SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

5 ta’ Frar 2015 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Agrikoltura — Politika Agrikola Komuni — Regolament (KEE) Nru 2078/92 — Metodi ta’ produzzjoni agrikola kompatibbli mar-rekwiżiti tal-ħarsien tal-ambjent u taż-żamma tal-kampanja fi stat tajjeb — Irtirar għal żmien twil ta’ art agrikola għal raġunijiet marbuta mal-ambjent — Għajnuna agroambjentali mħallsa lill-bdiewa u kofinanzjata mill-Unjoni Ewropea — Kwalità tal-benefiċjarju ta’ tali għajnuna”

Fil-Kawża C‑498/13,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Symvoulio tis Epikrateias (il-Greċja), permezz ta’ deċiżjoni tal-1 ta’ Awwissu 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-16 ta’ Settembru 2013, fil-proċedura

Agrooikosystimata EPE

vs

Ypourgos Oikonomias kai Oikonomikon,

Ypourgos Agrotikis Anaptyxis kai Trofimon,

Perifereia Thessalias (Perifereaki Enotita Magnisias),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

komposta minn A. Borg Barthet (Relatur), li qed jaġixxi bħala President tas-Sitt Awla, E. Levits u F. Biltgen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Agrooikosystimata EPE, minn P. Giatagantzidis, dikigoros,

għall-Ypourgos Oikonomikon u l-Ypourgos Agrotikis Anaptyxis kai Trofimon kif ukoll għall-Gvern Grieg, minn I. Chalkias u E. Leftheriotou, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Aquilina u D. Triantafyllou, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2078/92, tat-30 ta’ Ġunju 1992, dwar metodi ta’ produzzjoni agrikola kompatibbli mar-rekwiżiti tal-ħarsien tal-ambjent u taż-żamma tal-kampanja fi stat tajjeb (ĠU L 215, p. 85), u tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 746/96, tal-24 ta’ April 1996, dwar l-implementazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 2078/92 (ĠU L 102, p. 19).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Agrooikosystimata EPE (iktar ’il quddiem “Agrooikosystimata”) u l-Ypourgos Oikonomias kai Oikonomikon (Ministeru għall-Ekonomija u l-Finanzi), u l-Ypourgos Agrotikis Anaptyxis kai Trofimon (Ministeru għall-Iżvilupp Rurali u għall-Ikel) u l-Perifereia Thassalias (Perifereaki Enotita Magnisias) (Reġjun tat-Thessalie, dipartiment ta’ Magnisia), dwar l-esklużjoni ta’ art agrikola, mikrija minn Agrooikosystimata, mill-programm ta’ rtirar għal żmien twil ta’ art agrikola (iktar ’il quddiem il-“programm RTALT”).

Il-kuntest ġuridiku

Ir-Regolament Nru 2078/92

3

Il-premessi 2, 4, 10, 11 u 12 tar-Regolament Nru 2078/92 jipprovdu dan li ġej:

“billi l-miżuri intiżi għat-tnaqqis tal-produzzjoni agrikola fil-Komunità għandu jkollhom konsegwenzi benefiċi fuq il-livell ambjentali;

[…]

billi, abbażi ta’ skema ta’ għajnuna adegwata, l-agrikolturi jistgħu jeżerċitaw funzjoni ġenwina għas-servizz tas-soċjetà kollha bl-introduzzjoni jew iż-żamma ta’ metodi ta’ produzzjoni kompatibbli mar-rekwiżiti li dejjem jiżdiedu tal-ħarsien tal-ambjent, tar-riżorsi naturali u mar-rekwiżiti taż-żamma fi stat tajjeb tal-kampanja u tal-pajsaġġ;

[...]

billi minħabba fl-iskala tal-problemi huwa neċessarju li l-iskemi japplikaw għall-agrikolturi kollha fil-Komunità li jimpenjaw ruħhom li jagħmlu użu minn metodi li jipproteġu, iżommu fi stat tajjeb jew itejbu l-ambjent u l-kampanja u li jevitaw iktar produzzjoni agrikola intensiva;

billi [...] jidher li madankollu huwa xieraq li tiġi introdotta skema għal irtirar għal żmien twil ta’ art agrikola għal raġunijiet marbuta mal-ambjent u għall-ħarsien tar-riżorsi naturali;

billi l-miżuri previsti f’dan ir-Regolament għandhom iħeġġu lill-agrikolturi jidħlu għal impenji dwar agrikoltura kompatibbli mar-rekwiżiti tal-ħarsien tal-ambjent u ż-żamma tal-kampanja fi stat tajjeb u b’hekk jikkontribwixxu għall-bilanċ tas-swieq; dawn għandhom jikkumpensaw lill-agrikolturi għat-telf ta’ dħul tagħhom dovut għal tnaqqis tal-produzzjoni u/jew għal żieda tal-ispejjeż ta’ produzzjoni kif ukoll għar-rwol li huma għandhom fit-titjib tal-ambjent.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

4

Skont l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 2078/92:

“Skema Komunitarja għall-għajnuna kofinanzjata mit-taqsima ‘garanzija’ tal-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Gwida u Garanzija (EAGGF), qiegħda tiġi stabbilita sabiex:

takkumpanja l-bidliet previsti fil-kuntest tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq;

tikkontribwixxi biex jintlaħqu l-għanijiet tal-politika Komunitarja dwar l-agrikoltura u l-ambjent;

tikkontribwixxi biex toffri lill-agrikolturi dħul xieraq.

Din l-iskema Komunitarja hija intiża li:

a)

tiffavorixxi l-użu ta’ prattiki ta’ produzzjoni agrikoli dwar it-tnaqqis tal-effetti tat-tniġġis mill-agrikoltura, fatt li jikkontribwixxi wkoll, permezz ta’ tnaqqis tal-produzzjoni, għal bilanċ aħjar tas-swieq;

b)

tiffavorixxi estensjoni preferenzjali għall-ambjent tal-produzzjoni tal-ħaxix u għat-trobbija tal-bhejjem tal-ifrat u tan-nagħaġ inkluż il-bidla lura tar-raba’ f’art estensiva bil-ħaxix;

c)

tiffavorixxi l-użu ta’ art agrikola billi tieħu inkunsiderazzjoni l-ħarsien u t-titjib tal-ambjent, tal-kampanja, tal-pajsaġġ, tar-riżorsi naturali, tal-ħamrija u tad-diversità ġenetika;

d)

tinkoraġġixxi ż-żamma fi stat tajjeb tal-art agrikola u foresti abbandunati fejn dan huwa meħtieġ għal raġunijiet ambjentali, perikoli naturali jew perikoli ta’ nirien, u b’dan il-mod jiġu prevenuti l-perikoli marbuta mad-depopolazzjoni taż-żoni agrikoli;

e)

tinkoraġġixxi l-irtirar għal żmien twil ta’ art agrikola għal raġunijiet marbuta mal-ambjent;

f)

tinkoraġġixxi l-amministrazzjoni ta’ art għall-aċċess tal-pubbliku u għal attivitajiet ta’ divertiment;

g)

tiffavorixxi l-edukazzjoni u t-taħriġ ta’ agrikolturi fil-qasam tal-produzzjoni agrikola li hija kompatibbli mar-rekwiżiti tal-ħarsien tal-ambjent u maż-żamma fi stat tajjeb tal-kampanja.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

5

L-Artikolu 2(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“Suġġetta għall-kundizzjoni ta’ effetti pożittivi fuq l-ambjent u fuq il-kampanja, l-iskema tista’ tinkludi għajnuna għall-bdiewa li jimpenjaw ruħhom li:

[...]

e)

iżommu fi stat tajjeb art agrikola jew forestali abbandunata;

f)

jirrinunċjaw għall-użu ta’ art agrikola għal mill-inqas għoxrin sena bil-għan li dawn jintużaw għal finijiet marbuta mal-ambjent, b’mod partikolari sabiex jiġu stabbiliti riżervi ta’ bijotipi jew parkijiet naturali jew sabiex jiġu protetti l-ilmijiet;

[...]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

6

L-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-regolament kien jipprovdi:

“Primjum annwali għal kull ettaru jew għal kull bhima rtirata jingħata lill-bdiewa li jimpenjaw ruħhom, għal minn tal-inqas ħames snin, għat-twettiq ta’ wieħed jew iktar mill-obbligi msemmija fl-Artikolu 2, skont il-programm applikabbli fiż-żona kkonċernata. Fil-każ ta’ irtirar tal-art, it-tul ta’ dan l-obbligu jestendi għal għoxrin sena.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

7

L-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 2078/92 kien jipprovdi:

“1.   Sabiex l-għanijiet ta’ dan ir-regolament jintlaħqu fil-kuntest tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi ġenerali msemmija fl-Artikolu 3(4) u/jew tal-programmi taż-żoni, l-Istati Membri jistabbilixxu:

a)

il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-għajnuna;

b)

l-ammont ta’ għajnuna li għandha tingħata, abbażi tal-impenn tal-benefiċjarju u abbażi tat-telf ta’ dħul u tal-bżonn li tingħata inċentiva għall-miżura;

c)

il-kundizzjonijiet sabiex tingħata l-għajnuna għaż-żamma fi stat tajjeb tas-superfiċi abbandunati msemmija fl-Artikolu 2(1)(e), fil-każ ta’ nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ agrikolturi, lil persuni oħra li ma humiex agrikolturi;

[...]

2.   L-ebda għajnuna skont dan ir-regolament ma tista’ tingħata għal superfiċi li jaqgħu taħt l-iskema Komunitarja tal-irtirar ta’ art li hija użata għall-produzzjoni ta’ prodotti li ma humiex relatati mal-ikel.

[...]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

8

Ir-Regolament Nru 2078/92 tħassar permezz tal-Artikolu 55(1) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1257/1999, tas-17 ta’ Mejju 1999, dwar is-sostenn għal żvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Gwida u Garanzija (FAEGG) u jemenda u jħassar ċerti Regolamenti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 25, p. 391).

9

Madankollu, skont l-Artikolu 55(3) tar-Regolament Nru 1257/1999, ir-Regolamenti mħassra u d-dispożizzjonijiet imneħħija permezz tal-paragrafi 1 u 2 rispettivament, tal-Artikolu 55 baqgħu japplikaw għal azzjonijiet approvati mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej permezz tar-Regolament qabel l-1 ta’ Jannar 2000.

Ir-Regolament Nru 746/96

10

L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 746/96 kien jipprovdi:

“L-għajnuna lill-bdiewa msemmija fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament (KEE) Nru 2078/92 tingħata għal impenji li għandhom effett pożittiv fuq l-ambjent u fuq il-kampanja. Fid-dawl tal-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 1 tal-imsemmi regolament, dawn l-obbligi għandhom jagħmlu lill-metodi ta’ produzzjoni iktar kompatibbli mar-rekwiżiti tal-ħarsien tal-ambjent u b’hekk jikkontribwixxu għat-titjib tal-prattiki agrikoli tajbin.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Id-Deċiżjoni 2000/115/KE

11

L-Anness I tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni, tal-24 ta’ Novembru 1999, rigward id-definizzjonijiet tal-karatteristiċi, il-lista ta’ prodotti agrikoli, l-eċċezzjonijiet għad-definizzjonijiet u r-reġjuni u d-distretti rigward l-istħarriġ tal-istruttura tal-ażjendi agrikoli (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 28, p. 241), intitolat “Definizzjonijiet u spjegazzjonijiet applikabbli għal-lista’ ta’ karatteristiċi li għandhom jintużaw għal stħarriġ tal-Komunità dwar l-istruttura ta’ ażjendi”, jiddefinixxi l-azjenda agrikola kif ġej:

“Unità waħda kemm teknikament kif ukoll ekonomikament, li għandha ġestjoni waħda u li tipproduċi prodotti agrikoli. L-impriża tista’ wkoll toffri prodotti u servizzi supplementari oħrajn (mhux agrikoli).”

12

Il-punt B/01 tal-imsemmi anness jiddisponi:

“Il-pussessur tal-impriża huwa dik il-persuna naturali, grupp ta’ persuni naturali jew il-persuna legali li għaliha u f’isimha l-impriża tiġi operata u li hija legalment u ekonomikament responsabbli għall-impriża, i.e., li tieħu r-riskji ekonomiċi tal-impriża. Il-pussessur jista’ jkun proprjetarju tal-impriża jew jikriha jew ikun kerrej fit-tul ereditarju jew użufruttwarju jew ‘depożitarju’. Is-sħab kollha f’impriża grupp li jieħdu sehem fix-xogħol agrikolu tal-impriża jitqiesu bħala pussessuri.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

13

Agrooikosystimata ġiet inkorporata fil-forma ta’ kumpannija b’responsabbiltà limitata, li għandha bħala għan, b’mod partikolari, l-istudju, l-implementazzjoni ta’ programmi u ta’ proġetti li jirrigwardaw il-ħarsien, ir-riabilitazzjoni u t-titjib tal-ambjent naturali u agrikolu, l-iżvilupp ta’ inizjattivi u ta’ azzjonijiet favur il-ħarsien tal-ambjent, it-twettiq ta’ studji tal-impatt ambjentali kif ukoll l-istudju u l-implementazzjoni tal-programmi għall-finijiet tal-iżvilupp rurali.

14

Matul is-sena 1997, Agrooikosystimata kriet art b’superfiċi ta’ 237.4 ettari fid-dipartiment ta’ Magnisia, bil-ħsieb li toħloq, b’mod partikolari, bijotopi u parkijiet ekoloġiċi.

15

Fis-26 ta’ Jannar 1998, Agrooikosystimata kkonkludiet mal-Kap tad-Direttorat għall-iżvilupp agrikolu ta’ dan id-dipartiment, fil-kwalità tiegħu ta’ rappreżentant tal-Ministeru għall-iżvilupp agrikolu u għall-ikel, kuntratt ta’ ġestjoni fil-kuntest tal-programm RTALT previst mir-Regolament Nru 2078/92.

16

L-art ikkonċernata ġiet inkluża, mis-sena 1998, f’dan il-programm għal għoxrin sena. Agrooikosystimata impenjat ruħha għal diversi obbligi marbuta mat-twettiq taħt verifika tal-għanijiet elenkati fl-imsemmi programm u, inkambju, ħadet għajnuna finanzjarja abbażi tal-ettari kif ukoll għajnuna komplementari matul ħames snin għall-kreazzjoni ta’ park naturali.

17

Matul ix-xahar ta’ Ġunju 2005, il-Kumitat ċentrali għall-verifika tal-programm RTALT fuq it-territorju Grieg qies li, fin-nuqqas tal-eliġibbiltà ta’ din l-art skont l-imsemmi programm, Agrooikosystimata ma kinitx tissodisfa r-rekwiżiti sabiex tkun benefiċjarja tal-imsemmija għajnuna.

18

Skont dan il-Kumitat, jistgħu jipparteċipaw fil-programm RTALT il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li, fil-mument tal-inklużjoni tal-art agrikola tagħhom f’dan il-programm, kellhom dħul mill-attività agrikola tagħhom eżerċitata fuq l-art eliġibbli, li kienu jistgħu jiġu mċaħħda minnu minħabba fit-tnaqqis ippjanifikat fil-produzzjoni jew inkella fiż-żieda fl-ispejjeż ta’ produzzjoni.

19

Min-naħa l-oħra, la jistgħu jipparteċipaw fl-imsemmi programm il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li, fil-mument tal-inklużjoni tal-art tagħhom f’dan tal-aħħar, ma ġarrbu l-ebda telf fid-dħul minħabba fir-rikonverżjoni tal-azjenda tagħhom u lanqas, inqas u inqas, il-persuni ġuridiċi li ġew inkorporati bl-għan kummerċjali li jaċċedu għall-għajnuna finanzjarja prevista mill-istess programm, bis-saħħa tal-inklużjoni f’dan tal-aħħar tal-art agrikola li huma kienu jikru jew kellhom l-intenzjoni li jikru għal dan il-għan.

20

Peress li kkunsidra li Agrooikosystimata ġiet inkorporata bħala kumpannija kummerċjali, u li din ma ġarrbet l-ebda telf fid-dħul wara l-inklużjoni tal-art inkwistjoni fil-programm RTALT u li l-kiri ta’ din l-art kif ukoll l-inklużjoni tagħha f’dan il-programm kellhom barra minn hekk għan kummerċjali u ta’ qligħ, li jmur kontra d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 2078/92, il-Kumitat ċentrali għall-verifika tal-programm RTALT qies li l-imsemmija art kienet ġiet inkluża bi żball f’dan il-programm u kellha tiġi eskluża minnu.

21

Konsegwentement, permezz ta’ deċiżjoni tad-Direttur għall-iżvilupp agrikolu tal-amministrazzjoni tal-prefettura ta’ Magnisia, tal-14 ta’ Novembru 2007, il-kuntratt ta’ ġestjoni konkluż bejn il-Ministeru għall-iżvilupp agrikolu u għall-ikel u Agrooikosystimata ġie rexiss u l-art ikkonċernata ġiet eskluża mill-programm RTALT.

22

Agrooikosystimata appellat minn din id-deċiżjoni. Quddiem id-Dioikitiko Efeteio Larisas (Qorti Amministrattiva tal-Appell ta’ Larisa), hija ssostni, b’mod partikolari, kemm mill-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 2078/92 kif ukoll mill-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 746/96, u mid-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni 89/651/KEE, tas-26 ta’ Ottubru 1989, dwar id-definizzjonijiet tal-karatteristiċi u l-lista ta’ prodotti agrikoli fid-dawl tal-istħarriġ Komunitarju dwar l-istruttura tal-azjendi agrikoli matul il-perijodu 1988-1997 (ĠU L 391, p. 1), u 2000/115, jirriżulta li l-benefiċjarji tal-programm RTALT huma l-operaturi, persuni fiżiċi jew ġuridiċi, li huma proprjetarji jew bdiewa, u dan indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk jeżerċitawx attività agrikola f’azjendi li huma diġà attivi u li jipproduċu dħul agrikolu. Skont Agrooikosystimata, il-kumpens finanzjarju previst mir-Regolament Nru 2078/92 jingħata lill-bidwi minħabba fiċ-ċaħda tal-possibbiltà li l-art ikkonċernata tintuża skont l-użu intiż tagħha.

23

Id-Dioikitiko Efeteio Larisas tikkunsidra li jirriżulta mir-Regolamenti Nru 2078/92 u Nru 746/96 li jistgħu biss jipparteċipaw fil-programm RTALT il-persuni li jeżerċitaw attività agrikola bħala professjoni prinċipali u li d-dħul tagħhom mill-użu tal-art inkluża fil-programm jonqos minħabba fl-obbligi u fir-restrizzjonijiet li ssuġġettaw ruħhom għalihom. Peress li qieset li Agrooikosystimata ma kienet teżerċita l-ebda attività agrikola u ma ġarrbet l-ebda telf fid-dħul agrikolu minħabba fl-irtirar tal-art ikkonċernata, l-imsemmija qorti ddeċidiet li din il-kumpannija ma kinitx tissodisfa r-rekwiżiti li kienu jippermettulha tibbenefika minn dan il-programm rigward l-imsemmija art.

24

Konsegwentement, id-Dioikitiko Efeteio Larisas ċaħdet l-appell ippreżentat minn Agrooikosystimata.

25

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li tikkritika lill-imsemmija qorti li bbażat ruħha fuq interpretazzjoni żbaljata tar-Regolamenti Nru 2078/92 u Nru 746/96, ippreżentat appell quddiem il-qorti tar-rinviju.

26

Peress li kkunsidrat li s-soluzzjoni tal-kawża prinċipali tiddependi mill-interpretazzjoni tal-imsemmija regolamenti, Symvoulio tis Epikrateias (Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

“L-istruttura [is-sens] tar-Regolamenti Nru 2078/92 u Nru 746/96 teżiġi li l-benefiċjarji ta’ programm ta’ rtirar għal żmien twil ta’ art agrikola jkollhom il-kwalità ta’ agrikolturi jew huwa biżżejjed li dawn jassumu r-riskju ekonomiku tal-amministrazzjoni tal-art eliġibbli li għaliha huma responsabbli?”

Fuq id-domanda preliminari

27

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi, jekk il-benefiċjarji tal-programm RTALT stabbilit mir-Regolament Nru 2078/92 għandhomx ikollhom il-kwalità ta’ agrikolturi jew huwiex biżżejjed li dawn jassumu r-riskju ekonomiku tal-amministrazzjoni tal-art eliġibbli li għaliha huma responsabbli.

28

Quddiem il-qorti tar-rinviju, Agrooikosystimata tikkontesta l-interpretazzjoni tar-Regolamenti Nru 2078/92 u Nru 746/96 li ġew trattati mid-Dioikitiko Efeteio Larisas, li tgħid li jistgħu biss jipparteċipaw fl-imsemmi programm il-persuni li jeżerċitaw attività agrikola bħala professjoni prinċipali u li d-dħul tagħhom mill-użu tal-art inkluża fil-programm naqas minħabba fl-obbligi u fir-restrizzjonijiet li huma ssuġġettaw ruħhom għalihom.

29

Skont Agrooikosystimata, mill-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 2078/92, liema regolament, fil-verżjoni tiegħu bil-Grieg, jidentifika lid-destinatarji tal-iskema ta’ għajnuna stabbilita permezz tar-regolament bħala “κατόχους γεωργικών εκμεταλλεύσεων” (bdiewa), jirriżulta li l-kwalità ta’ agrikoltur ma hijiex rikjesta sabiex persuna tkun tista’ tipparteċipa fil-programm RTALT.

30

Agrooikosystimata ssostni, f’dan ir-rigward, li l-imsemmija regolament jistabbilixxi distinzjoni bejn il-kunċett ta’ “γεωργοί” (agrikolturi) u dak ta’ “κατόχους γεωργικών εκμεταλλεύσεων” (bdiewa). Dan l-aħħar kunċett, iktar wiesa’ minn ta’ qablu, għandu jikkorrispondi għad-definizzjoni li tissemma’ fil-punt B/01 tal-Anness I tad-Deċiżjoni 2000/115, jiġifieri “l-persuna naturali, grupp ta’ persuni naturali jew il-persuna legali li għaliha u f’isimha l-impriża tiġi operata u li hija legalment u ekonomikament responsabbli għall-impriża, i.e., li tieħu r-riskji ekonomiċi tal-impriża”.

31

Għandu jiġi nnotat li jeżistu differenzi bejn id-diversi verżjonijiet lingwistiċi tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 2078/92.

32

Fil-fatt, filwaqt li l-verżjoni Griega, Franċiża, Taljana u Olandiża ta’ din id-dispożizzjoni tirreferi għall-kunċett ta’ “bidwi” għall-finijiet tal-identifikazzjoni tad-destinatarji tal-iskema ta’ għajnuna prevista f’dan ir-regolament, il-verżjoni Spanjola, Ġermaniża u Ingliża tal-imsemmija dispożizzjoni tirreferi għall-kunċett ta’ “agrikoltur”.

33

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għandhom ikunu interpretati u applikati b’mod uniformi, fid-dawl tal-verżjonijiet stabbiliti bil-lingwi kollha tal-Unjoni u li, f’każ ta’ diverġenza bejn id-diversi verżjonijiet lingwistiċi ta’ test tad-dritt tal-Unjoni, id-dispożizzjoni inkwistjoni għandha tiġi interpretata skont is-sens ġenerali u l-iskop tal-leġiżlazzjoni li tifforma parti minnha (ara s-sentenza GSV, C‑74/13, EU:C:2014:243, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34

Fil-każ ineżami, minkejja l-fatt li l-verżjoni Griega, Franċiża, Taljana u Olandiża tuża, fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 2078/92, l-espressjoni “bidwi”, minflok il-kelma “agrikoltur”, sabiex tirreferi għall-benefiċjarji tal-iskema ta’ għajnuna kkonċernata, dawn iż-żewġ kunċetti għandhom, kif jirriżulta mir-ratio ta’ dan ir-regolament, sens ekwivalenti.

35

Dan jirriżulta kemm mill-preambolu tar-Regolament Nru 2078/92 li, f’kull waħda mill-verżjonijiet lingwistiċi msemmija fil-punt [32] ta’ din is-sentenza, juża t-terminu “agrikoltur”, b’esklużjoni tat-terminu “bidwi”, inkluż meta jidentifika, fir-raba’ premessa u fil-premessa tnax tiegħu b’mod partikolari, l-“agrikolturi” bħala d-destinatarji tal-iskema ta’ għajnuna li huwa jistabbilixxi, kif ukoll mill-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, li jgħid li din l-iskema ta’ għajnuna għandha bħala għan li tikkontribwixxi li toffri “lill-agrikolturi” dħul xieraq.

36

Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-Artikolu 5(1)(c) tar-Regolament Nru 2078/92, rigward superfiċi abbandunati, li minnu jirriżulta li l-għajnuna prevista fl-Artikolu 2(1) ta’ dan ir-regolament tista’ tingħata biss lill-persuni oħra li ma humiex agrikolturi meta dawn tal-aħħar ma jkunux disponibbli għall-finijiet tal-ġestjoni tal-art agrikola jew forestali abbandunata.

37

L-interpretazzjoni li tirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti, skont liema huma biss il-persuni li għandhom il-kwalità ta’ agrikoltur li jistgħu jipparteċipaw fil-programm RTALT, hija wkoll konformi mal-għanijiet imfittxija mir-Regolament Nru 2078/92.

38

Fil-fatt, kif jirriżulta mit-tieni premessa, mill-għaxar premessa u mit-tnax-il premessa tiegħu, dan ir-regolament kien stabbilixxa skema Komunitarja ta’ għajnuna li l-għan prinċipali tagħha kien li tirregolarizza l-produzzjoni agrikola (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Huber, C‑336/00, EU:C:2002:509, punt 35).

39

Dan kien, b’mod partikolari, l-għan imsemmi fil-programm RTALT skont liema kumpens finanzjarju kien ingħata lill-agrikolturi li kienu impenjaw ruħhom jipproċedu għall-irtirar, tal-attività agrikola tagħhom, ta’ parti mill-art tagħhom għal raġunijiet marbuta mal-ambjent u mal-ħarsien tar-riżorsi naturali.

40

F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li l-kunċett ta’ “attività agrikola”, kif definit fl-Artikolu 2(c) tar-Regolament (KE) tal-Kunsill Nru 1782/2003, tad-29 ta’ Settembru 2003, li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi diretti ta’ appoġġ fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall-bdiewa u li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2019/93, (KE) Nru 1452/2001, (KE) Nru 1453/2001, (KE) Nru 1454/2001, (KE) Nru 1868/94, (KE) Nru 1251/1999, (KE) Nru 1254/1999, (KE) Nru 1673/2000, (KE) Nru 2358/71 u (KE) Nru 2529/2001 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 40, p. 269), li jinkludi ż-żamma tal-art f’kundizzjonijiet agrikoli u ambjentali tajba, ma jistax jiġi użat għall-finijiet tal-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 2078/92, peress li dan il-kunċett ġie ddefinit fil-kuntest ta’ diżakkoppjar ta’ għajnuna għall-produzzjoni agrikola, jiġifieri f’kuntest totalment differenti minn dak li jirrigwarda l-fatti fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, fl-imsemmi kuntest, l-għajnuna agrikola kienet għadha qed tingħata essenzjalment skont il-volum ta’ produzzjoni.

41

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li setgħu biss jipparteċipaw fil-programm RTALT dawk il-persuni li preċedentement kellhom fil-pussess tagħhom produzzjoni agrikola.

42

Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-Anness I tad-Deċiżjoni 2000/115, li tgħid li s-sħab kollha f’impriża grupp li jieħdu sehem fix-xogħol agrikolu tal-impriża jitqiesu li huma pussessuri [traduzzjoni mhux uffiċjali], peress li azjenda agrikola hija ddefinita bħala “[u]nità waħda kemm teknikament kif ukoll ekonomikament, li għandha ġestjoni waħda u li tipproduċi prodotti agrikoli”.

43

Barra minn hekk, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-għanijiet ambjentali jagħmlu parti mill-għanijiet imfittxija mir-Regolament Nru 2078/92, hija speċifikat ukoll li l-promozzjoni ta’ forom ta’ produzzjoni li jirrispettaw iktar l-ambjent, minkejja li tikkostitwixxi għan ċertament konkret tal-politika agrikola komuni, xorta tibqa’ għan anċillari (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Huber, EU:C:2002:509, punti 32 u 36).

44

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi sostnut, kif tagħmel Agrooikosystimata, li t-twettiq tal-għanijiet agroambjentali msemmija fir-Regolament Nru 2078/92 huwa minnu nnifsu suffiċjenti sabiex jiġġustifika l-fatt li l-għajnuna prevista mir-regolament tista’ tingħata lill-persuni oħra li ma humiex agrikolturi.

45

Fil-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda għandha tkun li r-Regolament Nru 2078/92 għandu jiġi interpretat fis-sens li setgħu biss jibbenefikaw mill-programm RTALT previst fl-Artikolu 2(1)(f) tiegħu dawk il-persuni li preċedentement kellhom fil-pussess tagħhom produzzjoni agrikola.

Fuq l-ispejjeż

46

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2078/92, tat-30 ta’ Ġunju 1992, dwar metodi ta’ produzzjoni agrikola kompatibbli mar-rekwiżiti tal-ħarsien tal-ambjent u taż-żamma tal-kampanja fi stat tajjeb, għandu jiġi interpretat fis-sens li setgħu biss jibbenefikaw mill-programm tal-irtirar għal żmien twil ta’ art agrikola previst fl-Artikolu 2(1)(f) tiegħu dawk il-persuni li preċedentement kellhom fil-pussess tagħhom produzzjoni agrikola.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Grieg.