p. 302), mhux applikabbli fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali, id-Direttiva UCITS tipprevedi, fl-Artikolu 1(1) u (2) tagħha:

“1.   L-Istati Membri għandhom japplikaw din id-Direttiva għal impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (hawnhekk iżjed ’il quddiem magħrufa bħala UCITS) li jinstabu fit-territorju tagħhom.

2.   Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva, u soġġett għall-Artikolu 2, UCITS għandhom ikunu impriżi:

li l-unika mira hija l-investiment kollettiv f’titoli trasferibbli u/jew f’assi likwidi finanzjarji oħrajn imsemmija fl-Artikolu 19(1) ta’ kapital miġbur mill-pubbliku u li jopera fuq il-prinċipju ta’ tixrid tar-riskju u

li l-unitajiet tagħhom huma, fuq it-talba tat-titolari, mixtrija mill-ġdid jew mogħtija lura, direttament jew indirettament, mill-assi ta’ dawk l-impriżi. Azzjoni meħuda minn UCITS sabiex jiġi assigurat li l-valur tal-borża ta’ l-unitajiet tagħha ma jvarjawx b’mod sinifikanti mill-valur nett tagħhom ta’ l-assi għandha titqies bħala ekwivalenti għal dan ix-xiri mill-ġdid jew il-fidwa.”

10

Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva UCITS, fil-verżjoni tagħha emendata permezz tad-Direttiva 2001/108, mhux applikabbli għad-data tal-fatti fil-kawża prinċipali, “[l]-attività ta’ amministrazzjoni ta’ unit trusts/fondi komuni u ta’ kumpanniji ta’ investiment tinkludi għall-iskop ta’ din id-Direttiva, il-funzjonijiet imsemmija fl-Anness II li mhumiex kompleti”.

11

L-imsemmi Anness II isemmi l-punti li ġejjin fost il-“[f]unzjonijiet inklużi fl-attività ta’ l-amministrazzjoni kollettiva tal-portfolio”:

“–Amministrazzjoni ta’ investiment

Amministrazzjoni:

a)

servizzi ta’ kontabilità legali u ta’ amministrazzjoni ta’ fond;

b)

inkjesti tal-klijenti;

c)

valutazzjoni u pprezzar (inklużi rifużjonijiet fuq it-taxxa);

d)

monitoraġġ regolatorju ta’ konformità;

e)

manutenzjoni tar-reġistru tat-titolari ta’ l-unità;

f)

distribuzzjoni tad-dħul;

g)

kwistjonijiet u fidi ta’ unitajiet;

h)

riżoluzzjonijiet ta’ kuntratti (inkluża l-kunsinna taċ-ċertifikat);

i)

iż-żamma ta’ reġistri.

It-tqegħid fis-suq”.

12

Is-sorveljanza tal-investimenti ssaħħet bl-adozzjoni tad-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-8 ta’ Ġunju 2011, dwar Maniġers ta’ Fondi ta’ Investiment Alternattivi u li temenda d-Direttivi 2003/41/KE u 2009/65/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009 u (UE) Nru 1095/2010 (ĠU L 174, p. 1), li madankollu ma hijiex applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali. Mill-premessi 34 u 58 ta’ din id-direttiva jirriżulta li din tapplika wkoll għall-fondi ta’ investiment fi proprjetà immobbli.

Id-dritt Olandiż

13

Skont l-Artikolu 7(4) tal-liġi tal-1968 dwar it-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ (Wet op de Omzetbelasting 1968), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem, il-“liġi dwar il-VAT”), “[i]l-persuni fiżiċi u l-organi fis-sens tal-liġi ġenerali dwar it-taxxi tal-Istat [l-Algemene wet inzake rijksbelastingen] li huma imprendituri fis-sens ta’ dan l-artikolu, li jirresjedu jew huma stabbiliti fil-Pajjiżi l-Baxxi jew li għandhom stabbiliment permanenti hemmhekk u li r-rabtiet li huma għandhom bejniethom fuq il-livell finanzjarju, dak ekonomiku u dak organizzattiv huma tali li huma jikkostitwixxu unità, jitqiesu, fuq it-talba jew le ta’ wieħed minnhom jew ta’ uħud fosthom, permezz ta’ deċiżjoni tal-ispettur li jista’ jiġi ppreżentat rikors kontriha, li huma imprenditur wieħed mill-ewwel jum tax-xahar wara dak li matulu l-ispettur ikun ħa din id-deċiżjoni. Il-modalitajiet tal-formazzjoni, tal-modifika u tal-waqfien tal-unità fiskali jistgħu jiġu ffissati b’digriet ministerjali.”

14

Il-punt 3 tal-Artikolu 11(1)(i) tal-liġi dwar il-VAT jipprevedi, essenzjalment, li l-immaniġġjar ta’ patrimonju miġbur, minn fondi ta’ investiment u minn kumpanniji ta’ investiment, għall-finijiet ta’ investiment kollettiv huwa eżentat mill-VAT.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

15

X hija entità fiskali fis-sens tal-Artikolu 7(4) tal-liġi dwar il-VAT, jiġifieri persuna taxxabbli koperta mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(4) tas-Sitt Direttiva.

16

A Beheer NV (iktar ’il quddiem, “A”) tagħmel parti minn din l-entità fiskali.

17

Matul is-sena 1996, A kkonkludiet ma’ tliet kumpanniji stabbiliti fil-Pajjiżi l-Baxxi kuntratti għall-provvista ta’ diversi servizzi. Dawn il-kumpanniji ma jagħmlux parti minn X. Huma ġew ikkostitwiti permezz ta’ diversi fondi ta’ pensjoni. Wara l-ħolqien tagħhom, huma ħarġu ishma u ċertifikati ta’ ishma li ġew ittrasferiti lil terzi. Bħala attività, huma jakkwistaw ishma jew ċertifikati ta’ ishma, jixtru u jbigħu proprjetà immobbli u joperawhom. Huma ma jimpjegaw l-ebda persunal. L-azzjonisti jeżiġu mill-imsemmija kumpanniji riżultati fil-forma ta’ ħlas ta’ dividendi.

18

Mill-imsemmija kuntratti jirriżulta li A, bi ħlas, twettaq għal dawn il-kumpanniji l-attivitajiet li ġejjin:

a)

il-kompiti kollha li jirriżultaw għaliha mill-kwalità tagħha ta’ direttur statutorju tal-mandant;

b)

l-attivitajiet kollha ta’ natura eżekuttiva li jirriżultaw għall-mandant skont dispożizzjonijiet legali, statuti, regolamenti u deċiżjonijiet amministrattivi;

c)

l-immaniġġjar tal-patrimonju tal-mandant, kif deskritt fl-Anness I tal-kuntratti;

d)

it-tfassil ta’ rapporti finanzjarji, l-ipproċessar awtomatizzat ta’ data u l-verifika tal-kontabbiltà interna.

e)

l-atti ta’ disponibbiltà tal-patrimonju tal-mandant, inkluż ix-xiri u l-bejgħ tal-proprjetajiet immobbli; u

f)

l-akkwist ta’ ishma jew ta’ ċertifikati ta’ ishma.

19

L-Anness I imsemmi fl-ittra (c) hawn fuq jipprevedi:

“Il-provvista ta’ servizzi fil-qasam ta’ mmanniġġjar [...] tinkludi:

A.

L-immanniġġjar ta’ proprjetà immobbli:

1.

sorveljanza tal-proprjetà immobbli u tal-użu tagħha, u l-istabbiliment tal-kuntatti ma’ min jikri għal dan l-għan;

2.

ir-reklutaġġ tal-aġenti ta’ proprjetà immobbli, għan-nom tal-mandant, fil-każ li l-proprjetà immobbli ssir vakanti; l-evalwazzjoni tal-kwalità tal-persuni li jikru;

3.

l-ispezzjoni tal-proprjetajiet li jsiru disponibbli u l-istabbiliment ta’ rapport tal-istat attwali;

4.

il-ġbir tal-kera [...] u l-immanniġġjar tad-debituri; trattament tal-allowances għall-akkomodazzjoni;

5.

l-istabbiliment tal-baġits għal manutenzjoni maġġuri u l-ordni għat-twettiq tal-manutenzjonijiet maġġuri; evalwazzjoni teknika u verifika ta’ dawn [...];

6.

ordni għall-eżekuzzjoni tal-kompiti ta’ manutenzjoni kurrenti u verifika tal-eżekuzzjoni tajba tagħhom;

7.

ordni għall-eżekuzzjoni tal-kunsinni u tas-servizzi annessi; verifika tal-kwalità ta’ dawn u fatturazzjoni ta’ dawn lil dawk li jikru;

8.

twettiq tat-trattament amministrattiv tal-operazzjonijiet kollha msemmija qabel, u

9.

twettiq tal-kompiti legali ta’ kuljum; implementazzjoni taż-żidiet fil-kera u t-tiġdid tal-ftehimiet ta’ kera.

[...]”

20

Il-kompiti kollha imposti fuq A permezz tal-kuntratti inkwistjoni fil-kawża prinċipali jiġu eżegwiti minnha jew f’isimha u taħt ir-responsabbiltà tagħha minn terzi. Għal kull wieħed minn dawn il-kompiti, A rċeviet, minn kull waħda mill-kumpanniji inkwistjoni fil-kawża prinċipali, remunerazzjoni li l-ammont tagħha huwa ffissat għal 8 % mill-kera annwali teoretika tal-proprjetajiet immobbli li jagħmlu parti mill-patrimonju tal-kumpannija kkonċernata.

21

X ma ħallsitx il-VAT fuq ir-remunerazzjonijiet irċevuti minn dawn it-tliet kumpanniji ta’ proprjetà immobbli, peress li qieset li s-servizzi mwettqa, minnha nnifisha, jew minn terzi taħt ir-responsabbiltà tagħha, kienu jibbenefikaw mill-eżenzjoni prevista taħt il-punt 3 tal-Artikolu 11(1)(i) tal-liġi dwar il-VAT.

22

L-ispettur tal-awtorità fiskali nazzjonali, madankollu, qies li kienu biss l-attivitajiet imsemmija fil-punti (e) u (f) tal-kuntratti ta’ mmaniġġjar inkwistjoni, jiġifieri l-akkwist u l-bejgħ ta’ proprjetajiet immobbli kif ukoll l-akkwist ta’ ishma jew ta’ ċertifikati ta’ ishma li jaqgħu taħt din l-eżenzjoni. Għaldaqstant huwa bagħat lil X avviż ta’ aġġustament tal-VAT rigward il-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar u l-31 ta’ Diċembru 1996, biż-żewġ dati inklużi.

23

Wara li rċieva lment kontra dan l-avviż, l-ispettur tal-awtorità fiskali nazzjonali naqqas l-ammont tal-aġġustament, filwaqt li qies li parti mis-servizzi pprovduti minn A ma kinitx tibbenefika mill-eżenzjoni. Peress li qieset li t-tnaqqis ma kienx suffiċjenti, X ippreżentat rikors kontra d-deċiżjoni tal-ispettur tal-awtorità fiskali nazzjonali quddiem ir-Rechtbank Breda (qorti distrettwali ta’ Breda). Din tal-aħħar iddikjarat ir-rikors fondat, annullat l-imsemmija deċiżjoni u tat tnaqqis ta’ daqs ikbar.

24

L-ispettur tal-awtorità fiskali nazzjonali mbagħad appella mis-sentenza tar-Rechtbank Breda (qorti distrettwali ta’ Breda) quddiem il-Gerechtshof te ‘s Hertogenbosch (qorti tal-appell ta’ Bois-le-Duc), li kkonfermat id-deċiżjoni mogħtija fl-ewwel istanza.

25

Is-Segretarju tal-Istat għall-finanzi ppreżenta appell ta’ kassazzjoni kontra s-sentenza tal-Gerechtshof te ‘s Hertogenbosch (qorti tal-appell ta’ Bois-le-Duc) quddiem il-Hoge Raad der Nederlanden (qorti suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi). Fil-konklużjonijiet tiegħu, l-Avukat Ġenerali tal-Hoge Raad der Nederlanden (qorti suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi) stieden lil din il-qorti tiddikjara l-appell infondat.

26

Il-Hoge Raad der Nederlanden (qorti suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi) tistaqsi jekk kumpanniji ta’ investiment bħalma huma l-kumpanniji inkwistjoni, fejn jinġabar kapital minn iktar minn investitur wieħed bl-għan tax-xiri, tal-pussess, tal-immaniġġjar u tal-bejgħ ta’ proprjetajiet immobbli sabiex isir profitt, li jitqassam lill-azzjonisti kollha fil-forma ta’ dividend, u dawn tal-aħħar jieħdu wkoll vantaġġ minħabba ż-żieda fil-valur tas-sehem tagħhom, għandhomx jitqiesu li huma “fondi speċjali ta’ investiment”, fis-sens tal-Artikolu 13B(d), punt 6, tas-Sitt Direttiva. B’mod iktar partikolari, hija tistaqsi jekk il-fatt li l-fondi jiġu investiti fi proprjetajiet immobbli jipprekludix l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

27

Fil-każ li l-kumpanniji inkwistjoni jistgħu jitqiesu li huma “fondi speċjali ta’ investiment”, fis-sens tal-Artikolu 13B(d), punt 6, tas-Sitt Direttiva, il-Hoge Raad der Nederlanden (qorti suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi) tistaqsi jekk l-operat effettiv tal-proprjetajiet immobbli, inkluż dak kollu li huwa marbut mal-kiri ta’ dawn il-proprjetajiet u mal-manutenzjoni tagħhom, li dawn il-kumpanniji taw b’subappalt lil terz, jiġifieri A, jikkostitwixxix attività ta’ “mmaniġġjar” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

28

Huwa f’dan il-kuntest li l-Hoge Raad der Nederlanden (qorti suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 13(B) tas-Sitt Direttiva, fil-frażi introduttorja u fil-paragrafu (d)(6) tiegħu, għandu jiġi interpretat fis-sens li kumpannija maħluqa minn iktar minn investitur wieħed li l-uniku għan tagħha huwa li tinvesti l-patrimonju li huma akkumulaw fil-proprjetà immobbli tista’ tiġi ikkunsidrata bħala fond speċjali ta’ investiment fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni?

2)

Fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda: l-Artikolu 13(B) tas-Sitt Direttiva, fil-frażi introduttorja u fil-paragrafu (d)(6) tiegħu, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ ‘immaniġġjar’ ikopri wkoll il-ġestjoni effettiva tal-proprjetà immobbli tal-kumpannija li din tal-aħħar fdat f’idejn terzi?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda, dwar il-kunċett ta fondi speċjali ta ’ investiment

29

Bl-ewwel domanda tagħha, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 13B(d), punt 6, tas-Sitt Direttiva għandux jiġi interpretat fis-sens li kumpanniji ta’ investiment bħalma huma l-kumpanniji inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fihom jinġabar kapital minn diversi investituri bl-għan tax-xiri, tal-pussess, tal-immaniġġjar u tal-bejgħ ta’ proprjetajiet immobbli sabiex isir profitt, li jitqassam lill-azzjonisti kollha fil-forma ta’ dividend, u dawn tal-aħħar jieħdu wkoll vantaġġ minħabba ż-żieda fil-valur tas-sehem tagħhom, jistgħux jitqiesu li huma “fondi speċjali ta’ investiment”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

30

Qabel kollox għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, jekk l-eżenzjonijiet previsti b’mod partikolari fl-Artikolu 13B(d), punt 6, tas-Sitt Direttiva jikkostitwixxu kunċetti awtonomi tad-dritt tal-Unjoni li għandhom, fil-prinċipju, jirċievu definizzjoni komuni bl-għan li jiġu evitati diverġenzi fl-applikazzjoni tas-sistema tal-VAT ta’ Stat Membru, b’tali mod li l-Istati Membri ma jistgħux jibdlu l-kontenut tagħhom, dan ma huwiex madankollu l-każ meta l-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea jkun fdalhom il-kompitu li jiddefinixxu ċerti termini ta’ eżenzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Abbey National, C‑169/04, EU:C:2006:289, punti 38 u 39; JP Morgan Fleming Claverhouse Investment Trust u The Association of Investment Trust Companies, C‑363/05, EU:C:2007:391, punti 19 u 20; Wheels Common Investment Fund Trustees et, C‑424/11, EU:C:2013:144, punt 16, kif ukoll ATP PensionService, C‑464/12, EU:C:2014:139, punt 40).

31

L-Artikolu 13B(d), punt 6, tas-Sitt Direttiva jagħti lill-Istati Membri s-setgħa li jiddefinixxu l-kunċett ta’ “fondi speċjali ta’ investiment” (ara s-sentenzi Wheels Common Investment Fund Trustees et, C‑424/11, EU:C:2013:144, punt 16, kif ukoll ATP PensionService, C‑464/12, EU:C:2014:139, punt 40).

32

Din is-setgħa ta’ definizzjoni mogħtija b’dan il-mod lill-Istati Membri ssib madankollu l-limitu tagħha fil-projbizzjoni li jiġu ppreġudikati t-termini nfushom tal-eżenzjoni użati mil-leġiżlatur tal-Unjoni. Stat Membru ma jistax b’mod partikolari, mingħajr ma jirrendi bla effett il-kliem stess “fondi speċjali ta’ investiment”, jagħżel minn fost il-fondi speċjali ta’ investiment dawk li jibbenefikaw mill-eżenzjoni u dawk li ma jibbenefikawx minnha. L-imsemmija dispożizzjoni tagħtih, għaldaqstant, biss is-setgħa li jiddefinixxi, fid-dritt nazzjonali tiegħu, il-fondi li jikkorrispondu għall-kunċett ta’ “fondi speċjali ta’ investiment” (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi JP Morgan Fleming Claverhouse Investment Trust u The Association of Investment Trust Companies, C‑363/05, EU:C:2007:391, punti 41 sa 43;Wheels Common Investment Fund Trustees et, C‑424/11, EU:C:2013:144, punt 17, kif ukoll ATP PensionService, C‑464/12, EU:C:2014:139, punt 41).

33

Is-setgħa ta’ definizzjoni tal-kunċett ta’ “fondi speċjali ta’ investiment”, mogħtija lill-Istati Membri, għandha wkoll tosserva l-għanijiet segwiti permezz tas-Sitt Direttiva kif ukoll il-prinċipju ta’ newtralità fiskali inerenti fis-sistema komuni tal-VAT (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi JP Morgan Fleming Claverhouse Investment Trust u The Association of Investment Trust Companies, C‑363/05, EU:C:2007:391, punti 22 u 43; Wheels Common Investment Fund Trustees et, C‑424/11, EU:C:2013:144, punt 18, kif ukoll ATP PensionService, C‑464/12, EU:C:2014:139, punt 42).

34

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-għan tal-eżenzjoni tal-operazzjonijiet relatati mal-immaniġġjar ta’ fondi speċjali ta’ investiment huwa, b’mod partikolari, li jiġi ffaċilitat, fir-rigward tal-investituri, l-investiment f’titoli permezz ta’ organi ta’ investiment, billi jiġu esklużi l-ispejjeż tal-VAT, u għaldaqstant, billi tiġi żgurata n-newtralità tas-sistema komuni tal-VAT fir-rigward tal-għażla bejn l-investiment dirett f’titoli u dak li jseħħ permezz ta’ organi ta’ investiment kollettiv (ara s-sentenzi JP Morgan Fleming Claverhouse Investment Trust u The Association of Investment Trust Companies, C‑363/05, EU:C:2007:391, punt 45; Wheels Common Investment Fund Trustees et, C‑424/11, EU:C:2013:144, punt 19, kif ukoll ATP PensionService, C‑464/12, EU:C:2014:139, punt 43).

35

Għaldaqstant għandu jiġi stabbilit, għall-finijiet tal-applikazzjoni tas-Sitt Direttiva, jekk kumpanniji li jkollhom karatteristiċi bħal dawk li għandhom il-kumpanniji inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ġew ikkostitwiti minn diversi investituri bl-uniku għan li jiġi investit il-patrimonju li huma kkostitwixxew fi proprjetajiet immobbli, jistgħux jitqiesu li huma “fondi speċjali ta’ investiment”, fis-sens tal-Artikolu 13B(d), punt 6, ta’ din id-direttiva.

36

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-fondi li jikkostitwixxu organi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli skont id-Direttiva UCITS jikkostitwixxu fondi speċjali ta’ investiment (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi Deutsche Bank, C‑44/11, EU:C:2012:484, punt 32; Wheels Common Investment Fund Trustees et, C‑424/11, EU:C:2013:144, punt 23, kif ukoll ATP PensionService, C‑464/12, EU:C:2014:139, punt 46). Kif jirriżulta mill-Artikolu 1(2) tal-imsemmija direttiva, din id-direttiva tirrigwarda organi li l-għan esklużiv tagħhom huma l-investiment kollettiv, f’titoli trasferibbli u/jew f’assi likwidi finanzjarji oħrajn, ta’ kapital miġbur mill-pubbliku u li jopera fuq il-prinċipju ta’ tixrid tar-riskju, u li l-unitajiet tagħhom huma, fuq it-talba tat-titolari, mixtrija mill-ġdid jew irrimborsati, direttament jew indirettament, mill-assi ta’ dawn l-organi.

37

Barra minn hekk, fondi li, mingħajr ma jikkostitwixxu organi ta’ investiment kollettiv skont id-Direttiva UCITS, għandhom karatteristiċi identiċi għal dawn tal-aħħar u għaldaqstant iwettqu l-istess operazzjonijiet jew, mill-inqas, għandhom karatteristiċi komparabbli sal-punt li jinsabu f’kompetizzjoni magħhom għandhom ukoll jiġu kkunsidrati bħala fondi speċjali ta’ investiment (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Abbey National, C‑169/04, EU:C:2006:289, punti 53 sa 56; JP Morgan Fleming Claverhouse Investment Trust u The Association of Investment Trust Companies, C‑363/05, EU:C:2007:391, punti 48 sa 51; Wheels Common Investment Fund Trustees et, C‑424/11, EU:C:2013:144, punt 24, kif ukoll ATP PensionService, C‑464/12, EU:C:2014:139, punt 47).

38

Għandu jiġi kkonstatat li kumpanniji bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ġew ikkostitwiti minn diversi investituri bl-uniku għan li jiġi investit il-patrimonju li huma kkostitwixxew fi proprjetajiet immobbli, ma jistgħux jitqiesu li jikkostitwixxu organu ta’ investiment kollettiv, fis-sens tad-Direttiva UCITS. Fil-fatt, investiment kompost esklużivament minn proprjetajiet immobbli ma huwiex suġġett għad-Direttiva UCITS, peress li din hija applikabbli biss, skont l-Artikolu 1(1) u (2) tagħha, għall-investimenti f’titoli trasferibbli.

39

Sabiex ikunu jistgħu jitqiesu li huma fondi speċjali ta’ investiment eżentati fis-sens tal-Artikolu 13B(d), punt 6, tas-Sitt Direttiva, kumpanniji bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhom, konsegwentement, ikollhom karatteristiċi identiċi għall-organi ta’ investiment kollettiv kif iddefiniti permezz tad-Direttiva UCITS u jwettqu l-istess operazzjonijiet jew, mill-inqas, ikollhom karatteristiċi komparabbli sal-punt li jinsabu f’kompetizzjoni ma’ dawn tal-aħħar.

40

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, qabel kollox, bħalma indikat l-Avukat Ġenerali fil-punti 22 sa 29 tal-konklużjonijiet tagħha, li l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 13B(d), punt 6, tas-Sitt Direttiva tapplika għall-organi ta’ investiment li huma suġġetti għal sorveljanza speċifika fuq il-livell nazzjonali.

41

Kif osservat il-Qorti tal-Ġustizzja diversi drabi fil-kuntest tal-interpretazzjoni tal-eżenzjoni tal-immaniġġjar tal-fondi speċjali ta’ investiment fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, l-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-VAT hija preċedenti għal dik tal-leġiżlazzjoni dwar l-approvazzjoni u s-sorveljanza tal-fondi ta’ investiment u, b’mod partikolari, għad-Direttiva UCITS (sentenzi Abbey National, C‑169/04, EU:C:2006:289, punt 55, kif ukoll JP Morgan Fleming Claverhouse Investment Trust u The Association of Investment Trust Companies, C‑363/05, EU:C:2007:391, punt 32).

42

Kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punt 21 tal-konklużjonijiet tagħha, l-Istati Membri inizjalment stabbilixxew bħala fondi ta’ investiment il-fondi rregolati fuq il-livell nazzjonali u suġġetti, konsegwentement, għal regoli ta’ awtorizzazzjoni u ta’ sorveljanza, jiġifieri approvazzjoni minn awtoritajiet pubbliċi u verifika, bl-għan, b’mod partikolari, li jiġu protetti l-investituri. Ir-riferiment għad-dritt nazzjonali tal-Istati Membri għad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “fondi speċjali ta’ investiment” ippermetta għalhekk li tiġi rriżervata għall-investimenti li huma s-suġġett ta’ sorveljanza Statali speċifika l-eżenzjoni skont l-Artikolu 13B(d), punt 6, tas-Sitt Direttiva.

43

Mill-ewwel u t-tieni premessa tad-Direttiva UCITS jirriżulta li, minħabba differenzi bejn il-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri li jirregolaw l-organi ta’ investiment kollettiv, b’mod partikolari rigward l-obbligi u l-verifiki li huma jissuġġettawhom għalihom, il-leġiżlatur tal-Unjoni xtaq jikkoordina l-imsemmija leġiżlazzjonijiet sabiex japprossima fuq il-livell tal-Unjoni l-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni bejn dawn l-organi, li jġib fis-seħħ fuq dan il-livell protezzjoni iktar effettiva u iktar uniformi tal-parteċipanti, kif ukoll li jiffaċilita għall-organi ta’ investiment kollettiv li jinsabu fi Stat Membru l-kummerċjalizzazzjoni tal-unitajiet tagħhom fit-territorju tal-Istati Membri l-oħra.

44

Id-Direttiva UCITS stabbiliet b’dan il-mod, għall-organi ta’ investiment kollettiv li jinsabu fl-Istati Membri, regoli minimi komuni f’dak li jirrigwarda l-approvazzjoni tagħhom, l-istruttura tagħhom, l-attività tagħhom u l-informazzjoni li huma għandhom jippubblikaw.

45

L-introduzzjoni fuq il-livell tal-Unjoni, permezz tad-Direttiva UCITS, tal-ewwel elementi ta’ leġiżlazzjoni tas-sorveljanza għall-fondi ta’ investiment irrestrinġiet il-marġni ta’ diskrezzjoni li għandhom l-Istati Membri sabiex jiddefinixxu l-fondi speċjali ta’ investiment, fis-sens tal-Artikolu 13B(d), punt 6, tas-Sitt Direttiva.

46

Il-koordinazzjoni, fuq il-livell tal-Unjoni, tal-leġiżlazzjoni fil-qasam tas-sorveljanza tal-investimenti ġiet għalhekk sovrapposta fuq is-setgħa ta’ definizzjoni tal-Istati Membri. Il-kunċett ta’ “fondi speċjali ta’ investiment”, fis-sens tal-Artikolu 13B(d), punt 6, tas-Sitt Direttiva, huwa għaldaqstant stabbilit fl-istess waqt kemm mid-dritt tal-Unjoni kif ukoll mid-dritt nazzjonali.

47

Għalhekk il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li għandhom jitqiesu li huma fondi speċjali ta’ investiment eżentati fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, minn naħa, l-investimenti li jaqgħu taħt id-Direttiva UCITS u suġġetti, f’dan il-kuntest, għal sorveljanza Statali speċifika u, min-naħa l-oħra, il-fondi li, mingħajr ma jikkostitwixxu organi ta’ investiment kollettiv fis-sens ta’ din id-direttiva, għandhom karatteristiċi identiċi għal dawn tal-aħħar u jwettqu għaldaqstant l-istess operazzjonijiet jew, mill-inqas, għandhom karatteristiċi komparabbli sal-punt li jinsabu f’kompetizzjoni ma’ dawn tal-aħħar (sentenzi Wheels Common Investment Fund Trustees et, C‑424/11, EU:C:2013:144, punti 23 u 24, kif ukoll ATP PensionService, C‑464/12, EU:C:2014:139, punti 46 u 47).

48

Kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punt 27 tal-konklużjonijiet tagħha, huma biss investimenti suġġetti għal sorveljanza Statali speċifika li jistgħu jkunu suġġetti għall-istess kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni u li jistgħu jindirizzaw l-istess ċirku ta’ investituri. Dawn it-tipi l-oħra ta’ fondi ta’ investiment jistgħu għaldaqstant, fil-prinċipju, jibbenefikaw mill-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 13B(d), punt 6, tas-Sitt Direttiva jekk l-Istati Membri jipprevedu wkoll fir-rigward tagħhom sorveljanza Statali speċifika.

49

Minn dan jirriżulta li, f’dak li jirrigwarda l-kawża prinċipali, investiment magħmul esklużivament minn proprjetajiet immobbli, mhux suġġett għar-regoli ta’ sorveljanza previsti mid-dritt tal-Unjoni applikabbli għas-sena 1996, jiġifieri d-Direttiva UCITS, jista’ jikkostitwixxi fond speċjali ta’ investiment, fis-sens tal-Artikolu 13B(d), punt 6, tas-Sitt Direttiva, biss jekk id-dritt nazzjonali jipprevedi sorveljanza Statali speċifika għal tali fond.

50

Sa fejn l-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju ma jippermettux li jiġi stabbilit jekk dan huwa l-każ fil-kawża prinċipali, tali evalwazzjoni għandha ssir minn din il-qorti.

51

Fil-każ li l-qorti tar-rinviju tikkonstata li t-tliet kumpanniji li A pprovdietilhom diversi servizzi kienu suġġetti għal sorveljanza Statali speċifika, ikun hemm bżonn jiġi eżaminat ukoll jekk dawn il-kumpanniji għandhomx il-karatteristiċi l-oħra mitluba sabiex ikunu jistgħu jitqiesu li huma fond speċjali ta’ investiment li jista’ jiġi eżentat fid-dawl tal-għan tal-Artikolu 13B(d), punt 6, tas-Sitt Direttiva u tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali.

52

F’dan ir-rigward, X u l-Kummissjoni Ewropea huma tal-fehma li l-karatteristiċi tal-kumpanniji inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkorrispondu għal dawk ta’ fond speċjali ta’ investiment kif jirriżultaw mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fond ta’ investiment huwa għaldaqstant komparabbli mal-organi ta’ investiment kollettiv kif iddefiniti mid-Direttiva UCITS meta persuni jkunu xtraw drittijiet ta’ sehem f’dan il-fond, meta d-dħul iġġenerat mill-investiment li huma għamlu b’dan il-mod ikun jiddependi mir-riżultati tal-investimenti operati minn dawk li jimmaniġġjaw il-fond matul il-perijodu li fih huma jkollhom dawn id-drittijiet ta’ sehem u meta l-parteċipanti jkollhom dritt għall-benefiċċji jew isostnu r-riskju marbut mal-immaniġġjar tal-fond (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Wheels Common Investment Fund Trustees et, C‑424/11, EU:C:2013:144, punt 27). Fl-istess sens, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li fondi għall-irtirar ta’ kumpannija jistgħu jitqiesu li huma fondi speċjali ta’ investiment meta jkunu ffinanzjati mill-benefiċjarji tal-pensjonijiet imħallsa, meta t-tfaddil jiġi investit skont il-prinċipju ta’ tqassim tar-riskji u meta jkunu l-affiljati li jsostnu r-riskju tal-investimenti (sentenza ATP PensionService, C‑464/12, EU:C:2014:139, punt 59).

53

Dan jidher li huwa l-każ tal-kumpanniji inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fid-dawl tal-indikazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju u mill-elementi tal-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

54

Dawn il-kumpanniji jiġbru kapital minn diversi fondi ta’ pensjoni u għandhom bħala għan ix-xiri, il-pussess, l-immaniġġjar u l-bejgħ ta’ proprjetajiet immobbli sabiex jagħmlu minnhom l-ogħla profitt possibbli. L-imsemmija kumpanniji ħarġu ċertifikati ta’ ishma li jagħtu lil dawk li jkunu fil-pussess tagħhom dritt għal parti proporzjonali mill-profitt ta’ dawn fil-forma ta’ dividendi. Il-persuni li jkollhom ċertifikati ta’ ishma għandhom ukoll dritt għall-profitt tal-kumpannija kkonċernata wara żieda fil-valur tas-sehem tagħhom. Ir-riskju ta’ investiment huwa sostnut mill-proprjetarji tal-ishma. L-investituri li jkunu investew l-assi tagħhom fil-kapital ta’ waħda minn dawn il-kumpanniji jsostnu r-riskju li huwa marbut mal-immaniġġjar tal-assi miġbura f’din. Il-profitt ta’ dawn l-investituri, fil-forma ta’ dividendi, jiddependi mid-dħul magħmul mill-assi tal-kumpannija kkonċernata. Il-kapital tal-kumpanniji inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa miftuħ għal diversi investituri li għandhom il-possibbiltà li jittrasferixxu ċ-ċertifikati ta’ ishma tagħhom lil terzi jekk jixtiequ jagħmlu hekk. Barra minn hekk, investituri ġodda jistgħu jingħaqdu u jġibu kapital ġdid fil-kumpannija kkonċernata.

55

Għandu jiġi osservat li l-argument marbut mal-assenza ta’ tqassim tar-riskji ta’ fond immobbli, imressaq mill-Gvern Svediż, ma jistax jintlaqa’.

56

F’dan ir-rigward, fir-rigward tal-kumpanniji inkwistjoni fil-kawża prinċipali, mill-indikazzjonijiet mogħtija waqt is-seduta u mill-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-patrimonju miġbur huwa investit skont il-prinċipju ta’ tqassim tar-riskji. Il-fondi huma investiti f’kategoriji differenti ta’ proprjetajiet immobbli, kemm residenzjali kif ukoll kummerċjali, u f’reġjuni ġeografiċi differenti wkoll.

57

Kif tenfasizza l-Kummissjoni, il-fatt li dan il-każ jirrigwarda investimenti fi proprjetajiet immobbli huwa mingħajr impatt fuq in-natura tal-attivitajiet tat-tliet kumpanniji inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri l-immaniġġjar kollettiv ta’ fondi. Fil-fatt, l-Artikolu 13B(d), punt 6, tas-Sitt Direttiva jirreferi b’mod ġenerali għall-“fondi speċjali ta’ investiment”, mingħajr ma jsemmi l-ebda forma speċifika ta’ investiment u mingħajr ma jiddistingwixxi skont l-assi li fihom huma investiti l-fondi. Xejn ma jindika, għaldaqstant, li l-eżenzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni tibbenefika biss lill-investiment f’titoli u li forom oħra ta’ investiment huma esklużi minn din l-eżenzjoni. Fil-fatt, la l-kuntest, la l-formulazzjoni tal-Artikolu 13B(d), punt 6, tas-Sitt Direttiva u lanqas l-għan ta’ din id-dispożizzjoni ma jindikaw li l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni kienet li jillimita l-applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni biss għall-organi ta’ investiment kollettiv li jinvestu f’titoli trasferibbli.

58

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, madankollu, jekk l-għan tal-eżenzjoni prevista f’din l-istess dispożizzjoni, kif ifformulat mill-Qorti tal-Ġustizzja, jistax jintlaħaq meta każ jirrigwarda proprjetajiet immobbli filwaqt li tenfasizza, b’mod partikolari, li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar din l-eżenzjoni tirrigwarda biss l-investimenti f’titoli trasferibbli.

59

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, kif tindika X, il-fatt li l-ġurisprudenza eżistenti tal-Qorti tal-Ġustizzja tirrigwarda sitwazzjonijiet li fihom il-patrimonju kollettiv kien investit f’titoli huwa spjegat bis-suġġett tal-proċeduri mressqa quddiemha sal-lum, sa fejn hija ma ntalbitx tanalizza fatti li jirrigwardaw investimenti f’assi oħra.

60

Kif jindikaw is-sitt premessa u l-Artikolu 24 tad-Direttiva UCITS, u kif jirriżulta mill-Artikolu 19(1)(e) tal-istess direttiva, fil-verżjoni tagħha emendata permezz tad-Direttiva 2001/108/KE, mhux applikabbli fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali, il-koordinazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar is-sorveljanza hija intiża sabiex tkopri mhux biss l-UCITS, iżda wkoll organi oħra ta’ investiment kollettiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza JP Morgan Fleming Claverhouse Investment Trust u The Association of Investment Trust Companies, C‑363/05, EU:C:2007:391, punti 32 u 34). L-investiment f’titoli trasferibbli ma jikkostitwixxix għaldaqstant forma partikolari ta’ investiment irregolat.

61

Il-fatt li d-Direttiva 2011/61, li tirrappreżenta fuq il-livell tal-Unjoni stadju ġdid ta’ armonizzazzjoni f’dak li jirrigwarda s-sorveljanza Statali speċifika applikata għall-investimenti, tapplika wkoll għall-fondi ta’ investiment fi proprjetà immobbli, kif tindika b’mod partikolari l-premessa 34 ta’ din id-direttiva, isostni tali interpretazzjoni.

62

F’dan il-kuntest, il-fatt li kumpanniji ta’ proprjetà immobbli bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jiġux permessi jibbenefikaw mill-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 13B(d), punt 6, tas-Sitt Direttiva għar-raġuni li l-immaniġġjar tal-proprjetà jirrigwarda proprjetajiet immobbli jmur kontra l-prinċipju ta’ newtralità fiskali.

63

Fil-fatt, ladarba investimenti, kemm jekk huma ikkostitwiti minn titoli trasferibbli jew minn proprjetajiet immobbli, ikunu suġġetti għal sorveljanza Statali speċifika komparabbli, teżisti kompetizzjoni diretta bejn dawn il-forom ta’ investiment. Fiż-żewġ każijiet, dak li huwa rilevanti għall-investitur huwa l-interess li dawn l-investimenti jistgħu jagħtuh. Skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ newtralità fiskali jipprekludi li provvisti ta’ servizzi simili, li jinsabu għaldaqstant f’kompetizzjoni bejniethom, jiġu ttrattati b’mod differenti f’dak li jirrigwarda l-VAT (ara s-sentenza Wheels Common Investment Fund Trustees et, C‑424/11, EU:C:2013:144, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

64

Għaldaqstant, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 13B(d), punt 6, tas-Sitt Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li kumpanniji ta’ investiment bħalma huma l-kumpanniji inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fihom jinġabar kapital minn diversi investituri li jsostnu r-riskju li huwa marbut mal-immaniġġjar tal-assi miġbura f’dawn bl-għan tax-xiri, tal-pussess, tal-immaniġġjar u tal-bejgħ ta’ proprjetajiet immobbli sabiex isir profitt minnhom, li jitqassam lill-azzjonisti kollha fil-forma ta’ dividend, u dawn tal-aħħar jieħdu wkoll vantaġġ minħabba ż-żieda fil-valur tas-sehem tagħhom, jistgħu jitqiesu li huma “fondi speċjali ta’ investiment”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, sakemm l-Istat Membru kkonċernat ikun issuġġetta lil dawn il-kumpanniji għal sorveljanza Statali speċifika.

Fuq it-tieni domanda, rigward il-kunċett ta “mmaniġġjar

65

Bit-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 13B(d), punt 6, tas-Sitt Direttiva għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “mmaniġġjar” li jinsab f’din id-dispożizzjoni jirreferix ukoll għall-operat effettiv tal-proprjetajiet immobbli ta’ fond speċjali ta’ investiment li ġie fdat minn dan tal-aħħar lil terz.

66

Mill-motivi tad-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta, minn naħa, li b’“terz” wieħed għandu jifhem A, li ħadet ir-responsabbiltà għall-kompiti kollha ta’ mmaniġġjar, inkluża l-amministrazzjoni, għat-tliet kumpanniji inkwistjoni fil-kawża prinċipali, u, min-naħa l-oħra, li l-operat effettiv ta’ proprjetà immobbli jinkludi b’mod partikolari l-kiri tagħha, l-immaniġġjar tal-kiri eżistenti kif ukoll d-delega lil terzi oħra u l-verifika ta’ miżuri ta’ manutenzjoni.

67

Għaldaqstant għandu jiġi stabbilit jekk l-immaniġġjar, fis-sens tal-Artikolu 13B(d), punt 6, tas-Sitt Direttiva, jirrigwardax biss ix-xiri u l-bejgħ tal-proprjetajiet immobbli kkonċernati jew jekk jirrigwardax ukoll l-operat effettiv tagħhom.

68

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-kliem użat sabiex jindika l-eżenzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 13 tas-Sitt Direttiva huwa ta’ interpretazzjoni stretta. Madankollu, l-interpretazzjoni ta’ dan il-kliem għandha tkun konsistenti mal-għanijiet segwiti permezz ta’ dawn l-eżenzjonijiet u għandha tissodisfa r-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali inerenti fis-sistema komuni tal-VAT. Għaldaqstant, din ir-regola ta’ interpretazzjoni stretta ma tfissirx li l-kliem użat sabiex jiġu ddefiniti l-eżenzjonijiet stipulati fl-imsemmi Artikolu 13 għandu jiġi interpretat b’mod li jċaħħad l-eżenzjonijiet mill-effetti tagħhom (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Zimmermann, C‑174/11, EU:C:2012:716, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll Mapfre asistencia u Mapfre warranty, C‑584/13, EU:C:2015:488, punt 26).

69

Kif diġà osservat il-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett ta’ “mmaniġġjar” ta’ fondi speċjali ta’ investiment imsemmi fl-Artikolu 13B(d), punt 6, tas-Sitt Direttiva jikkostitwixxi kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni li l-Istati Membri ma jistgħux jibdlu l-kontenut tiegħu (sentenza Abbey National, C‑169/04, EU:C:2006:289, punt 43).

70

Dan il-kunċett ma huwiex iddefinit mil-leġiżlatur tal-Unjoni.

71

Il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu speċifikat li l-operazzjonijiet koperti mill-eżenzjoni tal-immaniġġjar ta’ fondi speċjali ta’ investiment huma dawk li huma speċifiċi għall-attività tal-organi ta’ investiment kollettiv. (sentenzi Abbey National, C‑169/04, EU:C:2006:289, punt 63;Deutsche Bank, C‑44/11, EU:C:2012:484, punt 31, u ATP PensionService, C‑464/12, EU:C:2014:139, punt 65). F’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, is-servizzi ta’ mmaniġġjar ipprovduti minn maniġer terz, hija ddeċidiet li dawn l-operazzjonijiet għandhom jifformaw unità distinta, ikkunsidrata b’mod globali u jikkostitwixxu elementi speċifiċi u essenzjali għall-immaniġġjar ta’ fondi speċjali ta’ investiment (sentenza ATP PensionService, C‑464/12, EU:C:2014:139, punt 65).

72

Minbarra l-funzjonijiet ta’ mmaniġġjar tal-portafoll, il-funzjonijiet ta’ amministrazzjoni tal-organi ta’ investiment kollettiv innifishom, kif indikati fl-Anness II tad-Direttiva UCITS, taħt it-titolu “Amministrazzjoni” jikkostitwixxu funzjonijiet speċifiċi għall-organi ta’ investiment kollettiv (sentenza ATP PensionService, C‑464/12, EU:C:2014:139, punt 66).

73

B’dan il-mod il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li mhux biss l-immaniġġjar ta’ investimenti li jimplika l-għażla u t-trasferiment tal-assi li huma s-suġġett ta’ dan l-immaniġġjar, iżda wkoll il-kompiti ta’ amministrazzjoni u ta’ kompatibbiltà, b’mod partikolari servizzi bħall-kalkolu tal-ammont tad-dħul u tal-prezz tal-ishma jew tal-azzjonijiet tal-fondi, l-evalwazzjonijiet ta’ assi, il-kompatibbiltà, it-tħejjija ta’ dikjarazzjonijiet għat-tqassim tad-dħul, l-għoti ta’ informazzjoni u ta’ dokumentazzjoni għall-kontijiet perijodiċi u għad-dikjarazzjonijiet tat-taxxa, tal-istatistika u tal-VAT kif ukoll it-tħejjija tat-tbassir ta’ dħul, jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “mmaniġġjar” ta’ fond speċjali ta’ investiment, fis-sens tal-Artikolu 13B(d), punt 6, tas-Sitt Direttiva (ara s-sentenzi Abbey National, C‑169/04, EU:C:2006:289, punti 26, 63 u 64, kif ukoll ATP PensionService,C‑464/12, EU:C:2014:139, punt 68).

74

Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet ukoll li l-funzjonijiet ta’ depożitarja tal-organi ta’ investiment kollettiv kif ukoll is-sempliċi servizzi materjali jew tekniċi, bħalma huma t-tqegħid fid-dispożizzjoni ta’ sistema informatika, ma humiex koperti mill-Artikolu 13B(d), punt 6, tas-Sitt Direttiva (sentenza Abbey National, C‑169/04, EU:C:2006:289, punti 65 u 71).

75

Il-Gvernijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet huma tal-fehma li, jekk il-kumpanniji ta’ proprjetà immobbli inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhom jitqiesu li huma fond speċjali ta’ investiment, fis-sens tal-Artikolu 13B(d), punt 6, tas-Sitt Direttiva, il-kunċett ta’ “mmaniġġjar” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jinkludi l-immaniġġjar tal-investimenti, b’mod partikolari d-deċiżjonijiet u l-pariri rigward ix-xiri u l-bejgħ tat-titoli li jikkostitwixxu dawn l-investimenti, kif ukoll is-servizzi indikati fl-Anness II tad-Direttiva UCITS, taħt it-titolu “Amministrazzjoni”. Madankollu, is-sempliċi servizzi materjali jew tekniċi bħalma huma t-tqegħid fid-dispożizzjoni ta’ sistema informatika jew l-operat effettiv tal-proprjetajiet immobbli tal-kumpannija kkonċernata ma jaqgħux taħt dan il-kunċett.

76

X u l-Kummissjoni jsostnu, min-naħa l-oħra, li l-attivitajiet li huma eżegwiti minn A favur it-tliet kontraenti tagħha, kif deskritti fil-punt 19 ta’ din is-sentenza, jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “mmaniġġjar” ta’ fond speċjali ta’ investiment. Dawn l-attivitajiet kollha huma intiżi għall-ottimizzazzjoni tal-immaniġġjar tal-proprjetajiet immobbli li jifformaw il-kapital tat-tliet kumpanniji kontraenti ta’ A u, għaldaqstant, iż-żieda fil-valur tal-ishma tal-investituri fil-fondi speċjali ta’ investiment.

77

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-attività speċifika ta’ fond speċjali ta’ investiment tikkonsisti fl-investiment kollettiv tal-kapital miġbur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza GfBk, C‑275/11, EU:C:2013:141, punti 22 u 24). B’dan il-mod, sa fejn l-assi ta’ tali fond jikkonsisti fi proprjetajiet immobbli, l-attività speċifika tiegħu ta’ dan tinkludi, minn naħa, attivitajiet marbuta mal-għażla, max-xiri u mal-bejgħ tal-proprjetajiet immobbli u, min-naħa l-oħra, kompiti ta’ amministrazzjoni u ta’ kompatibbiltà, kif imsemmija fil-punt 74 ta’ din is-sentenza.

78

Min-naħa l-oħra, l-operat effettiv tal-proprjetajiet immobbli ma huwiex speċifiku għall-operat ta’ fond speċjali ta’ investiment sa fejn huwa jaqbeż id-diversi attivitajiet marbuta mal-investiment kollettiv tal-kapital miġbur. Sa fejn l-operat effettiv tal-proprjetajiet immobbli huwa intiż sabiex jippreżerva u jżid il-patrimonju investit, l-għan tiegħu ma huwiex speċifiku għall-attività ta’ fond speċjali ta’ investiment, iżda huwa inerenti f’kull tip ta’ investiment.

79

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 13B(d), punt 6, tas-Sitt Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “mmaniġġjar” li jinsab f’din id-dispożizzjoni ma jirreferix għall-operattiv effettiv tal-proprjetajiet immobbli ta’ fond speċjali ta’ investiment.

Fuq l-ispejjeż

80

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 13B(d), punt 6, tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima, kif emendata permezz tad-Direttiva tal-Kunsill 91/680/KEE, tas-16 ta’ Diċembru 1991, għandu jiġi interpretat fis-sens li kumpanniji ta’ investiment bħalma huma l-kumpanniji inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fihom jinġabar kapital minn diversi investituri li jsostnu r-riskju li huwa marbut mal-immaniġġjar tal-assi miġbura f’dawn bl-għan tax-xiri, tal-pussess, tal-immaniġġjar u tal-bejgħ ta’ proprjetajiet immobbli sabiex isir profitt minnhom, li jitqassam lill-azzjonisti kollha fil-forma ta’ dividend, u dawn tal-aħħar jieħdu wkoll vantaġġ minħabba ż-żieda fil-valur tas-sehem tagħhom, jistgħu jitqiesu li huma “fondi speċjali ta’ investiment”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, sakemm l-Istat Membru kkonċernat ikun issuġġetta lil dawn il-kumpanniji għal sorveljanza Statali speċifika.

 

2)

L-Artikolu 13B(d), punt 6, tas-Sitt Direttiva 77/388 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “mmaniġġjar” li jinsab f’din id-dispożizzjoni ma jirreferix għall-operattiv effettiv tal-proprjetajiet immobbli ta’ fond speċjali ta’ investiment.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.