SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

4 ta’ Marzu 2015 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Artikolu 191(2) TFUE — Direttiva 2004/35/KE — Responsabbiltà ambjentali — Leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tipprevedix il-possibbiltà għall-awtorità li timponi, lill-proprjetarji tal-artijiet imniġġsin li ma kkontribwixxewx għal dan it-tniġġis, l-eżekuzzjoni ta’ miżuri ta’ prevenzjoni u ta’ rimedju u li tipprevedi biss l-obbligu ta’ rimbors tal-interventi mwettqa mill-awtoritajiet — Kompatibbiltà mal-prinċipji ta’ min iniġġes iħallas, ta’ prekawzjoni, ta’ azzjoni preventiva u ta’ korrezzjoni fis-sors tal-ħsarat għall-ambjent”

Fil-Kawża C‑534/13,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Consiglio di Stato (l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ Lulju 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-10 ta’ Ottubru 2013, fil-proċedura

Ministero dell’Ambiente e della Tutela del Territorio e del Mare,

Ministero della Salute,

Ispra – Istituto Superiore per la Protezione e la Ricerca Ambientale

vs

Fipa Group Srl,

fil-preżenza ta’:

Comune di Massa,

Regione Toscana,

Provincia di Massa Carrara,

Comune di Carrara,

Arpat – Agenzia regionale per la protezione ambientale della Toscana,

Ediltecnica Srl,

Versalis SpA,

u

Ministero dell’Ambiente e della Tutela del Territorio e del Mare,

Ministero della Salute,

Ispra – Istituto Superiore per la Protezione e la Ricerca Ambientale

vs

Tws Automation Srl,

fil-preżenza ta’:

Comune di Massa,

Regione Toscana,

Provincia di Massa Carrara,

Comune di Carrara,

Arpat – Agenzia regionale per la protezione ambientale della Toscana,

Ediltecnica Srl,

Versalis SpA,

u

Ministero dell’Ambiente e della Tutela del Territorio e del Mare,

Ministero della Salute,

vs

Ivan Srl,

fil-preżenza ta’:

Edison SpA,

Comune di Massa,

Regione Toscana,

Provincia di Massa Carrara,

Comune di Carrara,

Arpat – Agenzia regionale per la protezione ambientale della Toscana,

Ediltecnica Srl,

Versalis SpA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, A. Ó Caoimh, C. Toader (Relatur), E. Jarašiūnas u C. G. Fernlund, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: L. Carrasco Marco, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-5 ta’ Novembru 2014,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Tws Automation Srl, minn R. Lazzini u S. Prosperi Mangili, avukati,

għal Ivan Srl, minn G. C. Di Gioia, F. Massa, L. Acquarone u G. Acquarone, avukati,

għal Edison SpA, minn S. Masini, W. Troise Mangoni u G. L. Conti, avukati,

għal Versalis SpA, minn S. Grassi, G. M. Roberti u I. Perego, avukati,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn C. Gerardis, avvocato dello Stato,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Pignataro-Nolin u E. White, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-20 ta’ Novembru 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent, b’mod partikolari dawk ta’ min iniġġes iħallas, ta’ prekawzjoni, ta’ azzjoni preventiva u ta’ korrezzjoni fis-sors tal-ħsarat għall-ambjent, kif previsti fl-Artikolu 191(2) TFUE, fil-premessi 13 u 24 kif ukoll fl-Artikoli 1 u 8(3) tad-Direttiva 2004/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ April 2004, dwar ir-responsabbiltà ambjentali f’dak li għandu x’jaqsam mal-prevenzjoni u r-rimedju għal danni ambjentali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 364).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ tliet kawżi, l-ewwel tnejn bejn il-Ministero dell’Ambiente e della Tutela del Territorio e del Mare (Ministeru tal-Ambjent u tal-Protezzjoni tat-Territorju u tal-Ibħra), il-Ministero della Salute (Ministeru tas-Saħħa) u Ispra – Istituto Superiore per la Protezione e la Ricerca Ambientale della Toscana (iktar ’il quddiem, flimkien, il-“Ministero”) u, rispettivament, Fipa Group Srl (iktar ’il quddiem “Fipa Group”) u Tws Automation Srl (iktar ’il quddiem “Tws Automation”), it-tielet kawża bejn dawn l-ewwel żewġ rikorrenti fil-kawża prinċipali u Ivan Srl (iktar ’il quddiem “Ivan”), fir-rigward ta’ miżuri speċifiċi ta’ protezzjoni ta’ emerġenza dwar proprjetajiet ikkontaminati minn diversi sustanzi kimiċi.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 191(2) TFUE jistabbilixxi kif ġej:

“Il-politika ta’ l-Unjoni dwar l-ambjent għandha jkollha l-mira ta’ protezzjoni ta’ livell għoli li tieħu kont tad-diversità tas-sitwazzjonijiet fid-diversi reġjuni ta’ l-Unjoni. Għandha tkun ibbażata fuq il-prinċipju ta’ prekawzjoni u fuq il-prinċipji li azzjoni preventiva għandha tittieħed, li l-ħsara lill-ambjent għandha, bħala prijorità tissewwa f’ras il-għajn u li min iniġġeż għandu jħallas.”

4

Il-premessi 1, 2, 13, 18, 20, 24 u 30 tad-Direttiva 2004/35 huma fformulati kif ġej:

“(1)

Bħalissa fil-Komunità hemm ħafna żoni kkontaminati, li jwasslu għal riskji konsiderevoli għas-saħħa, u t-tnaqqis tal-bijodiversità żdied drammatikament fl-aħħar għaxar snin. In-nuqqas ta’ azzjoni jista’ jwassal għal żieda fil-kontaminazzjoni taż-żoni u telfa akbar ta’ diversità bijoloġika fil-futur. Il-prevenzjoni u r-rimedju, sakemm huwa possibbli, tad-danni ambjentali jikkontribwixxi għal l-implimentazzjoni ta’ l-għanijiet u tal-prinċipji tal-politika ambjentali tal-Komunità kif stabbilit fit-Trattat. Kondizzjonijiet lokali għandhom jitqiesu meta tittieħed deċiżjoni dwar kif għandu jseħħ ir-rimedju tad-danni.

(2)

Il-prevenzjoni u r-rimedju għad-danni ambjentali għandhu jkun implimentat bis-saħħa tal-prinċipju ta’ ‘min iniġġes iħallas’, kif indikat fit-Trattat u fid-dawl tal-prinċipju ta’ l-iżvillup sostenibbli. Il-prinċipju fondamentali ta’ din id-Direttiva għandu għalhekk ikun li l-operatur li minħabba l-attivitaÏ tiegħu jikkawża danni ambjentali jew jikkawża periklu iminenti ta’ danni għandu jitqies finanzjarjament responsabbli, dan sabiex l-operatur jadotta miżuri u jiżviluppa drawwiet biex jiminimizza r-riskju ta’ danni ambjentali sabiex l-esposizzjoni tiegħu għar-responabiltaÏ finanazjarja tonqos.

[…]

(13)

Mhux il-forom kollha ta’ danni ambjentali jistgħu jkunu rmedjati permezz tal-mekkaniżmu tar-responsabbilità. Sabiex dan ta’ l-aħħar jista’ jkun effettiv, hemm bżonn li jkun hemm wieħed jew iktar niġġieża identifikabbli, id-danni jriedu jkunu konkreti u kwantifikabbli, u katina ta’ kawżazzjoni għandha tkun stabbilita bejn id-danni u n-niġġies(a) identifikat(i). Ir-responsabbilità għalhekk mhiex istrument adattat fil-kuntest ta’ tinġiż mifrux, meta jkun impossibbli torbot l-effetti ambjentali negattivi ma’ azzjoni jew nuqqas ta’ ċertu atturi individwali.

[…]

(18)

Skond il-prinċipju ta’ ‘min iniġġes iħallas’, l-operatur li jikkawża danni ambjentali jew joħloq periklu iminenti ta’ danni għandu, fil-prinċipju, jbati l-ispejjeż tal-miżuri ta’ prevenzjoni jew ta’ rimedju neċessarji. Fil-każijiet fejn l-awtorità kompetenti taġixxi, hi innifisha jew permezz ta’ terza persuna, flok l-operatur, l-awtorità għandha tassigura li l-ispiza li tkun nefqet tirkupraha minn għand l-operatur. Huwa ukoll xieraq li l-operaturi għandhom fl-aħħarnett ibatu l-ispejjeż ta’ l-istima tad-danni ambjentali u, skond il-każ, ta’ l-istima tal-periklu iminenti tad-danni jekk jiġu fis-seħħ.

[…]

(20)

L-operatur ma għandhux ikun mitlub jbati l-ispejjeż ta’ azzjonijiet ta’ prevenzjoni jew rimedju mwettqa skond din id-Direttiva f’sitwazzjonijiet fejn id-danni, jew il-periklu ta’ danni msemmija huma ir-riżultat ta’ affarijiet li l-operatur ma għandux control fuqhom. L-Istati Membri jistgħu jippermettu li l-operaturi li ma għandhomx tort jew li ma kienux negliġenti ma jbatux l-ispejjeż tal-miżuri ta’ rimedju, f’każijiet fejn id-danni msemmija huma r-riżultat ta’ emissjonijiet jew avvenimenti awtorizzati espliċitament jew fejn il-periklu ta’ danni ma kienx magħruf meta seħħ l-emissjoni jew l-avveniment.

[…]

(24)

Huwa neċessarju li mezzi effettivi ta’ l-implimentazzjoni u infurzar jkunu disponibbli, filwaqt li jkun assigurat li l-interessi leġittimi ta’ l-operaturi relevanti u partijiet oħra li għandhom interess ikunu adekwatament protetti. L-awtoritajiet kompetenti għandhom ikunu inkarigati minn kompiti speċifiċi li jirrikjedu diskrezzjoni amministrattiva xierqa, jiġifieri l-inkarigu biex issir stima ta’ l-importanza tad-danni u d-deċiżjoni liema miżuri ta’ rimedju għandhom jittieħdu.

[…]

(30)

Danni kkawżati qabel ma jispiċċa t-terminu perentorju għall-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva mhux kopert mid-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva.”

5

Konformement mal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2004/35, dan jistabbilixxi qafas ta’ responsabbiltà ambjentali bbażat fuq il-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas.

6

Il-punt 6 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jiddefinixxi l-kunċett ta’ “operatur” bħala li jindika “kull persuna fiżika jew ġuridika, privata jew pubblika li jopera jew jikkontrolla l-attività tax-xogħol jew, meta dan ikun regolat fil-liġI nazzjonali, il-persuna li għandha poter ekonomiku deċisiv fuq il-funzjonament tekniku ta’ l-imsemmija attività liema poter ġie lilha ddelegat, li tinkludi d-detentur ta’ permess jew awtorizazzjoni għal l-imsemmija attività jew il-persuna li tireġistra jew tinnotifika l-imsemmija attività”.

7

Skont il-punt 7 tal-Artikolu 2 tal-istess direttiva, il-kunċett ta’ “attività tax-xogħol” huwa ddefinit bħala kull “attività magħmula bħala parti minn attività ekonomika, kummerċ jew impriża, mingħajr ma jingħata każ jekk l-attività hijiex pubblika jew privata, tagħmel qligħ jew li ma tagħmilx qligħ”.

8

Il-punti 10 u 11 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/35 jiddefinixxu l-kunċetti segwenti:

“10.   ‘miżuri ta’ prevenzjoni’: jfissru kull miżura li tittieħed kontra avveniment, att jew ommissjoni li toħloq periklu iminenti ta’ danni ambjentali, bl-iskop ta’ prevenzjoni jew tnaqqies ta’ dawk id- danni;

11.   ‘miżuri ta’ rimedju’: tfisser kull azzjoni, jew tagħqid ta’ azzjonijiet, li tinkludi miżuri ta’ mitigazzjoni jew temporanji bl-iskop ta’ restorazzjoni, reabilitazzjoni jew tibdil tar-riżorsi naturali milquta u/jew is-servizzi mfixxkla, jew l-provvediment ta’ alternatiiva ekwivalenti għal dawk ir-riżorsi jew servizzi kif stabbilit fl-Anness [II].”

9

L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, intitolat “L-iskop”, jistabbilixxi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Din id-Direttiva għandha tgħodd għall-:

(a)

danni ambjentali ikkawżati minn attivitajiet tax-xogħol li jinstabu fil-lista ta’ l-Anness III, kif ukoll kull periklu iminenti ta’ l-imsemmija danni minħabba l-istess attivitajiet;

(b)

danni lil l-ispeċi protetti u lil l-ambjenti naturali kkawżati minn attivitajiet tax-xogħol mhux fil-lista ta’ l-Anness III, u lil kull periklu iminenti ta’ l-imsemmija danni li jseħħ minħabba l-msemmija attivitajiet, kull meta l-operatur għandu tort jew kien negliġenti.”

10

Skont l-Artikolu 4(5) tal-istess direttiva, din “għandha tgħodd biss għal danni ambjentali jew periklu iminenti ta’ danni ambjentali kkawżati minn tniġġies ta’ natura mifruxa, meta l-katina tal-kawżazzjoni bejn id-danni u l-attivitajiet ta’ l-operatur individwali tista’ tiġI stabbilita”.

11

L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2004/35, intitolat “Mezz ta’ prevenzjoni”, jaqra kif ġej:

“1.   Meta d-danni ambjentali għandhom ma seħħewx imam hemm periklu iminenti ta’ l-imsemmija danni jseħħu, l-operatur għandu, mingħajr dewmien, jieħu l-miżuri ta’ prevenzjoni neċessarji.

[…]

3.   L-awtorità kompetenti tista’, f’kull ħin:

[…]

(b)

titlob lil l-operatur jieħu il-miżuri ta’ prevenzjoni neċessarji;

[…]

(d)

hi innifisha tieħu il-miżuri ta’ prevenzjoni neċessarji.

4.   L-awtorità kompetenti għandha titlob li l-miżuri ta’ prevenzjoni jittieħdu mil l-operatur. Jekk l-operatur jonqos li jħares l-obliggi stabbiliti fil-paragrafu 1 jew 3(b) jew (c), ma jistax ikun identifikat jew mhux obligat skond din-id-Direttiva li jbati l-ispejjeż, l-awtorità kompetenti tista’ tieħu l-miżuri hi stess.”

12

L-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva, intitolat “Azzjoni ta’ Rimedju”, jipprovdi:

“1.   Meta d-danni ambjentali filfatt seħħew l-operatur għandu, mingħajr dewmien, jinforma l-awtorità kompetenti dwar kull aspett relevanti tas-sitwazzjoni u jieħu:

(a)

kull pass prattikabbli biex jikkontrolla malajr, jillimta, jneħħI jew f’kull mod ieħor jikkontrolla l-kontaminanti relevanti u/jew kull fattur ta’ dannu ieħor sabiex id-danni ambjentali jkunu limitati jew aktar danni u l-effetti negattivi fuq is-saħħa tal-bniedem jew aktar tfixkil tas-servizzi jiġu evitati u

(b)

il-miżuri ta’ rimedju neċessarji […]

2.   L-awtorità kompetenti tista’, f’kull ħin:

[…]

(ċ)

titlob lil l-operatur jieħu l-miżuri ta’ rimedju neċessarji;

[…]

(e)

hi innifisha tieħu il-miżuri ta’ rimedju neċessarji.

3.   L-awtorità kompetenti għandha titlob li l-miżuri ta’ rimedju jittieħdu mil l-operatur. Jekk l-operatur jonqos li jħares l-obliggi stabbiliti fil-paragrafu 1 jew 2(b), (c) jew (d), ma jistax jiġi identifikat jew mhux meħtieġ jbati l-ispejjeż skond din id-Direttiva, l-awtorità kompetenti tista’ tieħu l-miżuri hi stess, meta jkun falla kull tentattiv ieħor.”

13

L-Artikolu 8(1) u (3) tal-istess direttiva jiddisponi:

“1.   L-operatur għandu jbati l-ispejjeż għal l-azzjoni ta’ prevenzjoni u rimedju li ittieħdu skont din id-Direttiva.

[…]

3.   L-operatur m’għandux ikun mitlub jbati l-ispejjeż tal-miżuri ta’ prevenzjoni jew rimedju mwettqa skond din id-Direttiva meta jista’ juri li d-danni ambjentali jew il-periklu iminenti ta’ danni ambjentali:

(a)

kienu kkawżati minn terza persuna u seħħew minkejja li miżuri ta’ sigurità xierqa kienu f’posthom; jew

(b)

huma r-riżultat ta’ konformità ma ordni jew istruzzjoni ta’ bilfors minn awtorità pubblika ħlief ordni jew istruzzjoni li ħarġet wara emissjoni jew każ ikkawżat mil l-attivitajiet ta’ l-operatur proprju.

F’dawn il-każijiet L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jgħinu lil l-operatur jirkupra l-ispejjeż li nefaq.”

14

L-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2004/35 huwa fformulat kif ġej:

“L-obbligu li jkun stabbilit liema operator ikkawża d-danni jew periklu iminenti ta’ danni, li ssir stima tas-sinjifikanza tad-danni u li jkun stabbilit liema miżuri ta’ rimedju għandhom jittieħdu b’proċeduri għal miżuri provviżorjinza għal l-Anness II huwa ta’ l-awtorità kompetenti. […]”

15

L-Artikolu 16 tad-Direttiva 2004/35, intitolat “Ir-relazzjoni mal-liġI nazzjoni”, jippreċiża fil-paragrafu 1 tiegħu li din id-direttiva “m’għandhiex iżżomm lil L-Istati Membri milli jżżommu jew jadottaw dispożizzjonijiet aktar stretti f’dak li għandu x’jaqsam mal-prevenzjoni u r-rimedju tad-danni ambjentali, li jinkludi l-identifikazzjoni ta’ attivitajiet oħra li jistgħu jkunu soġġetti għar-rekwiżiti ta’ prevenzjoni u rimedju ta’ din id-Direttiva u l-identifikazzjoni ta’ partijiet responsabbli oħra”.

16

Skont l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2004/35, moqri flimkien mal-Artikolu 19 ta’ din, din id-direttiva tapplika biss għal danni kkawżati minn emissjoni, każ jew inċident li seħħew wara t-30 ta’ April 2007 meta dawn id-danni jirriżultaw kemm minn attivitajiet li seħħew wara din id-data, kif ukoll minn attivitajiet li seħħew qabel din id-data iżda li ma ntemmux qabel din id-data.

17

L-Anness III ta’ din id-direttiva jelenka tnax-il attività li l-leġiżlatur jikkunsidra bħala perikolużi fis-sens tal-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva.

Id-dritt Taljan

18

L-Artikolu 240(1)(m) u (p) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 152 tat-3 ta’ April 2006, dwar ir-regoli fil-qasam ambjentali (suppliment ordinarju għall-GURI Nru 88, tal-14 ta’ April 2006), fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi dwar l-ambjent”), jinsab fit-Titolu V tal-Parti IV. Din id-dispożizzjoni tiddefinixxi l-miżuri ta’ protezzjoni ta’ emerġenza u ta’ riabilitazzjoni tas-siti.

19

L-Artikolu 242 tal-Kodiċi dwar l-ambjent, intitolat “Proċeduri operattivi u amministrattivi” jirregola f’ċertu dettall l-obbligi fuq il-persuna responsabbli mit-tniġġis, kemm jekk din il-kontaminazzjoni tkun reċenti jew qadima, f’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, l-adozzjoni ta’ miżuri neċessarji ta’ prevenzjoni, ta’ restawr u ta’ protezzjoni ta’ emerġenza, il-komunikazzjoni fir-rigward tal-awtoritajiet pubbliċi kompetenti, kif ukoll l-implementazzjoni ta’ attivitajiet ta’ riabilitazzjoni.

20

L-Artikolu 244 tal-istess kodiċi, intitolat “Digrieti”, jirregola l-każ fejn il-kontaminazzjoni li effettivament seħħet qabżet il-valuri tal-limiti tat-tniġġis. F’dan il-każ, il-provinċja tintima, permezz ta’ digriet immotivat, li l-persuna responsabbli mill-kontaminazzjoni potenzjali tadotta l-miżuri msemmija fl-Artikoli 240 et seq tal-istess kodiċi. L-Artikolu 244(3) tal-Kodiċi dwar l-ambjent jipprevedi li, f’kull każ, id-digriet huwa nnotifikat ukoll lill-proprjetarju tas-sit. Barra minn hekk, l-Artikolu 244(4) ta’ dan il-kodiċi jistabbilixxi li jekk il-persuna responsabbli ma hijiex identifikabbli u la l-proprjetarju tas-sit u lanqas persuna oħra kkonċernata ma tipproċedi għat-twettiq, l-interventi li jkunu meħtieġa huma adottati mill-awtorità kompetenti.

21

L-Artikolu 245 ta’ dan il-Kodiċi, intitolat “Obbligi ta’ intervent u ta’ notifika mill-persuni li ma humiex responsabbli mill-kontaminazzjoni potenzjali” jipprevedi fil-paragrafu 1:

“Il-proċeduri għall-interventi ta’ protezzjoni, ta’ rijabilitazzjoni u ta’ restawr ambjentali rregolati minn dan it-titolu jistgħu, f’kull każ, jiġu implementati fuq l-inizjattiva tal-persuni kkonċernati li ma humiex responsabbli”.

22

L-Artikolu 245(2) tal-istess kodiċi jiddisponi:

“Bla ħsara għall-obbligi tal-persuna responsabbli mill-kontaminazzjoni potenzjali taħt l-Artikolu 242, il-proprjetarju jew l-amministratur tal-art li jikkonstata l-qbiż jew riskju konkret u reali ta’ qbiż tal-valuri limiti tat-tniġġis (VLT) huwa meħtieġ li jinforma lir-reġjun, lill-provinċja u l-komun territorjali kompetenti u li jimplementa l-miżuri ta’ prevenzjoni skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 242. Il-provinċja, wara li tirċievi din l-informazzjoni, u wara konsultazzjoni mal-komun, tipproċedi bl-identifikazzjoni tal-persuna responsabbli għall-implementazzjoni tal-interventi ta’ rijabilitazzjoni. Il-proprjetarju jew kull persuna oħra kkonċernata, madankollu għandu d-dritt li jintervjeni volontarjament f’kull ħin sabiex jimplementa l-interventi ta’ rijabilitazzjoni meħtieġa fil-kuntest tas-sit li tiegħu huwa proprjetarju jew li minnu jiddisponi.”

23

L-Artikolu 250 tal-Kodiċi dwar l-ambjent, intitolat “Riabilitazzjoni mill-awtorità”, jiddisponi:

“Jekk il-persuni responsabbli mill-kontaminazzjoni ma jipproċedux direttament għall-eżekuzzjoni tal-miżuri previsti minn dan it-titolu jew jekk ma humiex identifikabbli u jekk la l-proprjetarju tas-sit u lanqas persuna oħra kkonċernata ma jipproċedu bit-twettiq, il-proċeduri u l-interventi msemmija fl-Artikolu 242 huma implementati ex officio mill-komun territorjalment kompetenti u, jekk dan ma jitwettaqx, mir-reġjun, skont il-prijoritajiet stabbiliti mill-pjan reġjonali għar-rijabilitazzjoni tal-artijiet imniġġsin, li jinvolvi wkoll persuni pubbliċi jew privati oħra, maħtura wara proċeduri ta’ sejħa pubblika għal offerti speċifiċi […]”

24

L-Artikolu 253 tal-istess kodiċi, intitolat “Piżijiet reali u privileġġi speċjali” jistabbilixxi fil-paragrafi 1 sa 4:

“1.   L-interventi msemmija taħt dan it-titolu jikkostitwixxu piżijiet reali (‘oneri reali’) li jirrigwardaw is-siti kkontaminati meta jiġu implementati ex officio mill-awtorità kompetenti fis-sens tal-Artikolu 250. […]

2.   L-ispejjeż sostnuti għall-interventi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom privileġġi speċjali fuq il-proprjetà immobbli f’dawn l-istess artijiet skont it-termini u l-finijiet tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2748 tal-Kodiċi Ċivili. Dan il-privileġġi jista’ wkoll jiġi eżerċitat għad-detriment tad-drittijiet miksuba minn terzi fuq il-proprjetà immobbli.

3.   Il-privileġġ u l-irkupru tal-ispejjeż jistgħu biss jiġu eżerċitati fil-konfront tal-proprjetarju tas-sit, li ma għandux x’jaqsam mat-tniġġis jew mar-riskju ta’ tniġġis, permezz ta’ deċiżjoni mmotivata tal-awtorità kompetenti li b’mod partikolari tiġġustifika l-impossibbiltà li l-persuna responsabbli tiġi identifikata jew permezz tal-preżenta ta’ rikors kontra din tal-aħħar jew fil-każ li tali azzjoni ma tirnexxiex.

4.   F’kull każ, il-proprjetarju li ma huwiex responsabbli mit-tniġġis jista’ biss jirrimborsa […] l-ispejjeż tal-interventi mwettqa mill-awtorità kompetenti fil-limiti tal-valur tas-suq tal-art, stabbilit wara l-implementazzjoni ta’ dawn l-interventi. Jekk il-proprjetarju li ma huwiex responsabbli mit-tniġġis spontanjament iwettaq rijabilitazzjoni tas-sit imniġġes, huwa għandu d-dritt li jippreżenta rikors kontra l-persuna responsabbli mit-tniġġis għall-ispejjeż sostnuti u għad-danni supplimentari li jistgħu jiġu eventwalment sostnuti.”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

25

Skont il-fatti li jirriżultaw mill-proċess li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddisponi minnu, sa mis-snin 60 u sas-snin 80, Farmoplant SpA u Cersam Srl, żewġ kumpanniji li jappartjenu għall-grupp industrijali Montedison SpA, li sar Edison SpA, għamlu użu minn sit industrijali għall-produzzjoni ta’ insettiċidi u ta’ erbiċidi li jinsab f’komun tal-provinċja ta’ Massa Carrara, fit-Toscana (l-Italja). Peress li l-artijiet ta’ dan is-sit kienu serjament kkontaminati minn diversi sustanzi kimiċi fosthom dikloroetan u ammonju, parti minnhom kienet irkuprata fl-1995. Peress li dan l-“irkupru” ma kienx biżżejjed, dawn l-artijiet kienu kklassifikati fl-1998 bħala “żona ta’ interess nazzjonali ta’ Massa Carrara” bil-għan tar-riabilitazzjoni tagħhom.

26

Fis-snin 2006 u 2008, Tws Automation u Ivan, żewġ kumpanniji rregolati mid-dritt privat, saru proprjetarji ta’ diversi artijiet f’dan is-sit. Tws Automation għandha bħala għan il-bejgħ ta’ apparati elettroniċi. Ivan hija aġenzija tal-proprjetà immobbli.

27

Matul l-2011, Nasco Srl, kumpannija privata rregolata mid-dritt privat, sussegwentement magħrufa bħala Fipa Group ingħaqdet ma’ LCA Lavorazione Compositi Apuana Srl u għalhekk hija saret proprjetarja ta’ art oħra fl-istess sit. Fipa Group eżerċitat l-attivitajiet tagħha fil-qasam tal-kostruzzjoni u tat-tiswija tal-vapuri.

28

Permezz ta’ atti amministrattivi tat-18 ta’ Mejju 2007 kif ukoll tas-16 ta’ Settembru u tas-7 ta’ Novembru 2011, id-direttorati kompetenti tal-Ministero rispettivament ordnaw lil Tws Automation, lil Ivan u lil Fipa Group l-eżekuzzjoni ta’ miżuri speċifiċi ta’ “protezzjoni ta’ emerġenza”, fis-sens tal-Kodiċi dwar l-ambjent, jiġifieri t-twettiq ta’ barriera idrawlika b’sensors intiża għall-protezzjoni tal-ilma tal-mejda u s-sottomissjoni ta’ modifika ta’ proġett intiż għar-riabilitazzjoni tal-art eżistenti mill-1995. Dawn id-deċiżjonijiet ġew mibgħuta lit-tliet kumpanniji, bħala “gwardjan[i] tal-art”.

29

Huma argumentaw li ma kinux huma li kkawżaw it-tniġġis ikkonstatat, u għalhekk dawn il-kumpaniji adixxew lit-Tribunale amministrativo regionale per la Toscana (Qorti amministrattiva tar-reġjun tat-Toscana) li, permezz ta’ tliet sentenzi separati, warrab dawn l-atti fuq il-bażi li taħt il-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas, li huwa speċifiku għad-dritt tal-Unjoni u għal-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tal-ambjent, l-awtoritajiet ma setgħux jimponu fuq il-bażi tat-Titolu V tal-Parti IV tal-Kodiċi dwar l-ambjent, l-eżekuzzjoni tal-miżuri inkwistjoni lill-impriżi li ma kellhom l-ebda responsabbiltà diretta fit-twettiq tal-fenomenu ta’ kontaminazzjoni kkonstatat fuq is-sit.

30

Il-Ministero appella minn dawn is-sentenzi quddiem il-Consiglio di Stato.

31

Skont il-Ministero, interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet fit-Titolu V tal-Parti IV tal-Kodiċi dwar l-ambjent fid-dawl tal-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas u tal-prinċipju ta’ prekawzjoni jippermetti li l-proprjetarju ta’ sit imniġġes isir debitur tal-eżekuzzjoni ta’ miżuri ta’ protezzjoni ta’ emerġenza.

32

L-Awla tal-Consiglio di Stato li ġiet adita, irreferiet lill-qorti plenarja ta’ din l-istess qorti, il-kwistjoni jekk fuq il-bażi tal-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas, l-awtoritajiet nazzjonali jistgħux jimponu fuq il-proprjetarju ta’ art imniġġsa, li ma kkawżax it-tniġġis, l-obbligu li jimplementa l-miżuri ta’ protezzjoni ta’ emerġenza inklużi fl-Artikolu 240(1)(m) ta’ dan il-kodiċi, jew jekk, f’tali ipoteżi, dan il-proprjetarju huwa responsabbli biss għall-piżijiet reali, espressament previsti fl-Artikolu 253 tal-istess kodiċi.

33

Permezz ta’ att tal-21 ta’ Novembru 2013, Versalis SpA, li għandha wkoll artijiet li huma parti mis-sit inkwistjoni li hija kisbet mingħand Edison SpA, intervjeniet sabiex titlob iċ-ċaħda tal-appell tal-Ministero.

34

Fid-deċiżjoni tar-rinviju, il-qorti plenarja tal-Consiglio di Stato tinnota li l-qrati amministrattivi Taljani ma jaqblux fl-interpretazzjoni li għandha tingħata għad-dispożizzjonijiet fil-Parti IV tal-Kodiċi dwar l-ambjent u, ġeneralment, dik dwar l-obbligi tal-proprjetarju ta’ sit kontaminat.

35

Għalhekk, meta parti mill-ġurisprudenza, li tibbaża fost l-oħrajn, fuq il-prinċipji ta’ prekawzjoni, ta’ azzjoni preventiva u ta’ min iniġġes iħallas, li huma speċifiċi għad-dritt tal-Unjoni, tikkunsidra li l-proprjetarju huwa obbligat jadotta miżuri ta’ protezzjoni ta’ emerġenza u ta’ riabilitazzjoni anki meta ma jkunx ikkawża t-tniġġis, parti oħra mill-qrati Taljani bil-kontra jeskludu kwalunkwe responsabbiltà tal-proprjetarju li ma jkunx ikkawża t-tniġġis u, konsegwentement, tikkontesta li l-awtorità tista’ titlob it-teħid ta’ tali miżuri minn dan il-proprjetarju. Il-qorti plenarja tal-Consiglio di Stato taqbel ma’ din l-aħħar fehma, li hija dominanti fil-ġurisprudenza amministrattiva Taljana.

36

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju, meta tirreferi għas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja ERG et (C‑378/08, EU:C:2010:126), kif ukoll ERG et (C‑379/08 u C‑380/08, EU:C:2010:127), tibbaża fuq interpretazzjoni litterali tal-Kodiċi dwar l-ambjent u tal-prinċipji ta’ responsabbiltà ċivili, li jeħtieġu rabta kawżali bejn l-azzjoni u d-dannu. L-eżistenza ta’ din ir-rabta hija neċessarja sabiex tiġi stabbilita kemm responsabbiltà suġġettiva, jew responsabbiltà oġġettiva għad-dannu kkunsidrat. Ma hemmx tali rabta fil-każ fejn il-proprjetarju ma jkunx ikkawża t-tniġġis. Konsegwentement, ir-responsabbiltà ta’ dan hija biss ibbażata fuq il-kwalità tiegħu ta’ proprjetarju, peress li t-tniġġis ma jistax jiġi attribwit lilu la b’mod suġġettiv u lanqas b’mod oġġettiv.

37

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Consiglio di Stato ddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

“Il-prinċipji tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-ambjent, sanċiti mill-Artikolu 191(2) TFUE u mid-Direttiva 2004/35/KE, tal-21 ta’ April 2004 (Artikoli l u 8(3); premessi 13 u 24) – b’mod partikolari, il-prinċipju “min iniġġes iħallas”, il-prinċipju ta’ prekawzjoni, il-prinċipju ta’ azzjoni preventiva, il-prinċipju ta’ korrezzjoni, bħala prijorità, fl-oriġini, tal-ħsara għall-ambjent – jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħalma hija dik stabbilita fl-Artikoli 244, 245 u 253 [tal-Kodiċi dwar l-ambjent] li, fil-każ ta’ tniġġis ikkonstatat ta’ sit u ta’ impossibbiltà li tiġi identifikata l-persuna responsabbli għat-tniġġis jew ukoll ta’ impossibbiltà li jinkisbu minn din tal-aħħar il-miżuri ta’ riparazzjoni, ma tippermettix lill-awtorità amministrattiva li timponi l-implementazzjoni tal-miżuri ta’ protezzjoni ta’ emerġenza u tar-riabilitazzjoni fuq il-proprjetarju mhux responsabbli għat-tniġġis, u tipprevedi biss fil-konfront ta’ dan tal-aħħar responsabbiltà patrimonjali limitata għall-valur tas-sit wara l-implementazzjoni tal-miżuri ta’ riabilitazzjoni?”

Fuq id-domanda preliminari

38

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent, kif previsti fl-Artikolu 191(2) TFUE u fid-Direttiva 2004/35, b’mod partikolari dak ta’ min iniġġes iħallas, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li huma jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, meta huwa impossibbli li jiġi identifikat ir-responsabbli għat-tniġġis ta’ art jew li jinkisbu l-miżuri ta’ rimedju minnu, ma jippermettux lill-awtorità kompetenti li timponi l-eżekuzzjoni tal-miżuri ta’ prevenzjoni u ta’ rimedju lill-proprjetarju ta’ din l-art, li ma huwiex responsabbli għat-tniġġis, b’dan ikun biss meħtieġ li jirrimborsa l-ispejjeż għall-interventi mwettqa mill-awtoritajiet kompetenti fil-limitu tal-valur tas-suq tas-sit, stabbiliti wara l-eżekuzzjoni ta’ dawn l-interventi.

Fuq l-applikabbiltà tal-Artikolu 191(2) TFUE

39

Għandu jitfakkar li l-Artikolu 191(2) TFUE jiddisponi li l-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent tfittex livell għoli ta’ protezzjoni u hija bbażata, b’mod partikolari, fuq il-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas. Għalhekk, din id-dispożizzjoni tillimita ruħha li tiddefinixxi l-għanijiet ġenerali tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent sa fejn l-Artikolu 192 TFUE jagħti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, meta jkunu qed jiddeċiedu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, is-setgħa li jiddeċiedu liema azzjoni għandha tittieħed sabiex jitwettqu dawn l-għanijiet (ara s-sentenzi ERG et, EU:C:2010:126, punt 45; ERG et, EU:C:2010:127, punt 38, kif ukoll id-digriet Buzzi Unicem et, C‑478/08 u C‑479/08, EU:C:2010:129, punt 35).

40

Konsegwentement, peress li l-Artikolu 191(2) TFUE, li jinkludi l-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas, japplika għall-azzjoni tal-Unjoni, din id-dispożizzjoni ma tistax tiġi invokata bħala tali minn individwi bl-iskop li tiġi eskluża l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fil-qasam tal-politika ambjentali, meta l-ebda leġiżlazzjoni tal-Unjoni adottata abbażi tal-Artikolu 192 TFUE li tkopri speċifikament is-sitwazzjoni kkonċernata ma tkun applikabbli (ara s-sentenzi ERG et, EU:C:2010:126, punt 46; ERG et, EU:C:2010:127, punt 39; kif ukoll id-digriet Buzzi Unicem et, EU:C:2010:129, punt 36).

41

Bl-istess mod, l-Artikolu 191(2) TFUE ma jistax jiġi invokat mill-awtoritajiet kompetenti fil-qasam tal-ambjent sabiex jimponu, fl-assenza ta’ bażi legali nazzjonali, miżuri ta’ prevenzjoni u ta’ rimedju.

42

Madankollu għandu jiġi nnotat li l-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas jista’ japplika fil-kawżi prinċipali sa fejn dan huwa implementat bid-Direttiva 2004/35. Din id-direttiva, adottata fuq il-bażi tal-Artikolu 175 KE, issa l-Artikolu 192 TFUE, skont it-tielet frażi tal-premessa 1, tfittex li tiżgura “l-implimentazzjoni ta’ l-għanijiet u tal-prinċipji tal-politika ambjentali tal-[Unjoni] kif stabbilit fit-Trattat” u għalhekk tapplika, kif stabbilit fil-premessa 2 tagħha, il-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas.

Fuq l-applikabbiltà ratione temporis tad-Direttiva 2004/35

43

Fid-dawl tal-fatt li, skont il-fatti li jirriżultaw mill-proċess li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddisponi minnu, id-danni ambjentali li saru fil-passat li huma inkwistjoni fil-kawża prinċipali jirriżultaw minn attivitajiet ekonomiċi mwettqa mill-proprjetarji tal-passat tal-artijiet li bħalissa huma rispettivament miżmuma minn Fipa Group, Tws Automation u Ivan, ma huwiex ċar li d-Direttiva 2004/35 hija applikabbli ratione temporis fil-kawżi prinċipali.

44

Fil-fatt, jirriżulta mill-ewwel u mit-tieni inċiż tal-Artikolu 17 ta’ din id-direttiva, moqri flimkien mal-premessa 30, li l-istess direttiva tapplika biss għal danni kkawżati minn emissjoni, każ jew inċident li seħħew wara t-30 ta’ April 2007 meta dawn id-danni jirriżultaw kemm minn attivitajiet li seħħew wara din id-data, kif ukoll minn attivitajiet li seħħew qabel din id-data iżda li ma ntemmux qabel din id-data (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ERG et, EU:C:2010:126, punti 40 u 41; ERG et, EU:C:2010:127, punt 34; kif ukoll id-digriet Buzzi Unicem et, EU:C:2010:129, punt 32).

45

Għaldaqstant, il-qorti tar-rinviju għandha l-ġurisdizzjoni li tistħarreġ, abbażi tal-fatti li hija biss tista’ tevalwa, jekk, fil-kawża prinċipali, id-danni li huma s-suġġett tal-miżuri ta’ prevenzjoni u ta’ rimedju deċiżi mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti humiex koperti jew le mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/35 kif indikat mill-Artikolu 17 ta’ din (ara, f’dan is-sens, is-sentenza ERG et, EU:C:2010:126, punt 43).

46

Jekk din il-qorti tasal għall-konklużjoni li din id-direttiva ma hijiex applikabbli fil-kawża mressqa quddiemha, din is-sitwazzjoni, għalhekk, taqa’ taħt id-dritt nazzjonali, b’osservanza tar-regoli tat-Trattat u bla ħsara għal atti legali sekondarji oħra (ara s-sentenzi ERG et, EU:C:2010:126, punt 44; ERG et, EU:C:2010:127, punt 37; kif ukoll id-digriet Buzzi Unicem et, EU:C:2010:129, punt 34).

47

Fil-każ li l-qorti tar-rinviju tasal għall-konklużjoni li tgħid li l-istess direttiva hija applikabbli ratione temporis fil-kawża prinċipali, huwa neċessarju li tiġi eżaminata d-domanda preliminari hekk kif ġej.

Fuq il-kunċett ta “operatur

48

Jirriżulta, mill-qari flimkien tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2004/35 mal-premessi 2 u 18 kif ukoll mal-punti 6 u 7 tal-Artikolu 2 u mal-Artikoli 5, 6, 8 u 11(2) ta’ din id-direttiva, li waħda mill-kundizzjonijiet essenzjali għall-applikazzjoni tal-mekkaniżmi ta’ responsabbiltà stabbilita minn dawn id-dispożizzjonijiet hija l-identifikazzjoni ta’ operatur li jista’ jitqies li huwa responsabbli.

49

Fil-fatt, it-tieni frażi tal-premessa 2 tad-Direttiva 2004/35 tistabbilixxi li l-prinċipju fundamentali ta’ din tal-aħħar għandu jkun li l-operatur li minħabba l-attività tiegħu jikkawża danni ambjentali jew jikkawża perikolu imminenti ta’ danni għandu jitqies finanzjarjament responsabbli.

50

Hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat, fis-sistema tal-Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva 2004/35, huwa fil-prinċipju għall-operatur li jikkawża d-danni ambjentali li għandu jieħu l-inizjattiva li jipproponi miżuri ta’ rimedju li jidhrulu xierqa għas-sitwazzjoni (ara s-sentenza ERG et, EU:C:2010:127, punt 46). Għalhekk l-awtorità kompetenti tista’ timponi fuq dan l-operatur it-teħid tal-miżuri neċessarji.

51

Bl-istess mod, l-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva, intitolat “L-ispejjeż ta’ prevenzjoni u rimedju” jiddisponi fil-paragrafu 1 tiegħu li huwa dan l-operatur li għandu jbati l-ispejjeż għall-azzjonijiet ta’ prevenzjoni u ta’ rimedju li ttieħdu skont din id-direttiva. L-awtoritajiet kompetenti għandhom, bis-saħħa tal-Artikolu 11(2) tal-istess direttiva, l-obbligu li jistabbilixxu liema operatur ikkawża d-danni.

52

Min-naħa l-oħra, il-persuni l-oħra li ma humiex iddefiniti fil-punt 6 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/35, jiġifieri dawk li ma jwettqux attività professjonali, fis-sens tal-punt 7 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, limitat għall-Artikolu 3(1)(a) u (b) ta’ din.

53

F’dan il-każ, hekk kif jirriżulta mill-punti ta’ fatt esposti mill-qorti tar-rinviju u kkonfermati mill-partijiet kollha fil-kawża prinċipali matul is-seduta, l-ebda konvenut fil-kawża prinċipali ma jeżerċita fil-preżent attività li hija elenkata fl-Anness III tad-Direttiva 2004/35. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi eżaminat sa liema punt dawn il-konvenuti x’aktarx jaqgħu taħt din id-direttiva skont l-Artikolu 3(1)(b) tagħha, li jikkonċerna d-danni kkawżati minn attivitajiet oħra għajr dawk elenkati f’dan l-anness, fejn l-operatur kien wettaq tort jew kien negliġenti.

Fuq il-kundizzjonijiet tar-responsabbiltà ambjentali

54

Hekk kif jirriżulta mill-Artikoli 4(5), u 11(2) tad-Direttiva 2004/35, moqrija flimkien mal-premessa 13 ta’ din, il-mekkaniżmi ta’ responsabbiltà ambjentali jirrikjedu, sabiex jaħdmu, li rabta kawżali tkun stabbilita mill-awtorità kompetenti bejn l-attività ta’ operatur wieħed jew iktar identifikabbli u d-danni ambjentali konkreti u kwantifikabbli għall-impożizzjoni ta’ miżuri ta’ rimedju għal dan jew dawn l-operaturi, irrispettivament mit-tip ta’ tniġġis inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza ERG et, EU:C:2010:126, punti 52 u 53, kif ukoll id-digriet Buzzi Unicem et, EU:C:2010:129, punti 39).

55

Fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(1)(a) ta’ din id-direttiva, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-obbligu, għall-awtorità kompetenti, li tistabbilixxi rabta kawżali japplika fil-kuntest tal-mekkaniżmi ta’ responsabbiltà ambjentali li huma l-għan tal-operaturi (ara s-sentenza ERG et, EU:C:2010:126, punti 63 sa 65, kif ukoll id-digriet Buzzi Unicem et, EU:C:2010:129, punt 45).

56

Hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 4(5) tad-Direttiva 2004/35, dan l-obbligu japplika wkoll fil-kuntest tal-mekkaniżmi ta’ responsabbiltà suġġettivi li jirriżultaw mit-tort jew minn negliġenza tal-operatur, previst fl-Artikolu 3(1)(b) ta’ din id-direttiva għal attivitajiet professjonali oħra għajr dawk imsemmija fl-Anness III ta’ din id-direttiva.

57

L-importanza partikolari tal-kundizzjoni ta’ rabta kawżali bejn l-attività tal-operatur u d-dannu ambjentali għall-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas u, għalhekk, għall-mekkaniżmi ta’ responsabbiltà stabbiliti mid-Direttiva 2004/35, jirriżulta wkoll mid-dispożizzjonijiet ta’ din tal-aħħar dwar il-konsegwenzi li għandhom joħorġu mill-assenza tal-kontribuzzjoni tal-operatur għat-tniġġis jew għar-riskju ta’ tniġġis.

58

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, konformement mal-Artikolu 8(3)(a) tad-Direttiva 2004/35, moqri flimkien mal-premessa 20 ta’ din, l-operatur ma huwiex obbligat isostni l-ispejjeż ta’ azzjonijiet ta’ rimedju meħuda skont din id-direttiva meta jkun jista’ jipproduċi prova li d-danni kkważati lill-ambjent kienu kkawżati minn terza persuna u seħħew minkejja li miżuri ta’ sigurtà xierqa kienu f’posthom, jew ta’ konformità ma’ ordni jew istruzzjoni ta’ awtorità pubblika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza ERG et, EU:C:2010:126, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll id-digriet Buzzi Unicem et, EU:C:2010:129, punt 46).

59

Meta l-ebda rabta kawżali ma tista’ tiġi stabbilita bejn dannu ambjentali u l-attività tal-operatur, din il-kwistjoni taqa’ taħt id-dritt nazzjonali fil-kundizzjonijiet imfakkra fil-punt 46 ta’ din is-sentenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza, ERG et, EU:C:2010:126, punt 59, kif ukoll id-digriet Buzzi Unicem et, EU:C:2010:129, punti 43 u 48).

60

F’dan il-każ, jirriżulta mill-provi prodotti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u mill-kliem tad-domanda preliminari, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tikkonferma li l-konvenuti fil-kawża prinċipali ma kinux taw lok għad-danni ambjentali inkwistjoni.

61

Għalkemm l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2004/35 jipprovdi, konformement mal-Artikolu 193 TFUE, il-possibbiltà għall-Istati Membri li jżommu u jadottaw miżuri iktar stretti għall-prevenzjoni u għar-rimedju għal danni ambjentali, b’mod partikolari l-identifikazzjoni ta’ partijiet oħra responsabbli, sakemm dawn il-miżuri jkunu kompatibbli mat-Trattati.

62

Madankollu, f’dan il-każ, huwa stabbilit li, skont il-qorti tar-rinviju, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tippermettix li l-proprjetarju li ma jkunx responsabbli għat-tniġġis jiġi impost miżuri ta’ rimedju, b’din il-leġiżlazzjoni sempliċement tipprevedi f’dan ir-rigward li tali proprjetarju jista’ jkun meħtieġ li jirrimborsa l-ispejjeż tal-interventi mwettqa mill-awtorità kompetenti fil-limiti tal-valur tal-art stabbilit wara l-implementazzjoni ta’ dawn l-interventi.

63

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha msemmija iktar ’il fuq, ir-risposta għad-domanda preliminari għandha tkun li d-Direttiva 2004/35 għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, meta huwa impossibbli li jiġi identifikat ir-responsabbli għat-tniġġis ta’ art jew li jinkisbu l-miżuri ta’ rimedju minnu, ma tippermettix lill-awtorità kompetenti li timponi l-eżekuzzjoni tal-miżuri ta’ prevenzjoni u ta’ rimedju lill-proprjetarju ta’ din l-art, li ma huwiex responsabbli għat-tniġġis, b’dan ikun biss meħtieġ li jirrimborsa l-ispejjeż għall-interventi mwettqa mill-awtoritajiet kompetenti fil-limitu tal-valur tas-suq tas-sit, stabbiliti wara l-eżekuzzjoni ta’ dawn l-interventi.

Fuq l-ispejjeż

64

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Id-Direttiva 2004/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ April 2004, dwar ir-responsabbiltà ambjentali f’dak li għandu x’jaqsam mal-prevenzjoni u r-rimedju għal danni ambjentali, għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, meta huwa impossibbli li jiġi identifikat ir-responsabbli għat-tniġġis ta’ art jew li jinkisbu l-miżuri ta’ rimedju minnu, ma tippermettix lill-awtorità kompetenti li timponi l-eżekuzzjoni tal-miżuri ta’ prevenzjoni u ta’ rimedju lill-proprjetarju ta’ din l-art, li ma huwiex responsabbli għat-tniġġis, b’dan ikun biss meħtieġ li jirrimborsa l-ispejjeż għall-interventi mwettqa mill-awtoritajiet kompetenti fil-limitu tal-valur tas-suq tas-sit, stabbiliti wara l-eżekuzzjoni ta’ dawn l-interventi.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.