Kawża C‑579/13

P

u

S

vs

Commissie Sociale Zekerheid Breda

u

College van Burgemeester en Wethouders van de gemeente Amstelveen

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Centrale Raad van Beroep)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Status ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti għat-tul — Direttiva 2003/109/KE — Artikoli 5(2) u 11(1) — Leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi fuq iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu kisbu l-istatus ta’ resident għat-tul obbligu ta’ integrazzjoni ċivika, iċċertifikat b’eżami, taħt piena ta’ multa”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-4 ta’ Ġunju 2015

Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni — Politika tal-immigrazzjoni — Status ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul — Direttiva 2003/109 — Leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi fuq iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu kisbu l-istatus ta’ resident għat-tul obbligu ta’ integrazzjoni ċivika, iċċertifikat b’eżami, taħt piena ta’ multa — Ammissibbiltà — Kundizzjoni — Verifika mill-qorti nazzjonali

(Direttiva tal-Kunsill 2003/109, Artikoli 5(2) u 11(1))

Id-Direttiva 2003/109 dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul, u, b’mod partikolari, l-Artikoli 5(2) u 11(1) ta’ din ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi fuq iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma diġà fil-pussess tal-istatus ta’ resident għat-tul l-obbligu li jgħaddu minn eżami ta’ integrazzjoni ċivika, taħt piena ta’ multa, sakemm il-mezzi għall-applikazzjoni tiegħu ma jkunux jistgħu jipperikolaw it-twettiq tal-għanijiet segwiti permezz ta’ din id-direttiva, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju. Il-fatt li l-istatus ta’ resident għat-tul kien inkiseb qabel ma l-obbligu li persuna tgħaddi minn eżami ta’ integrazzjoni ċivika ġie impost jew wara li l-imsemmi obbligu ġie impost huwa irrilevanti f’dan ir-rigward.

Fil-fatt, billi jagħti lill-Istati Membri l-fakultà li jissuġġettaw il-ksib tal-istatus ta’ resident għat-tul għall-kundizzjoni li jiġu ssodisfatti minn qabel ċerti kundizzjonijiet ta’ integrazzjoni, skont id-dritt nazzjonali tagħhom, l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2003/109 la jitlob u lanqas jipprojbixxi lill-Istati Membri milli jeżiġu li ċittadini ta’ pajjiżi terzi jissodisfaw obbligi ta’ integrazzjoni wara l-ksib tal-istatus ta’ resident għat-tul.

Barra minn hekk, sa fejn is-sitwazzjoni taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi ma hijiex komparabbli ma’ dik taċ-ċittadini bin-nazzjonalità f’dak li jirrigwarda l-utilità ta’ miżuri ta’ integrazzjoni bħalma huma l-akkwist ta’ għarfien tal-lingwa u tas-soċjetà tal-pajjiż, il-fatt li obbligu ta’ integrazzjoni ċivika ma huwiex impost fuq iċ-ċittadini bin-nazzjonalità ma jiksirx id-dritt taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti għat-tul għal ugwaljanza fit-trattament bħaċ-ċittadini bin-nazzjonalità, skont l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2003/109.

(ara l-punti 35, 38, 42, 43, 56 u d-dispożittiv)