SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

18 ta’ Diċembru 2014 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Direttiva 2008/98/KE — Artikolu 15 — Immaniġġar ta’ skart — Possibbiltà għall-produttur ta’ skart li jwettaq it-trattament tiegħu huwa stess — Liġi nazzjonali ta’ traspożizzjoni adottata, iżda li għadha ma daħlitx fis-seħħ — Skadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni — Effett dirett”

Fil-Kawża C‑551/13,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Commissione tributaria provinciale di Cagliari (l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tas-17 ta’ Mejju 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-25 ta’ Ottubru 2013, fil-proċedura

Società Edilizia Turistica Alberghiera Residenziale (SETAR) SpA

vs

Comune di Quartu S. Elena,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

komposta minn A. Borg Barthet, li qed jaġixxi bħala President tas-Sitt Awla, E. Levits u F. Biltgen (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: L. Carrasco Marco, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-8 ta’ Ottubru 2014,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Società Edilizia Turistica Alberghiera Residenziale (SETAR) SpA, minn A. Fantozzi, R. Altieri u G. Mameli, avukati,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn C. Colelli, avvocato dello Stato,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn E. Sanfrutos Cano, L. Cappelletti u D. Loma-Osorio Lerena, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-19 ta’ Novembru 2008, dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi (ĠU L 312, p. 3).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Società Edilizia Turistica Alberghiera Residenziale (SETAR) SpA (iktar ’il quddiem “SETAR”), proprjetarja ta’ kumpless turistiku ta’ lukandi fil-lokalità ta’ S’Oru e Mari (l-Italja), fil-Comune di Quartu S. Elena, dwar ir-rifjut ta’ din il-kumpannija li tħallas it-taxxa komunali għar-rimi tal-iskart solidu urban (tassa per lo smaltimento dei rifiuti solidi urbani, iktar ’il quddiem it-“TARSU”).

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessi 25, 28 u 41 tad-Direttiva 2008/98 jaqraw kif ġej:

“(25)

Huwa xieraq li l-ispejjeż ikunu allokati b’tali mod li jirriflettu l-ispejjeż reali għall-ambjent tal-ġenerazzjoni u l-immaniġġar ta’ dak l-iskart.

[...]

(28)

Din id-Direttiva għandha tgħin biex tressaq lill-UE eqreb lejn ‘soċjetà riċiklanti’, billi tfittex li tevita l-ġenerazzjoni ta’ l-iskart u li tuża l-iskart bħala riżors. B’mod partikolari, is-Sitt Programm Komunitarju ta’ Azzjoni għall-Ambjent isejjaħ għal miżuri mmirati biex jiżguraw is-separazzjoni fis-sors, il-ġbir u r-riċiklaġġ ta’ flussi prijoritarji ta’ skart. Konformement ma’ dak l-objettiv u bħala mezz biex ikun faċilitat jew imtejjeb il-potenzjal ta’ l-irkupru tiegħu, l-iskart għandu jinġabar separatament jekk dan ikun prattikabbli teknikament, ambjentalment u ekonomikament, qabel ma jgħaddi minn operazzjonijiet ta’ rkupru li jagħtu l-aħjar eżitu ambjentali globali. L-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu s-separazzjoni ta’ kompożizzjonijiet perikolużi mill-flussi ta’ skart jekk ikun meħtieġ biex jintlaħaq il-livell ta’ mmaniġġar li jkun ambjentalment korrett.

[...]

(41)

Sabiex isir progress lejn soċjetà Ewropea riċiklatriċi li jkollha livell għoli ta’ effiċjenza ta’ riżorsi, għandhom jiġu stabbiliti miri biex issir it-tħejjija għall-użu mill-ġdid u għar-riċiklaġġ. L-Istati Membri isostnu approċċi differenti għall-ġbir ta’ l-iskart domestiku u ta’ skart li hu ta’ natura u kompożizzjoni simili. Għalhekk huwa xieraq li miri bħal dawn iqisu s-sistemi differenti ta’ ġbir fi Stati Membri differenti. Il-flussi ta’ skart minn oriġini oħra li jixbhu l-iskart domestiku jinkludu skart imsemmi fl-entrata 20 tal-lista stabbilita mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/532/KE[, tat-3 ta’ Mejju 2000, li tissostitwixxi d-Deċiżjoni 94/3/KE li tistabilixxi lista ta’ skart skont l-Artikolu 1(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 75/442/KEE dwar l-iskart u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/904/KE li tistabilixxi lista ta’ skart perikoluż skont l-Artikolu 1(4) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/689/KEE dwar skart perikoluż (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 5, p. 151].”

4

Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2008/98:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi miżuri għall-protezzjoni ta’ l-ambjent u s-saħħa tal-bniedem permezz tal-prevenzjoni jew it-tnaqqis ta’ l-impatti negattivi tal-ġenerazzjoni u l-immaniġġar ta’ l-iskart, u permezz tat-tnaqqis ta’ l-impatti ġenerali ta’ l-użu ta’ riżorsi u t-titjib ta’ l-effiċjenza ta’ tali użu.”

5

L-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“1.   Il-ġerarkija ta’ l-iskart, kif inhi hawn taħt, għandha tapplika bħala prinċipju ta’ gwida fil-prevenzjoni ta’ l-iskart u fil-leġiżlazzjoni u l-politika ta’ l-immaniġġar:

(a)

prevenzjoni;

(b)

preparazzjoni għal użu mill-ġdid;

(ċ)

riċiklaġġ;

(d)

irkupru ieħor, eż. irkupru ta’ enerġija; u

(e)

rimi.

2.   Fl-applikazzjoni tal-ġerarkija ta’ l-iskart imsemmija fil-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri biex jinkoraġġixxu l-għażliet li jagħtu l-aqwa riżultat ambjentali ġenerali. Dan jista’ jeħtieġ li xi tipi speċifiċi ta’ skart ma jsegwux il-ġerarkija fejn dan ikun ġustifikat mill-kunsiderazzjoni taċ-ċiklu tal-ħajja fuq l-impatti ġenerali tal-ġenerazzjoni u l-immaniġġar ta’ tali skart.

[...]”

6

L-Artikolu 13 tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-immaniġġar ta’ l-iskart jitwettaq mingħajr ma tiġi pperikolata s-saħħa tal-bniedem, u mingħajr ma ssir ħsara lill-ambjent, u b’mod partikolari:

(a)

mingħajr riskju għall-ilma, l-arja, il-ħamrija, pjanti jew l-annimali;

(b)

mingħajr ma jinħoloq fastidju permezz ta’ ħsejjes jew irwejjaħ; u

(ċ)

mingħajr effetti negattivi fuq il-kampanja jew postijiet ta’ interess speċjali.”

7

L-Artikolu 14 tad-Direttiva 2008/98 jistabbilixxi:

“1.   Skond il-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas, l-ispejjeż ta’ l-immaniġġar ta’ l-iskart għandhom jinġarru mill-produttur oriġinali ta’ l-iskart jew mid-detentur attwali jew ta’ qabel ta’ l-iskart.

2.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li l-ispiża ta’ l-immaniġġar ta’ l-iskart għandha tinġarr parzjalment jew b’mod sħiħ mill-produttur tal-prodott li minnu jkun ġie l-iskart u li d-distributuri ta’ tali prodott jistgħu jikkondividu dawn l-ispejjeż.”

8

Skont l-Artikolu 15 ta’ din id-direttiva:

“1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li kwalunkwe produttur oriġinali ta’ l-iskart jew detentur ieħor iwettaq it-trattament ta’ l-iskart huwa stess jew jara li t-trattament isir minn negozjant jew stabbiliment jew intrapriża li twettaq operazzjonijiet ta’ trattament ta’ l-iskart jew jiġi organizzat minn entità tal-ġbir ta’ l-iskart privata jew pubblika skond l-Artikoli 4 u 13.

2.   Fejn l-iskart jiġi trasferit mill-produttur jew id-detentur oriġinali lil waħda mill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi msemmija fil-paragrafu 1 għal trattament preliminari, ir-responsabbiltà għat-twettiq ta’ rkupru komplut jew operazzjoni ta’ rimi ma għandhiex titwarrab.

Mingħajr preġudizzju għar-Regolament (KE) Nru 1013/2006 [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-14 ta’ Ġunju 2006, dwar vjeġġi ta’ skart (ĠU L 190, p. 1)], l-Istati Membri jistgħu jispeċifikaw il-kondizzjonijiet ta’ responsabbiltà u jiddeċiedu f’liema każijiet il-produttur oriġinali għandu jżomm ir-responsabbiltà għall-katina kollha tat-trattament jew f’liema każijiet ir-responsabbiltà tal-produttur u d-detentur tista’ tiġi kondiviża jew delegata fost l-atturi tal-katina tat-trattament.

3.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu, skond l-Artikolu 8, li r-responsabbiltà għall-organizzazzjoni tat-trattament ta’ l-iskart għandha tinġarr parzjalment jew b’mod sħiħ mill-produttur tal-prodott li minnu jkun ġie l-iskart u li d-distributuri ta’ tali prodott jistgħu jaqsmu din ir-responsabbiltà.

[...]”

Id-dritt Taljan

9

L-Artikolu 188(2) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 152, dwar ir-regoli fil-qasam ambjentali (decreto legislativo n. 152 – Norme in materia ambientale), tat-3 ta’ April 2006 (Suppliment ordinarju għall-GURI Nru 88, tal-14 ta’ April 2006, iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 152/2006”), jipprovdi:

“Il-produttur jew id-detentur ta’ skart speċjali jissodisfa l-obbligi tiegħu skont l-ordni ta’ prijorità segwenti:

a)

huwa jarmi l-iskart tiegħu huwa stess;

b)

huwa jgħaddi l-iskart tiegħu lil terzi awtorizzati, skont id-dispożizzjonijiet fis-seħħ;

c)

huwa jgħaddi l-iskart tiegħu lil entitajiet li joperaw is-servizz pubbliku ta’ ġbir tal-iskart muniċipali, li magħhom ikun ġie ffirmat ftehim speċifiku għal dan il-għan;

d)

huwa juża l-ferrovija għat-trasport tal-iskart perikoluż għal distanzi ta’ iktar minn tliet mija u ħamsin kilometru u għal kwantitajiet li jeċċedu ħamsa u għoxrin tunnellata;

e)

huwa jesporta l-iskart tiegħu skont il-modalitajiet previsti fl-Artikolu 194.”

10

Bil-għan li jiżgura t-traspożizzjoni tad-Direttiva 2008/98, l-Artikolu 16(1) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 205, li jimplementa d-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-19 ta’ Novembru 2008, dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi (decreto legislativo n. 205 – Disposizioni di attuazione delle direttiva 2008/98/CE del Parlamento europeo e del Consiglio del19 novembre 2008 relativa ai rifiuti e che abroga alcune direttive), tat-3 ta’ Diċembru 2010 (Suppliment ordinarju għall-GURI Nru 288, tal-10 ta’ Diċembru 2010, iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 205/2010”), emenda l-Artikolu 188(1) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 152/2006 kif ġej:

“Il-produttur oriġinali ta’ skart jew detentur ieħor ta’ skart għandu jwettaq it-trattament tiegħu huwa stess jew jgħaddih lil intermedjarju, lil negozjant, lil stabbiliment jew lil impriża li twettaq operazzjonijiet ta’ trattament tal-iskart jew lil entità privata jew pubblika inkarigata bil-ġbir tal-iskart, skont l-Artikoli 177 u 179. Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet previsti fil-paragrafi segwenti ta’ dan l-artikolu, il-produttur oriġinali ta’ skart jew detentur ieħor għandu jibqa’ responsabbli għall-katina kollha ta’ trattament, filwaqt li jekk il-produttur oriġinali ta’ skart jew id-detentur jittrasferixxi l-iskart għal finijiet ta’ trattament preliminari lil xi waħda mill-persuni msemmija f’dan il-paragrafu, din ir-responsabbiltà, bħala regola ġenerali, tibqa’ tissussisti.”

11

Barra minn hekk, l-Artikolu 16(1) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 205/2010 żied, wara l-Artikolu 188 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 152/2006, l-Artikoli 188a u 188b, intitolati rispettivament “Kontroll tat-traċċabbiltà tal-iskart” u “Sistema ta’ kontroll tat-traċċabbiltà tal-iskart (Sistri)”.

12

L-Artikolu 188a tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 152/2006 jistabbilixxi:

“1.   B’eżekuzzjoni tad-dispożizzjonijiet previsti fl-Artikolu 177(4), it-traċċabbiltà tal-iskart għandha tkun iggarantita mill-produzzjoni tiegħu sad-destinazzjoni finali tiegħu.

2.   Għal dan il-għan, l-immaniġġar tal-iskart għandu jitwettaq:

a)

b’osservanza tal-obbligi stabbiliti fil-kuntest tas-sistema ta’ kontroll tat-traċċabbiltà tal-iskart (Sistri) prevista fl-Artikolu 14a tad-Digriet-Liġi Nru 78 tal-1 ta’ Lulju 2009, ikkonvertit f’liġi, b’emendi, permezz tal-Liġi Nru 102 tat-3 ta’ Awwissu 2009, u mid-Digriet tal-Ministru tal-Ambjent u tal-Protezzjoni tat-territorju u tal-baħar tas-17 ta’ Diċembru 2009 [(Suppliment ordinarju għall-GURI Nru 9, tat-13 ta’ Jannar 2010, p. 1)], jew

b)

b’osservanza tal-obbligi dwar iż-żamma tar-reġistri ta’ tagħbija u ta’ skariku u tal-formola ta’ identifikazzjoni previsti fl-Artikoli 190 u 193.

[...]”

13

L-Artikolu 16(2) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 205/2010 jipprovdi li “id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu jidħlu fis-seħħ b’effett mill-għada tal-iskadenza tat-terminu previst fl-Artikolu 12(2) tad-Digriet [tal-Ministru tal-Ambjent u tal-Protezzjoni tat-territorju u tal-baħar] tas-17 ta’ Diċembru 2009”.

14

Skont l-Artikolu 12(2) tad-Digriet tal-Ministru tal-Ambjent u tal-Protezzjoni tat-territorju u tal-baħar tas-17 ta’ Diċembru 2009, “bil-għan li tiġi ggarantita l-osservanza tal-obbligi legali u li jiġi żgurat il-funzjonament korrett tas-Sistri, l-entitajiet imsemmija fl-istess artikoli madankollu huma obbligati josservaw id-dispożizzjonijiet previsti fl-Artikoli 190 u 193 tad-Digriet Leġiżlattiv [Nru 152/2006] matul xahar wara l-implementazzjoni tas-Sistri, kif indikat fl-Artikoli 1 u 2”.

15

L-Artikolu 1(1) u (4) tad-Digriet tal-Ministru tal-Ambjent u tal-Protezzjoni tat-territorju u tal-baħar tas-17 ta’ Diċembru 2009 jistabbilixxi:

“1.   Is-sistema ta’ kontroll tat-traċċabbiltà tal-iskart, iktar ’il quddiem is-Sistri, ġestita mit-taqsima tal-korp tal-Carabinieri inkarigata bil-protezzjoni tal-ambjent (Comando carabinieri per la Tutela dell’Ambiente), għandha tkun operattiva:

a)

minn mija u tmenin jum wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan id-digriet għall-produtturi oriġinali ta’ skart perikoluż, inklużi dawk imsemmija fl-Artikolu 212(8) tad-Digriet Leġiżlattiv [Nru 152/2006], li jimpjegaw iktar minn ħamsin impjegat, għall-impriżi u għall-istabbilimenti li huma produtturi oriġinali ta’ skart mhux perikoluż imsemmija fl-Artikolu 184(3)(c), (d) u (g) tal-istess Digriet Leġiżlattiv [Nru 152/2006] li jimpjegaw iktar minn ħamsin impjegat, għan-negozjanti u għall-intermedjarji, għall-konsorzji stabbiliti għall-finijiet tal-irkupru u tar-riċiklaġġ ta’ ċerti tiġi ta’ skart li jorganizzaw l-immaniġġar ta’ dan l-iskart f’isem il-membri tagħhom kif ukoll għall-impriżi msemmija fl-Artikolu 212(5) tad-Digriet Leġiżlattiv [Nru 152/2006] li jiġbru u jittrasportaw skart speċjali, għall-impriżi u għall-istabbilimenti li jwettqu operazzjonijiet ta’ rkupru u ta’ rimi ta’ skart u għall-persuni msemmija fl-Artikolu 5(10) ta’ dan id-digriet,

b)

minn mitejn u għaxart ijiem wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan id-digriet għall-impriżi u għall-istabbilimenti li huma produtturi oriġinali ta’ skart perikoluż, inklużi dawk imsemmija fl-Artikolu 212(8) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 152/2006, li jimpjegaw sa ħamsin impjegat, u għall-produtturi oriġinali ta’ skart mhux perikoluż imsemmija fl-Artikolu 184(3)(c), (d) u (g) tal-istess Digriet Leġiżlattiv [Nru 152/2006] li jimpjegaw bejn ħdax u ħamsin impjegat.

[...]

4.   L-impriżi u l-istabbilimenti li huma produtturi oriġinali ta’ skart mhux perikoluż imsemmija fl-Artikolu 184(3)(c), (d) u (g) tad-Digriet Leġiżlattiv [Nru 152/2006], li ma jimpjegawx iktar minn għaxar impjegati, l-impriżi li jiġbru u jittrasportaw l-iskart mhux perikoluż tagħhom stess, imsemmija fl-Artikolu 212(8) tad-Digriet Leġiżlattiv [Nru 152/2006], il-bdiewa ddefiniti fl-Artikolu 2135 tal-Kodiċi ċivili li jipproduċu skart mhux perikoluż u l-impriżi u l-istabbilimenti li huma produtturi oriġinali ta’ skart mhux perikoluż li joriġina minn attivitajiet differenti minn dawk imsemmija fl-Artikolu 184(3)(c), (d) u (g) tad-Digriet Leġiżlattiv [Nru 152/2006], jistgħu jaderixxu fuq bażi volontarja mas-Sistri mid-data prevista fil-paragrafu 1(b).”

16

It-terminu għall-implementazzjoni tas-Sistri, previst mid-Digriet tal-Ministru tal-Ambjent u tal-Protezzjoni tat-territorju u tal-baħar tas-17 ta’ Diċembru 2009, ġie sussegwentement iffissat bħala t-30 ta’ Ġunju 2012 permezz tad-Digriet Liġi Nru 138, tat-13 ta’ Awwissu 2011 (GURI Nru 188, tat-13 ta’ Awwissu 2011, p. 1), ikkonvertit f’liġi, b’emendi, permezz tal-Liġi Nru 148, tal-14 ta’ Settembru 2011 (GURI Nru 216, tas-16 ta’ Settembru 2011, p. 1), kif emendat permezz tad-Digriet Liġi Nru 216, tad-29 ta’ Diċembru 2011 (GURI Nru 302, tad-29 ta’ Diċembru 2011, p. 8), ikkonvertit f’liġi, b’emendi, permezz tal-Liġi Nru 14, tal-24 ta’ Frar 2012 (Suppliment ordinarju għall-GURI Nru 48, tas-27 ta’ Frar 2012).

17

L-Artikolu 52(1) u (2) tad-Digriet Liġi Nru 83, dwar miżuri urġenti għat-tkabbir tal-pajjiż (decreto-legge n. 83 – Misure urgenti per la crescita del Paese), tat-22 ta’ Ġunju 2012 (Suppliment ordinarju għall-GURI Nru 147, tas-26 ta’ Ġunju 2012), ikkonvertit f’liġi, b’emendi, permezz tal-Liġi Nru 134, tas-7 ta’ Awwissu 2012 (Suppliment ordinarju għall-GURI Nru 187, tal-11 ta’ Awwissu 2012), issospenda t-terminu għall-implementazzjoni tas-Sistri sat-30 ta’ Ġunju 2013 u stabbilixxa li dan it-terminu l-ġdid għandu jiġi ffissat permezz ta’ digriet tal-Ministru tal-Ambjent u tal-Protezzjoni tat-territorju u tal-baħar.

18

L-Artikolu 1 tad-Digriet tal-Ministru tal-Ambjent u tal-Protezzjoni tat-territorju u tal-baħar dwar it-termini għall-implementazzjoni mill-ġdid progressiva tas-Sistri (decreto – Termini di riavvio progressivo del Sistri), tal-20 ta’ Marzu 2013 (GURI Nru 92, tad-19 ta’ April 2013, p. 16), iffissa bħala l-1 ta’ Ottubru 2013 it-terminu għall-implementazzjoni tas-Sistri għall-produtturi oriġinali ta’ skart speċjali perikoluż li jimpjegaw iktar minn għaxar impjegati kif ukoll għall-istabbilimenti u għall-impriżi li jimmaniġġaw skart speċjali perikoluż (paragrafu 1) u bħala t-3 ta’ Marzu 2014 għall-istabbilimenti jew għall-impriżi l-oħra obbligati jirreġistraw ruħhom fis-Sistri (paragrafu 2), filwaqt li dawn tal-aħħar madankollu setgħu jaderixxu fuq bażi volontarja mas-Sistri mill-1 ta’ Ottubru 2013 (paragrafu 3).

19

Fl-aħħar nett, l-Artikolu 11(3a) tad-Digriet Liġi Nru 101, dwar dispożizzjonijiet urġenti sabiex jitwettqu għanijiet ta’ razzjonalizzazzjoni fl-amministrazzjonijiet pubbliċi (decreto-legge n. 101 – Disposizioni urgenti per il perseguimento di obiettivi di razionalizzazione nelle pubbliche amministrazioni), tal-31 ta’ Awwissu 2013 (GURI Nru 204, tal-31 ta’ Awwissu 2013, p. 1), ikkonvertit f’liġi, b’emendi, permezz tal-Liġi Nru 125, tat-30 ta’ Ottubru 2013 (GURI Nru 255, tat-30 ta’ Ottubru 2013, p. 1), jistabbilixxi:

“Fl-għaxar xhur wara l-1 ta’ Ottubru 2013, id-dispożizzjonijiet u l-obbligi previsti fl-Artikoli 188, 189, 190 u 193 tad-Digriet Leġiżlattiv [Nru 152/2006] u s-sanzjonijiet relattivi jibqgħu japplikaw skont it-test fis-seħħ qabel ma ddaħħlu l-emendi magħmula permezz tad-Digriet Leġiżlattiv [Nru 205/2010]. [...]”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

20

Fit-30 ta’ Novembru 2010, SETAR informat lill-Comune di Quartu S. Elena li, mill-1 ta’ Jannar 2011, hija ma kinitx ser tibqa’ tħallas it-TARSU għall-immaniġġar tas-servizz komunali ta’ rimi tal-iskart peress li, minn din id-data ’l quddiem, sabiex jintrema l-iskart prodott mill-kumpless ta’ lukandi tagħha, hija kienet ser tuża impriża speċjalizzata, skont l-Artikolu 188 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 152/2006 u l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2008/98.

21

Permezz ta’ deċiżjoni tas-7 ta’ Diċembru 2010, il-Comune di Quartu S. Elena informa lil SETAR li hija xorta kellha tħallas it-TARSU għas-sena 2011, billi l-fatt li l-imsemmija kumpannija kienet ser tieħu ħsieb ir-rimi tal-iskart tagħha hija stess ma kienx rilevanti f’dan ir-rigward.

22

Bħala miżura kawtelatorja, SETAR ippreżentat rikors quddiem it-Tribunale amministrativo regionale per la Sardegna għall-annullament tad-deċiżjoni li permezz tagħha l-Comune di Quartu S. Elena kienet approvat it-tariffi tat-TARSU għas-sena 2011. Dik il-qorti laqgħet it-talba ta’ SETAR.

23

Waqt li l-proċedura mibdija quddiem it-Tribunale amministrativo regionale per la Sardegna kienet pendenti, SETAR irċeviet l-istima ta’ taxxa, fl-ammont ta’ EUR 171 216, li hija s-suġġett tal-kawża prinċipali u li kienet ibbażata fuq it-tariffi tat-TARSU għas-sena 2011.

24

Fl-20 ta’ Novembru 2012, il-Comune di Quartu S. Elena tat tnaqqis parzjali lil SETAR, skont kif stabbilixxiet id-deċiżjoni mogħtija mit-Tribunale amministrativo regionale per la Sardegna, u, permezz ta’ stima ta’ taxxa ġdida, naqqset l-ammont mitlub b’EUR 74 193.

25

Fuq il-mertu tal-kawża, SETAR ippreżentat rikors quddiem il-Commissione tributaria provinciale di Cagliari għall-annullament tal-istimi ta’ taxxa maħruġa mill-Comune di Quartu S. Elena. Insostenn tar-rikors tagħha, hija sostniet li dawn l-istimi ta’ taxxa kienu jmorru kontra, b’mod partikolari, l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2008/98 u l-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas”, irrikonoxxut mid-dritt tal-Unjoni, u li, b’applikazzjoni ta’ dawn tal-aħħar, hija kellha tkun eżentata mill-ħlas tat-TARSU, peress li kienet wettqet ir-rimi dirett tal-iskart li hija kienet ipproduċiet.

26

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-Commissione tributaria provinciale di Cagliari tikkunsidra li l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2008/98 kienet is-suġġett ta’ miżura ta’ traspożizzjoni fid-dritt nazzjonali, anki jekk din il-miżura għadha ma daħlitx fis-seħħ. Madankollu, dik il-qorti, minn naħa, tistaqsi jekk dan l-Artikolu 15 jistax jitqies, mill-perspettiva tal-kontenut tiegħu, li huwa inkundizzjonat u suffiċjentement preċiż sabiex ikun jista’ jiġi applikat direttament għall-kawża prinċipali. Min-naħa l-oħra, hija tistaqsi jekk leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali timplementax korrettament l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2008/98 sa fejn dan l-artikolu jippermetti wkoll lil individwu, billi juża l-istrumenti adegwati u l-kompetenza professjonali li jkollu, li jwettaq ir-rimi tal-iskart tiegħu huwa stess u għalhekk jiġi eżentat mill-ħlas tal-ispejjeż relatati ma’ dan tal-aħħar, bl-eċċezzjoni tal-ispiża ta’ “immaniġġar soċjali”, li, fi kwalunkwe każ, huwa jkollu jġarrab parti minnha abbażi tal-eżistenza tas-servizz universali.

27

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Commissione tributaria provinciale di Cagliari ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“Tmur kontra d-dritt Komunitarju, ir-regola stabbilita permezz tal-Artikolu 188 tad-Digriet Leġiżlattiv 152/2006 u permezz tad-Digriet tal-Ministeru tal-Ambjent u tal-Protezzjoni tat-territorju u tal-baħar tas-17 ta’ [Diċembru] 2009 li tistabbilixxi li d-dħul fis-seħħ tal-leġiżlazzjoni li tittrasponi d-Direttiva [2008/98] għandu jiġi pospost sakemm jinħareġ id-Digriet Minsterjali li jistabbilixxi l-modalità teknika u t-termini tad-dħul fis-seħħ tal-imsemmija leġiżlazzjoni ta’ traspożizzjoni?”

Fuq id-domanda preliminari

Fuq l-ammissibbiltà

28

Skont il-Gvern Taljan, id-domanda preliminari hija inammissibbli. Fil-fatt, minn naħa, din id-domanda tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali u mhux dik tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni. Min-naħa l-oħra, u fi kwalunkwe każ, l-imsemmija domanda ma hijiex relatata mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, billi din tal-aħħar għandha tiġi deċiża abbażi tal-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti u, jekk jitqies li l-leġiżlazzjoni rilevanti tad-dritt tal-Unjoni hija direttament applikabbli, abbażi ta’ din tal-aħħar. Min-naħa l-oħra, il-punt jekk, f’dan il-każ, hemmx lok li jiġu kkonstatati traspożizzjoni tardiva jew nuqqas ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2008/98, huwa irrilevanti għall-eżitu tal-kawża pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju.

29

Filwaqt li tastjeni milli tinvoka l-inammissibbiltà tad-domanda preliminari, il-Kummissjoni tipproponi li din tal-aħħar tiġi rriformulata fis-sens li tfittex li tistaqsi essenzjalment, minn naħa, jekk id-Direttiva 2008/98, u iktar preċiżament l-Artikolu 15 tagħha, tippermettix lil individwu li jwettaq ir-rimi tal-iskart tiegħu huwa stess u għalhekk jiġi eżentat mill-ħlas tat-taxxa komunali relattiva u, min-naħa l-oħra, jekk id-dritt tal-Unjoni jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2008/98, li d-dħul fis-seħħ tagħha huwa pospost sal-adozzjoni ta’ test nazzjonali ġdid li jiddefinixxi l-modalitajiet tekniċi u d-dħul fis-seħħ tagħha.

30

Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li, permezz tad-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar il-konformità ta’ ċerti dispożizzjonijiet nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni.

31

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, la huwa l-kompitu ta’ din tal-aħħar li, fil-kuntest ta’ proċedura mressqa skont l-Artikolu 267 TFUE, tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt intern mad-dritt tal-Unjoni u lanqas li tinterpreta liġijiet jew regolamenti nazzjonali (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza Vueling Airlines, C‑487/12, EU:C:2014:2232, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha s-setgħa li tipprovdi lill-qorti tar-rinviju bl-elementi kollha ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jistgħu jippermettu lil din tal-aħħar tevalwa tali kompatibbiltà għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-kawża li jkollha quddiemha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Lombardini u Mantovani, C‑285/99 u C‑286/99, EU:C:2001:640, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33

Għandu jiġi rrilevat ukoll li, f’dan il-każ, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-qorti tar-rinviju tistaqsi, b’mod partikolari, dwar il-punt jekk, fil-każ li d-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2008/98 jagħtix drittijiet lill-individwi li dawn tal-aħħar ikunu jistgħu jinvokaw direttament quddiem il-qrati ta’ Stat Membru. Għalhekk ma jistax jiġi sostnut validament li t-tilwima ma għandha ebda rabta mad-dritt tal-Unjoni.

34

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-oġġezzjonijiet imqajma mill-Gvern Taljan fir-rigward tal-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari għandhom jiġu miċħuda.

Fuq il-mertu

35

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk:

minn naħa, id-dritt tal-Unjoni u d-Direttiva 2008/98 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tittrasponi dispożizzjoni ta’ din id-direttiva, iżda li d-dħul fis-seħħ tagħha huwa suġġett għall-adozzjoni ta’ att intern sussegwenti li ser jiddefinixxi l-modalitajiet tekniċi u d-data ta’ dħul fis-seħħ tagħha, minkejja li t-terminu għat-traspożizzjoni tal-imsemmija direttiva skada; u,

min-naħa l-oħra, l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2008/98, moqri flimkien mal-Artikoli 4 u 13 tagħha, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tipprevedix il-possibbiltà għal produttur ta’ skart jew għal detenur ta’ skart li jwettaq ir-rimi ta’ dan l-iskart huwa stess, b’mod li jiġi eżentat mill-ħlas ta’ taxxa komunali għar-rimi tal-iskart.

36

Sabiex tingħata risposta għall-ewwel parti tad-domanda hekk ifformulata mill-ġdid, għandu jitfakkar li l-obbligu, għal Stat Membru, li jieħu l-miżuri kollha neċessarji sabiex jikseb ir-riżultat stabbilit minn direttiva huwa obbligu vinkolanti impost mit-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE u mid-Direttiva 2008/98 stess. Dan l-obbligu li jittieħdu l-miżuri ġenerali jew speċifiċi kollha japplika għall-awtoritajiet kollha tal-Istati Membri, inklużi, fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni tagħhom, l-awtoritajiet ġudizzjarji (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Waddenvereniging u Vogelbeschermingsvereniging, C‑127/02, EU:C:2004:482, punt 65).

37

Mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li, anki fil-każijiet fejn l-Istati Membri, meta jittrasponu direttiva, ikollhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ f’dak li jirrigwarda l-għażla tal-mezzi, l-imsemmija Stati madankollu huma obbligati jiżguraw l-effettività sħiħa ta’ din id-direttiva u josservaw it-termini ffissati fiha, sabiex l-implementazzjoni tagħha tkun uniformi fl-Unjoni kollha kemm hi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, 10/76, EU:C:1976:125, punt 12).

38

F’dan il-każ, mill-Artikolu 40(1) tad-Direttiva 2008/98 jirriżulta li l-Istati Membri kellhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ruħhom ma’ din id-direttiva mhux iktar tard mit-12 ta’ Diċembru 2010.

39

Għandu jiġi rrilevat ukoll li l-imsemmija direttiva la tipprevedi dispożizzjoni derogatorja dwar id-dħul fis-seħħ tal-miżuri intiżi sabiex jiżguraw it-traspożizzjoni, fid-dritt nazzjonali, tal-Artikolu 15(1) tagħha, u lanqas deroga iktar ġenerali li tippermetti lill-Istati Membri jipposponu validament għal data li tiġi wara t-12 ta’ Diċembru 2010 d-dħul fis-seħħ tal-miżuri ta’ traspożizzjoni adottati qabel din id-data.

40

Minn dan isegwi li r-risposta li għandha tingħata għall-ewwel parti tad-domanda magħmula għandha tkun li d-dritt tal-Unjoni u d-Direttiva 2008/98 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tittrasponi dispożizzjoni ta’ din id-direttiva, iżda li d-dħul fis-seħħ tagħha huwa suġġett għall-adozzjoni ta’ att intern sussegwenti, jekk dan id-dħul fis-seħħ jiġri wara l-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni ffissat mill-imsemmija direttiva.

41

Fit-tieni lok, f’dak li jirrigwarda l-kwistjoni jekk l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2008/98 jimponix fuq l-Istati Membri l-obbligu li jipprevedu l-possibbiltà, għal produttur oriġinali ta’ skart jew għal detentur ta’ skart, li jwettaq ir-rimi ta’ dan l-iskart huwa stess, b’mod li jiġi eżentat mill-ħlas ta’ taxxa komunali għar-rimi tal-iskart, għandu jiġi rrilevat li mill-kliem innifsu ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta ċar li din tal-aħħar ma tobbligax lill-Istati Membri jipprevedu tali possibbiltà.

42

Fil-fatt, skont l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2008/98, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa bil-għan li jiżguraw li l-produttur oriġinali ta’ skart jew id-detentur ta’ skart iwettaq it-trattament tal-iskart huwa stess, jew jara li t-trattament isir minn negozjant, stabbiliment jew impriża li jwettqu operazzjonijiet ta’ trattament tal-iskart jew jiġi organizzat minn entità tal-ġbir tal-iskart privata jew pubblika, skont l-Artikoli 4 u 13 ta’ din id-direttiva.

43

Dan l-Artikolu 15(1) għalhekk jippermetti lill-Istati Membri jagħżlu bejn diversi possibbiltajiet u, kuntrarjament għal dak li ssostni SETAR, ir-riferiment għad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 4 u 13 tad-Direttiva 2008/98 ma jistax jiġi interpretat fis-sens li jnaqqas il-marġni ta’ diskrezzjoni hekk mogħtija lill-Istati Membri, b’mod li dawn tal-aħħar ikunu obbligati jagħtu lill-produttur oriġinali ta’ skart jew lid-detentur ta’ skart id-dritt li jwettqu t-trattament ta’ dan l-iskart huma stess u għalhekk jinħelsu mill-obbligu li jikkontribwixxu għall-finanzjament tas-sistema ta’ mmaniġġar ta’ skart stabbilita mis-servizzi pubbliċi.

44

B’mod partikolari, l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2008/98, li jistabbilixxi l-ġerarkija tal-iskart kif għandha tiġi applikata fil-leġiżlazzjoni u fil-politika dwar il-prevenzjoni u l-immaniġġar ta’ skart, ma jippermettix li jiġi dedott li jeħtieġ li tingħata l-prijorità lil sistema li tippermetti lill-produtturi ta’ skart iwettqu r-rimi ta’ dan l-iskart huma stess. Għall-kuntrarju, ir-rimi tal-iskart jinsab biss fl-aħħar post f’din il-ġerarkija.

45

Barra minn hekk, l-interpretazzjoni li skontha l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2008/98 jagħti marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ lill-Istati Membri u ma jobbligax lil dawn tal-aħħar jippermettu lill-produttur oriġinali ta’ skart jew lid-detentur ta’ skart iwettqu r-rimi ta’ dan l-iskart huma stess, hija l-unika interpretazzjoni li tippermetti li jittieħdu validament inkunsiderazzjoni l-fatt, imsemmi fil-premessa 41 tad-Direttiva 2008/98, li l-imsemmija Stati Membri jħaddnu approċċi differenti f’dak li jirrigwarda l-ġbir tal-iskart u l-fatt li s-sistemi ta’ ġbir tal-iskart huma differenti ħafna.

46

Barra minn hekk, din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-Artikolu 14 tad-Direttiva 2008/98, dwar it-tqassim tal-ispejjeż tal-immaniġġar ta’ skart. Fil-fatt, dan l-artikolu, li huwa essenzjalment identiku għall-Artikolu 15 tad-Direttiva 2006/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ April 2006, dwar l-iskart (ĠU L 114, p. 9), li huwa ssostitwixxa, jobbliga lill-Istati Membri jipprovdu li l-ispejjeż relatati mas-sistema ta’ mmaniġġar ta’ skart jiġu sostnuti mill-produtturi u mid-detenturi kollha ta’ skart (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Futura Immobiliare et, C‑254/08, EU:C:2009:479, punt 46). Issa l-interpretazzjoni sostnuta minn SETAR iċċaħħad lil din id-dispożizzjoni mill-effettività tagħha, billi jkollha l-konsegwenza li tippermetti lill-produtturi jew lid-detenturi ta’ skart jevitaw il-finanzjament tas-sistema ta’ mmaniġġar ta’ skart li l-Istati Membri huma obbligati jistabbilixxu.

47

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni li timponi fuq l-Istati Membri metodu preċiż fir-rigward tal-finanzjament tal-immaniġġar ta’ skart, dan il-finanzjament, skont kif jagħżel l-Istat Membru kkonċernat, jista’ jiġi żgurat b’mod ugwalment xieraq permezz ta’ taxxa, ta’ tariffa jew ta’ kwalunkwe mod ieħor u li leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi, għall-finijiet tal-finanzjament tal-immaniġġar ta’ tali sistema, pereżempju, taxxa kkalkolata abbażi ta’ stima tal-volum ta’ skart iġġenerat u mhux abbażi tal-kwantità ta’ skart effettivament prodott u ppreżentat għall-ġbir ma tistax titqies li tmur kontra d-Direttiva 2008/98 (ara f’dan is-sens, f’dak li jirrigwarda d-Direttiva 2006/12, is-sentenza Futura Immobiliare et, EU:C:2009:479, punti 52 sa 54).

48

Madankollu, għalkemm huwa minnu li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti f’dan il-qasam, konsegwentement, għandhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ f’dak li jirrigwarda d-determinazzjoni tal-modalitajiet ta’ kalkolu ta’ taxxa bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jibqa’ l-fatt li t-taxxa ddeterminata b’dan il-mod ma għandhiex tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan imfittex (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Futura Immobiliare et, EU:C:2009:479, punt 55).

49

F’dan il-każ, hija għalhekk il-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, abbażi tal-punti ta’ fatt u ta’ dritt li tressqu quddiemha, jekk it-TARSU ma twassalx sabiex timputa lil produttur oriġinali ta’ skart jew lil detentur ta’ skart, bħal SETAR, li jwettaq ir-rimi ta’ dan l-iskart huwa stess, spejjeż manifestament sproporzjonati għall-volum jew għan-natura tal-iskart prodott u/jew introdott fis-sistema ta’ mmaniġġar ta’ skart.

50

Għaldaqstant, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni parti tad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2008/98, moqri flimkien mal-Artikoli 4 u 13 tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tipprevedix il-possibbiltà għal produttur oriġinali ta’ skart jew għal detenur ta’ skart li jwettaq ir-rimi ta’ dan l-iskart huwa stess, b’mod li jiġi eżentat mill-ħlas ta’ taxxa komunali għar-rimi tal-iskart, sakemm din il-leġiżlazzjoni tissodisfa r-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

51

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula għandha tkun:

minn naħa, li d-dritt tal-Unjoni u d-Direttiva 2008/98 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tittrasponi dispożizzjoni ta’ din id-direttiva, iżda li d-dħul fis-seħħ tagħha huwa suġġett għall-adozzjoni ta’ att intern sussegwenti, jekk dan id-dħul fis-seħħ jiġri wara l-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni ffissat mill-imsemmija direttiva; u

min-naħa l-oħra, li l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2008/98, moqri flimkien mal-Artikoli 4 u 13 tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tipprevedix il-possibbiltà għal produttur ta’ skart jew għal detenur ta’ skart li jwettaq ir-rimi tal-iskart tiegħu huwa stess, b’mod li jiġi eżentat mill-ħlas ta’ taxxa komunali għar-rimi tal-iskart, sakemm din il-leġiżlazzjoni tissodisfa r-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

Fuq l-ispejjeż

52

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Id-dritt tal-Unjoni u d-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-19 ta’ Novembru 2008, dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tittrasponi dispożizzjoni ta’ din id-direttiva, iżda li d-dħul fis-seħħ tagħha huwa suġġett għall-adozzjoni ta’ att intern sussegwenti, jekk dan id-dħul fis-seħħ jiġri wara l-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni ffissat mill-imsemmija direttiva.

 

L-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2008/98, moqri flimkien mal-Artikoli 4 u 13 tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tipprevedix il-possibbiltà għal produttur ta’ skart jew għal detenur ta’ skart li jwettaq ir-rimi tal-iskart tiegħu huwa stess, b’mod li jiġi eżentat mill-ħlas ta’ taxxa komunali għar-rimi tal-iskart, sakemm din il-leġiżlazzjoni tissodisfa r-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.