SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

18 ta’ Diċembru 2014 ( *1 )

“Appell — Akkordji — Suq Ewropew tal-manek marittimi — Suċċessjoni ta’ entitajiet legali — Imputabbiltà tal-aġir li jikkostitwixxi ksur — Tnaqqis tal-multa mill-Qorti Ġenerali — Ġurisdizzjoni sħiħa”

Fil-Kawża C‑434/13 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fl-1 ta’ Awwissu 2013,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn S. Noë, V. Bottka u R. Sauer, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

appellanti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Parker Hannifin Manufacturing Srl, li kienet Parker ITR Srl, stabbilita f’Corsico (l-Italja),

Parker-Hannifin Corp., stabbilita f’Mayfield Heights (l-Istati Uniti),

irrappreżentati minn F. Amato, F. Marchini Càmia u B. Amory, avukati,

rikorrenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, S. Rodin, E. Levits, M. Berger (Relatur) u F. Biltgen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Wathelet,

Reġistratur: V. Tourrès, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-5 ta’ Ġunju 2014,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-4 ta’ Settembru 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea Parker ITR u Parker Hannifiin vs Il‑Kummissjoni (T‑146/09, EU:T:2013:258, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha hija annullat parzjalment id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2009) 428 finali, tat-28 ta’ Jannar 2009, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81 [KE] u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/39406 — Manek marittimi) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), u naqset l-ammont tal-multa li kienet ġiet imposta permezz ta’ din id-deċiżjoni fuq Parker ITR Srl (iktar ’il quddiem “Parker ITR”) kif ukoll l-ammont li għalih Parker-Hannifin Corp. (iktar ’il quddiem “Parker-Hannifin”) kienet inżammet responsabbli in solidum għal din il-multa.

Il-kuntest ġuridiku

2

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [81 KE] u [82 KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), jipprevedi fl-Artikolu 23(2) tiegħu:

“Il-Kummissjoni tista’ b’deċiżjoni timponi multi fuq l-impriża u l-assoċjazzjoni tal-impriża meta, jew b’intenżjoni jew b’negligenza:

a)

jiksru l-Artikolu [81 KE] jew l-Artikolu [82 KE] [...]

[...]

Għal kull impriża u assoċjazzjoni ta’ l-impriża li qed jipparteċipaw fil-ksur, il-multi mhux ser jaqbżu l-10 % tat-total ta’ valur tal-bejgħ fis-sena kmmerċjali preċedenti.

[...]”

3

Fir-rigward tal-istħarriġ ġudizzjarju eżerċitat fuq l-ammont ta’ multa imposta skont din id-dispożizzjoni, l-Artikolu 31 tal-istess regolament jipprovdi li “[i]l-Qorti tal-Ġustizzja ħa jkollha ġurisdizzjoni bla limitu għar-reviżjoni tad-deċiżjonijiet fejn il-Kummissjoni waħħlet multa jew perjodu ta’ pagamenti tal-pieni. Hi tista’ tħassar, tnaqqas jew jżid il-multa jew il-perjodu ta’ pagamenti tal-pieni imposti”.

4

Il-linji gwida dwar il-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (ĠU 2006, C 210, p. 2, iktar ’il quddiem il-“linji gwida tal-2006”) jindikaw fil-punt 24 tagħhom li, “sabiex jieħu għal kollox inkunsiderazzjoni t-tul tal-parteċipazzjoni ta’ kull impriża fil-ksur, l-ammont stabbilit skont il-valur tal-bejgħ [...] ser jiġi mmultiplikat bin-numru ta’ snin ta’ parteċipazzjoni fil-ksur. Il-perijodi ta’ inqas minn sitt xhur jingħaddu bħala nofs sena; il-perijodi ta’ iktar minn sitt xhur iżda inqas minn sena jingħaddu bħala sena sħiħa” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

5

Il-punt 28 tal-linji gwida tal-2006 jipprevedi li l-ammont bażiku tal-multa jista’ jiżdied meta l-Kummissjoni tikkonstata l-eżistenza ta’ ċirkustanzi aggravanti, bħar-rwol ta’ tmexxija jew bħala provokatur tal-ksur.

Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kkontestata

6

L-attivitajiet fis-settur tal-manek marittimi inkwistjoni f’din il-kawża nħolqu fl-1966 minn Pirelli Treg SpA, kumpannija li tappartjeni lill-grupp Pirelli. Dawn ittieħdu fl-1990, wara l-inkorporazzjoni ta’ żewġ sussidjarji fi ħdan il-grupp Pirelli, minn ITR SpA.

7

Fl-1993, ITR SpA nxtrat minn Saiag SpA

8

Fl-2001, Parker-Hannifin, il-kumpannija parent finali tal-grupp Parker-Hannifin u Saiag SpA, fetħu diskussjonijiet dwar il-possibbiltà ta’ xiri minn Parker-Hannifin tal-attivitajiet ta’ manek marittimi ta’ ITR SpA. Fil-perspettiva ta’ dan il-bejgħ, f’Ġunju 2001 ITR SpA ħolqot sussidjarja bl-isem ITR Rubber Srl (iktar ’il quddiem “ITR Rubber”).

9

Fil-5 ta’ Diċembru 2001, Parker Hannifin Holding Srl, li hija 100 % sussidjarja ta’ Parker-Hannifin, ftehmet ma’ ITR SpA biex tixtri 100 % tal-ishma ta’ ITR Rubber.

10

Il-kuntratt kien jipprevedi b’mod partikolari li t-trasferiment tas-settur tal-manek tal-lasktu, inkluż is-settur tal-manek marittimi, ta’ ITR SpA lil ITR Rubber kellu jseħħ fuq it-talba ta’ Parker-Hannifin Holding Srl.

11

Fid-19 ta’ Diċembru 2001, ITR SpA ttrasferixxiet l-attivitajiet tagħha fis-settur tal-manek marittimi lil ITR Rubber.

12

It-trasferiment seħħ fl-1 ta’ Jannar 2002.

13

Fil-31 ta’ Jannar 2002, Parker-Hannifin Holding xtrat mingħand ITR SpA l-ishma ta’ ITR Rubber. ITR Rubber sussegwentement saret Parker ITR.

14

Fl-2007, il-Kummissjoni fetħet investigazzjoni għal ksur tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, tat-2 ta’ Mejju 1992 (ĠU 1994, L 1, p. 3), fis-suq tal-manek marittimi.

15

Fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li ħdax-il kumpannija, fosthom Parker ITR u Parker-Hannifin kienu wettqu ksur uniku u kontinwat, li jikkostitwixxi ksur tal-Artikoli 81 KE u 53 ta’ dan il-ftehim, matul perijodi differenti inklużi bejn l-1 ta’ April 1986 u t-2 ta’ Mejju 2007 fis-settur tal-manek marittimi ġewwa ż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), fejn il-ksur kien jikkonsisti fl-għoti ta’ sejħiet għal offerti, l-iffissar tal-prezzijiet, l-iffissar ta’ kwoti, l-istabbiliment ta’ kundizzjonijiet tal-bejgħ, il-qsim ta’ swieq ġeografiċi u l-iskambju ta’ informazzjoni sensittiva dwar prezzijiet, il-volumi tal-bejgħ u s-sejħiet għal offerti.

16

F’dak li jikkonċerna l-appellati, il-Kummissjoni kkonstatat fl-Artikolu 1(i) u (j) tad-deċiżjoni kkontestata, li dawn kienu pparteċipaw fl-akkordju mill-1 ta’ April 1986 sat-2 ta’ Mejju 2007 fil-każ ta’ Parker ITR u mill-31 ta’ Jannar 2002 sat-2 ta’ Mejju 2007 fil-każ ta’ Parker-Hannifin.

17

Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni imponiet fuq Parker ITR, taħt (e) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, multa ta’ EUR 25 610 000, filwaqt li ppreċiżat li, fuq dan l-ammont, Parker-Hannifin kienet meqjusa responsabbli in solidum sa ammont ta’ EUR 8 320 000.

Is-sentenza appellata

18

Parker ITR u Parker-Hannifin ippreżentaw rikors quddiem il-Qorti Ġenerali fejn huma talbu, fuq bażi prinċipali, l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn din kienet tikkonċernahom u, sussidjarjament, it-tnaqqis tal-multa imposta. Insostenn tar-rikorsi tagħhom, huma invokaw disa’ motivi.

19

Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali laqgħet l-ewwel parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq ksur tal-prinċipju tar-responsabbiltà personali, u annullat l-Artikolu 1(i) tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn żamm lil Parker ITR responsabbli għall-perijodu qabel l-1 ta’ Jannar 2002. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punti 115 u 116 tas-sentenza appellata:

“115

Min-naħa, għandu jiġi kkonstatat li, mis-27 ta’ Ġunju 2001 sal-31 ta’ Jannar 2002, ITR Rubber kienet sussidjarja miżmuma 100 % minn ITR [SpA] u, min-naħa l-oħra, li t-trasferiment tal-[attivitajiet relatati mal-] manek tal-gomma [lastku] lil ITR Rubber sar effettiv biss mill-1 ta’ Jannar 2002, filwaqt li xejn mill-fajl tal-Kummissjoni ma juri li ITR Rubber kellha xi attività, u, b’mod partikolari, attività b’rabta mal-manek marittimi, qabel din id-data. Peress li ITR [SpA] ipproċediet bil-bejgħ tal-ishma kollha ta’ ITR Rubber lil Parker-Hannifin, permezz ta’ kuntratt konkluż fil-5 ta’ Diċembru 2001 u eżegwit bit-trasferiment tal-ishma kollha lix-xerrej fil-31 ta’ Jannar 2002, huwa stabbilit li l-konverżjoni f’sussidjarja tal-parti tal-attività relattiva għall-manek tal-gomma [lastku] mwettqa minn ITR [SpA] kienet evidentement tifforma parti mill-għan ta’ bejgħ tal-ishma ta’ din is-sussidjarja lil impriża terza [...]

116

F’dawn iċ-ċirkustanzi, kienet il-persuna ġuridika li kienet tmexxi lill-impriża inkwistjoni fil-mument meta twettaq il-ksur, jiġifieri ITR [SpA] u l-kumpannija parent tagħha Saiag [SpA], li kienet responsabbli [għalih], anki jekk, fil-ġurnata tal-adozzjoni tad-deċiżjoni li tikkonstata l-ksur, it-tmexxija tal-attività relattiva għall-manek marittimi kienet tpoġġiet taħt ir-responsabbiltà ta’ impriża oħra, f’dan il-każ Parker-Hannifin. Fil-fatt, il-prinċipju tar-responsabbiltà personali ma jistax jitqiegħed indiskussjoni minn dak tal-kontinwità ekonomika fil-każijiet fejn, bħal f’dan il-każ, impriża involuta fl-akkordju, jiġifieri Saiag [SpA], u s-sussidjarja tagħha ITR [SpA], tittrasferixxi parti mill-attivitajiet tagħha lil terz indipendenti u fejn ma teżisti ebda rabta strutturali bejn min jittrasferixxi [ċedent] u min jirċievi [ċessjonarju] — jiġifieri, f’dan il-każ, bejn Saiag [SpA] jew ITR [SpA] u Parker-Hannifin.”

20

Fir-rigward tal-ħames u s-sitt motivi, dwar iż-żieda fil-multa imposta fuq Parker ITR u fuq Parker-Hannifin minħabba r-rwol ta’ tmexxija li Parker ITR wettqet matul il-perijodu minn Ġunju 1999 sa Settembru 2001, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li, “[p]eress li [kien] ġie milqugħ l-ewwel motiv” kien hemm lok “[k]onsegwentement” li jintlaqgħu (punti 139 u 140, 145 u 146 kif ukoll 253 u 254 tas-sentenza appellata).

21

Il-Qorti Ġenerali ċaħdet il-motivi l-oħra. Fir-rigward, b’mod partikolari, tat-tmien motiv, ibbażat b’mod partikolari fuq ksur tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 matul il-kalkolu tal-limitu massimu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ applikabbli għall-parti tal-multa li Parker ITR kienet inżammet unikament responsabbli għaliha, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punti 227 u 228 tas-sentenza appellata:

“227

[...] skont ġurisprudenza stabbilita, l-għan imfittex bl-introduzzjoni tal-limitu massimu ta’ 10 % jista’ jiġi rrealizzat biss jekk dan il-limitu massimu jiġi applikat, inizjalment, lil kull destinatarju separat tad-deċiżjoni li timponi multa. Huwa biss jekk jirriżulta, sussegwentement, li diversi destinatarji kienu jikkostitwixxu ‘l-impriża’ fis-sens tal-entità ekonomika responsabbli mill-ksur issanzjonat, u dan fid-data tal-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, li l-limitu massimu jista’ jiġi kkalkolat abbażi tad-dħul mill-bejgħ globali ta’ din l-impriża, jiġifieri abbażi tal-komponenti akkumulati tiegħu kollha (sentenza Tokai Carbon et vs Il‑Kummissjoni, [T‑71/03, T‑74/03, T‑87/03 u T‑91/03, EU:T:2005:220], punt 390).

228

Peress li l-ewwel motiv ġie milqugħ, it-tmien motiv, sa fejn jirrigwarda l-perijodu tal-ksur qabel l-1 ta’ Jannar 2002 li matulu l-ksur twettaq minn ITR [SpA], huwa ineffettiv. Barra minn hekk, huwa infondat, sa fejn jirrigwarda l-perijodu tal-ksur wara l-1 ta’ Jannar 2002, peress li, matul dan il-perijodu kollu, bl-eċċezzjoni ta’ xahar, Parker ITR u Parker-Hannifin kienu jikkostitwixxu unità ekonomika responsabbli mill-ksur issanzjonat. Għalhekk, il-limitu massimu tal-multa seta’ jiġi kkalkolat abbażi tad-dħul mill-bejgħ globali ta’ din l-impriża, jiġifieri abbażi tal-komponenti akkumulati tiegħu kollha.”

22

Filwaqt li eżerċitat il-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, il-Qorti Ġenerali, fil-punti 246 sa 255 tas-sentenza appellata, ikkalkolat mill-ġdid l-ammont tal-multa imposta fuq Parker ITR u naqqsitu għal EUR 6 400 000. Fir-rigward tal-ammont li Parker-Hannifin kienet meqjusa responsabbli in solidum għalih, il-Qorti Ġenerali naqqsitu, fil-punt 257 tas-sentenza appellata, għal EUR 6 300 000 minħabba li r-responsabbiltà in solidum ta’ din il-kumpannija ma tistax tiġi stabbilita għall-perijodu mill-1 sal-31 ta’ Jannar 2002.

It-talbiet tal-partijiet

23

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata sa fejn, permezz ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali annullat parzjalment id-deċiżjoni kkontestata u naqset l-ammont tal-multa imposta permezz ta’ din id-deċiżjoni fuq Parker ITR u fuq Parker-Hannifin;

tiċħad ir-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali, u

tikkundanna lill-appellati għall-ispejjeż kollha.

24

Parker ITR u Parker-Hannifin jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad l-appell, u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż kollha.

Fuq it-talba intiża għall-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura

25

Peress li l-fażi orali tal-proċedura kienet ingħalqet fl-4 ta’ Settembru 2014 wara l-preżentazzjoni tat-talbiet tal-Avukat Ġenerali, l-appellati talbu l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura permezz ta’ ittra tal-14 ta’ Ottubru 2014, ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-20 ta’ Ottubru 2014.

26

Insostenn ta’ din it-talba, dawn sostnew, essenzjalment, li għandha tiġi suġġetta għal sottomissjonijiet kontradittorji l-kwistjoni, li tqum fl-ipoteżi ta’ annullament tas-sentenza appellata, dwar kif għandu jiġi applikat, għall-finijiet tal-kalkolu tal-multa imposta fuq Parker ITR, il-limitu massimu ta’ 10 % previst fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 għall-perijodu li matulu din il-kumpannija ma kinitx tagħmel parti mill-grupp Parker-Hannifin. L-appellati jirrilevaw, fl-ewwel lok, li l-Qorti tal-Ġustizzja tat, fl-istess jum bħal tal-preżentazzjoni tat-konklużjonijiet ta’ din il-kawża, sentenza deċiżiva għal din il-kwistjoni (sentenza YKK et vs Il‑Kummissjoni, C‑408/12 P, EU:C:2014:2153). Huma jsostnu, fit-tieni lok, li, meta kkunsidra li l-Qorti Ġenerali eżaminat il-fondatezza tal-argumenti li huma ppreżentaw fuq dawn is-suġġett qabel ma ċaħdithom, l-Avukat Ġenerali għamel qari żbaljat tas-sentenza appellata. Huma jżidu li huma ma kellhomx l-opportunità li jesprimu ruħhom fuq il-konsegwenzi, f’din il-proċedura, dwar l-assenza ta’ appell inċidentali.

27

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, b’mod partikolari meta tqis li ma għandhiex informazzjoni biżżejjed jew meta waħda mill-partijiet tippreżenta, wara l-għeluq ta’ din il-fażi, fatt ġdid ta’ natura li jeżerċita influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, jew inkella meta l-kawża jkollha tiġi deċiża fuq il-bażi ta’ argument li ma kienx indirizzat mill-partijiet jew mill-partijiet ikkonċernati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (sentenza Buono et vs Il‑Kummissjoni, C‑12/13 P u C‑13/13 P, EU:C:2014:2284, punt 26 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

28

F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li hija għandha informazzjoni biżżejjed sabiex tiddeċiedi, li din il-kawża ma teħtieġx li tiġi deċiża fuq il-bażi ta’ argumenti li ma kinux ġew indirizzati mill-partijiet u li s-sentenza YKK et vs Il‑Kummissjoni (EU:C:2014:2153) ma tikkostitwixxix fatt ġdid ta’ natura li jeżerċita influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni tagħha.

29

Barra minn hekk, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 252 TFUE, l-Avukat Ġenerali għandu d-dmir li pubblikament bl-ikbar imparzjalità u b’indipendenza sħiha jipproponi konklużjonijiet motivati dwar il-kawżi li, skont l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, jeħtieġu l-intervent tiegħu. Il-Qorti tal-Ġustizzja ma hija marbuta la mal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali u lanqas mal-motivazzjoni li abbażi tagħha huwa jasal għal dawn il-konklużjonijiet (sentenza Buono et vs Il‑Kummissjoni, EU:C:2014:2284, punt 27 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

30

Konsegwentement, it-talba għal ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura għandha tiġi miċħuda.

Fuq l-appell

31

Insostenn tal-appell tagħha, il-Kummissjoni tinvoka żewġ aggravji.

Fuq l-ewwel aggravju, ibbażat fuq applikazzjoni żbaljata tal-ġurisprudenza dwar il-kriterju tal-kontinwità ekonomika

L-argumenti tal-partijiet

32

Il-Kummissjoni ssostni li, meta ddeċidiet, fil-punt 116 tas-sentenza appellata, li l-prinċipju tar-responsabbiltà personali ma jistax jitqiegħed indiskussjoni minn dak tal-kontinwità ekonomika fil-każ fejn, bħal f’dan il-każ, impriża involuta fl-akkordju tittrasferixxi parti mill-attivitajiet tagħha lil terz indipendenti u fejn ma teżisti ebda rabta strutturali bejn iċ-ċedent u ċ-ċessjonarju, il-Qorti Ġenerali amalgamat żewġ tranżazzjonijiet distinti u fixklet il-kriterji legali applikabbli. Il-Qorti Ġenerali kienet ikkunsidrat bħala rilevanti biss it-tieni miż-żewġ tranżazzjonijiet, li kienet tirrigwarda l-bejgħ ta’ sussidjarja minn grupp lil ieħor, jiġiferi l-bejgħ ta’ ITR Rubber mill-grupp Saiag lill-grupp Parker-Hannifin. Min-naħa l-oħra, hija kienet injorat l-ewwel tranżazzjoni, qabel dik tal-bejgħ, li kellha bħala għan trasferiment ta’ attivitajiet bejn żewġ entitajiet tal-istess grupp, jiġifieri bejn ITR SpA u ITR Rubber, li jappartjenu t-tnejn li huma lill-grupp Saiag. Skont il-Kummissjoni, dan it-trasferiment ta’ attivitajiet kien seħħ fil-kundizzjonijiet meħtieġa mill-ġurisprudenza sabiex jiġi kkunsidrat bħala każ ta’ kontinwità ekonomika peress li, fid-data li fiha dan kien seħħ, iż-żewġ entitajiet ikkonċernati kienu taħt il-kontroll tal-istess persuna u kellhom rabtiet stretti fuq il-livell ekonomiku u organizzattiv (ara, b’mod partikolari, is-sentenza ETI et, C‑280/06, EU:C:2007:775, punti 48 u 49).

33

Sabiex tiġi imputata fuq l-entità ċessjonarja r-responsabbiltà ta’ aġir li jikkostitwixxi ksur implementat mill-entità ċedenti, ma huwiex neċessarju, skont il-Kummissjoni, li r-rabtiet strutturali eżistenti bejniethom ikomplu jeżistu matul il-perijodu kollu tal-ksur. Il-fatt li, f’dan il-każ, ITR Rubber ma baqgħetx fil-grupp Saiag u kien għadda biss perijodu qasir bejn il-ħolqien tagħha u l-bejgħ tagħha lill-grupp Parker-Hannifin huwa għalhekk irrilevanti.

34

Il‑Kummissjoni żżid li, kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali, fil-punt 116 tas-sentenza appellata, hija ma kinitx obbligata li timputa r-responsabbiltà tal-aġir li jikkostitwixxi ksur lill-kumpanniji parent Saiag SpA u ITR SpA. Meta għażlet, f’din il-kawża, li timputa r-responsabbiltà tal-ksur lil ITR Rubber inkwantu suċċessur ekonomiku ta’ dawn il-kumpanniji, il-Kummissjoni kienet għamlet użu mis-setgħa diskrezzjonali li hija rrikonoxxuta lilha mill-ġurisprudenza.

35

Bħala tweġiba, l-appellati jsostnu li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ma stabbilixxietx, fis-sentenza ETI et (EU:C:2007:775), regola mekkanika li tgħid li l-eżistenza, fil-passat, ta’ sempliċi rabta strutturali bejn iċ-ċedent u ċ-ċessjonarju ta’ attività implikata fi ksur tagħmel awtomatikament liċ-ċessjonarju responsabbli mill-ksur imwettaq miċ-ċedent. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet iktar restrittivament li tali konsegwenza hija possibbli biss bil-kundizzjoni li jintwera li ċ-ċedent u ċ-ċessjonarju kienu taħt il-kontroll effettiv tal-istess persuna fil-mument meta kienet teżisti r-rabta strutturali u li huma kienu applikaw essenzjalment l-istess direttivi kummerċjali.

36

Issa, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kienet totalment naqset milli tevalwa jekk, matul it-tul qasir tar-rabta strutturali li eżistiet bejn ITR SpA u ITR Rubber, dawn il-kundizzjonijiet kinux issodisfatti. Fuq dan il-punt, din id-deċiżjoni tirreferi biss għall-fatt li, fil-mument tat-trasferiment tal-attivitajiet ta’ manek marittimi minn ITR SpA lil ITR Rubber, din il-kumpannija tal-aħħar kienet “miżmuma 100 %” mill-ewwel kumpannija. Hija ma tagħmel ebda riferiment għall-ġurisprudenza li tgħid li kumpannija parent tista’ tiġi preżunta li teżerċita influwenza determinanti fuq sussidjarja miżmuma 100 %. Fl-ipoteżi ulterjuri fejn id-deċiżjoni kkontestata impliċitament ibbażat fuq din il-preżunzjoni, dan jikkostitwixxi ksur tad-drittijiet tad-difiża tal-appellati, peress li ma kienx hemm riferiment ċar għaliha fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

37

L-appellati jiddeduċu minn dan li, peress li l-Kummissjoni naqset milli tevalwa fid-deċiżjoni kkontestata jekk ITR SpA u ITR Rubber kinux jikkostitwixxu impriża waħda waqt il-perijodu qasir li matulu huma kellhom rabta strutturali, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta kkonkludiet li Parker ITR ma setgħetx tinżamm responsabbli mill-aġir ta’ ITR SpA fuq is-sempliċi bażi ta’ tali rabta strutturali fl-imgħoddi.

38

Minbarra dan, fil-każ fejn l-ewwel aggravju jintlaqa’ u fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li hemm lok li jsir kalkolu ġdid tal-ammont tal-multa, l-appellati jsostnu li, peress li ma ġewx ikkontestati mill-Kummissjoni fl-appell tagħha, il-punti 139 u 140, 145 u 146 kif ukoll 253 u 254 tas-sentenza appellata, li fihom il-Qorti Ġenerali laqgħet il-ħames u s-sitt motivi tar-rikors tagħhom u ddeċidiet li kien żbaljat li l-ammont tal-multa li kien ġie impost fuqhom kien żdied minħabba li Parker ITR kellha, matul il-perijodu minn Ġunju 1999 sa Settembru 2001, rwol ta’ tmexxija fil-ksur, saru definittivi.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

39

Skont ġurisprudenza stabbilita, id-dritt tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni jkopri l-attivitajiet tal-impriżi, u l-kunċett ta’ impriża jinkludi kull entità li teżerċita attività ekonomika, irrispettivament mill-istatus legali ta’ din l-entità u mill-metodu ta’ finanzjament tagħha. Skont il-prinċipju ta’ responsabbiltà personali, meta tali entità tikser ir-regoli tal-kompetizzjoni, hija għandha twieġeb għal dan il-ksur (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Versalis vs Il‑Kummissjoni, C‑511/11, EU:C:2013:386, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40

Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, meta entità li tkun wettqet ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tkun is-suġġett ta’ tibdil legali jew organizzattiv, dan it-tibdil ma għandux neċessarjament bħala effett li joħloq impriża ġdida ħielsa mir-responsabbiltà tal-aġir li jmur kontra r-regoli tal-kompetizzjoni tal-entità preċedenti jekk, mil-lat ekonomiku, hemm identiċità bejn iż-żewġ entitajiet. Fil-fatt, kieku impriżi setgħu jevitaw sanzjonijiet bis-sempliċi fatt li l-identiċtà tagħhom kienet modifikata wara ristrutturazzjonijiet, trasferimenti jew tibdiliet legali jew organizzattivi oħra, l-għan li jiġi soppress l-aġir li jmur kontra r-regoli tal-kompetizzjoni u li jiġi evitat li dan jerġa’ jseħħ permezz ta’ sanzjonijiet deterrenti jiġi kompromess (sentenza ETI et, EU:C:2007:775, punti 41 u 42 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

41

Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, meta żewġ entitajiet jikkostitwixxu l-istess entità ekonomika, il-fatt li l-entità li wettqet il-ksur għadha teżisti ma jimpedixxix, fih innifsu, li tiġi ssanzjonata l-entità li lilha hija ttrasferixxiet l-attivitajiet ekonomiċi tagħha. B’mod partikolari, tali implementazzjoni tas-sanzjoni hija ammissibbli meta dawn l-entitajiet kienu taħt il-kontroll tal-istess persuna u, fid-dawl tar-rabtiet stretti li jgħaqqduhom fuq il-livell ekonomiku u organizzattiv, essenzjalment applikaw l-istess direttivi kummerċjali (sentenzi ETI et, EU:C:2007:775, punti 48 u 49 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u Versalis vs Il‑Kummissjoni, EU:C:2013:386, punt 52).

42

F’dan il-każ, l-ewwel aggravju jirrigwarda l-kwistjoni jekk, fil-kuntest tal-ksur issanzjonat mid-deċiżjoni kkontestata, ir-responsabbiltà ta’ ITR Rubber tistax tiġi stabbilita, skont prinċipji applikati mill-ġurisprudenza msemmija fil-punti 40 u 41 ta’ din is-sentenza, għall-perijodu qabel l-1 ta’ Jannar 2002.

43

Skont il-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li kien b’mod żbaljat li din l-istituzzjoni applikat din il-ġurisprudenza fid-deċiżjoni kkontestata peress li ma kinux jeżistu, bejn iċ-ċedent u ċ-ċessjonarju, rabtiet strutturali. L-appellati, fir-rigward tagħhom, huma tal-fehma li l-Qorti Ġenerali applikat korrettament din il-ġurisprudenza peress li l-Kummissjoni kienet naqset milli tipproduċi l-prova li kienu jeżistu rabtiet effettivi bejn iż-żewġ entitajiet ikkonċernati.

– Fuq l-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ rabtiet strutturali bejn l-entità ċedenti u l-entità ċessjonarja

44

L-ewwel nett, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni akkużat lil ITR Rubber b’aġir li jikkostitwixxi ksur li kien mifrux fuq il-perijodu mill-1 ta’ April 1986 sat-2 ta’ Mejju 2007, billi għamlet distinzjoni bejn żewġ perijodi differenti, l-ewwel wieħed mill-1 ta’ April 1986 sal-31 ta’ Diċembru 2001, it-tieni minn Jannar 2002.

45

Fir-rigward tal-perijodu mill-1 ta’ April 1986 sal-31 ta’ Diċembru 2001, il-Kummissjoni, hekk kif jirriżulta mill-premessi 328 u 370 tad-deċiżjoni kkontestata, l-ewwel nett qieset li, fl-1 ta’ Jannar 2002, ITR SpA kienet responsabbli mill-aġir tagħha stess bħal dak tal-predeċessur tagħha Pirelli Treg SpA, li hija kienet purament u sempliċement assorbiet f’Diċembru 1990. Il-Kummissjoni sussegwentement ikkonstatat li, fl-istess data tal-1 ta’ Jannar 2002, ITR SpA ttraferixxiet l-attivitajiet tagħha fis-settur tal-manek marittimi lis-sussidjarja tagħha għal 100 % ITR Rubber fil-kuntest ta’ organizzazzjoni mill-ġdid interna tal-grupp. Il‑Kummissjoni kkonstatat ukoll li, fid-data ta’ dan it-trasferiment, ITR SpA u ITR Rubber kienu magħqudin fuq il-livell ekonomiku permezz ta’ rabta ta’ kumpannija parent mas-sussidjarja tagħha għal 100 % u kienu jagħmlu parti mill-istess impriża. Il‑Kummissjoni kkunsidrat li, f’każ bħal dan, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-responsabbiltà għall-aġir li jikkostitwixxi ksur preċedenti taċ-ċedent tista’ tiġi trażmessa liċ-ċessjonarju, anki jekk iċ-ċedent ikompli jeżisti legalment.

46

F’dan il-kuntest, għandu jiġi kkonstatat li, billi eskludiet, fil-punt 116 tas-sentenza appellata, li l-prinċipju tal-kontinwità ekonomika jista’ jiġi applikat f’każ fejn, bħal f’dan il-każ, ma teżisti bejn iċ-ċedent, jiġifieri Saiag SpA jew is-sussidjarja tiegħu ITR SpA, u ċ-ċessjonarju, identitifkat bħala Parker-Hannifin, ebda rabta strutturali, il-Qorti Ġenerali għaqqdet, fl-evalwazzjoni tagħha, żewġ tranżazzjonijiet distinti. Il-Qorti Ġenerali naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li, l-ewwel nett, ITR SpA kienet ittrasferixxiet l-attivitajiet tagħha fis-settur tal-manek marittimi lil waħda mis-sussidjarji tagħha qabel, fit-tieni lok, ma ttrasferixxiet din is-sussidjarja lil Parker-Hannifin.

47

Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet li wassluha sabiex ma tiħux inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tar-raġunament tagħha, tat-trasferiment ta’ attivitajiet minn ITR SpA lis-sussidjarja tagħha ITR Rubber, il-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punt 115 tas-sentenza appellata, li din is-sussidjarja kellha biss seba’ xhur ta’ eżistenza fi ħdan il-grupp u li eżerċitat biss għal żmien qasir, matul xahar, attivitajiet konnessi mal-manek marittimi u, iktar ġeneralment, li hija kienet ġiet ikkostitwita biss sabiex tinbiegħ lil impriża terzi. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet minn dan, fil-punt 116 ta’ din is-sentenza, li, f’dawn il-kundizzjonijiet, kienet l-ex operatriċi tal-attivitajiet inkwistjoni, jiġifieri ITR SpA u l-kumpannija parent tagħha Saiag SpA, li kellha twieġeb għall-ksur għall-perijodu qabel l-1 ta’ Jannar 2002.

48

Qabel ma tiġi eżaminata l-koerenza tar-raġunament żviluppat mill-Qorti Ġenerali, hemm lok, għalhekk, li jiġi eżaminat jekk dawn il-kunsiderazzjonijiet dwar, rispettivament, id-data li fiha rabtiet strutturali għandhom ikunu eżistew bejn iċ-ċedent u ċ-ċessjonarju u l-perijodu li matulu dawn ir-rabtiet għandhom ikunu eżistew bejniethom kif ukoll l-għan imfittex bit-trasferiment ta’ attivitajiet humiex rilevanti għall-finijiet li tiġi evalwata l-eżistenza ta’ każ ta’ kontinwità ekonomika. Għandu wkoll jiġi vverifikat jekk, f’dan il-każ, il-Kummissjoni kellhiex l-obbligu li timputa fuq l-ex operaturi r-responsabbiltà tal-ksur imwettaq qabel dan it-trasferiment.

49

F’dak li jikkonċerna, fl-ewwel lok, id-data li fiha rabtiet strutturali għandhom ikunu eżistew bejn iċ-ċedent u ċ-ċessjonarju u l-perijodu li matulu dawn ir-rabtiet għandhom ikunu eżistew bejniethom sabiex ikun jista’ jiġi konkluż li dan huwa każ ta’ kontinwità ekonomika, hemm lok li jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja ammettiet l-eżistenza ta’ tali każ kemm f’sitwazzjonijiet fejn it-trasferiment ta’ attivitajiet kien seħħ matul il-perijodu ta’ ksur u fejn rabtiet strutturali bejn iċ-ċedent u ċ-ċessjonarju kienu eżistew matul dan il-perijodu (sentenza ETI et, EU:C:2007:775, punti 45 u 50), kif ukoll f’sitwazzjonijiet fejn dan it-trasferiment kien seħħ wara l-waqfien tal-ksur, peress li r-rabtiet strutturali bejn iż-żewġ entitajiet kienu jeżistu fid-data ta’ dan it-trasferiment (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, EU:C:2004:6, punti 59, 351, 356 u 357). F’ebda każ il-Qorti tal-Ġustizzja ma indikat li kien neċessarju li dawn ir-rabtiet ikomplu jeżistu sal-adozzjoni tad-deċiżjoni li tissanzjona l-ksur.

50

Hekk kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punt 68 tal-konklużjonijiet tiegħu, hemm lok li jiġi dedott minn dan li d-data rilevanti sabiex jiġi evalwat, għall-finijiet li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ sitwazzjoni ta’ kontinwità ekonomika, jekk dan huwiex trasferiment ta’ attivitajiet ġewwa grupp jew huwiex trasferiment bejn impriżi indipendenti, għandha tkun dik tat-trasferiment stess.

51

Għalkemm huwa neċessarju li jeżistu f’din id-data, bejn iċ-ċedent u ċ-ċessjonarju, rabtiet strutturali li jippermettu li jiġi kkunsidrat, skont il-prinċipju tar-responsabbiltà personali, li ż-żewġ entitajiet jiffurmaw impriża waħda, madankollu ma huwiex meħtieġ, fir-rigward tal-għan imfittex mill-prinċipju tal-kontinwità ekonomika, li dawn ir-rabtiet ikomplu jeżistu matul il-perijodu ta’ ksur kollu li jifdal jew sal-adozzjoni tad-deċiżjoni li tissanzjona l-ksur. Fil-fatt, hekk kif tfakkar fil-punt 40 ta’ din is-sentenza, l-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju hija intiża sabiex jiġi evitat li l-effettività tar-regoli tal-kompetizzjoni tiġi kompromessa mill-fatt ta’ ristrutturazzjonijiet u ta’ trasferimenti li jaffettwaw l-impriżi kkonċernati. Għandu jingħad ma’ din il-kunsiderazzjoni li l-prinċipju ta’ ċertezza legali jeħtieġ li l-imputazzjoni ta’ responsabbiltà ma tiddependix mit-twettiq ta’ avveniment fortuwitu jew inċert, bħal tibdil organizzattiv ġdid deċiż mill-impriżi kkonċernati.

52

Bl-istess mod u għall-istess raġunijiet, ma huwiex neċessarju li r-rabtiet strutturali li jippermettu li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ sitwazzjoni ta’ kontinwità ekonomika jkomplu jeżistu matul perijodu minimu li ma jistax, fi kwalunkwe każ, jiġi ddefinit ħlief għal kull każ individwali u retroattivament.

53

Fir-rigward, fit-tieni lok, tat-teħid inkunsiderazzjoni, għall-finijiet li jiġi konkluż li teżisti kontinwità ekonomika, tal-għan imfittex bit-trasferiment ta’ attivitajiet, il-prinċipju ta’ ċertezza legali jwassal ukoll sabiex tiġi miċħuda bħala irrilevanti ċ-ċirkustanza, irrilevata fil-punt 115 tas-sentenza appellata, li l-entità ċessjonarja nħolqot u rċeviet l-attiv fid-dawl ta’ trasferiment ulterjuri lil terz indipendenti. It-teħid inkunsiderazzjoni tal-motivazzjoni ekonomika fl-oriġini tal-ħolqien ta’ sussidjarja bħala l-għan, imfittex għal terminu ftit jew wisq twil, ta’ trasferiment ta’ din is-sussidjarja lil impriża terzi fil-fatt jintroduċi, fl-implementazzjoni tal-prinċipju ta’ kontinwità ekonomika, fatturi suġġettivi inkompatibbli ma’ applikazzjoni trasparenti u prevedibbli ta’ dan il-prinċipju.

54

Fir-rigward tal-fatt, fit-tielet lok, tal-affermazzjoni, stabbilita fil-punt 116 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni, fil-kundizzjonijiet tal-każ, imissha imputat fuq l-ex operaturi r-responsabbiltà tal-ksur imwettaq qabel it-trasferiment ta’ attivitajiet, hemm lok li jiġi rrilevat li din tagħmel parti minn qafas ta’ raġunament żbaljat, li permezz tiegħu l-Qorti Ġenerali ċaħdet mill-ewwel l-eżistenza ta’ kontinwità ekonomika. Xorta jibqa’ l-fatt li hija ġurisprudenza stabbilita li, meta tali sitwazzjoni hija stabbilita, il-fatt li l-entità li wettqet il-ksur tkun għadha teżisti ma jimpedixxix, fih innifsu, li tiġi ssanzjonata l-entità li lilha hija ttrasferixxiet l-attivitajiet ekonomiċi tagħha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Versalis vs Il‑Kummissjoni, EU:C:2013:386, punti 52 sa 54).

55

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li jippreċedu, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punti 115 u 116 tas-sentenza appellata, mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni r-rabtiet eżistenti bejn ITR SpA u ITR Rubber fid-data tat-trasferiment ta’ attivitajiet li seħħ bejn dawn iż-żewġ entitajiet, li sitwazzjoni ta’ kontinwità ekonomika kienet eskluża f’dan il-każ minħabba l-assenza ta’ rabtiet strutturali bejn l-entità ċedenti u l-entità ċessjonarja, li kienu identifikati bħala Saiag SpA jew ITR SpA u Parker-Hannifin.

56

Tali żball jista’ madankollu jkun ineffettiv fl-ipoteżi fejn, fi kwalunkwe każ, sitwazzjoni ta’ kontinwità ekonomika għandha tiġi eskluża minħabba l-assenza ta’ rabtiet effettivi bejn ITR SpA u ITR Rubber. Huwa f’din il-perspettiva li għandu jiġi analizzat l-argument tal-appellati li l-Qorti Ġenerali kienet korrettament ċaħdet l-eżistenza ta’ sitwazzjoni ta’ kontinwità ekonomika peress li l-Kummissjoni kienet naqset, fid-deċiżjoni kkontestata, li tivverifika jekk ITR Rubber kinitx tassew taħt il-kontroll effettiv ta’ ITR SpA.

– Fuq l-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ rabtiet effettivi bejn l-entità ċedenti u l-entità ċessjonarja

57

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni espressament ikkonstatat, fil-premessa 370 ta’ din id-deċiżjoni, li, fid-data tat-trasferiment ta’ attivitajiet bejn dawn iż-żewġ kumpanniji, dawn kienu magħqudin fuq il-livell ekonomiku permezz ta’ rabta ta’ kumpannija parent mas-sussidjarja 100 % tagħha u li kienu jagħmlu parti mill-istess impriża.

58

Issa, skont ġurisprudenza stabbilita, teżisti, fil-każ partikolari fejn kumpannija parent iżżomm il-kapital kollu jew kważi l-kapital kollu tas-sussidjarja tagħha li tkun wettqet ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, preżunzjoni konfutabbli li tgħid li din il-kumpannija parent effettivament teżerċità influwenza determinanti fuq is-sussidjarja tagħha. F’sitwazzjoni bħal din, ikun biżżejjed li l-Kummissjoni tipprova li l-kapital kollu jew kważi l-kapital kollu ta’ sussidjarja huwa miżmum mill-kumpannija parent tagħha sabiex jiġi kkunsidrat li din il-preżunzjoni hija ssodisfatta (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, C‑97/08 P, EU:C:2009:536, punt 60; Eni vs Il‑Kummissjoni, C‑508/11 P, EU:C:2013:289, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll Schindler Holding et vs Il‑Kummissjoni, C‑501/11 P, EU:C:2013:522, punti 105 sa 111).

59

L-appellati ma jistgħux isostnu li d-deċiżjoni kkontestata ma fiha ebda riferiment għal din il-ġurisprudenza, peress li riferiment espliċitu għal din il-ġurisprudenza jidher fil-premessa 325 ta’ din id-deċiżjoni. Dawn lanqas ma jistgħu jinvokaw, fl-istadju tal-appell, ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħhom, ibbażat fuq l-assenza ta’ diskussjoni ta’ din il-preżunzjoni matul il-proċedura amministrattiva. Peress li huma ma bbażawx ruħhom fuq tali ksur fir-rikors promotur tagħhom quddiem il-Qorti Ġenerali, fejn huma limitaw ruħhom sabiex jikkontestaw il-fondatezza tal-applikazzjoni ta’ din il-preżunzjoni fil-każ tagħhom, tali argument għandu, fi kwalunkwe każ, jiġi miċħud bħala inammissibbli peress li huwa ġdid (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Gascogne Sack Deutschland, C‑40/12 P, EU:C:2013:768, punti 51 u 52).

60

Sa fejn l-appellati jsostnu li, fis-sentenza ETI et (EU:C:2007:775, punti 50 u 51), il-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li rrikonoxxiet l-eżistenza ta’ rabta strutturali bejn tnejn mill-entitajiet inkwistjoni, jiġifieri li dawn kienu miżmuma mill-istess awtorità pubblika, madankollu ħalliet lill-qorti nazzjonali l-kompitu li tivverifika jekk dawn l-entitajiet kinux “suġġetti” ta’ din l-awtorità, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li huwa normali li, fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari fejn l-evalwazzjoni tal-fatti taqa’ fuq il-qorti nazzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja tħalli lil din il-qorti nazzjonali r-responsabbiltà li tivverifika r-relazzjonijiet li kellhom l-entitajiet inkwistjoni bejniethom f’din il-kawża, fejn it-tnejn li huma kienu organi pubbliċi.

61

F’dan il-każ, min-naħa l-oħra, huma biss inkwistjoni żewġ kumpanniji kummerċjali, fejn waħda kienet iżżomm il-kapital totali tal-oħra, sitwazzjoni li tikkorrispondi mas-sitwazzjoni eżistenti fis-sentenza Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni (EU:C:2009:536). Kuntrarjament għall-argument sostnut mill-appellati, il-Kummissjoni kellha għalhekk kull dritt li tibbaża ruħha fuq il-preżunzjoni tal-eżerċizzju, mill-kumpannija parent ITR SpA, ta’ influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali tas-sussidjarja tagħha ITR Rubber.

62

Madankollu għandu jingħad li din il-preżunzjoni ta’ eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti hija konfutabbli u tista’ tiġi ribattuta bil-produzzjoni ta’ provi suffiċjenti sabiex jintwera li s-sussidjarja ġġib ruħha b’mod awtonomu fis-suq. Għal dan il-għan, huma l-entitajiet ikkonċernati li għandhom iressqu kwalunkwe element relatat mar-rabtiet ekonomiċi, organizzattivi u legali li jgħaqqdu lis-sussidjarja inkwistjoni mal-kumpannija parent u li huma jikkunsidraw bħala ta’ natura li juru li s-sussidjarja ddeterminat b’mod awtonomu l-aġir tagħha fis-suq u li, għalhekk, huma ma kinux jikkostitwixxu entità ekonomika unika (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Elf Aquitaine vs Il‑Kummissjoni, C‑521/09 P, EU:C:2011:620, punti 56, 58 u 65 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

63

F’dan il-każ, jirriżulta mill-proċess trażmess lill-Qorti tal-Ġustizzja li, fir-rikors promotur tagħhom quddiem il-Qorti Ġenerali, l-appellati sostnew li r-rabtiet ekonomiċi, organizzattivi u legali li għaqqdu lil ITR SpA u lil ITR Rubber matul il-perijodu li kien jestendi mill-ħolqien ta’ din l-aħħar kumpannija, fis-27 ta’ Ġunju 2001, sat-trasferiment tagħha lil Parker-Hannifin, fil-31 ta’ Jannar 2002, ma kinux jippermettu lil ITR SpA li teżerċita influwenza determinanti fuq is-sussidjarja tagħha. Huma sostnew f’dan ir-rigward li, sa mill-ħolqien tagħha sal-1 ta’ Jannar 2002, ITR Rubber ma eżerċitat ebda attività ekonomika. Sa mill-konklużjoni, fil-5 ta’ Diċembru 2001, bejn ITR SpA u Parker-Hannifin tal-kuntratt dwar it-trasferiment u x-xiri ta’ ITR Rubber, ir-relazzjonijiet bejn ITR SpA u ITR Rubber kienu ġew irregolati minn dan il-kuntratt, imressaq quddiem il-Qorti Ġenerali, li l-istipulazzjonijiet tiegħu kienu pprekludew lil ITR SpA milli teżerċita kwalunkwe influwenza fuq ITR Rubber. Dawn l-argumenti madankollu ġew ikkontestati mill-Kummissjoni.

64

Peress li l-Qorti Ġenerali mill-ewwel eskludiet l-eżistenza ta’ sitwazzjoni ta’ kontinwità ekonomika, hija ma eżaminatx la l-argumenti u lanqas il-provi ppreżentati minn Parker ITR u Parker-Hannifin, u lanqas l-oġġezzjonijiet tal-Kummissjoni.

65

Mill-kunsiderazzjonijiet li jippreċedu jirriżulta li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta naqset milli teżamina, għall-finijiet li tivverifika jekk il-Kummissjoni kinitx għamlet applikazzjoni korretta tal-prinċipju ta’ kontinwità ekonomika, l-elementi li kienu tressqu quddiemha mill-partijiet fir-rigward tal-eżistenza jew tal-assenza ta’ rabtiet effettivi taħt il-forma ta’ influwenza determinanti ta’ ITR SpA fuq ITR Rubber.

66

Isegwi li l-ewwel aggravju għandu jiġi milqugħ u li s-sentenza appellata għandha tiġi annullata sa fejn il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, għar-raġunijiet indikati fil-punti 115 u 116 ta’ din is-sentenza, li r-responsabbiltà ta’ Parker ITR ma tistax tiġi stabbilita għall-perijodu ta’ ksur qabel l-1 ta’ Jannar 2002.

67

B’xewqa ta’ koerenza u fl-interess taċ-ċertezza legali, hemm lok li jiġi ppreċiżat li, kuntrarjament għal dak li jsostnu l-appellati, is-sentenza appellata għandha wkoll tiġi annullata sa fejn, konsegwentement u mingħajr ebda eżami dwar il-mertu, il-Qorti Ġenerali annullat, fil-punti 139 u 140, 145 u 146 kif ukoll 253 u 254 ta’ din is-sentenza, iż-żieda fil-multa imposta fid-deċiżjoni kkontestata minħabba r-rwol ta’ tmexxija mwettaq minn Parker ITR fil-kuntest tal-akkordju matul il-perijodu minn Ġunju 1999 sa Settembru 2001.

Fuq it-tieni aggravju, ibbażat fuq li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet ultra petita u kisret il-prinċipju ta ’ nondiskriminazzjoni

L-argumenti tal-partijiet

68

Il‑Kummissjoni ssostni li, billi naqset b’EUR 100 000 l-ammont li għalih Parker-Hannifin, inkwantu kumpannija parent, għandha tiġi meqjusa bħala responsabbli in solidum flimkien mill-ħlas tal-multa imposta fuq Parker ITR, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet ultra petita. Fil-fatt, fir-rikors tagħha, Parker-Hannifin ma kienet ikkontestat la t-tul effettiv tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur, li l-Qorti Ġenerali kienet barra minn hekk ikkonfermat fil-punti 129 u 256 tas-sentenza appellata, la l-fattur marbut mat-tul applikat mill-Kummissjoni fil-kalkolu tal-ammont tal-multa.

69

Il‑Kummissjoni tosserva li l-motivazzjoni mogħtija fil-punt 257 tas-sentenza appellata sabiex tiġġustifika dan it-tnaqqis, li skont dan “[i]r-responsabbiltà in solidum ta’ Parker-Hannifin ma tistax tiġi applikata għall-perijodu mill-1 sal-31 ta’ Jannar 2002” hija irrilevanti peress li, fid-deċiżjoni kkontestata, ir-responsabbiltà ta’ Parker-Hannifin ma kinitx ġiet stabbilita għall-perijodu inkwistjoni.

70

Sa fejn il-Qorti Ġenerali xtaqet tagħmel riferiment għaċ-ċirkustanza li t-tul tal-parteċipazzjoni ta’ Parker ITR fil-ksur, bħal dak stabbilit fis-sentenza appellata, kien itwal b’xahar minn dak stabbilit kontra Parker-Hannifin, il-Kummissjoni ssostni li din iċ-ċirkustanza ma tistax tiġġustifika tnaqqis. Fil-fatt, fid-dawl tal-metodu ta’ arrotondament previst fit-tieni sentenza tal-punt 24 tal-linji gwida tal-2006, li kienu ġew applikati lid-destinatarji kollha tad-deċiżjoni kkontestata u li rreferiet għalihom il-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata, differenza ta’ xahar fit-tul tal-ksur ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ammont bażiku tal-multa. Meta kienet madankollu pproċediet għal tnaqqis għal tali raġuni, il-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni.

71

Skont il-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali jmissha tal-inqas immotivat ir-raġunijiet li għalihom hija ċaħdet dan il-metodu.

72

L-ewwel nett, l-appellati jsostnu li, peress li s-sentenza appellata kienet ingħatat fil-kuntest ta’ proċedura li tikkonċerna lilhom biss, il-Qorti Ġenerali ma kinitx marbuta, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, mill-metodu ta’ kalkolu tal-multa użat mill-Kummissjoni.

73

Billi naqset il-parti tal-multa imposta fuq Parker ITR li għaliha Parker Hannifin hija meqjusa bħala responsabbli in solidum, il-Qorti Ġenerali kienet korrettament ikkunsidrat il-fatt li l-parteċipazzjoni ta’ Parker Hannifin, inkwantu kumpannija parent ta’ Parker ITR, fil-ksur kien iqsar minn xahar mill-parteċipazzjoni diretta tas-sussidjarja tagħha. Kull approċċ ieħor kien jikkostitwixxi diskriminazzjoni kontra Parker-Hannifin.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

74

F’dak li jikkonċerna l-istħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jimponu multa għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, l-istħarriġ tal-legalità huwa kkompletat mill-ġurisdizzjoni sħiħa li hija rikonoxxuta lill-qorti tal-Unjoni mill-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003. Din il-ġurisdizzjoni tagħti s-setgħa lill-qorti, lil hinn mis-sempliċi stħarriġ ta’ legalità tas-sanzjoni, li tissostitwixxi bl-evalwazzjoni tagħha dik tal-Kummissjoni, u konsegwentement, li tħassar, tnaqqas jew iżżid il-multa jew il-pagamenti ta’ penalità imposti (ara, b’mod partikolari, is-sentenza KME Germany et vs Il‑Kummissjoni, C‑389/10 P, EU:C:2011:816, punt 130 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

75

Sabiex tissodisfa r-rekwiżiti ta’ stħarriġ meta teżerċita ġurisdizzjoni sħiħa fis-sens tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea f’dak li jikkonċerna l-multa, il-Qorti tal-Unjoni hija obbligata, fl-eżerċizzju tal-kompetenzi previsti fl-Artikoli 261 TFUE u 263 TFUE, li teżamina kull ilment, ta’ liġi jew ta’ fatt, intiż sabiex juri li l-ammont tal-multa ma jirriflettix il-gravità u t-tul tal-ksur (sentenza Telefónica u Telefónica de España vs Il‑Kummissjoni, C‑295/12 P, EU:C:2014:2062, punt 200).

76

L-eżerċizzju ta’ din il-ġurisdizzjoni sħiħa ma huwiex madankollu ekwivalenti għal stħarriġ ex officio u l-proċedura hija kontradittorja. Huwa r-rikorrent li bħala prinċipju għandu jqajjem il-motivi kontra d-deċiżjoni kkontestata u li għandu jipproduċi l-provi insostenn ta’ dawn il-motivi (ara, b’mod partikolari, Telefónica u Telefónica de España vs Il‑Kummissjoni, EU:C:2014:2062, punt 213 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

77

Minbarra dan, hekk kif fakkar l-Avukat Ġenerali fil-punt 113 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-Qorti Ġenerali hija obbligata, fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, minn ċerti obbligi. Fost dawn hemm l-obbligu ta’ motivazzjoni, li huwa impost fuqha skont l-Artikolu 36 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-Qorti Ġenerali skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-istess statut, kif ukoll il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. L-eżerċizzju ta’ ġurisdizzjoni sħiħa ma jistax fil-fatt iwassal, matul id-determinazzjoni tal-ammont tal-multi li huma imposti fuqhom, għal diskriminazzjoni bejn l-impriżi li pparteċipaw fi ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni (sentenza Sarrió vs Il‑Kummissjoni, C‑291/98 P, EU:C:2000:631, punt 97).

78

F’dan il-każ, il-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, ikkonstatat li Parker ITR kienet ipparteċipat fl-akkordju mill-1 ta’ April 1986 sat-2 ta’ Mejju 2007 u Parker Hannifin mill-31 ta’ Jannar 2002 sat-2 ta’ Mejju 2007. Għal din ir-raġuni, hija imponiet fuq Parker ITR multa ta’ EUR 25 610 000, fejn ippreċiżat li, fuq dan l-ammont, Parker-Hannifin kienet meqjusa bħala responsabbli in solidum sa ammont ta’ EUR 8 320 000. Hekk kif jirriżulta b’mod partikolari mill-punt 448 tad-deċiżjoni kkontestata, il-fatt li r-responsabbiltà in solidum ta’ Parker-Hannifin kienet ġiet stabbilita biss għal parti mill-multa totali imposta fuq Parker ITR huwa spjegat b’mod partikolari mill-applikazzjoni, skont l-ewwel sentenza tal-punt 24 tal-linji gwida tal-2006, ta’ multiplikatur, ugwali għan-numru ta’ snin ta’ parteċipazzjoni fil-ksur, differenti fil-każ taż-żewġ kumpanniji.

79

Fir-rikors promotur tagħhom, Parker ITR u Parker Hannifin ikkontestaw it-tul tal-ksur li kien ġie stabbilit kontra tagħhom fid-deċiżjoni kkontestata u talbu lill-Qorti Ġenerali li għal din ir-raġuni tnaqqas l-ammont tal-multa li kienet ġiet imposta fuqhom f’din id-deċiżjoni.

80

Fi tmiem l-eżami tagħha tal-motivi u tal-provi ppreżentati minn Parker ITR u Parker-Hannifin, il-Qorti Ġenerali l-ewwel nett iddeċidiet li ebda ksur ma seta’ jiġi stabbilit kontra Parker ITR għall-perijodu qabel l-1 ta’ Jannar 2002. Konsegwentement, hija annullat ukoll iż-żieda applikata fid-deċiżjoni kkontestata fuq il-multa imposta fuq Parker ITR u fuq Parker-Hannifin minħabba r-rwol ta’ tmexxija mwettaq minn Parker ITR fil-kuntest tal-akkordju matul il-perijodu minn Ġunju 1999 sa Settembru 2001.

81

Filwaqt li eżerċitat il-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, hija naqset l-ammont tal-multa imposta fuq Parker ITR għal EUR 6 400 000, fejn il-Kummissjoni ma tikkontestax li dan l-ammont ma kienx xieraq.

82

F’dan l-istadju, kienet il-Qorti Ġenerali, skont it-talbiet ta’ Parker-Hannifin, li kellha tikkalkola mill-ġdid sa liema ammont din il-kumpannija kellha titqies bħala responsabbli in solidum mill-ammont ġdid tal-multa imposta fuq Parker ITR.

83

Għal dan il-għan, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha, fil-punt 257 tas-sentenza appellata, fuq iċ-ċirkustanza, mhux ikkontestata fir-rikors li kien ġie ppreżentat quddiemha u kkonfermata fis-sentenza appellata, li Parker-Hannifin ma setgħetx titqies responsabbli mill-ksur, fil-kwalità tagħha bħala kumpannija parent, għall-perijodu mill-1 sal-31 ta’ Jannar 2002. Sa fejn u kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi kkritikata li ddeċidiet ultra petita.

84

Madankollu, hemm lok li jiġi rrilevat li l-Qorti Ġenerali stabbilixxiet għal EUR 6 300 000 l-ammont li għalih Parker-Hannifin kellha tiġi meqjusa responsabbli in solidum mill-multa imposta fuq Parker ITR mingħajr ma rreferiet għal kwalunkwe element ieħor li seta’ jservi bħala motivazzjoni.

85

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali naqset milli tipprovdi l-elementi neċessarji sabiex tippermetti, minn naħa, lill-persuni kkonċernati li jkunu jafu r-raġunijiet li għalihom hija stabbilixxiet sa dan il-livell l-ammont tal-multa imputabbli fuq Parker-Hannifin u, min-naħa l-oħra, lill-Qorti tal-Ġustizzja li teżerċita l-istħarriġ tagħha dwar il-legalità tat-tnaqqis applikat, b’mod partikolari fir-rigward tal-osservanza tal-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament hekk kif invokat mill-Kummissjoni.

86

Hemm lok għalhekk li t-tieni aggravju invokat mill-Kummissjoni insostenn tal-appell tagħha jiġi milqugħ, sa fejn huwa bbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

87

Konsegwentement, is-sentenza appellata għandha tiġi annullata sa fejn, fil-punt 257 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali naqset, mingħajr ebda motivazzjoni, bi EUR 100 000 l-ammont li għalih Parker-Hannifin, inkwantu kumpannija parent, għandha tiġi meqjusa flimkien responsabbli mill-ħlas tal-multa imposta fuq Parker ITR.

Fuq l-argument tal-appellati, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003

L-argumenti tal-partijiet

88

Fir-risposta tagħhom, l-appellati jsostnu li, fl-ipoteżi fejn l-ewwel aggravju kellu jintlaqa’, il-parti tal-multa li Parker ITR tista’ tiġi meqjusa bħala l-unika responsabbli ma tistax, skont l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, teċċedi 10 % tad-dħul mill-bejgħ li hija wettqet matul is-sena finanzjarja li ppreċediet l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

89

F’dan ir-rigward, dawn ifakkru li, sal-31 ta’ Jannar 2002, Parker ITR u Parker-Hannifin kienu żewġ impriżi differenti. Għal din ir-raġuni, huma kienu sostnew quddiem il-Qorti Ġenerali, fil-kuntest tat-tmien motiv tagħhom, li, sabiex jiġi stabbilit il-limitu massimu ta’ 10 % applikabbli għall-ammont tal-multa li Parker ITR tista’ titqies bħala l-unika responsabbli fil-perijodu qabel il-31 ta’ Jannar 2002, hemm lok, kuntrarjament għal dak li għamlet il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, li jittieħed inkunsiderazzjoni biss id-dħul mill-bejgħ imwettaq minn Parker ITR fl-2008, u mhux id-dħul mill-bejgħ ikkonsolidat tal-grupp Parker-Hannifin għal din l-istess sena. L-appellati jżidu li huwa f’dan is-sens li l-Avukat Ġenerali Wathelet wasal għall-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża YKK et vs Il‑Kummissjoni (EU:C:2014:66, punti 96 sa 145).

90

Waqt is-seduta, il-Kummissjoni sostniet li dan l-argument għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli minħabba li ma kienx ġie ppreżentat fil-kuntest ta’ appell inċidentali. L-appellati rreplikaw li l-Qorti Ġenerali ma tatx deċiżjoni fuq din il-kwistjoni fis-sentenza appellata.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

91

Skont l-Artikolu 172 tar-Regoli tal-Proċedura, li daħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Novembru 2012, kull parti fil-kawża inkwistjoni quddiem il-Qorti Ġenerali li jkollha interess li l-appell jintlaqa’ jew jiġi miċħud tista’ tippreżenta risposta għall-appell f’terminu ta’ xahrejn li jiddekorri min-notifika tal-appell. L-Artikolu 176(1) ta’ dawn ir-regoli minbarra dan jipprevedi li l-partijiet imsemmija f’dan l-Artikolu 172 jistgħu jippreżentaw appell inċidentali fl-istess terminu bħal dak previst għall-preżentata tar-risposta għall-appell. Għal dan il-għan, l-Artikolu 176(2) ta’ dan ir-regolament jipprovdi li l-appell inċidentali għandu jiġi ppreżentat permezz ta’ att separat, distint mir-risposta għall-appell.

92

Sabiex jiġi stabbilit jekk din l-aħħar dispożizzjoni tapplikax f’dan il-kuntest, huwa neċessarju li jiġi stabbilit l-ewwel nett jekk il-Qorti Ġenerali, fis-sentenza appellata, eżaminatx u ddeċidietx il-punt ta’ liġi mqajjem minn Parker ITR u minn Parker-Hannifin.

93

F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li, fil-punt 227 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali l-ewwel nett irreferiet għas-sentenza tagħha Tokai Carbon et vs Il‑Kummissjoni (EU:T:2005:220). Għandu jiġi osservat li kien fuq din l-istess sentenza li din il-qorti bbażat ruħha, sabiex tiddeċiedi punt ta’ liġi simili, fis-sentenza tagħha YKK et vs Il‑Kummissjoni (T‑448/07, EU:T:2012:322, punt 193), li kien is-suġġett tal-proċedura ta’ appell li l-appellati għamlu riferiment għaliha fir-risposta tagħhom.

94

Fil-punt 228 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali sussegwentement iddeċidiet li t-tmien motiv tar-rikors kien infondat sa fejn kien jirrigwarda l-perijodu ta’ ksur wara l-1 ta’ Jannar 2002, sa fejn jinkludi l-perijodu mill-1 sal-31 ta’ Jannar 2002 li matulu ITR Rubber ma kinitx għadha tagħmel parti mill-grupp Parker-Hannifin.

95

L-evalwazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali hija riflessa fil-metodu ta’ kalkolu li hija użat sabiex tikkalkola mill-ġdid l-ammont tal-multa imposta fuq Parker ITR kif ukoll fil-punt 3 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata, fejn ma għamlitx distinzjoni bejn il-perijodu mill-1 sal-31 ta’ Jannar 2002 u l-perijodu wara din id-data.

96

Għalhekk, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali tassew eżaminat u ddeċidiet, fil-kuntest tat-tmien motiv tar-rikors, il-punt ta’ liġi mqajjem minn Parker ITR u minn Parker‑Hannifin, billi ċaħdet l-argument tagħhom.

97

F’dawn iċ-ċirkustanzi, peress li l-appellati ma ppreżentawx, hekk kif jirrikjedi l-Artikolu 176(2) tar-Regoli tal-Proċedura, appell inċidentali permezz ta’ att separat, distint mir-risposta għall-appell tagħhom, magħmul kontra l-evalwazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali dwar it-tmien motiv tar-rikors tagħhom, l-argument tagħhom dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 1/2003 għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

98

Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, b’mod partikolari fil-punti 55, 66, 67 u 87 ta’ din is-sentenza, il-punti 1 sa 3 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata għandhom jiġu annullati.

Fuq ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali

99

Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, f’każ ta’ annullament tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, tista’ jew hija stess tiddeċiedi definittivament il-kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża, jew tirrinvija l-kwistjoni quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċidiha

100

F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li l-kawża għad ma hijiex fi stat li tiġi deċiża peress li, sabiex jiġi evalwat jekk il-Kummissjoni kellhiex dritt jew le li tapplika, fid-deċiżjoni kkontestata, il-prinċipju tal-kontinwità ekonomika fir-rigward tal-appellati, għandu l-ewwel nett jiġi eżaminat jekk l-elementi li dawn l-appellati kienu ppreżentaw fir-rikors tagħhom quddiem il-Qorti Ġenerali humiex suffiċjenti sabiex jirribattu l-preżunzjoni li ITR SpA, inkwantu kumpannija parent li żżomm 100 % tal-kapital ta’ ITR Rubber, eżerċitat influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħha.

101

Konsegwentement hemm lok li din il-kawża tiġi rrinvijata quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi dwar il-mertu.

Fuq l-ispejjeż

102

Peress li l-kawża qed tiġi rrinvijata quddiem il-Qorti Ġenerali, hemm lok li l-ispejjeż relatati ma’ dan l-appell jiġu rriżervati.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Il-punti 1 sa 3 tad-dispożittiv tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea Parker ITR u Parker-Hannifin vs Il‑Kummissjoni (T‑146/09, EU:T:2013:258) huma annullati.

 

2)

Il-kawża hija rrinvijata quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea sabiex tiddeċiedi dwar il-fondatezza tar-rikors.

 

3)

L-ispejjeż huma rriżervati.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.