Kawża C‑439/13 P

Elitaliana SpA

vs

Eulex Kosovo

“Appell — Kuntratti pubbliċi għal servizzi — Azzjoni Konġunta 2008/124/PESK — Sejħa għal offerti dwar l-appoġġ permezz ta’ ħelikopter għall-missjoni Eulex Kosovo — Azzjoni kontra d-deċiżjoni ta’ għoti — It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) TUE — L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 275 TFUE — Politika estera u ta’ sigurtà komuni (PESK) — Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja — L‑ewwel paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE — Kunċett ta’ ‘korp jew ta’ organu tal-Unjoni’ — Miżuri imputabbli lill-Kummissjoni Ewropea — Żball skużabbli”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tat-12 ta’ Novembru 2015

  1. Rikors għal annullament — Kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà — Ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Unjoni — Eżami ex officio

    (Artikolu 263 TFUE)

  2. Politika estera u ta’ sigurtà komuni — Ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Unjoni — Atti adottati minn missjoni tal-Unjoni li jaqgħu taħt id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju tal-Unjoni fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi — Inklużjoni

    (Artikolu 19 TUE, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) TUE u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 41(2) TUE; l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1605/2002; Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2008/124/PESK, Artikolu 16(2))

  3. Rikors għal annullament — Kwalità ta’ konvenut — Missjoni ta’ politika ta’ sigurtà u ta’ difiża tal-Unjoni li ma għandhiex personalità ġuridika — Assenza ta’ kwalità ta’ korp jew ta’ organu tal-Unjoni — Atti adottati mill-kap ta’ tali missjoni fil-qasam baġitarju u finanzjarju — Imputabbiltà lill-Kummissjoni — Inamissibbiltà tar-rikors

    (l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE; Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2008/124/PESK)

  4. Rikors għal annullament — Kwalità ta’ konvenut — Missjoni ta’ politika ta’ sigurtà u ta’ difiża tal-Unjoni — Atti adottati fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi bis-saħħa ta’ setgħat iddelegati — Imputabbiltà lill-istituzzjoni li tagħti d-delega — Rikors ippreżentat kontra l-missjoni tal-Unjoni — Inammissibbiltà

    (l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1605/2002, Artikolu 54(2)(d); Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2008/124/PESK, Artikoli 8(5) u 16(4))

  5. Proċedura ġudizzjarja — Rikors promotur — Rekwiżiti proċedurali — Identifikazzjoni tal-konvenut — Indikazzjoni bħala konvenut, mingħajr żball min-naħa tar-rikorrent, ta’ persuna oħra li ma hijiex l-awtriċi tal-att ikkontestat — Inammissibbiltà — Limiti — Elementi li jippermettu mingħajr ambigwità l-identifikazzjoni tal-konvenut — Assenza — Obbligu ta’ identifikazzjoni tal-konvenut mill-Qorti Ġenerali — Assenza

    (l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 21)

  6. Proċedura ġudizzjarja — Termini għall-preżentata ta’ rikors — Dekadenza — Żball skużabbli

    (is-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE)

  7. Appell — Aggravji — Aggravju fformulat kontra motiv ta’ sentenza li ma huwiex neċessarju sabiex jiġi ġġustifikat id-dispożittiv tagħha — Aggravju ineffettiv

  1.  Sa fejn il-kwistjoni tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tieħu konjizzjoni ta’ kawża hija ta’ ordni pubbliku, tali kwistjoni tista’ tiġi eżaminata f’kull mument tal-proċedura, anki ex officio, mill-Qorti tal-Ġustizzja.

    (ara l-punt 37)

  2.  Il-Qorti Ġenerali u, fil-każ ta’ appell, il-Qorti tal-Ġustizzja għandhom il-ġurisdizzjoni sabiex jieħdu konjizzjoni ta’ rikors ippreżentat kontra l-atti adottati minn missjoni ta’ natura ċivili mwettqa mill-Unjoni Ewropea abbażi ta’ azzjoni konġunta f’pajjiż terz minn offerent eskluż fil-kuntest ta’ proċedura fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi.

    Fil-fatt, skont l-aħħar sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) TUE u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex, bħala prinċipju, ġurisdizzjoni f’dak li jikkonċerna d-dispożizzjonijiet dwar il-politika estera u ta’ sigurtà komuni kif ukoll l-atti adottati abbażi tagħhom. Madankollu, l-imsemmija dispożizzjonijiet jintroduċu deroga għar-regola tal-ġurisdizzjoni ġenerali li l-Artikolu 19 TUE jagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiżgura l-osservanza tad-dritt fl-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tat-Trattati u, għaldaqstant, għandhom jiġu interpretati b’mod strett. F’dan ir-rigward, deċiżjoni ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku meħuda minn missjoni tal-Unjoni ta’ natura ċivili, li l-annullament tagħha tintalab minħabba ksur ta’ dispożizzjonijiet legali applikabbli għall-kuntratti pubbliċi tal-Unjoni, tirrigwarda l-għoti ta’ kuntratt pubbliku li wassal għal spejjeż koperti mill-baġit tal-Unjoni, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 41(2) TUE u l-Artikolu 16(2) tal-Azzjoni Konġunta 2008/124, dwar il-missjoni “stat tad-dritt” imwettqa mill-Unjoni Ewropea fil-Kosovo, Eulex Kosovo. Minn dan jirriżulta li l-kuntratt inkwistjoni jaqa’ taħt id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1605/2002, rigward ir-Regolament Finanazjarju applikabbli ghall-bagit generali tal-Komunitajiet Ewropej.

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jitqies li l-portata tal-limitazzjoni derogatorja fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja prevista fl-aħħar sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) u fl-Artikolu 275 TFUE hija daqshekk estiża li teskludi l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tinterpreta u tapplika d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi.

    (ara l-punti 41-43, 46, 48, 49, 50)

  3.  L-Artikolu 263 TFUE jipprevedi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tistħarreġ il-legalità tal-atti ta’ korpi jew ta’ organi tal-Unjoni intiżi li jipproduċu effetti legali. Issa, għal dak li jirrigwarda l-missjoni mwettqa abbażi tal-Azzjoni Konġunta 2008/124, dwar il-missjoni “stat tad-dritt” imwettqa mill-Unjoni Ewropea fil-Kosovo, Eulex Kosovo, din tal-aħħar ma tistax titqies li għandha personalità ġuridika, peress li l-imsemmija azzjoni konġunta kienet tikklassifika din l-entità bħala “missjoni” u li, minn naħa, fil-qasam politiku u strateġiku, l-imsemmija missjoni tqiegħdet taħt l-awtorità u l-kontroll tal-Kunsill u tar-rappreżentant għoli tal-Unjoni għall-affarijiet barranin u l-politika ta’ sigurtà komuni u, min-naħa l-oħra, fil-qasam baġitarju u finanzjarju, il-kap tal-missjoni kien jeżerċita s-setgħat tiegħu taħt is-sorveljanza u l-awtorità tal-Kummissjoni. Għaldaqstant, Eulex Kosovo ma kellhiex personalità ġuridika u ma kienx previst li hija tista’ tkun parti fi proċedura quddiem il-qrati tal-Unjoni, għandu jiġi dedott li Eulex Kosovo kienet missjoni li l-perijodu operattiv tagħha kien limitat, u li ma setgħetx tkun korp jew organu fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

    (ara l-punti 54, 58, 59)

  4.  Peress li l-atti adottati mill-missjoni mwettqa abbażi tal-Azzjoni Konġunta 2008/124, dwar il-missjoni “stat tad-dritt” imwettqa mill-Unjoni Ewropea fil-Kosovo, Eulex Kosovo, fil-kuntest ta’ proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku, kienu imputabbli lill-Kummissjoni, Eulex Kosovo ma għandhiex locus standi sabiex tkun konvenuta għall-finijiet ta’ rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE li jirrigwarda l-imsemmija proċedura.

    Fil-fatt, il-Kummissjoni ddelegat, permezz tal-kuntratt li hija ffirmat mal-kap tal-missjoni ta’ Eulex Kosovo skont l-Artikoli 8(5) u l-Artikolu 16(4) tal-Azzjoni Konġunta 2008/124 u l-Artikolu 54(2)(d) tar-Regolament Nru 1605/2002, rigward ir-Regolament Finanazjarju applikabbli ghall-bagit generali tal-Komunitajiet Ewropej, lil dan tal-aħħar is-setgħa tagħha ta’ implementazzjoni baġitarja. Fil-kuntest ta’ din id-delega, il-kap tal-missjoni Eulex Kosovo huwa obbligat, bħala l-persuna li lilha l-Kummissjoni ddelegat is-setgħa tagħha, li jikkonforma ruħu mar-regoli baġitarji tad-dritt tal-Unjoni, inklużi r-regoli li jirregolaw l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, bħal dawk previsti fit-Titolu V tal-ewwel parti tar-Regolament Nru 1605/2002. F’dan ir-rigward, l-atti adottati bis-saħħa tas-setgħat iddelegati jiġu normalment imputati lill-istituzzjoni li tagħti d-delega, li għandha tiddefendi ġudizzjarjament l-att inkwistjoni.

    Din il-konklużjoni ma hijiex ta’ natura li tikser il-prinċipji skont liema s-sistema tat-Trattat hija li jiġi ppreżentat rikors dirett kontra d-dispożizzjonijiet kollha meħuda mill-istituzzjonijiet u intiżi li jipproduċu effett legali. Fil-fatt, deċiżjoni meħuda minn Eulex Kosovo fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi tista’ tkun suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju, bil-kundizzjoni madankollu li ma kinitx Eulex Kosovo, iżda il-Kummissjoni, bħala awtorità li tagħti d-delega, li kellha tiġi indikata fir-rikors intiż b’mod partikolari għall-annullament tal-imsemmija deċiżjoni.

    (ara l-punti 62-64, 66, 67)

  5.  L-indikazzjoni fir-rikors ta’ konvenut li ma jkunx l-awtur tal-att ikkontestat ma twassalx għall-inammissibbiltà tar-rikors jekk dan tal-aħħar ikun fih elementi li jippermettu li tiġi identifikata mingħajr ambigwità l-parti li kontriha dan ikun ġie ippreżentat, bħall-indikazzjoni tal-att ikkontestat u dik tal-awtur ta’ dan l-att. Meta r-rikors ikun indirizzat kontra persuna li ma tkunx dik li lilha l-att li jkun is-suġġett tar-rikors huwa imputabbli, il-Qorti tal-Ġustizzja la ma tista’ tinjora r-rieda manifesta tar-rikorrent u lanqas ma tista’ tissostitwixxiha bir-rieda tagħha u ma għandha l-ebda għażla ħlief li tiddikjara t-talba inammissibbli.

    F’dan ir-rigward, meta rikors huwa indirizzat, mingħajr ebda ambigwità, kontra entità li, skont ir-rikorrent, ikollha l-kwalità ta’ korp jew organu tal-Unjoni fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE u r-rikorrent fl-ebda mument ma jkun ppreżenta rikors kontra parti oħra li ma hijiex l-imsemmija entità, ma hijiex il-qorti tal-Unjoni li għandha, fil-każ li l-entità konvenuta ma għandhiex tali kwalità, tidentifika l-parti li kontriha r-rikors kellu jiġi ppreżentat.

    (ara l-punti 73, 74)

  6.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

    (ara l-punt 75)

  7.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

    (ara l-punt 78)