SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)

18 ta’ Settembru 2014 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Artikolu 56 TFUE — Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Restrizzjonijiet — Direttiva 96/71/KE — Proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal servizzi — Leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi fuq l-offerenti u fuq is-subappaltaturi tagħhom l-obbligu li jimpenjaw ruħhom iħallsu salarju minimu lill-persunal li jeżegwixxi s-servizzi li jikkostitwixxu s-suġġett tal-kuntratt pubbliku — Subappaltatur stabbilit fi Stat Membru ieħor”

Fil-Kawża C‑549/13,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Vergabekammer bei der Bezirksregierung Arnsberg (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-22 ta’ Ottubru 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-istess jum, fil-proċedura

Bundesdruckerei GmbH

vs

Stadt Dortmund,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),

komposta minn M. Safjan, President tal-Awla, A. Prechal (Relatur) u K. Jürimäe, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Bundesdruckerei GmbH, minn W. Krohn, avukat,

għal Stadt Dortmund, minn M. Arndts, bħala aġent,

għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, J. Vláčil u T. Müller, bħala aġenti,

għall-Gvern Ungeriż, minn M. Fehér, K. Szíjjártó u M. Pálfy, bħala aġenti,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn S. Grünheid kif ukoll J. Enegren u A. Tokár, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 56 TFUE u tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 96/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 1996, dwar l-impjieg ta’ ħaddiema fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kap. 5, Vol. 2, p. 431).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Bundesdruckerei GmbH (iktar ’il quddiem “Bundesdruckerei”) u Stadt Dortmund (il-belt ta’ Dortmund, il-Ġermanja), dwar l-obbligu stabbilit fl-ispeċifikazzjonijiet ta’ kuntratt pubbliku għal servizzi ta’ Stadt Dortmund li jiżgura li l-ħaddiema ta’ subappaltaturi ta’ offerenti jitħallsu salarju minimu previst minn leġiżlazzjoni tal-Land li fiha tinsab l-awtorità kontraenti, anki meta s-subappaltatur ikkonċernat huwa stabbilit fi Stat Membru ieħor u meta s-servizzi relatati mal-eżekuzzjoni tal-kuntratt ikkonċernat jiġu eżegwiti kollha f’dak l-Istat Membru.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Fl-Artikolu 1 tagħha, intitolat “Il-kamp ta’ l-applikazzjoni”, id-Direttiva 96/71 tipprevedi:

“1.   Din id-Direttiva għandha tapplika għall-impriżi stabbiliti fi Stat Membru li, fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’servizzi transnazzjonali, jimpjegaw ħaddiema skont paragrafu 3, fit-territorju ta’ Stat Membru.

[...]

3.   Din id-Direttiva għandha tapplika sa fejn l-impriżi msemmija fil-paragrafu 1 jieħdu waħda mill-miżuri transnazzjonali li ġejjin:

(a)

jibgħatu ħaddiema fit-territorju ta’ Stat Membru għall-kont tagħhom proprju u taħt il-kontroll tagħhom fil-qafas ta’ kuntratt konkluz bejn l-impriża li tibgħat u d-destinatarju tal-prestazzjoni ta’ servizzi li jopera f’dak l-Isat Membru, sakemm teżisti relazzjoni ta’ mpjieg bejn l-impriża li tibgħat u l-ħaddiem fil-perijodu tal-kollokazzjoni;

jew

(b)

jibgħat ħaddiema fi stabbiliment jew f’impriża fil-proprjetà ta’ grupp fit-territorju ta’ Stat Membru, sakemm ikun hemm relazzjoni ta’ impjieg bejn l-impriża li tagħmel il-kollokament u l-ħaddiema tul il-perjodu tal-kollokament;

jew

(ċ)

billi tkun impriża ta’ impjieg jew aġent ta’ kollokazzjoni temporanju, tibgħat ħaddiem lill-impriża utenti stabbilita jew li topera fit-territorju ta’ Stat Membru, sakemm ikun hemm relazzjoni ta’ impjieg bejn l-impriża ta’ impjieg jew aġent ta’ kollokament temporanju u l-ħaddiem matul il-perjodu tal-kollokament.

[...]”

4

L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, intitolat “It-termini u l-kondizzjonijiet ta’ l-impjieg”, jipprevedi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jassiguraw li, tkun xi tkun il-liġi li tapplika għar-relazzjoni ta’ mpjieg, l-impriżi msemmija fl-Artikolu 1(1) jiggarantixxu ħaddiema mibgħuta fit-territorju tagħhom it-termini u l-kondizzjonijiet ta’ l-impjieg li jkopru il-kwistjonijiet li ġejjin, fl-Istati Membri fejn ix-xogħol hu mwettaq, huma stabbiliti:

skont liġi, regolament jew disposizzjonijiet amministrattiva,

u/jew

bi ftehim kollettiv jew sentenza ta’ arbitraġġ li kienu ddikjarati universalment applikabbli fis-sens tal-paragrafu 8, sa fejn jikkonċernaw l-attivitajiet msemmija fl-Anness:

[...]

(ċ)

ir-rati minimi ta’ ħlas, li jinkludu rati ta’ sahra; dan il-punt ma japplikax għal skemi komplimentari għall-irtirar mix-xogħol;

[...]

Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva, il-kunċett ta’ rati minimi ta’ ħlas imsemmija fil-paragrafu 1(ċ) huwa definit mil-liġi u/jew il-prattika nazzjonali ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-ħaddiem huwa mibgħut.”

5

L-Artikolu 26 tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132), intitolat “Kondizzjonijiet għal twettiq ta’ kuntratti”, kien jipprevedi, qabel it-tħassir tiegħu bid-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Frar 2014, dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU L 94, p. 65):

“Awtoritajiet kontrattwanti [kontraenti] jistgħu jniżżlu kondizzjonijiet speċjali relatati mat-twettiq ta’ xi kuntratt, basta dawn ikunu kompatibbli mal-liġi tal-Komunità u huma indikati fl-avviż tal-kuntratt jew fl-ispeċifikazzjonijiet. Il-kondizzjonijiet li jikkontrollaw it-twettiq ta’ xi kuntratt jistgħu, partikolarment, jikkonċernaw kunsiderazzjonijiet soċjali u ambjentali.”

Id-dritt Ġermaniż

6

Il-Liġi kontra r-restrizzjonijiet fuq il-kompetizzjoni (Gesetz gegen Wettbewerbsbeschränkungen), fil-verżjoni tagħha ppubblikata fis-26 ta’ Ġunju 2013 (BGBl. 2013 I, p. 1750 u 3245), emendata l-aħħar bl-Artikolu 2(78) tal-Liġi tas-7 ta’ Awwissu 2013 (BGBl. 2013 I, p. 3154, iktar ’il quddiem il-“GWB”), tistabbilixxi, skont l-Artikoli 102 sa 124 tagħha, numru ta’ regoli li jirregolaw il-proċeduri ta’ reviżjoni fil-qasam tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, inklużi dawk relatati mal-proċeduri quddiem il-Vergabekammern tal-Länder rigward l-istħarriġ tal-kuntratti pubbliċi mogħtija minn awtoritajiet kontraenti li jaqgħu taħt il-Länder.

7

L-Artikolu 4 tal-Liġi tal-Land ta’ Nordrhein-Westfalen dwar il-garanzija tal-osservanza tal-ftehimiet kollettivi, tal-istandards soċjali u tal-kompetizzjoni leali fl-għoti tal-kuntratti pubbliċi (Gesetz über die Sicherung von Tariftreue und Sozialstandards sowie fairen Wettbewerb bei der Vergabe öffentlicher Aufträge), tal-10 ta’ Jannar 2012 (iktar ’il quddiem it-“TVgG‐NRW”) jipprevedi:

“(1)   Il-kuntratti pubbliċi għal servizzi, li t-twettiq tagħhom jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi dwar il-kollokament ta’ ħaddiema, [...].

(2)   Il-kuntratti pubbliċi [...] fil-qasam tat-trasport pubbliku ta’ passiġġieri bl-art jew bil-ferrovija [...].

(3)   Il-kuntratti pubbliċi għal servizzi li ma humiex koperti mill-paragrafi 1 u 2 jistgħu jingħataw biss lil impriżi li, meta ssottomettew l-offerta, ikunu impenjaw ruħhom bil-miktub, permezz ta’ dikjarazzjoni lill-awtorità kontraenti, li jħallsu lill-persunal tagħhom [...], għall-eżekuzzjoni tas-servizz, salarju minimu fis-siegħa ta’ mill-inqas EUR 8.62. L-impriżi għandhom, fid-dikjarazzjoni ta’ impenn tagħhom, jindikaw in-natura tal-impenn meħud mill-impriża tagħhom fil-kuntest tal-ftehim kollettiv kif ukoll is-salarju minimu fis-siegħa li ser jitħallas lill-persunal inkarigat mill-eżekuzzjoni tas-servizzi. L-ammont tas-salarju minimu fis-siegħa jista’ jiġi aġġustat skont l-Artikolu 21, permezz ta’ regolamenti maħruġa mill-Ministeru tax-Xogħol.”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

8

Fix-xahar ta’ Mejju 2013, Stadt Dortmund ħarġet, fuq livell tal-Unjoni Ewropea, sejħa għal offerti li għal kuntratt pubbliku dwar l-iskannjar ta’ dokumenti u l-konverżjoni ta’ data għad-dipartiment tal-ippjanar urban ta’ din il-belt. Il-kuntratt kellu valur ta’ madwar EUR 300 000.

9

Il-punt 2 tal-kundizzjonijiet speċjali tad-dokumenti ta’ sejħa għal offerti, li jirrigwarda l-osservanza tad-dispożizzjonijiet tat-TVgG‐NRW, kien jinkludi abbozz ta’ att li kellu jiġi ffirmat mill-offerent li bih huwa jiddikjara li jimpenja ruħu li jħallas lill-impjegati tiegħu salarju minimu fis-siegħa ta’ EUR 8.62 u li jimponi fuq is-subappaltaturi tiegħu li huma wkoll josservaw dan is-salarju minimu.

10

Permezz ta’ ittra tal-24 ta’ Ġunju 2013, Bundesdruckerei informat lil Stadt Dortmund li jekk il-kuntratt jingħata lilha, is-servizzi li jikkostitwixxu s-suġġett tiegħu jiġu eżegwiti esklużivament fi Stat Membru ieħor, f’dan il-każ fil-Polonja, permezz ta’ subappaltatur stabbilit f’dan l-istess Stat. Fl-ittra tagħha, hija indikat li dan is-subappaltatur ma kienx f’qagħda li jimpenja ruħu li josserva s-salarju minimu impost mid-dispożizzjonijiet tat-TVgG‐NRW, peress li tali salarju minimu ma kienx previst mill-ftehimiet kollettivi jew mil-liġi ta’ dan l-Istat Membru u li l-ħlas ta’ dan is-salarju minimu ma kienx abitwali fid-dawl tal-kundizzjonijiet tal-ħajja li jeżistu fl-imsemmi Stat.

11

F’dawn iċ-ċirkustanzi, Bundesdruckerei talbet lil Stadt Dortmund sabiex tikkonfermalha li l-obbligi previsti fil-punt 2 tal-kundizzjonijiet speċjali tad-dokumenti tas-sejħa għal offerti, dwar l-osservanza tad-dispożizzjonijiet tat-TVgG‐NRW, ma kinux japplikaw għas-subappaltatur li hija kellha l-intenzjoni li tqabbad. Bundesdruckerei żiedet, li skont il-fehma tagħha, dawn l-obbligi kienu jmorru kontra d-dritt tal-kuntratti pubbliċi.

12

Permezz ta’ ittra tal-5 ta’ Awwissu 2013, Stadt Dortmund irrispondiet li hija ma setgħetx tilqa’ t-talba ta’ Bundesdruckerei, peress li, bħala awtorità kontraenti tal-Land ta’ Nordrhein-Westfalen, hija obbligata tapplika d-dispożizzjonijiet tat-TVgG‐NRW u li, fil-fehma tagħha, dawn ma jistgħux jiġu interpretati fis-sens issuġġerit minn Bundesdruckerei.

13

Bundesdruckerei ressqet proċeduri quddiem il-Vergabekammer bei der Bezirksregierung Arnsberg (Bord tal-kuntratti pubbliċi tal-Gvern tad-Distrett ta’ Arnsberg) bil-għan, fost oħrajn, li tobbliga lil Stadt Dortmund temenda d-dokumenti ta’ sejħa għal offerti fis-sens li l-obbligi previsti fil-punt 2 tal-kundizzjonijiet speċjali ma japplikawx għas-subappaltaturi stabbiliti fi Stat Membru ieħor u li l-ħaddiema tagħhom jiġu inkarigati biss, għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt pubbliku, f’dan l-Istat. Insostenn tar-rikors tagħha, Bundesdruckerei ssostni li dawn l-obbligi jikkostitwixxu restrizzjoni mhux iġġustifikata għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi stabbilita fl-Artikolu 56 TFUE, peress li jinvolvu piż ekonomiku addizzjonali li huwa ta’ natura li jimpedixxi jew jirrendi inqas attraenti l-provvista transkonfinali ta’ servizzi mill-impriża kkonċernata.

14

Stadt Dortmund issostni li l-obbligu impost fuq is-subappaltaturi li jħallsu s-salarju minimu previst fl-Artikolu 4(3) tat-TVgG‐NRW huwa konformi mad-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, f’dan il-każ ir-rekwiżiti li jirriżultaw mis-sentenza Rüffert (C‑346/06, EU:C:2008:189) huma sodisfatti, peress li dan l-obbligu għandu bażi legali, jiġifieri t-TVgG‐NRW. Għalhekk, l-imsemmi obbligu jista’ jiġi impost bħala kundizzjoni speċjali dwar l-eżekuzzjoni tal-kuntratt, skont l-Artikolu 26 tad-Direttiva 2004/18. Barra dan, dan l-obbligu legali huwa ġġustifikat peress li, kif ġie ddikjarat mil-leġiżlatur nazzjonali fl-espożizzjoni tal-motivi tat-TVgG‐NRW, dan jiggarantixxi li titħallas remunerazzjoni raġonevoli lill-impjegati involuti fl-eżekuzzjoni ta’ xogħlijiet pubbliċi, u dan inaqqas ukoll il-piż fuq is-sistemi ta’ sigurtà soċjali.

15

Il-Vergabekammer bei der Bezirksregierung Arnsberg tikkunsidra, l-ewwel nett, li hija għandha tiġi kklassifikata bħala “qorti jew tribunal”, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, b’tali mod li hija għandha ġurisdizzjoni sabiex tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja talba għal deċiżjoni preliminari. Hija tirreferi f’dan ir-rigward għas-sentenza Forposta (li qabel kienet Praxis) u ABC Direct Contact (C‑465/11, EU:C:2012:801).

16

It-tieni nett, hija tikkunsidra li ma jirriżultax mill-formulazzjoni tal-Artikolu 4(3) tat-TVgG‐NRW li l-obbligu li jinsab f’din id-dispożizzjoni japplika għall-offerenti għal kuntratt pubbliku li għandhom l-intenzjoni li jissubappaltaw l-eżekuzzjoni tas-servizzi li jkunu s-suġġett ta’ dan il-kuntratt lil operaturi stabbiliti esklużivament fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea, peress li l-imsemmija dispożizzjoni ma tagħtix indikazzjonijiet fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tagħha. Jista’ l-iktar l-iktar, jiġi dedott mill-għan tat-TVgG‐NRW, peress li hija intiża sabiex tiżgura l-ħlas ta’ salarju xieraq lill-ħaddiema li jeżegwixxu kuntratt pubbliku mogħti fil-Land ta’ Nordrhein-Westfalen, li l-Artikolu 4(3) tagħha japplika fit-territorju Ġermaniż kollu.

17

Fl-aħħar nett, il-Vergabekammer bei der Bezirksregierung Arnsberg tikkunsidra li l-estensjoni ta’ dan is-salarju minimu lil ħaddiema li jeżegwixxu kuntratti pubbliċi barra mit-territorju Ġermaniż jikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u diskriminazzjoni indiretta fir-rigward tal-offerenti li jipprovdu s-servizzi tagħhom fi Stati Membri oħra li għandhom strutturi ta’ spejjeż differenti ħafna.

18

Hija tikkunsidra li din ir-restrizzjoni ma tistax tiġi ġġustifikata mir-raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li tikkostitwixxi l-protezzjoni tal-ħaddiema. Fil-fatt, fid-dawl tad-diskrepanza kbira tal-għoli tal-ħajja fl-Istati Membri differenti tal-Unjoni, l-impożizzjoni ta’ dan is-salarju minimu għall-imsemmija ħaddiema ma hijiex tali li tippermetti li jintlaħaq l-għan leġittimu li tiġi ggarantita remunerazzjoni xierqa fil-kuntest tal-eżekuzzjoni ta’ kuntratti pubbliċi mill-awtoritajiet kontraenti tal-Land ta’ Nordrhein-Westfalen u lanqas ma hija neċessarja għal dan il-għan. Għal diversi Stati Membri r-rata fis-siegħa li tikkorrispondi għal dan is-salarju minimu hija b’mod ċar ogħla minn dik meħtieġa sabiex tiġi żgurata remunerazzjoni xierqa fir-rigward tal-għoli tal-ħajja li jeżisti f’dawn il-pajjiżi. Barra dan, fir-rigward ta’ kuntratti pubbliċi eżegwiti kompletament barra t-territorju Ġermaniż, ma jistax jiġi eskluż li l-interess ġenerali marbut mal-protezzjoni tal-ħaddiema diġà jkun ittieħed inkunsiderazzjoni mil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru li fih jiġi pprovdut is-servizz.

19

F’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Vergabekammer bei der Bezirksregierung Arnsberg iddeċidiet li tissospendi l-kawża quddiemha u li tagħmel is-segwenti domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“L-Artikolu 56 TFUE u l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 96/71/KE jipprekludu dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali u/jew kundizzjoni għall-għoti ta’ kuntratt minn awtorità kontraenti pubblika li tipprovdi li, l-offerent li jrid jikseb kuntratt pubbliku permezz ta’ sejħa għal offerti 1) għandu jimpenja ruħu li jħallas lill-persunal irreklutat għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt is-salarju miftiehem jew minimu ffissat permezz ta’ din id-dispożizzjoni u 2) għandu jimponi obbligu identiku lis-subappaltatur irreklutat jew ikkunsidrat u jippreżenta lill-awtorità kontraenti att ta’ reklutaġġ bħala subappaltatur, meta a) din id-dispożizzjoni tipprovdi għal tali obbligu biss fir-rigward tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi u mhux fir-rigward tal-għoti ta’ kuntratti privati u b) is-subappaltatur huwa stabbilit fi Stat Membru ieħor tal-[Unjoni Ewropea] u l-ħaddiema tas-subappaltatur jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tas-servizzi li huma s-suġġett tal-kuntratt esklużivament fil-pajjiż ta’ oriġini ta’ dan is-subappaltatur?”

Fuq id-domanda preliminari

Fuq l-ammissibbiltà

20

Preliminarjament, għandu jiġi vverifikat jekk il-Vergabekammer bei der Bezirksregierung Arnsberg tikkostitwixxix “qorti jew tribunal”, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE u, għaldaqstant, jekk it-talba għal deċiżjoni preliminari hijiex ammissibbli.

21

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex jiġi evalwat jekk l-organu tar-rinviju għandux in-natura ta’ “qorti jew tribunal”, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, liema kwistjoni taqa’ unikament taħt id-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tieħu inkunsiderazzjoni sensiela ta’ elementi, bħal jekk l-organu huwiex stabbilit mil-liġi, jekk huwiex permanenti, jekk il-ġurisdizzjoni tiegħu hijiex ta’ natura obbligatorja, jekk il-proċeduri quddiemu humiex kontradittorji, jekk l-organu japplikax regoli tad-dritt, kif ukoll jekk huwiex indipendenti [sentenzi HI, C‑92/00, EU:C:2002:379, punt 25, kif ukoll Forposta (li qabel kienet Praxis) u ABC Direct Contact, EU:C:2012:801, punt 17].

22

F’dan ir-rigward, jirriżulta b’mod evidenti mill-Artikoli 104 u 105 tal-GWB, li huma dispożizzjonijiet li jirregolaw il-proċeduri ta’ reviżjoni fil-qasam tal-proċeduri tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi quddiem il-Vergabekammern, li dawn l-organi, li għandhom ġurisdizzjoni esklużiva sabiex jieħdu konjizzjoni, fl-ewwel istanza, ta’ kawżi bejn operaturi ekonomiċi u awtoritajiet kontraenti, jissodisfaw, meta jintalbu sabiex jeżerċitaw l-imsemmija ġurisdizzjoni, il-kriterji mfakkra fil-punt 21 ta’ din is-sentenza [ara, b’analoġija, fir-rigward ta’ organi ta’ reviżjoni ta’ kuntratti pubbliċi, is-sentenzi HI, EU:C:2002:379, punti 26 u 27, u Forposta (li kienet Praxis) u ABC Direct Contact, EU:C:2012:801, punt 18].

23

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Vergabekammer bei der Bezirksregierung Arnsberg għandha tiġi kklassifikata bħala “qorti jew tribunal”, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, b’tali mod li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

Fuq il-mertu

24

Fir-rigward tal-portata tad-domanda preliminari, għandu jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għas-sitwazzjoni li kienet inkwistjoni fil-kawżi l-oħra, bħal dik li wasslet għas-sentenza Rüffert (EU:C:2008:189), id-Direttiva 96/71 ma hijiex applikabbli għal-kawża prinċipali.

25

Fil-fatt, huwa paċifiku li l-offerent li ppreżenta r-rikors fil-kawża prinċipali ma għandux l-intenzjoni li jeżegwixxi l-kuntratt pubbliku permezz tal-kollokament ta’ ħaddiema tas-subappaltatur tiegħu, li huwa sussidjarja li tappartjeni 100 % lilu stabbilita fil-Polonja, fit-territorju Ġermaniż.

26

Għall-kuntrarju, skont id-domanda preliminari stess, din tikkonċerna sitwazzjoni li fiha “is-subappaltatur huwa stabbilit fi Stat Membru ieħor tal-U[njoni li ma huwiex il-Ġermanja] u l-ħaddiema tas-subappaltatur jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tas-servizzi li huma s-suġġett tal-kuntratt esklużivament fil-pajjiż ta’ oriġini ta’ dan is-subappaltatur”.

27

Din is-sitwazzjoni ma hijiex koperta minn waħda mit-tliet miżuri transnazzjonali msemmija fl-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 96/71, b’tali mod li din id-direttiva ma hijiex applikabbli għall-kawża prinċipali.

28

Barra minn hekk, jekk kif issostni l-Kummissjoni Ewropea, il-kuntratt pubbliku inkwistjoni fil-kawża prinċipali jidher, fid-dawl tal-għan tiegħu u tal-valur tal-kuntratt, li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/18 u anki jekk jitqies li r-rekwiżiti fil-qasam tas-salarju minimu stabbiliti mill-Artikolu 4(3) tat-TVgG‐NRW jistgħu jiġu kklassifikati bħala “kondizzjonijiet speċjali relatati mat-twettiq ta’ xi kuntratt”, b’mod partikolari “kunsiderazzjonijiet soċjali”, li huma “indikati fl-avviż tal-kuntratt jew fl-ispeċifikazzjonijiet”, fis-sens tal-Artikolu 26 ta’ din id-direttiva, jibqa’ l-fatt li, skont din l-aħħar dispożizzjoni, dawn ir-rekwiżiti jistgħu jiġu imposti biss sakemm dawn ikunu “kompatibbli mal-liġi tal-Komunità”.

29

Minn dan isegwi li, permezz tad-domanda tagħha, il-Vergabekammer bei der Bezirksregierung Arnsberg tistaqsi essenzjalment jekk, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha subappaltatur ikollu l-intenzjoni li jeżegwixxi kuntratt pubbliku billi jirrikorri esklużivament għal ħaddiema impjegati minn subappaltatur stabbilit fi Stat Membru ieħor li ma huwiex dak tal-awtorità kontraenti, l-Artikolu 56 TFUE jipprekludix l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ din l-awtorità kontraenti li tobbliga lil dan is-subappaltatur iħallas lill-imsemmija ħaddiema salarju minimu stabbilit minn din il-leġiżlazzjoni.

30

F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-impożizzjoni, skont leġiżlazzjoni nazzjonali, ta’ remunerazzjoni minima fuq is-subappaltaturi ta’ offerent stabbilit fi Stat Membru li ma huwiex dak tal-awtorità kontraenti u li fih ir-rati mini ta’ salarju ikunu iktar baxxi, jikkostitwixxi piż ekonomiku addizzjonali li jista’ jipprojbixxi, ifixkel jew jirrendi inqas attraenti l-provvista tas-servizzi tagħhom fl-Istat Membru ospitanti. Għaldaqstant, miżura bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ tikkostitwixxi restrizzjoni fis-sens tal-Artikolu 56 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Rüffert, EU:C:2008:189, punt 37).

31

Tali miżura nazzjonali tista’ bħala prinċipju tiġi ġġustifikata mill-għan tal-protezzjoni tal-ħaddiema li għalihom jagħmel espressament riferiment il-leġiżlatur tal-Land Nordrhein-Westfalen fl-abbozz ta’ liġi li wassal għall-adozzjoni tat-TVgG‐NRW, jiġifieri dak li jiġi żgurat li l-ħaddiema jitħallsu salarju xieraq sabiex jiġi evitat fl-istess ħin kemm id-“dumping soċjali” u kif ukoll il-penalizzazzjoni tal-impriżi kompetituri li jagħtu salarju xieraq lill-impjegati tagħhom.

32

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, sa fejn tapplika biss għall-kuntratti pubbliċi, tali miżura nazzjonali ma tkunx xierqa sabiex tilħaq l-imsemmi għan jekk ma jkunux jeżistu indizji li jissuġġerixxu li l-ħaddiema attivi fis-settur privat ma għandhomx bżonn tal-istess protezzjoni salarjali li għandhom dawk attivi fil-kuntest ta’ kuntratti pubbliċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Rüffert, EU:C:2008:189, punti 38 sa 40).

33

Fi kwalunkwe każ, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sa fejn il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha jkopri sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha l-ħaddiema jeżegwixxu kuntratt pubbliku fi Stat Membru li ma huwiex dak tal-awtorità kontraenti u li fih ir-rati minimi ta’ salarju huma iktar baxxi, tidher sproporzjonata.

34

Fil-fatt, din il-leġiżlazzjoni, billi timponi, f’din is-sitwazzjoni, salarju minimu fiss li jikkorrispondi għal dak meħtieġ sabiex tiġi żgurata remunerazzjoni xierqa lill-ħaddiema tal-Istat Membru tal-awtorità kontraenti fid-dawl tal-għoli tal-ħajja li jeżisti f’dan l-Istat Membru iżda li ma għandux x’jaqsam mal-għoli tal-ħajja li jeżisti fl-Istat Membru li fih jitwettqu s-servizzi relatati mal-kuntratt pubbliku inkwistjoni u, għalhekk, iċaħħad lis-subappaltaturi stabbiliti f’dan l-Istat Membru tal-aħħar milli jieħdu vantaġġ kompetittiv mid-differenzi li jeżistu bejn ir-rati ta’ salarju rispettivi, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jiġi żgurat li jintlaħaq l-għan tal-protezzjoni tal-ħaddiema.

35

Il-miżura ta’ protezzjoni salarjali inkwistjoni fil-kawża prinċipali lanqas ma tista’ tiġi ġġustifikata fid-dawl tal-għan ta’ stabbiltà tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali. Fil-fatt, ma ġiex sostnut u barra minn hekk jidher li ma huwiex sostenibbli, li l-applikazzjoni ta’ din il-miżura lill-ħaddiema Pollakki kkonċernati hija neċessarja sabiex jiġi evitat riskju ta’ preġudizzju serju għall-ekwilibriju tas-sistema ta’ sigurtà soċjali Ġermaniża (ara, b’analoġija, is-sentenza Rüffert, EU:C:2008:189, punt 42). Jekk dawn il-ħaddiema ma jirċevux salarju xieraq u b’konsegwenza ta’ dan ikunu mġiegħla jirrikorru għas-sigurtà soċjali sabiex jiġi żgurat lilhom livell minimu ta’ kapaċità ta’ akkwist, huma jkunu intitolati għal għajnuna soċjali Pollakka. Issa huwa ċar li tali konsegwenza ma tkunx ta’ piż fuq is-sistema ta’ sigurtà soċjali Ġermaniża.

36

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha subappaltatur ikollu l-intenzjoni li jeżegwixxi kuntratt pubbliku billi jirrikorri esklużivament għal ħaddiema impjegati minn subappaltatur stabbilit fi Stat Membru ieħor li ma huwiex dak tal-awtorità kontraenti, l-Artikolu 56 TFUE jipprekludi l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ din l-awtorità kontraenti li tobbliga lil dan is-subappaltatur iħallas lill-imsemmija ħaddiema salarju minimu stabbilit minn din il-leġiżlazzjoni.

Fuq l-ispejjeż

37

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

F’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha subappaltatur ikollu l-intenzjoni li jeżegwixxi kuntratt pubbliku billi jirrikorri esklużivament għal ħaddiema impjegati minn subappaltatur stabbilit fi Stat Membru ieħor li ma huwiex dak tal-awtorità kontraenti, l-Artikolu 56 TFUE jipprekludi l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ din l-awtorità kontraenti li tobbliga lil dan is-subappaltatur iħallas lill-imsemmija ħaddiema salarju minimu stabbilit minn din il-leġiżlazzjoni.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.