Kawża C‑461/13

Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland eV

vs

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesverwaltungsgericht)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Ambjent — Politika tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-ilma — Direttiva 2000/60/KE — Artikolu 4(1) — Għanijiet ambjentali relatati mal-ilmijiet tal-wiċċ — Deterjorament tal-istat ta’ korp tal-ilma tal-wiċċ — Proġett ta’ żvilupp ta’ rotta bil-baħar — Obbligu għall-Istati Membri li ma jawtorizzawx proġett li jkun jista’ jikkawża deterjorament tal-istat ta’ korp tal-ilma tal-wiċċ — Kriterji determinanti biex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ deterjorament tal-istat ta’ korp tal-ilma”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-1 ta’ Lulju 2015

  1. Ambjent – Politika tal-Unjoni fil-qasam tal-ilma – Direttiva 2000/60 – Għanijiet ambjentali relatati mal-ilmijiet tal-wiċċ – Natura vinkolanti tad-dispożizzjonijiet li jistabbilixxu dawn l-għanijiet u obbligu tal-Istati Membri li jilħquhom

    (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2000/60, Artikoli 3, 4(1)(a)(i) sa (iii) u (7), 5, 8, 11 u 13 u Anness V)

  2. Ambjent – Politika tal-Unjoni fil-qasam tal-ilma – Direttiva 2000/60 – Natura tad- direttiva-qafas – Armonizzazzjoni sħiħa tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali – Assenza

    (Artikolu 175(1) KE (li sar l-Artikolu 192(1) TFUE); Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2000/60)

  3. Ambjent – Politika tal-Unjoni fil-qasam tal-ilma – Direttiva 2000/60 – Għanijiet ambjentali relatati mal-ilmijiet tal-wiċċ – Kunċett tad-deterjorament tal-istat ta’ korp tal-ilma tal-wiċċ

    (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2000/60, Artikoli 4(1)(a)(i) u (7))

  1.  L-Artikolu 4(1)(a)(i) sa (iii) tad-Direttiva 2000/60, li jistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Istati Membri huma obbligati, sakemm ma tingħatax deroga, jirrifjutaw l-awtorizzazzjoni ta’ proġett partikolari meta dan ikun ta’ natura tali li jkun jista’ jikkawża deterjorament tal-istat ta’ korp tal-ilma tal-wiċċ jew meta dan jikkomprometti l-għan li jinkiseb stat tajjeb tal-ilmijiet tal-wiċċ jew potenzjal ekoloġiku tajjeb u stat kimiku tajjeb ta’ dawn l-ilmijiet sad-data prevista minn din id-direttiva.

    Fl-ewwel lok, il-kliem tal-Artikolu 4(1)(a)(i) tad-Direttiva jappoġġjaw in-natura vinkolanti ta’ din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, ir-rinviju li jitwettaq fl-implementazzjoni, mill-Istati Membri, ta’ miżuri meħtieġa biex jipprevjenu d-deterjorament tal-istat ta’ kull korp tal-ilma tal-wiċċ jinkludi obbligu għalihom li jaġixxu f’dan is-sens. Awtorizzazzjoni ta’ proġett partikolari hija mifhuma bħala tali implementazzjoni.

    Fit-tieni lok, Artikolu 4(1) tal-imsemmija dispożizzjoni jimponi żewġ għanijiet distinti, għalkemm marbutin intrinsikament. Minn naħa, konformement mal-Artikolu 4(1)(a)(i), l-Istati Membri jridu jimplementaw il-miżuri meħtieġa biex jipprevjenu d-deterjorament tal-istat ta’ kull korp tal-ilma tal-wiċċ (obbligu li jiġi prekluż id-deterjorament). Min-naħa l-oħra, b’applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu 4(1)(a)(ii) u (iii), l-Istati Membri jridu jipproteġu, jenfasizzaw u jsaħħu l-korpi kollha tal-ilma tal-wiċċ, bil-ħsieb li jinkiseb stat tajjeb tal-ilma tal-wiċċ mhux iktar tard mit-tmiem tas-sena 2015 (obbligu ta’ titjib). Dawn l-obbligi intiżi li jwettqu l-għanijiet kwalitattivi mfittxija mil-leġiżlatur tal-Unjoni, jiġifieri l-preżervazzjoni jew it-tisħiħ ta’ stat tajjeb, ta’ potenzjal ekoloġiku tajjeb u ta’ stat kimiku tajjeb tal-ilmijiet tal-wiċċ.

    Barra minn hekk, sabiex jiġi żgurat it-twettiq mill-Istati Membri ta’ dawn l-għanijiet ambjentali, id-Direttiva 2000/60 tipprevedi serje ta’ dispożizzjonijiet, b’mod partikolari dawk tal-Artikoli 3, 5, 8, 11 u 13 ta’ din id-direttiva, kif ukoll tal-Anness V tagħha, li jistabbilixxu, proċess kumpless u li jinkludi diversi stadji leġiżlattivi fid-dettall, bil-għan li l-Istati Membri jiġu permessi li jimplementaw il-miżuri neċessarji, skont l-ispeċifikazzjonijiet u l-karatteristiċi tal-korpi tal-ilma identifikati fit-territorju tagħhom. Dawn l-elementi jsaħħu l-interpretazzjoni fis-sens li l-Artikolu 4(1)(a) ta’ din id-direttiva ma jillimitax ruħu li jistabbilixxi, skont formulazzjoni programmatika, għanijiet sempliċi ta’ ppjanar tal-immaniġġar, iżda jiżvolġu effetti vinkolanti, ladarba ġie stabbilit l-istat ekoloġiku tal-korp tal-ilma kkonċernat, f’kull stadju tal-proċedura mitluba minn din id-direttiva.

    Fit-tielet lok, dan japplika wkoll fir-rigward tas-sistema ta’ derogi prevista fl-Artikolu 4(7) tal-imsemmija direttiva. B’mod partikolari, l-istruttura tal-kategoriji ta’ deroga previsti fl-Artikolu 4(7) ta’ din id-direttiva tippermetti li jiġi kkunsidrat li l-imsemmi Artikolu 4 ma jinkludix biss obbligi ta’ prinċipju, iżda jikkonċerna wkoll proġetti partikolari.

    Dan l-obbligu li jiġi prekluż id-deterjorament tal-istat tal-korpi tal-ilma ngħata mil-leġiżlatur tal-Unjoni status awtonomu u ma jillimitax ruħu għal strument fis-servizz tal-obbligu li jittejjeb l-istat tal-korpi tal-ilma. Huwa jibqa’ vinkolanti f’kull stadju tal-implementazzjoni tad-Direttiva 2000/60 u huwa applikabbli għal kull tip u għal kull stat tal-korp tal-ilma tal-wiċċ li għalih ġie jew missu ġie adottat pjan ta’ mmaniġġar.

    (ara l-punti 31, 32, 39, 41-44, 47, 49-51, u d-dispożittiv 1)

  2.  Id-Direttiva 2000/60, li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma, hija direttiva-qafas adottata abbażi tal-Artikolu 175(1) KE (li sar l-Artikolu 192(1) TFUE). Hija tistabbilixxi l-prinċipji komuni u qafas globali ta’ azzjoni għall-protezzjoni tal-ilmijiet u tiżgura l-koordinament, l-integrazzjoni, kif ukoll, għal medda itwal ta’ żmien, l-iżvilupp tal-prinċipji ġenerali u tal-istrutturi li jippermettu l-protezzjoni u użu ekoloġikament vijabbli tal-ilma fl-Unjoni Ewropea. Il-prinċipji komuni u l-qafas globali ta’ azzjoni għandhom jiġu żviluppati sussegwentement mill-Istati Membri li għandhom jadottaw serje ta’ miżuri partikolari skont it-termini previsti minn din id-direttiva. Madankollu, din tal-aħħar tindirizza armonizzazzjoni totali tal-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri fil-qasam tal-ilma.

    (ara l-punt 34)

  3.  Il-kunċett ta’ “deterjorazzjoni tal-istat” ta’ korp tal-ilma tal-wiċċ, li jidher fl-Artikolu 4(1)(a)(i) tad-Direttiva 2000/60, li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma, għandu jiġi interpretat fis-sens li hemm deterjorament hekk kif l-istat ta’ mill-inqas wieħed mill-elementi ta’ kwalità, fis-sens tal-Anness V ta’ din id-direttiva jiddegrada b’klassi, anki jekk din id-degradazzjoni ma tiġix tradotta f’degradazzjoni ta’ klassifikazzjoni, fl-intier tiegħu, tal-korp tal-ilma tal-wiċċ. Madankollu, għalkemm l-element ta’ kwalità kkonċernat, fis-sens ta’ dan l-Anness, jidher diġà fil-klassi l-iktar baxxa, kull degradazzjoni ta’ dan l-element tikkostitwixxi “deterjorazzjoni tal-istat” ta’ korp tal-ilma tal-wiċċ, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 4(1)(a)(i).

    Minbarra l-kliem ta’ din id-dispożizzjoni u l-interpretazzjoni litterarja li tirriżulta minnha, din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mir-regoli ta’ evalwazzjoni tal-istat tal-ilmijiet tal-wiċċ li tibbaża fuq l-analiżi tal-istat ekoloġiku li jkopri ħames klassijiet. Dawn il-klassijiet huma biss strument li jillimita l-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Istati Membri matul id-determinazzjoni tal-elementi ta’ kwalità li jirriflettu stat reali ta’ korp tal-ilma partikolari. B’mod partikolari, l-applikazzjoni tar-regola msejħa “one out all out”, li tipprovdi li korp tal-ilma huwa kklassifikat fi klassi immedjatament inferjuri ladarba l-proporzjon ta’ wieħed mill-elementi ta’ kwalità jaqa’ fil-livell li jikkorrispondi mal-klassi attwali, minn naħa, tiskoraġġixxi l-Istati Membri li jipprevjenu d-deterjoramenti tal-istat ta’ korp tal-ilma tal-wiċċ fl-intern ta’ klassi tal-istat u, min-naħa l-oħra, twassal ukoll biex teskludi l-ilmijiet tal-klassi l-iktar baxxa tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-obbligu li jiġi pprevenut id-deterjorament tal-istat tagħhom.

    Fir-rigward tal-kriterji li jippermettu li jiġi konkluż deterjorament tal-istat ta’ korp tal-ilma, jirriżulta mit-tqassim tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2000/60, u b’mod partikolari l-paragrafi 6 u 7 tiegħu, li d-deterjoramenti tal-istat ta’ korp tal-ilma, anki jekk tranżitorji, huma awtorizzati biss f’kundizzjonijiet severi. Minn dan jirriżulta li l-limitu li lil hinn minnu huwa kkonstatat ksur tal-obbligu tal-projbizzjoni ta’ deterjorament tal-istat ta’ korp tal-ilma għandu jkun baxx.

    Interpretazzjoni kuntrarja li tipprovdi li huwa biss il-ksur serju li jikkostitwixxi deterjorament tal-istat ta’ korp tal-ilma, interpretazzjoni li hija bbażata, essenzjalment, fuq l-ibbilanċjar tal-effetti negattivi fuq l-ilmijiet, minn naħa, u tal-interessi ekonomiċi marbutin mal-ilma, min-naħa l-oħra, ma tistax tiġi dedotta mill-kliem tal-Artikolu 4(1)(a)(i) tad-Direttiva 2000/60. Barra minn hekk, din l-interpretazzjoni ma tosservax id-differenza stabbilita minn din id-direttiva bejn l-obbligu tal-projbizzjoni ta’ deterjorament tal-istat ta’ korp tal-ilma u r-raġunijiet tad-deroga previsti fl-Artikolu 4(7) tal-imsemmija direttiva, sa fejn huma biss dawn tal-aħħar li jinkludu l-elementi tal-ibbilanċjar tal-interessi.

    (ara l-punti 55-57, 59, 61-63, 67, 68,70 u d-dispożittiv 2)