SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

16 ta’ April 2015 ( *1 )

“Rikors għal annullament — Kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali — Iffissar tad-data li fiha deċiżjoni preċedenti ssir effettiva — Determinazzjoni tal-bażi legali — Qafas legali applikabbli wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona — Dispożizzjonijiet tranżitorji — Bażi legali sekondarja — Konsultazzjoni mal-Parlament”

Fil-Kawża C‑540/13,

li għandha bħala suġġett rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE, ippreżentat fil-15 ta’ Ottubru 2013,

Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn F. Drexler u A. Caiola kif ukoll minn M. Pencheva, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrent,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn K. Pleśniak u A. F. Jensen, bħala aġenti,

konvenut,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn L. Bay Larsen (Relatur), President tal-Awla, K. Jürimäe, J. Malenovský, M. Safjan u A. Prechal, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Wahl,

Reġistratur: V. Tourrès, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-5 ta’ Novembru 2014,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-22 ta’ Jannar 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz ta’ dan ir-rikors, il-Parlament Ewropew qiegħed jitlob l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/392/UE, tat-22 ta’ Lulju 2013, li tistabbilixxi d-data tal-effettività tad-Deċiżjoni 2008/633/ĠAI li tikkonċerna aċċess għall-konsultazzjoni tas-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) minn awtoritajiet maħtura ta’ Stati Membri u mill-Europol għall-finijiet tal-prevenzjoni, tal-kxif u tal-investigazzjoni ta’ reati terroristiċi u ta’ reati kriminali serji oħra (ĠU L 198, p. 45, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

Il-kuntest ġuridiku

2

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/633/ĠAI, tat-23 ta’ Ġunju 2008, li tikkonċerna aċċess għall-konsultazzjoni tas-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) minn awtoritajiet maħtura ta’ Stati Membri u mill-Europol għall-finijiet tal-prevenzjoni, tal-kxif u tal-investigazzjoni ta’ reati terroristiċi u ta’ reati kriminali serji oħra (ĠU L 218, p. 129), tipprevedi, fl-Artikolu 18(2) tagħha, li:

“Din id-Deċiżjoni għandha tieħu effett minn data li trid tiġi determinata mill-Kunsill ladarba l-Kummissjoni tkun għarrfet lill-Kunsill li r-Regolament (KE) Nru 767/2008 [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-9 ta’ Lulju 2008, dwar is-Sistema tal-Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) u l-iskambju ta’ data bejn l-Istati Membri dwar viżi għal perjodu qasir (Regolament VIS) (ĠU L 218, p. 60)] ikun daħal fis-seħħ u hu applikabbli bis-sħiħ.

Is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill għandu jippubblika d-data fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.”

Id-deċiżjoni kkontestata

3

Id-Deċiżjoni 2013/392, li tirreferi għat-TFUE u għad-Deċiżjoni 2008/633, b’mod partikolari għall-Artikolu 18(2) tagħha, tipprevedi, fl-Artikolu 1 tagħha, li din tal-aħħar għandha ssir effettiva mill-1 ta’ Settembru 2013.

It-talbiet tal-partijiet

4

Il-Parlament jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

iżżomm l-effetti ta’ din id-deċiżjoni, sakemm tiġi ssostitwita b’att ġdid; u

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

5

Il-Kunsill jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli jew, għall-inqas, bħala infondat;

sussidjarjament, fil-każ tal-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, li żżomm l-effetti tagħha sakemm tiġi ssostitwita b’att ġdid; u

tikkundanna lill-Parlament għall-ispejjeż.

Fuq ir-rikors

6

Il-Parlament jinvoka żewġ motivi insostenn tar-rikors tiegħu, ibbażati, rispettivament, fuq il-ksur ta’ forma proċedurali sostanzjali minħabba l-assenza ta’ parteċipazzjoni tal-Parlament fil-proċedura għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u minħabba l-għażla ta’ bażi legali mħassra jew illegali.

Fuq l-ammissibbiltà ta ’ ċerti motivi jew argumenti invokati mill-Parlament

L-argumenti tal-partijiet

7

Il-Kunsill isostni li ċerti motivi jew argumenti invokati mill-Parlament Ewropew għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli peress li ma humiex ċari u preċiżi. Dan huwa l-każ għal dak li jirrigwarda l-motivi jew l-argumenti dwar il-ksur ta’ forma proċedurali sostanzjali, l-applikazzjoni tal-Artikolu 39(1) UE, l-għażla ta’ bażi legali mħassra u l-ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ ekwilibriju istituzzjonali.

8

Il-Parlament isostni li r-rikors promotur huwa ċar u preċiż biżżejjed.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

9

Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 120(c) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-ġurisprudenza relatata, kull rikors promotur għandu jindika s-suġġett tal-kawża, il-motivi u l-argumenti invokati kif ukoll espożizzjoni fil-qosor ta’ dawn il-motivi. Din l-indikazzjoni għandha tkun ċara u preċiża biżżejjed li tippermetti lill-konvenut li jipprepara d-difiża tiegħu u lill-Qorti tal-Ġustizzja li teżerċita l-istħarriġ tagħha. Minn dan jirriżulta li l-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom huwa bbażat rikors għandhom jirriżultaw b’mod koerenti u li jinftiehem mit-test tar-rikors stess, u li t-talbiet tar-rikors għandhom ikunu fformulati b’mod mhux ekwivoku sabiex jiġi evitat li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi ultra petita jew tonqos milli tiddeċiedi dwar ilment (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Ir‑Renju Unit vs Il‑Kunsill, C‑209/13, EU:C:2014:283, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

10

F’dan il-każ, il-preżentazzjoni tal-motivi jew tal-argumenti tar-rikors, li skont il-Kunsill ma humiex ċari u preċiżi, tissodisfa tali rekwiżiti. Hija ppermettiet b’mod partikolari lill-Kunsill jipprepara difiża fir-rigward ta’ dawn il-motivi jew ta’ dawn l-argumenti u tqiegħed lill-Qorti tal-Ġustizzja f’pożizzjoni li teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha dwar id-deċiżjoni kkontestata.

11

Minn dan jirriżulta li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà li tallega nuqqas ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni tar-rikors għandha tiġi miċħuda.

12

Għaldaqstant, sa fejn hija l-bażi legali ta’ att li tiddetermina l-proċedura li għandha tiġi segwita għall-adozzjoni tiegħu (sentenzi Il-Parlament vs Il-Kunsill, C‑130/10, EU:C:2012:472, punt 80, u Il-Parlament vs Il-Kunsill, C‑658/11, EU:C:2014:2025, punt 57), għandu jiġi eżaminat, l-ewwel nett, it-tieni motiv.

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq l-għażla ta ’ bażi legali mħassra jew illegali

Fuq l-ewwel parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq l-għażla ta’ bażi legali mħassra

– L-argumenti tal-partijiet

13

Il-Parlament isostni li r-referenza għat-Trattat FUE li tinsab fid-deċiżjoni kkontestata hija ġenerali wisq sabiex isservi ta’ bażi legali tagħha u li l-Artikolu 18(2) tad-Deċiżjoni 2008/633 ma jistax jitqies li huwa bażi legali vera.

14

Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tirreferi biss b’mod impliċitu għall-Artikolu 34(2)(ċ) UE, li seta jikkostitwixxi l-unika bażi legali possibbli għall-adozzjoni ta’ miżura bħad-deċiżjoni kkontestata fil-kuntest tal-ex “tielet pilastru”.

15

Konsegwentement, il-bażi legali użata mill-Kunsill hija, skont il-Parlament, l-Artikolu 34(2)(ċ) UE. Issa, billi l-Artikolu 34 tħassar mit-Trattat ta’ Lisbona, dan ma jistax jibqa’ jservi ta’ bażi legali għall-adozzjoni ta’ atti ġodda. Iċ-ċirkustanza li dispożizzjoni ta’ dritt sekondarju tirreferi impliċitament għall-imsemmi Artikolu 34 hija irrilevanti f’dan ir-rigward, sa fejn din id-dispożizzjoni għandha titqies li saret inapplikabbli minħabba d-dħul fis-seħħ ta’ dan it-Trattat.

16

Il-Kunsill jippreċiża li huwa adotta d-deċiżjoni kkontestata abbażi tal-Artikolu 18(2) tad-Deċiżjoni 2008/633, moqri flimkien mal-Artikolu 9 tal-Protokoll (Nru 36) dwar id-dispożizzjonijiet tranżitorji (iktar ’il quddiem il-“Protokoll dwar id-dispożizzjonijiet tranżitorji”). Huwa jenfasizza, f’dan ir-rigward, li d-deċiżjoni kkontestata ma tirreferi la għat-Trattat UE, b’mod ġenerali, u lanqas għall-Artikolu 34(2)(ċ) UE b’mod partikolari.

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

17

Sabiex tiġi evalwata l-fondatezza tal-ewwel parti tat-tieni motiv, għandha tiġi ddeterminata l-bażi legali li abbażi tagħha ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata.

18

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li din id-deċiżjoni ma tagħmilx riferiment għall-Artikolu 34 UE u li, fil-premessi tagħha, hija tirreferi espliċitament għat-Trattat FUE, kif ukoll għall-Artikolu 18(2) tad-Deċiżjoni 2008/633.

19

Għalhekk ma jistax jitqies, fid-dawl tal-formulazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, li għandha tindika, sabiex tissodisfa l-obbligu ta’ motivazzjoni, il-bażi legali li fuqha hija bbażata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C‑370/07, EU:C:2009:590, punti 39 u 55), li din id-deċiżjoni hija bbażata fuq l-Artikolu 34 UE.

20

Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li ebda element ieħor tad-deċiżjoni kkontestata ma jindika li l-Kunsill kellu l-intenzjoni li juża l-Artikolu 34 bħala l-bażi legali ta’ din id-deċiżjoni.

21

B’mod partikolari, iċ-ċirkustanza li l-Artikolu 34(2)(ċ) UE kkostitwixxa l-unika bażi legali possibbli għall-adozzjoni ta’ miżura bħad-deċiżjoni kkontestata, anki jekk tiġi preżunta stabbilita, hija, f’dan ir-rigward, irrilevanti, sa fejn l-għażla espliċita tal-Kunsill li jsemmi, fid-deċiżjoni kkontestata, mhux din id-dispożizzjoni, iżda t-Trattat FUE u l-Artikolu 18(2) tad-Deċiżjoni 2008/633 tindika b’mod ċar li d-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq din l-aħħar dispożizzjoni.

22

Minn dan jirriżulta li t-tħassir tal-Artikolu 34 UE mit-Trattat ta’ Lisbona ma għandux l-effett li jneħħi l-bażi legali tad-deċiżjoni kkontestata.

23

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ewwel parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

Fuq it-tieni parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq l-għażla ta’ bażi ġuridika illegali

– L-argumenti tal-partijiet

24

Il-Parlament isostni li, jekk kellu jitqies li l-Artikolu 18(2) tad-Deċiżjoni 2008/633 huwa l-bażi legali tad-deċiżjoni kkontestata, din id-dispożizzjoni tkun tikkostitwixxi bażi legali sekondarja illegali, li fuqha ma tistax tiġi bbażata validament din id-deċiżjoni.

25

Fil-fatt, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-ħolqien ta’ bażi legali sekondarja li tissemplifika l-modalitajiet għall-adozzjoni ta’ att huwa inkompatibbli mat-Trattati. Dan japplika għall-Artikolu 18(2) tad-Deċiżjoni 2008/633, peress li ma jipprevedix il-konsultazzjoni mal-Parlament, filwaqt li din kienet tiġi imposta mill-Artikolu 39 UE sabiex tiġi adottata miżura bħad-deċiżjoni kkontestata.

26

Barra minn hekk, l-Artikolu 18(2) tad-Deċiżjoni 2008/633 sar inapplikabbli wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona u jipprevedi deroga illegali għall-proċedura stabbilita minn dan it-Trattat għall-adozzjoni ta’ atti ġodda. Tali deroga ma hijiex permessa taħt l-Artikolu 9 tal-Protokoll dwar id-dispożizzjonijiet tranżitorji, li jipprovdi biss li l-atti tal-ex “tielet pilastru” ma għandhomx jitħassru awtomatikament bid-dħul fis-seħħ tal-imsemmi trattat.

27

Il-Kunsill jikkontesta, prinċipalment, l-ammissibbiltà tal-eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 18(2) tad-Deċiżjoni 2008/633 imqajma mill-Parlament. F’dan ir-rigward, huwa jsostni li, skont l-Artikolu 10(1) tal-Protokoll dwar id-dispożizzjonijiet tranżitorji, is-setgħat tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward ta’ din id-deċiżjoni baqgħu, sal-1 ta’ Diċembru 2014, dawk li kienu jeżistu qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona. Issa, l-Artikolu 35(6) UE, li dak iż-żmien kien applikabbli, ma kienx jipprevedi l-possibbiltà, għall-Parlament, li jippreżenta rikors għal annullament kontra att adottat fil-kuntest tal-ex “tielet pilastru”, bħall-imsemmija deċiżjoni. Mill-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja ma kellhiex ġurisdizzjoni f’dan il-qasam jirriżulta li l-eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma mill-Parlament għandha tiġi ddikjarata inammissibbli.

28

Il-Kunsill isostni, sussidjarjament, li l-Artikolu 18(2) tad-Deċiżjoni 2008/633 kien konformi mat-Trattat UE meta ġie adottat. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni kienet tipprevedi biss l-applikazzjoni tal-proċedura prevista fl-Artikolu 34(2)(ċ) UE u ma stabbilixxietx għalhekk proċedura sui generis li teskludi l-konsultazzjoni mal-Parlament.

29

Għal dak li jirrigwarda l-effetti tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, il-Kunsill isostni li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 9 tal-Protokoll dwar id-dispożizzjonijiet tranżitorji proposta mill-Parlament tipprekludi kull possibbiltà li jiġu adottati miżuri ta’ eżekuzzjoni previsti fl-atti tal-ex “tielet pilastru”, li hija preċiżament is-sitwazzjoni li l-awturi tat-Trattati riedu jevitaw.

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

30

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-għażla tal-bażi legali ta’ att tal-Unjoni għandha tkun ibbażata fuq elementi oġġettivi li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju, fosthom l-iskop u l-kontenut ta’ dan l-att (sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑43/12, EU:C:2014:298, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li hemm qbil bejn il-partijiet għal dak li jirrigwarda r-relazzjoni bejn l-Artikolu 18(2) tad-Deċiżjoni 2008/633 u l-iskop u l-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata. Il-Parlament jikkontesta, madankollu, il-legalità ta’ din id-dispożizzjoni billi jsostni li hija tissemplifika l-modalitajiet għall-adozzjoni ta’ miżura bħad-deċiżjoni kkontestata meta mqabbla mal-proċedura prevista għal dan il-għan mit-Trattati.

32

Issa, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, sa fejn ir-regoli li jiddeterminaw il-mod kif l-istituzzjonijiet Komunitarji jaslu għad-deċiżjonijiet tagħhom huma stabbiliti mit-Trattati u ma jaqgħux fid-diskrezzjoni la tal-Istati Membri u lanqas tal-istituzzjonijiet stess, it-Trattati biss jistgħu, f’każijiet partikolari, jawtorizzaw lil istituzzjoni temenda proċedura deċiżjonali li huma jistabbilixxu. Barra minn hekk, jekk jiġi rrikonoxxut li istituzzjoni tkun tista’ tistabbilixxi bażijiet legali sekondarji, kemm sabiex issaħħaħ jew sabiex tissemplifika l-modalitajiet għall-adozzjoni ta’ att, ikun ifisser li din l-istituzzjoni tkun qed tingħata setgħa leġiżlattiva li teċċedi dik prevista mit-Trattati (ara s-sentenza Il-Parlament vs Il-Kunsill, C‑133/06, EU:C:2008:257, punti 54 sa 56).

33

Dan l-approċċ, adottat fis-sentenza Il-Parlament vs Il-Kunsill (C‑133/06, EU:C:2008:257) fir-rigward ta’ bażi legali sekondarja li tippermetti l-adozzjoni ta’ atti leġiżlattivi, għandu jiġi applikat ukoll għall-bażijiet legali previsti f’att ta’ dritt sekondarju li jippermettu l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ eżekuzzjoni ta’ dan l-att billi jsaħħu jew jissemplifikaw il-modalitajiet għall-adozzjoni ta’ tali miżuri previsti fit-Trattati.

34

Fil-fatt, għalkemm huwa minnu li t-Trattati jipprevedu li l-Parlament u l-Kunsill jistabbilixxu ċerti regoli dwar l-eżerċizzju ta’ kompetenzi ta’ eżekuzzjoni mill-Kummissjoni, xorta jibqa’ l-fatt li r-regoli speċifiċi dwar l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ eżekuzzjoni previsti fit-Trattati jorbtu lill-istituzzjonijiet bl-istess mod bħal dawk dwar l-adozzjoni ta’ atti leġiżlattivi u ma jistgħux għalhekk jiġu invalidati minn atti ta’ dritt sekondarju.

35

F’dan il-kuntest, billi l-legalità ta’ att tal-Unjoni għandha tiġi evalwata skont il-punti ta’ fatt u ta’ dritt eżistenti fid-data meta jkun ġie adottat l-att (ara, b’analoġija, is-sentenzi Gualtieri vs Il-Kummissjoni, C‑485/08 P, EU:C:2010:188, punt 26; Schindler Holding et vs Il-Kummissjoni, C‑501/11 P, EU:C:2013:522, punt 31; kif ukoll Schaible, C‑101/12, EU:C:2013:661, punt 50), il-legalità tal-Artikolu 18(2) tad-Deċiżjoni 2008/633 għandha tiġi evalwata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet li kienu jirregolaw, fid-data tal-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, l-adozzjoni ta’ miżura bħad-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri l-Artikoli 34(2)(ċ) UE u 39(1) UE.

36

Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li l-Kunsill, billi jaġixxi skont il-każ b’unanimità jew b’maġġoranza kkwalifikata, jadotta, wara li jkun ikkonsulta l-Parlament, id-deċiżjonijiet li għal kull fini jkunu konformi mal-għanijiet tat-Titolu VI tat-Trattat UE, ħlief dawk imsemmija fl-Artikolu 34(2)(a) u (b) UE u l-miżuri neċessarji għall-implementazzjoni ta’ dawn id-deċiżjonijiet.

37

F’dan ir-rigward, għandu ċertament jiġi kkonstatat li l-formulazzjoni tal-Artikolu 18(2) tad-Deċiżjoni 2008/633 ma tipprevedix obbligu għall-Kunsill li jikkonsulta l-Parlament qabel ma jadotta l-miżura prevista minn din id-dispożizzjoni.

38

Madankollu, hija ġurisprudenza stabbilita li test tad-dritt sekondarju tal-Unjoni għandu jiġi interpretat, sa fejn huwa possibbli, fis-sens tal-konformità tiegħu mad-dispożizzjonijiet tat-Trattati (sentenza Efir, C‑19/12, EU:C:2013:148, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39

Għaldaqstant, billi, minn naħa, l-obbligu li att ta’ dritt sekondarju jiġi interpretat konformement mad-dritt primarju jirriżulta mill-prinċipju ġenerali ta’ interpretazzjoni li jgħid li dispożizzjoni għandha tiġi interpretata, sa fejn huwa possibbli, b’mod li ma jqegħidx inkwistjoni l-legalità tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Sturgeon et, C‑402/07 u C‑432/07, EU:C:2009:716, punti 47 u 48, kif ukoll l-eżami mill-ġdid Il-Kummissjoni vs Strack, C‑579/12 RX II, EU:C:2013:570, punt 40) u, min-naħa l-oħra, il-legalità tal-Artikolu 18(2) tad-Deċiżjoni 2008/633 għandha tiġi evalwata, għar-raġunijiet imfakkra fil-punt 35 ta’ din is-sentenza, b’mod partikolari fid-dawl tal-Artikolu 39(1) UE, din l-ewwel dispożizzjoni għandha tiġi interpretata b’mod li jkun konsistenti ma’ din tal-aħħar.

40

Konsegwentement, l-Artikolu 18(2) tad-Deċiżjoni 2008/633 għandu jiġi interpretat, konformement mal-Artikolu 39(1) UE, fis-sens li ma jippermettix lill-Kunsill jadotta att sabiex jistabbilixxi d-data li fiha din id-deċiżjoni ssir effettiva ħlief wara li jkun ikkonsulta l-Parlament. Minn dan jirriżulta li għandu jiġi miċħud l-argument tal-Parlament li jgħid li l-fatt li din l-ewwel dispożizzjoni ma tipprevedix l-obbligu li huwa jiġi kkonsultat jimplika li din tistabbilixxi modalitajiet għall-adozzjoni ta’ miżura bħad-deċiżjoni kkontestata ssemplifikati meta mqabbla mal-proċedura prevista għal dan il-għan fit-Trattat UE.

41

Għal dak li jirrigwarda l-argumenti tal-Parlament dwar l-inkompatibbiltà tal-Artikolu 18(2) tad-Deċiżjoni 2008/633 mar-regoli tal-proċedura applikabbli wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, għandu jiġi osservat, f’kull każ, li l-Protokoll dwar id-dispożizzjonijiet tranżitorji fih dispożizzjonijiet li jirrigwardaw speċifikament is-sistema legali applikabbli, wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan it-trattat, għal atti adottati abbażi tat-Trattat UE qabel din id-data.

42

Għaldaqstant, l-Artikolu 9 ta’ dan il-protokoll jipprevedi li l-effetti legali ta’ tali atti għandhom jinżammu sakemm dawn l-atti jiġu mħassra, annullati jew emendati fl-implementazzjoni tat-Trattati.

43

Dan l-artikolu għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-ewwel premessa tal-imsemmi protokoll, li jippreċiża li huwa neċessarju li jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet tranżitorji sabiex tiġi organizzata t-tranżizzjoni bejn id-dispożizzjonijiet istituzzjonali tat-Trattati applikabbli qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona u dawk previsti minn dan it-Trattat.

44

B’hekk, billi t-Trattat ta’ Lisbona biddel sostanzjalment il-qafas istituzzjonali tal-kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali, l-Artikolu 9 tal-Protokoll dwar id-dispożizzjonijiet tranżitorji għandu jinftiehem fis-sens li dan huwa intiż, b’mod partikolari, sabiex jiżgura li l-atti adottati fil-kuntest ta’ din il-kooperazzjoni jkunu jistgħu jibqgħu jiġu applikati b’mod effettiv minkejja l-bidla fil-qafas istituzzjonali tal-imsemmija kooperazzjoni.

45

Issa, jekk jiġi milqugħ l-argument tal-Parlament li jgħid li t-tħassir, permezz tat-Trattat ta’ Lisbona, tal-proċeduri speċifiċi għall-adozzjoni ta’ miżuri li jaqgħu taħt il-kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali tirrendi impossibbli l-adozzjoni ta’ tali miżuri skont il-kundizzjonijiet previsti minn atti ġenerali adottati fil-kuntest ta’ din il-kooperazzjoni qabel ma jkunu ġew emendati dawn l-atti sabiex jiġu adattati għat-Trattat ta’ Lisbona, dan ikollu l-effett li jikkomplika jew anki jipprekludi l-applikazzjoni effettiva tal-imsemmija atti, sabiex b’hekk tiġi kompromessa l-kisba tal-għanijiet li l-awturi tat-Trattat riedu jilħqu.

46

Barra minn hekk, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 9 tal-Protokoll dwar id-dispożizzjonijiet tranżitorji proposta mill-Parlament, skont liema dan l-artikolu jimplika biss li l-atti li jaqgħu taħt il-kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali ma jitħassrux awtomatikament wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, iċċaħħad lil dan l-artikolu minn kull effettività.

47

Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li dispożizzjoni ta’ att adottat regolarment abbażi tat-Trattat UE qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona li tistabbilixxi l-modalitajiet għall-adozzjoni ta’ miżuri oħra tkompli tipproduċi l-effett legali tagħha sakemm din ma tkunx ġiet imħassra, annullata jew emendata u tippermetti l-adozzjoni ta’ dawn il-miżuri skont il-proċedura kif iddefinita minnha.

48

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li l-Artikolu 18(2) tad-Deċiżjoni 2008/633 kien jipprevedi modalitajiet għall-adozzjoni ta’ miżura bħad-deċiżjoni kkontestata msaħħa jew issemplifikati meta mqabbla mal-proċedura prevista għal dan il-għan mit-Trattat FUE ma jistax jimplika li din id-dispożizzjoni tikkostitwixxi bażi legali sekondarja illegali li l-applikazzjoni tagħha għandha tiġi eskluża permezz ta’ eċċezzjoni.

49

Konsegwentement u f’dawn iċ-ċirkustanzi, mingħajr ma hemm il-bżonn li tittieħed deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tat-tieni parti tal-tieni motiv, din għandha tiġi miċħuda bħala infondata (ara, b’analoġija, is-sentenzi Franza vs Il-Kummissjoni, C‑233/02, EU:C:2004:173, punt 26, kif ukoll Komninou et vs Il-Kummissjoni, C‑167/06 P, EU:C:2007:633, punt 32) u, għalhekk, dan il-motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur ta ’ forma proċedurali sostanzjali

L-argumenti tal-partijiet

50

Il-Parlament isostni li, fil-każ fejn is-sistema ta’ qabel it-Trattat ta’ Lisbona tibqa’ applikabbli f’dan il-każ, huwa kellu jiġi kkonsultat skont l-Artikolu 39(1) UE.

51

Il-Kunsill iqis, min-naħa l-oħra, li l-Artikolu 18(2) tad-Deċiżjoni 2008/633 ma jipprevedi l-ebda parteċipazzjoni tal-Parlament fl-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u li, wara t-tħassir tal-Artikolu 39 UE mit-Trattat ta’ Lisbona, ma għadx hemm il-bżonn li l-Parlament jiġi kkonsultat sabiex jadotta l-miżuri ta’ eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni.

52

L-Artikolu 10(1) tal-Protokoll dwar id-dispożizzjonijiet tranżitorji jikkonferma din l-analiżi, sa fejn huwa ma jinkludix l-Artikolu 39 UE fost id-dispożizzjonijiet li l-effetti tagħhom għandhom jinżammu wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona. L-inklużjoni fil-proċedura għal adozzjoni ta’ obbligu ta’ konsultazzjoni mal-Parlament ikollha l-effett, barra minn hekk, li żżid fil-proċedura prevista fl-Artikolu 291 TFUE element li ma huwiex previst u tikkomprometti għalhekk l-ekwilibriju istituzzjonali stabbilit mit-Trattat ta’ Lisbona.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

53

Għandu jitfakkar li l-konsultazzjoni regolari tal-Parlament fil-każijiet previsti mir-regoli applikabbli tad-dritt tal-Unjoni tikkostitwixxi forma proċedurali sostanzjali li n-nuqqas ta’ osservanza tagħha jwassal għan-nullità tal-att ikkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Il-Parlament vs Il-Kunsill, C‑65/93, EU:C:1995:91, punt 21, u Il-Parlament vs Il-Kunsill, C‑417/93, EU:C:1995:127, punt 9).

54

Konsegwentement, sa fejn mit-tweġiba mogħtija għat-tieni motiv jirriżulta li l-Kunsill seta’ validament jibbaża d-deċiżjoni kkontestata fuq l-Artikolu 18(2) tad-Deċiżjoni 2008/633, għandu jiġi ddeterminat jekk il-Parlament għandux jiġi kkonsultat qabel ma jiġi adottat att abbażi ta’ din id-dispożizzjoni.

55

F’dan ir-rigward, mill-kunsiderazzjonijiet magħmula fil-punti 40 sa 47 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-Artikolu 18(2) tad-Deċiżjoni 2008/633, interpretat konformement mal-Artikolu 39(1) UE, ikompli jipproduċi l-effett legali tiegħu sakemm dan ma jiġix imħassar, annullat jew emendat u jippermetti l-adozzjoni ta’ miżura bħad-deċiżjoni kkontestata skont il-proċedura kif iddefinita minnu. Għaldaqstant, il-Kunsill huwa obbligat jikkonsulta l-Parlament qabel ma jiffissa d-data li fiha din id-deċiżjoni ssir effettiva.

56

Kuntrarjament għal dak li jsostni l-Kunsill, it-tħassir tal-Artikolu 39(1) UE mit-Trattat ta’ Lisbona ma jistax iqiegħed inkwistjoni l-obbligu ta’ konsultazzjoni mal-Parlament.

57

Fil-fatt, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet magħmula fil-punt 39 ta’ din is-sentenza, it-tħassir tal-Artikolu 39(1) UE wara l-adozzjoni tal-Artikolu 18(2) tad-Deċiżjoni 2008/633 ma jistax ineħħi l-obbligu li din id-dispożizzjoni tiġi interpretata konformement mal-Artikolu 39(1) UE.

58

Bl-istess mod, il-fatt li l-Artikolu 291 TFUE ma tipprevedix l-obbligu ta’ konsultazzjoni mal-Parlament huwa irrilevanti, sa fejn l-obbligu ta’ konsultazzjoni mal-Parlament jikkostitwixxi wieħed mill-effetti legali tad-Deċiżjoni 2008/633 li nżamm wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona bis-saħħa tal-Artikolu 9 tal-Protokoll dwar id-dispożizzjonijiet tranżitorji, kif interpretat fil-punt 47 ta’ din is-sentenza.

59

Issa, huwa minnu li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata mill-Kunsill mingħajr konsultazzjoni minn qabel mal-Parlament.

60

Minn dan jirriżulta li l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur ta’ forma proċedurali sostanzjali, huwa fondat u li d-deċiżjoni kkontestata għandha, konsegwentement, tiġi annullata.

Fuq it-talba għaż-żamma tal-effetti tad-deċiżjoni kkontestata

61

Kemm il-Parlament kif ukoll il-Kunsill jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha żżomm, fil-każ li hija tannulla d-deċiżjoni kkontestata, l-effetti ta’ din tal-aħħar sakemm tiġi ssostitwita b’att ġdid.

62

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, jekk tqis li huwa neċessarju, tiddikjara liema mill-effetti ta’ att annullat għandhom jitqiesu li huma definittivi.

63

F’dan il-każ, deċiżjoni li tannulla d-deċiżjoni kkontestata mingħajr ma jinżammu l-effetti tagħha twassal sabiex jiġi ostakolat l-aċċess għas-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) mill-awtoritajiet nazzjonali u mill-Europol għall-finijiet tal-prevenzjoni, tal-kxif u tal-investigazzjoni ta’ reati terroristiċi u ta’ reati kriminali serji oħra u, għalhekk, tiġi ppreġudikata ż-żamma tal-ordni pubbliku. Issa, għalkemm il-Parlament qiegħed jitlob l-annullament ta’ din id-deċiżjoni minħabba ksur ta’ forma proċedurali sostanzjali, huwa la qed jikkontesta l-iskop tagħha u lanqas il-kontenut tagħha.

64

Għaldaqstant, l-effetti tad-deċiżjoni kkontestata għandhom jinżammu sakemm jidħol fis-seħħ att ġdid intiż għas-sostituzzjoni tagħha.

Fuq l-ispejjeż

65

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Kunsill tilef hemm lok li jiġi ordnat ibati l-ispejjeż, kif mitlub mill-Parlament.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/392/UE, tat-22 ta’ Lulju 2013, li tistabbilixxi d-data tal-effettività tad-Deċiżjoni 2008/633/ĠAI li tikkonċerna aċċess għall-konsultazzjoni tas-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) minn awtoritajiet maħtura ta’ Stati Membri u mill-Europol għall-finijiet tal-prevenzjoni, tal-kxif u tal-investigazzjoni ta’ reati terroristiċi u ta’ reati kriminali serji oħra hija annullata.

 

2)

L-effetti tad-Deċiżjoni 2013/392 għandhom jinżammu sakemm jidħol fis-seħħ att ġdid intiż għas-sostituzzjoni tagħha.

 

3)

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea huwa kkundannat għall-ispejjeż.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.