SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

16 ta’ Settembru 2015 ( *1 )

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Regolament (KE) Nru 883/2004 — Artikolu 7 — Artikolu 21 — benefiċċju tal-mard — Allowance tal-ħarsien, allowance tal-assistenza u allowance tal-kumpens għall-ispejjeż eċċessivi — Klawżola ta’ residenza”

Fil-Kawża C‑433/13,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, ippreżentat fil-31 ta’ Lulju 2013,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn A. Tokár, D. Martin u F. Schatz, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

vs

Ir-Repubblika Slovakka, irrappreżentata minn B. Ricziová, bħala aġent,

konvenuta,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, S. Rodin, A. Borg Barthet, E. Levits (Relatur) u M. Berger, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi rrifjutat li tagħti lill-benefiċjarji residenti fi Stat Membru minbarra fir-Repubblika Slovakka, l-allowance tal-ħarsien, tal-assistenza u tal-kumpens għall-ispejjeż addizzjonali previsti mil-liġi Nru 447/2008 marbuta mal-allowances mogħtija bħala kumpens għal diżabbiltà serja, li temenda u tikkompleta ċerti liġijiet, kif emendata (iktar ’il quddiem il-“liġi Nru 47/2008”), ir-Repubblika Slovakka naqset mill-obbligi tagħha skont l-Artikoli 48 TFUE, kif ukoll 7 u 21 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72, u rettifika ĠU L 200, p. 1.), kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 988/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Settembru 2009 (ĠU L 284, p. 43, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 883/2004”).

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

2

Il-premessa 16 tar-Regolament Nru 883/2004 tiddikjara:

“Fil-Komunità, bħala prinċipju, ma teżistix ġustifikazzjoni biex drittijiet ta’ sigurtà soċjali jsiru dipendenti fuq il-post ta’ residenza tal-persuna konċernata; madanakollu, f’każijiet speċifiċi, b’mod partikolari fir-rigward ta’ benefiċċji marbuta mal-kuntest ekonomiku u soċjali tal-persuna involuta, il-post ta’ residenza jista’ jittieħed in konsiderazzjoni.”

3

Il-premessa 37 ta’ dan ir-regolament hija fformulata kif ġej:

“Kif stqarret diversi drabi l-Qorti tal-Ġustizzja, disposizzjonijiet li joħolqu derogi mill-prinċipju ta’ l-esportabilità ta’ benefiċċji ta’ sigurtà soċjali għandhom ikunu interpretati b’mod strett. Dan ifisser li dawn jistgħu jkunu applikati biss għal benefiċċji li jissodisfaw l-kondizzjonijiet speċifikati. Għaldaqstant, il-Kapitolu 9 tat-Titolu III ta’ dan ir-Regolament japplika biss għal dawk il-benefiċċji li huma benefiċċji speċjali u benefiċċji mhux kontributorji u li huma mniżżla fl-Anness X ta’ dan ir-Regolament.”

4

L-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament, intitolat “Oqsma koperti” jipprovdi:

“1.   Dan ir-Regolament għandu japplika għal-leġislazzjoni kollha rigward il-friegħi tas-sigurtà soċjali li ġejjin:

a)

benefiċċji marbutin mal-mard;

[...]

2.   Sakemm l-Anness XI ma jgħidx mod ieħor, dan ir-Regolament għandu japplika għal skemi ġenerali u speċjali ta’ sigurtà soċjali, kemm jekk kontributorji u kemm jekk le, u għal skemi marbutin ma’ l-obbligi ta’ min iħaddem jew ta’ sid il-vapur.

3.   Dan ir-Regolament għandu japplika wkoll għal benefiċċji speċjali, li mhumiex kontributorji, li jingħataw fi flus u li huma koperti mill-Artikolu 70.

[...]

5.   Dan ir-Regolament m’għandux japplika għal:

a)

assistenza soċjali u medika jew;

[...]”

5

Skont l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 883/2004, intitolat “Rinunzja ta’ regoli dwar ir-residenza”:

“Sakemm dan ir-Regolament ma jgħidx mod ieħor, benefiċċji fi flus mogħtija taħt il-leġislazzjoni ta’ Stat Membru wieħed jew ta’ aktar minn Stat Membru wieħed jew taħt dan ir-Regolament, ma għandhomx ikunu suġġetti għal xi riduzzjoni, bidla, sospensjoni, waqfa jew sekwestru minħabba l-fatt li l-benefiċjarju jew il-membri tal-familja tiegħu jew tagħha jkollhom ir-residenza tagħhom fi Stat Membru ieħor u mhux fl-Istat Membru fejn tinstab l-istituzzjoni responsabbli għall-għoti ta’ benefiċċji.”

6

L-Artikolu 21 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Benefiċċji mogħtija bħala flus”, jipprovdi:

“Persuna assigurata u membri tal-familji tagħha li għandhom il-post tar-residenza tagħhom jew joqogħdu fi Stat Membru li mhux l-Istat Membru kompetenti għandhom ikunu intitolati għal benefiċċji mogħtija bħala flus mill-istituzzjoni kompetenti skond il-leġislazzjoni li dina tapplika. Madanakollu, bi ftehim bejn l-istituzzjoni kompetenti u l-istituzzjoni tal-post ta’ residenza jew żjara, dawn il-benefiċċji jistgħu jingħataw mill-istituzzjoni tal-post ta’ residenza jew żjara iżda jitħallsu mill-istituzzjoni kompetenti skond il-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru kompetenti.”

7

L-Artikolu 70 ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“[...]

2.   Għall-għanijiet ta’ dan il-Kapitolu, “benefiċċji speċjali li mhumiex kontributorji u li jingħataw fi flus” tfisser dawn il-benefiċċji li:

a)

huma maħsuba biex jagħtu jew:

i)

protezzjoni supplimentari, sostituta jew sekondarja kontra r-riskji koperti mill-fergħat ta’ sigurtà soċjali msemmija fl-Artikolu 3(1), u li jiggarantixxu lill-persuni konċernati dħul minimu għall-għajxien fil-waqt li jikkunsidraw is-sitwazzjoni ekonomika u soċjali fl-Istat Membru konċernat;

ii)

protezzjoni speċifika biss għal persuni b’diżabilità, liema protezzjoni hija marbuta ma’ l-ambjent soċjali tal-persuna konċernata fl-Istat Membru konċernat,

u

b)

meta l-iffinanzjar jiġi b’mod esklużiv minn taxxi obbligatorji maħsubin biex ikopru l-ispiża pubblika ġenerali u l-kondizzjonijiet biex jingħataw u biex ikunu ikkalkulati l-benefiċċji ma jiddependux fuq xi kontribuzzjoni fir-rigward tal-benefiċjarju. Madanakollu, benefiċċji mogħtija biex jissupplimentaw benefiċċju kontributorju ma għandhomx jitqiesu bħala benefiċċji kontributorji minħabba din ir-raġuni biss,

u

ċ)

huma elenkati fl-Anness X.

3.   L-Artikolu 7 l-kapitoli l-oħra ta’ dan it-Titolu ma għandhomx japplikaw għall-benefiċċji msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.”

Id-dritt Slovakk

8

L-Artikolu 1 tal-liġi Nru 447/2008, intitolat “Għan”, jipprevedi:

“1)   Din il-liġi torganizza r-rapporti legali marbuta mal-għoti tal-allowances intiżi sabiex jagħmlu tajjeb għall-konsegwenzi soċjali ta’ diżabbiltà serja; […] u hija maħsuba sabiex tiġi evalwata n-neċessità ta’ teħid ta’ responsabbiltà speċifika skont il-leġiżlazzjoni partikolari.

2)   L-għan tal-organizzazzjoni tar-rapporti legali msemmija fil-paragrafu 1 huwa li ssir kontribuzzjoni lejn l-integrazzjoni soċjali tal-persuni li għandhom diżabbiltà serja, permezz tal-parteċipazzjoni attiva tagħhom u b’rispett lejn l-integrità umana tagħhom, fil-kundizzjonijiet u fl-oqsma ddefiniti minn din il-liġi.”

9

Skont l-Artikolu 3(1) ta’ din il-liġi:

“Il-parteċipanti fir-rapporti legali previsti minn din il-liġi huma

a)

persuna fiżika li hija

1.

ċittadin tar-Repubblika Slovakka li jkollu d-domiċilju tiegħu kemm fiss kif ukoll temporanju fit-territorju Slovakk, skont il-leġiżlazzjoni partikolari, jew

2.

ċittadin barrani, li jkun jirrisjedi fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, ċittadin ta’ Stat Membru li huwa parti fil-ftehim dwar iż-żona ekonomika Ewropea jew ċittadin tal-konfederazzjoni Svizzera (iktar ’il quddiem iż-“żona ekonomika Ewropea”), li jkun irreġistrat bħala li għandu d-domiċilju fiss tiegħu fit-territorju Slovakk, b’mod konformi mal-leġiżlazzjoni partikolari, u li jaħdem jew jistudja fi stabbiliment edukattiv rikonoxxut mill-Istat fit-territorju Slovakk, jew

3.

ċittadin barrani, li jkun jirrisjedi fi Stat taż-żona ekonomika Ewropea li huwa rreġistrat bħala li għandu d-domiċilju fiss tiegħu għal perijodu mhux iddeterminat fit-territorju Slovakk, b’mod konformi mal-leġiżlazzjoni partikolari, jew

4.

membru tal-familja ta’ ċittadin barrani previst mill-punt 2 u li huwa awtorizzat li jkollu d-domiċilju fiss tiegħu fit-territorju Slovakk, jew

5.

ċittadin barrani, membru tal-familja ta’ ċittadin Slovakk li għandu d-domiċilju fiss tiegħu fit-territorju Slovakk, li huwa awtorizzat li jkollu d-domiċilju fiss tiegħu fit-territorju Slovakk, b’mod konformi mal-leġiżlazzjoni partikolari, jew

6.

ċittadin barrani, mhux ċittadin ta’ Stat taż-żona ekonomika Ewropea, li d-dritt tiegħu għal kumpens huwa ggarantit minn konvenzjoni internazzjonali li r-Repubblika Slovakka hija parti fiha u li hija ppubblikata fil-ġabra tal-liġijiet tar-Repubblika Slovakka, jew

7.

ċittadin barrani li jgawdi mid-dritt għall-ażil skont il-leġiżlazzjoni partikolari,

[...]”

10

L-Artikolu 10(1) tal-imsemmija liġi tipprovdi li “[l]-attività ta’ evalwazzjoni għall-finijiet tal-kumpens [tal-konsegwenzi soċjali ta’ diżabbiltà serja, iktar ’il quddiem il-‘kumpens’] u l-kisba ta’ attestazzjoni ta’ diżabbiltà […] tikkonsisti f’attività ta’ evalwazzjoni medika u attività ta’ evalwazzjoni soċjali.”

11

Skont l-Artikolu 11(11) tal-Liġi Nru 447/2008, “[l]-attività ta’ evalwazzjoni medika tagħti lok għal opinjoni medika, li tinkludi l-grad ta’ tibdil funzjonali, il-konstatazzjoni li l-persuna kkonċernata tbati minn diżabbiltà serja, il-konklużjonijiet marbuta mat-tipi differenti ta’ dipendenza tal-persuna b’diżabbiltà serja, imsemmija fl-Artikolu 14, u t-terminu ta’ eżami mill-ġdid tal-istat tas-saħħa, sakemm din il-liġi ma tipprovdix diversament. […]”

12

L-Artikolu 13 ta’ din il-liġi tirregola l-attività ta’ evalwazzjoni soċjali li tinkludi l-evalwazzjoni tal-kompetenzi individwali tal-persuna b’diżabbiltà serja, tal-isfond familjari tagħha u tal-ambjent tagħha, inkluża l-evalwazzjoni tas-sistemi ta’ trasport u tal-kundizzjonijiet ta’ akkomodazzjoni, b’mod partikolari l-aċċessibbiltà tal-edifiċji pubbliċi.

13

L-Artikolu 14 tal-imsemmija liġi telenka t-tipi ta’ dipendenza tal-persuna b’diżabbiltà serja għall-finijiet tal-kumpens. Dan l-artikolu jiddetermina l-kundizzjonijiet li fihom il-persuna b’diżabbiltà serja tiġi kkunsidrata dipendenti fuq għajnuna pprovduta minn persuna fiżika oħra, billi jispeċifika b’mod partikolari l-kundizzjonijiet li fihom persuna b’diżabbiltà tkun dipendenti fuq assistenza personali, fuq gwardjan, fuq apparat, fuq adattamenti tal-apparat, fuq apparat ta’ elevazzjoni, fuq aġġustamenti ta’ vettura bil-mutur personali, fuq adattamenti tal-akkomodazzjoni, tad-dar familjari jew ta’ garaxx, ta’ trasport individwali b’vettura personali bil-mutur, fuq kumpens għall-ispejjeż iġġenerati minn sistema alimentari partikolari jew iġene partikolari, jew marbuta mal-użu ta’ ilbies, friex, żraben u ta’ għamara kif ukoll ta’ persuna li takkumpanjaha.

14

Skont l-Artikolu 15 tal-liġi Nru 447/2008, intitolat “Evalwazzjoni kumplessa”:

“1)   Abbażi tal-evalwazzjoni medika msemmija fl-Artikolu 11(11) u l-konklużjonijiet tal-evalwazzjoni soċjali previsti fl-Artikolu 13(9), l-awtorità kompetenti għandha telabora, għall-finijiet tal-kumpens, evalwazzjoni kumplessa li tinkludi l-elementi li ġejjin:

a)

il-livell ta’ tibdil funzjonali,

b)

il-konstatazzjoni li l-persuna kkonċernata għandha diżabbiltà serja,

c)

il-konsegwenzi soċjali tad-diżabbiltà serja fl-oqsma kollha previsti mill-kumpens,

d)

proposta dwar it-tip ta’ allowance li għandu jingħata bħala kumpens,

e)

il-konstatazzjoni, fejn applikabbli, li l-persuna b’diżabbiltà serja hija dipendenti fuq persuna li takkumpanjaha,

f)

il-konstatazzjoni, fejn applikabbli, li l-persuna b’diżabbiltà serja hija dipendenti fuq trasport individwali b’vettura personali bil-mutur, jew hija prattikament għamja jew kompletament għamja fiż-żewġ għajnejn,

g)

it-terminu ta’ eżami mill-ġdid tal-istat ta’ saħħa, jekk dan jiġi stabbilit mit-tabib espert,

h)

il-ġustifikazzjoni tal-evalwazzjoni kumplessa.

2)   Jekk il-persuna b’diżabbiltà serja hija dipendenti fuq għajnuna pprovduta minn persuna oħra fil-forma ta’ assistenza personali, l-evalwazzjoni kumplessa għandha tinkludi wkoll indikazzjoni, espressa f’numru ta’ sigħat fis-sena, tal-portata tal-assistenza personali li fuqha hija dipendenti l-persuna b’diżabbiltà serja għal kull attività elenkata fl-Anness 4.

[…]”

15

L-Artikolu 18 ta’ din il-liġi jipprovdi dispożizzjonijiet marbuta mal-eżami u mal-istabbiliment ta’ dħul u ta’ patrimonju tal-persuni b’diżabbiltà serja għall-finijiet tal-għoti ta’ allowances bħala kumpens.

16

L-Artikolu 20 tal-imsemmija liġi, li jirregola l-assistenza personali jipprovdi:

“1)   L-assistenza personali hija l-għajnuna mogħtija lill-persuna b’diżabbiltà serja għat-twettiq tal-attivitajiet elenkati fl-Anness 4. Din l-għajnuna tingħata minn assistent/a personali.

2)   L-assistenza personali għandha l-għan li timmobilizza lill-persuni b’diżabbiltà serja, li tikkontribwixxi għall-integrazzjoni soċjali tagħhom u għall-awtonomija tagħhom, li tatihom il-possibbiltà li jieħdu deċiżjonijiet u li jinfluwenzaw id-dinamika familjari u li tgħinhom fl-eżerċizzju ta’ attivitajiet professjonali, edukattivi u ta’ divertiment.”

17

Skont l-Artikolu 21 tal-liġi Nru 447/2008, dwar l-eżami tal-portata tal-assistenza personali:

“1)   Il-portata tal-assistenza personali għandha tiġi ddeterminata skont l-attivitajiet elenkati fl-Anness 4 li l-persuna b’diżabbiltà serja ma tistax twettaq waħidha, u skont in-numru ta’ sigħat neċessarji għat-twettiq tagħhom.

[…]

3)   Il-kalkolu tas-sigħat ta’ assistenza personali ma jinkludix is-sigħat ta’ assistenza personali li matulhom il-persuna b’diżabbiltà serja tibbenefika minn servizz residenzjali bil-ġurnata jew bil-ġimgħa. Il-persuna b’diżabbiltà serja li tibbenefika minn servizz residenzjali bis-sena tista’ tiġi proposta assistenza personali fil-forma ta’ akkumpanjament ma’ stabbiliment edukattiv, jekk dan l-istabbiliment ma jkunx fl-edifiċji tas-servizzi soċjali jew fl-edifiċji tas-servizzi ta’ protezzjoni socjo-ġuridiċi tat-tfal jew ta’ kura soċjali.

[…]”

18

L-Artikolu 22 ta’ din il-liġi jirregola l-allokazzjoni ta’ assistenza personali kif ġej:

“1)   Il-persuna d’diżabbiltà serja li, wara evalwazzjoni kumplessa mwettqa skont l-Artikolu 15(1), tiġi ddikjarata dipendenti fuq assistenza personali, tista’ tibbenefika minn allowance għal dan l-għan jekk l-assistenza personali tingħata għall-attivitajiet elenkati fl-Anness 4.

[…]

7)   L-allowance tal-assistenza personali għandu jitħallas f’ammont li jikkorrispondi għall-portata tal-assistenza personali għal sena espressa f’ewro. L-ammont ta’ dan l-allowance għandu jitnaqqas biż-żieda tal-pensjoni għal invalidità imħallsa għas-sena ċivili sħiħa.

[…]

9)   Jekk id-dħul tal-persuna b’diżabbiltà serja jkun għola minn erba’ darbiet id-dħul minimu għall-għajxien għal persuna anzjana [...], l-ammont li jikkorrispondi għal erba’ darbiet id-dħul minimu għall-għajxien għal persuna anzjana [...] għandu jitnaqqas mid-dħul tal-persuna b’diżabbiltà serja. Jekk ir-riżultat ta’ dan it-tnaqqis ikun inferjuri għall-ammont li jikkorrispondi għall-portata tal-assistenza personali espressa f’euro, l-ammont tal-allowance tal-assistenza personali għandu jekwivali għal din id-differenza. Jekk id-differenza bejn id-dħul tal-persuna b’diżabbiltà serja u l-ammont li jirrappreżenta erba’ darbiet id-dħul minimu għall-għajxien għal persuna anzjana [...] tkun ogħla mill-ammont li jikkorrispondi għall-portata tal-assistenza personali espressa f’euro, ma jingħatax l-allowance tal-assistenza; il-paragrafi 7 u 8 japplikaw mutatis mutandis.

10)   Ir-rata bis-siegħa tal-assistenza personali għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont tal-allowance tekwivali għal 1.39 % tad-dħul minimu għall-għajxien għal persuna anzjana [...].

11)   L-allowance tal-assistenza personali jitħallas kull xahar fuq il-preżentata ta’ rendikont tas-sigħat ta’ assistenza personali maħduma matul ix-xahar preċedenti.

12)   L-allowance tal-assistenza personali jitħallas lill-persuna b’diżabbiltà serja jew, bi ftehim bil-miktub mal-imsemmija persuna, lill-aġenzija ta’ assistenza personali, jekk il-persuna b’diżabbiltà serja tkun ikkonkludiet ma’ din l-aġenzija ftehim ta’ għajnuna għall-eżekuzzjoni tal-atti amministrattivi li jipprovdi b’mod partikolari għar-remunerazzjoni ta’ assistent(a) personali.

[…]”

19

L-Artikolu 23 tal-imsemmija liġi tipprevedi, fil-paragrafi 9 u 10, li l-persuna b’diżabbiltà serja hija obbligata li tippreżenta kull xahar lill-awtorità kompetenti rendikont tan-numru ta’ sigħat ta’ assistenza personali maħduma għall-finijiet tal-fatturazzjoni tagħhom kif ukoll konferma tar-remunerazzjoni mħallsa, kull xahar, lil assistent(a) personali.

20

L-Artikolu 38 tal-liġi Nru 447/2008, marbut mal-allowance tal-kumpens għall-ispejjeż, jipprovdi:

“1)   Il-persuna b’diżabbiltà serja li, wara evalwazzjoni kumplessa mwettqa skont l-Artikolu 15(1) tiġi ddikjarata dipendenti fuq kumpens għall-ispejjeż tista’, b’riżerva għal dispożizzjonijiet kuntrarju ta’ din il-liġi, tibbenefika minn allowance għall-ispejjeż

a)

iġġenerati minn sistema alimentari partikolari;

b)

marbuta

1.

ma’ iġene speċifika, jew mal-użu ta’ lbies, friex, żraben u għamara,

2.

mal-manutenzjoni ta’ vettura personali bil-mutur,

3.

mal-manutenzjoni ta’ kelb mħarreġ b’mod speċjali.

2)   Id-dipendenza għandha tiġi eżaminata b’mod separat fir-rigward ta’ kull waħda mill-entrati ta’ spejjeż elenkati fil-paragrafu 1.

[…]

4)   L-ammont tal-allowance mensili tal-kumpens għall-ispejjeż għal sistema alimentari partikolari jekwivali għal

a)

18.56 % tad-dħul minimu għall-għajxien għal persuna anzjana [...] għall-patoloġiji u l-problemi elenkati fl-Anness 5, l-ewwel grupp;

b)

9.28 % tad-dħul minimu għall-għajxien għal persuna anzjana [...] għall-patoloġiji u l-problemi elenkati fl-Anness 5, it-tieni grupp;

ċ)

5.57 % tad-dħul minimu għall-għajxien għal persuna anzjana [...] għall-patoloġiji u l-problemi elenkati fl-Anness 5, it-tielet grupp.

[…]

10)   L-ammont tal-allowance mensili ta’ kumpens tal-ispejjeż marbuta mal-manutenzjoni ta’ vettura personali bil-mutur jekwivali għal 16.70 % tad-dħul minimu għall-għajxien għal persuna anzjana [...].

[…]

14)   L-ammont tal-allowance mensili ta’ kumpens tal-ispejjeż marbuta mal-manutenzjoni ta’ kelb mħarreġ b’mod speċjali jekwivali għal 22.27 % tad-dħul minimu għall-għajxien għal persuna anzjana [...].

[…]

17)   L-allowance tal-kumpens tal-ispejjeż ma jistax jingħata jekk id-dħul tal-persuna fiżika b’diżabbiltà serja jkun tliet darbiet iktar mid-dħul minimal minimu għall-għajxien għal persuna anzjana [...].

[…]”

21

L-Artikolu 39 ta’ din il-liġi, marbut mal-ħarsien jipprevedi:

“1)   Għall-finijiet ta’ din il-liġi, ‘ħarsien’ tfisser l-għajnuna mogħtija lil persuna b’diżabbiltà serja dipendenti fuq ħarsien skont l-Artikolu 14(4) bla ħsara għal dispożizzjonijiet kuntrarji ta’ din il-liġi.

2)   Il-ħarsien għandu l-għan li l-persuna b’diżabbiltà serja tingħata għajnuna ta’ kuljum għall-azzjonijiet tal-ħajja intima, il-kompiti domestiċi u l-attivitajiet soċjali, bil-ħsieb taż-żamma tal-persuna kkonċernata fl-ambjent domestiku abitwali tagħha.”

22

Skont l-Artikolu 40 tal-imsemmija liġi, intitolat “Allowance tal-ħarsien”:

“1)   Jekk persuna fiżika bħal dik deskritta fil-paragrafi 3 u 4 tiżgura l-ħarsien ta’ persuna b’diżabbiltà serja għal iktar minn 6 snin li, wara evalwazzjoni kumplessa mwettqa skont l-Artikolu 15(1), tiġi ddikjarata dipendenti fuq ħarsien, din il-persuna fiżika tista’ tirċievi allowance għal dan l-għan.

[…]

7)   L-ammont tal-allowance mensili tal-ħarsien jekwivali għal 111.32 % tad-dħul minimu għall-għajxien għal persuna anzjana [...] għall-ħarsien ta’ persuna b’diżabbiltà serja u għal 148.42 % tad-dħul minimu għall-għajxien għal persuna anzjana [...] għall-ħarsien tal-inqas ta’ żewġ persuni b’diżabbiltà serja, bla ħsara għal dispożizzjonijiet kuntrarji ta’ din il-liġi.

8)   L-ammont tal-allowance mensili tal-ħarsien jekwivali għal 98.33 % tad-dħul minimal minimu għall-għajxien għal persuna anzjana [...] jekk il-persuna b’diżabbiltà serja dipendenti fuq ħarsien tibbenefika minn servizz residenzjali ta’ kuljum jew tiffrekwenta stabbiliment edukattiv iktar minn 20 siegħa fil-ġimgħa. L-ammont tal-allowance mensili tal-ħarsien jekwivali għal 139.15 % tad-dħul minimu għall-għajxien għal persuna anzjana [...] jekk il-persuna fiżika tiżgura l-ħarsien tal-inqas ta’ żewġ persuni b’diżabbiltà serja dipendenti fuq ħarsien u li jibbenefikaw minn servizz residenzjali ta’ kuljum jew jiffrekwentaw stabbiliment edukattiv iktar minn 20 siegħa fil-ġimgħa.

9)   L-ammont tal-allowance mensili tal-ħarsien jekwivali għal 144.7 % tad-dħul minimal minimu għall-għajxien għal persuna anzjana [...] jekk il-persuna fiżika tiżgura l-ħarsien ta’ persuna b’diżabbiltà serja dipendenti fuq ħarsien u li tibbenefika minn servizz residenzjali ta’ kuljum, jew tiffrekwenta stabbiliment edukattiv iktar minn 20 siegħa fil-ġimgħa, u tiżgura fl-istess ħin il-ħarsien ta’ persuna oħra b’diżabbiltà gravi dipendenti fuq ħarsien li ma tibbenefikax minn servizz residenzjali ta’ kuljum jew tibbenefika minnu matul 20 siegħa fil-ġimgħa jew iktar, jew li ma tiffrekwentax stabbiliment edukattiv jew tiffrekwentah mhux iktar minn 20 siegħa fil-ġimgħa.

10)   Jekk il-persuna fiżika li tiżgura l-ħarsien, imsemmija fil-paragrafi 3 u 4, tirċievi pensjoni tax-xjuħija, pensjoni antiċipata tax-xjuħija, pensjoni ta’ invalidità minħabba inkapaċità ta’ iktar minn 70 % li terżerċita attività ta’ lukru, pensjoni minn korp militari u tal-pulizija jew pensjoni ta’ invalidità minn korp militari u tal-pulizija, l-ammont tal-allowance mensili tal-ħarsien jekwivali għal 46.38 % tad-dħul minimu għall-għajxien għal persuna anzjana [...] għall-ħarsien ta’ persuna b’diżabbiltà serja, u għal 61.22 % tad-dħul minimu għall-għajxien għal persuna anzjana [...] għall-ħarsien tal-inqas ta’ żewġ persuni b’diżabbiltà serja, bla ħsara għal dispożizzjonijiet kuntrarji ta’ din il-liġi. It-tnaqqis tal-allowance previst fil-paragrafu 12 ma huwiex applikabbli.

[…]

12)   Jekk id-dħul tal-persuna b’diżabbiltà serja ikun 1.4 il-darba iktar mid-dħul minimu għall-għajxien għal persuna anzjana [...] l-ammont tal-allowance tal-ħarsien imsemmi fil-paragrafi 7 sa 9 jitnaqqas bl-ammont li jeċċedi l-imsemmi dħul; jekk il-persuna fiżika b’diżabbiltà serja hija minuri dipendenti u jekk id-dħul tagħha jkun tliet darbiet ogħla mid-dħul minimu għall-għajxien għal persuna anzjana [...] l-allowance tal-ħarsien għandu jitnaqqas bid-differenza bejn iż-żewġ ammonti.

[…]

15)   L-allowance tal-ħarsien jista’ wkoll jitħallas jekk il-persuna fiżika li tiżgura l-ħarsien ta’ persuna b’diżabbiltà gravi teżerċita professjoni u jekk id-dħul mensili li hija ddaħħal minn din il-professjoni ma jkunx darbtejn ogħla mid-dħul minimu għall-għajxien għal persuna anzjana [...]; l-eżerċizzju tal-imsemmija professjoni ma jistax madankollu jkun inkompatibbli mal-finalità u mal-portata tal-ħarsien tal-persuna b’diżabbiltà serja.

[…]

18)   L-ammont tal-allowance tal-ħarsien għandu jitnaqqas proporzjonalment bil-jiem li l-persuna b’diżabbiltà serja tqatta’ fi stabbiliment li jipprovdi kura medika f’istituzzjoni jekk it-tul tas-soġġorn ikun itwal minn 30 jum. L-ammont tal-allowance tal-ħarsien għandu jitnaqqas bil-jiem li l-persuna b’diżabbiltà serja tqatta’ fi stabbiliment edukattiv tat-tip ‘skola fil-beraħ’, f’post ta’ reintegrazzjoni soċjali jew f’post ta’ divertiment. L-ammont tal-allowance tal-ħarsien ma jitnaqqasx skont it-tieni sentenza ta’ dan il-paragrafu jekk il-persuna fiżika tkun żgurat il-ħarsien tal-persuna b’diżabbiltà serja matul is-soġġorn fl-istabbiliment edukattiv tat-tip ‘skola fil-beraħ’, fil-post ta’ reintegrazzjoni soċjali jew fil-post ta’ divertiment. Il-ħlas żejjed abbażi tal-allowance tal-ħarsien jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni fl-ammonti li jitħallsu matul ix-xhur sussegwenti.

[…]”

23

L-Artikolu 42 tal-liġi Nru 47/2008 jipprevedi dispożizzjonijiet li jikkonċernaw l-għoti ta’ allowances mħallsa abbażi ta’ kumpens. Skont dan l-artikolu:

“1)   L-allowances ma jitħallsux barra t-territorju tar-Repubblika Slovakka. Jekk persuna b’diżabbiltà serja tkun tirrisjedi barra t-territorju Slovakk għal iktar minn 60 jum konsekuttiv, l-allowances bħala kumpens jitħassru u l-ħlas tagħhom jiġi sospiż sa mill-ewwel jum tax-xahar ta’ wara x-xahar meta jiskadu dawn is-60 jum.

2)   L-allowance ta’ assistenza personali u l-allowance tal-ħarsien ma jistgħux jingħataw jekk Stat Membru ieħor taż-żona ekonomika Ewropea iħallas, għall-assistenza personali jew il-ħarsien tal-persuna b’diżabbiltà serja, allowance jew kontribuzzjoni b’finalità identika.

[…]”

24

L-Artikolu 43 ta’ din il-liġi, intitolat “Ħolqien tad-dritt għal allowances bħala kumpens u l-ħlas tagħhom […]”, jipprevedi:

1)

Id-dritt għal allowance bħala kumpens u l-ħlas tiegħu jirriżulta minn deċiżjoni valida tal-awtorità kompetenti dwar ir-rikonoxximent ta’ dan id-dritt.

[…]”

Il-proċedura prekontenzjuża

25

Il-Kummissjoni tiddikjara li hija rċeviet numru kbir ta’ lmenti dwar in-nuqqas ta’ ħlas ta’ diversi allowances lil persuni Slovakki intitolati għal pensjoni, rikonoxxuti bħala dipendenti fuq teħid ta’ responsabbiltà, li ttrasferew ruħhom fir-Repubblika Ċeka sabiex jgħixu mat-tfal adulti tagħhom. Għalhekk, permezz ta’ ittra tas-17 ta’ Marzu 2010, il-Kummissjoni ġibdet l-attenzjoni tal-awtoritajiet Slovakki fuq il-fatt li, fl-opinjoni tagħha, l-allowances tal-ħarsien, tal-assistenza personali u tal-kumpens tal-ispejjeż (iktar ’il quddiem il-“benefiċċji inkwistjoni”) għandhom il-karatteristiċi ta’ “benefiċċji tal-mard”, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 883/2004 u li dawn kellhom konsegwentement jitħallsu, skont l-Artikolu 21 ta’ dan ir-regolament, lill-benefiċjarji tal-imsemmija benefiċċji u lil-membri tal-familja tagħhom li ma jirrisjedux fis-Slovakkja.

26

Wara li inizjalment indikat li kienet ser tadotta l-miżuri neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mar-Regolament Nru 883/2004, ir-Repubblika Slovakka madankollu ma biddlitx il-prassi tagħha u, b’risposta għal ittra ġdida tal-Kummissjoni, argumentat li l-benefiċċji inkwistjoni ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, peress li dawn ma kienu marbuta ma’ ebda waħda mill-kategoriji ta’ riskji msemmija fl-Artikolu 3(1) ta’ dan tal-aħħar.

27

Peress li ma kinitx taqbel ma’ din l-analiżi, il-Kummissjoni bagħtet lir-Repubblika Slovakka ittra ta’ intimazzjoni li waslet għandha fis-26 ta’ Marzu 2012, billi sostniet li l-benefiċċji inkwistjoni kellhom jiġu kkunsidrati bħala benefiċċji tal-mard, fis-sens tar-Regolament Nru 883/2004, u li, skont l-Artikolu 21 tal-imsemmi regolament, il-ħlas tagħhom ma setax ikun issuġġettat għall-post ta’ residenza tal-benefiċjarju.

28

Ir-Repubblika Slovakka wieġbet għall-ittra ta’ intimazzjoni permezz ta’ ittra tal‑25 ta’ Mejju 2012, li fiha hija indikat li l-benefiċċji inkwistjoni ma kinux jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 883/2004, peress li kienu jitħallsu wara eżami individwali tas-sitwazzjoni soċjali u ekonomika tal-benefiċjarju.

29

Peress li ma kinitx konvinta mill-argument tar-Repubblika Slovakka, il-Kummissjoni bagħtet, fil-25 ta’ Ottubru 2012, lill-awtoritajiet Slovakki opinjoni motivata li waslet għandhom fl-istess jum. Fl-imsemmija opinjoni motivata, il-Kummissjoni indikat b’mod partikolari li l-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfatti sabiex jingħataw il-benefiċċji inkwistjoni kienu ddefiniti, mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, b’mod ġenerali u oġġettiv, b’mod li l-awtoritajiet kompetenti ma għandhom l-ebda kompetenzi diskrezzjonali f’dan ir-rigward. Minħabba dan il-fatt huwa żbaljat li jiġi ddikjarat li l-benefiċċji inkwistjoni ma jikkorrispondu ma’ ebda waħda mill-kategoriji ta’ riskji msemmija fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 883/2004. Barra minn hekk, skont il-Kummissjoni, l-imsemmija benefiċċji ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala “benefiċċji speċjali f’dan il-każ mhux kontributorji”, fis-sens tal-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 883/2004.

30

Konsegwentement, il-Kummissjoni kkunsidrat li, billi rrifjutat li tagħti l-benefiċċji inkwistjoni lil benefiċjarji li jirrisjedu barra t-territorju Slovakk, ir-Repubblika Slovakka naqset mill-obbligi tagħha skont l-Artikolu 48 TFUE u tal-Artikoli 7 u 21 tar-Regolament Nru 883/2004 u stiednet dan l-Istat Membru jadotta l-miżuri rikjesti sabiex jikkonforma ruħu mal-opinjoni motivata f’terminu ta’ xahrejn mill-wasla ta’ din tal-aħħar.

31

B’risposta għal din l-opinjoni motivata, ir-Repubblika Slovakka indikat, f’ittra tal‑20 ta’ Diċembru 2012, li hija żżomm ferma l-pożizzjoni li l-benefiċċji inkwistjoni ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 883/2004, peress li dawn ma huma marbuta mal-ebda waħda mill-kategoriji ta’ riskji msemmija fl-Artikolu 3(1) tal-imsemmi regolament, billi l-għan tagħhom hija l-integrazzjoni tal-persuni b’diżabbiltà fis-soċjetà u mhux it-titjib tal-istat tas-saħħa tagħhom.

32

F’dawn il-kundizzjonijiet, il-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta l-kawża odjerna.

Fuq ir-rikors

Fuq l-ammissibbiltà

L-argumenti tal-partijiet

33

Prinċipalment, ir-Repubblika Slovakka teċċepixxi l-inammissibbiltà tar-rikors peress li, matul il-fażi prekontenzjuża tal-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, il-Kummissjoni ma ħaditx pożizzjoni fuq elementi fundamentali invokati mir-Repubblika Slovakka insostenn tad-difiża tagħha u, għall-kuntrarju, eżaminat kwistjonijiet oħra li ma dwarhom ma kienx hemm diżgwid bejn il-partijiet.

34

Minn naħa, il-Kummissjoni ma weġbitx għall-argumenti maħsuba sabiex juru li l-benefiċċji inkwistjoni kienu “miżuri ta’ assistenza soċjali”, fis-sens tal-Artikolu 3(5) tar-Regolament Nru 883/2004, esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament. Għalhekk il-Kummissjoni ma osservatx il-kundizzjoni tal-iżvolġiment regolari tal-proċedura prekontenzjuża (Digriet Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑266/94, EU:C:1995:235, punt 25) u ma ddefinixxietx is-suġġett tal-kawża b’mod suffiċjentement ċar. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni allegat li r-Repubblika Slovakka sostniet, matul il-fażi prekontenzjuża, li l-benefiċċji inkwistjoni jikkostitwixxu “benefiċċji speċjali f’dan il-każ mhux kontribwitorji”, fis-sens tal-Artikolu 70 tar-Regolament Nru 883/2004, u dan ma huwiex il-każ. Dawn l-allegazzjonijiet żbaljati tal-Kummissjoni jirrendu r-rikors stort.

35

Il-Kummissjoni ssostni li hija la estendiet, u lanqas biddlet is-suġġett tal-kawża u ma kisritx id-drittijiet tad-difiża tar-Repubblika Slovakka. Minn naħa, hija indikat, kemm fl-ittra tagħha ta’ intimazzjoni kif ukoll fl-opinjoni motivata tagħha, li hija ma tassimilax id-determinazzjoni tad-dħul tal-benefiċjarji tal-benefiċċji inkwistjoni ma’ evalwazzjoni individwali u diskrezzjonali tas-sitwazzjoni tagħha, fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan il-qasam. Issa, għalkemm huwa veru li s-suġġett tar-rikors ippreżentat skont l-Artikolu 258 TFUE huwa limitat mill-proċedura prekontenzjuża prevista minn din id-dispożizzjoni u li, konsegwentement, l-opinjoni motivata tal-Kummissjoni u r-rikors għandhom ikunu bbażati fuq ilmenti identiċi, dan ir-rekwiżit madankollu ma jistax jiġi estiż b’tali mod li jimponi, f’kull każ, koinċidenza perfetta fil-formulazzjoni tagħhom, peress li s-suġġett tal-kawża, kif iddefinit fl-opinjoni motivata, ma ġiex estiż jew mibdul (sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-433/03, EU:C:2005:462, punt 28). Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li mis-sentenzi Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (C-362/01, EU:C:2002:739, punti 18 sa 20) u Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu C-519/03, EU:C:2005:234, punt 21) li l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tar-risposta mogħtija mill-Istat Membru kkonċernat għall-ittra ta’ intimazzjoni u l-opinjoni motivata ma twassalx għall-inammissibbiltà tar-rikors.

36

Min-naħa l-oħra, sabiex tingħata deċiżjoni fuq il-kawża inkwistjoni, jeħtieġ li jiġi ddeterminat jekk l-Artikolu 70 tar-Regolament Nru 883/2004 huwiex applikabbli f’dan il-każ. B’hekk il-Kummissjoni setgħet tindirizza dan il-punt mingħajr ma ġiet mistiedna mir-Repubblika Slovakka.

37

Sussidjarjament, ir-Repubblika Slovakka ssostni li r-rikors tal-Kummissjoni huwa inammissibbli sa fejn dan jikkonċerna l-ilment marbut mal-ksur tal-Artikolu 48 TFUE, sa fejn dan l-ilment ma ssemmiex fl-ittra ta’ intimazzjoni u ġie invokat biss, għall-ewwel darba, fl-istadju tal-opinjoni motivata.

38

Filwaqt li tikkunsidra li din l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tikkonċerna fil-realtà il-mertu tal-kawża, il-Kummissjoni ssostni li, billi ma ħallsitx il-benefiċċji inkwistjoni lill-benefiċjarji li jirrisjedu barra t-territorju tagħha, ir-Repubblika Slovakka kisret kemm ir-Regolament Nru 883/2004 kif ukoll il-prinċipju ta’ esportabbiltà tal-benefiċċji stabbiliti fl-Artikolu 48 TFUE.

Evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

39

Fir-rigward tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tar-rikors tal-Kummissjoni invokata prinċipalment mir-Repubblika Slovakka, jeħtieġ li jitfakkar li l-għan tal-proċedura prekontenzjuża huwa li l-Istat Membru kkonċernat jingħata l-possibbiltà li jikkonforma ruħu mal-obbligi imposti fuqu mid-dritt tal-Unjoni jew li jsostni b’mod utli il-motivi ta’ difiża tiegħu fir-rigward tal-ilmenti fformulati mill-Kummissjoni. L-iżvolġiment regolari tal-proċedura prekontenzjuża jikkostitwixxi garanzija essenzjali mhux biss għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-Istat Membru inkwistjoni, iżda wkoll sabiex jiġi ggarantit li s-suġġett tal-eventwali proċedura kontenzjuża tkun kawża definita b’mod ċar (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Il-Kummissjoni vs Franza, C-1/00, EU:C:2001:687, punt 53, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-135/01, EU:C:2003:171, punti 19 u 20, kif ukoll Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, C-79/09, EU:C:2010:171, punt 21).

40

Għalhekk, il-proċedura prekontenzjuża issegwi t-tliet għanijiet li ġejjin: tippermetti lill-Istat Membru li jtemm il-ksur possibbli, li dan jitpoġġa f’pożizzjoni sabiex ikun jista’ jeżerċita d-drittijiet tiegħu tad-difiża u li tiddelimita s-suġġett tal-kawża bil-għan li l-Qorti tal-Ġustizzja tassumi l-ġurisdizzjoni tagħha fuqha (sentenzi Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, C-362/01, EU:C:2002:739, punt 18; Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-135/01, EU:C:2003:171, punt 21, u Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, C-79/09, EU:C:2010:171, punt 22).

41

B’mod konformi ma’ dak li ntqal, fil-prinċipju hija l-Kummissjoni li għandha tagħmel riferiment, fl-opinjoni motivata tagħha, għal evalwazzjonijiet li hija tkun wettqet fuq l-osservazzjonijiet ifformulati mill-Istat Membru fir-risposta tiegħu għall-ittra ta’ intimazzjoni (ara s-sentenzi Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, C-362/01, EU:C:2002:739, punt 19, u Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-135/01, EU:C:2003:171, punt 22).

42

Madankollu, f’dan il-każ, iċ-ċirkustanza li l-Kummissjoni wieġbet fil-qosor, jew anki astjeniet milli twieġeb għall-argumenti tar-Repubblika Slovakka maħsuba sabiex juru li l-benefiċċji inkwistjoni kienu “miżuri ta’ assistenza soċjali”, fis-sens tal-Artikolu 3(5) tar-Regolament Nru 883/2004, anki jekk jiġi preżunt li hija stabbilita, ma tinċidix fuq id-delimitazzjoni tas-suġġett tal-kawża u la poġġiet lil dan l-Istat Membru fl-impossibbiltà li jtemm il-ksur allegat u lanqas kisret id-drittijiet tad-difiża ta’ dan tal-aħħar.

43

Fil-fatt, il-Kummissjoni indikat, kemm fl-ittra ta’ intimazzjoni tagħha kif ukoll fl-opinjoni motivata tagħha, li hija kienet tikkunsidra li l-benefiċċji inkwistjoni kienu benefiċċji ta’ sigurtà soċjali u li hija ma kinitx tassimila d-determinazzjoni tad-dħul tal-benefiċjarji tal-benefiċċji inkwistjoni ma’ evalwazzjoni individwali u diskrezzjonali tas-sitwazzjoni tagħha, fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan il-qasam. Permezz ta’ tali analiżi, il-Kummissjoni eskludiet l-applikabbiltà tal-Artikolu 3(5) tar-Regolament Nru 883/2004 dwar l-assistenza soċjali.

44

Għall-kuntrarju ta’ dak li tinvoka r-Repubblika Slovakka, iċ-ċirkustanza li l-Kummissjoni eżaminat, fir-rikors tagħha, l-applikabbiltà tal-Artikolu 70 tar-Regolament Nru 883/2004 għall-benefiċċji inkwistjoni bil-għan li jintwera li dawn tal-aħħar ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-artikolu, meta r-Repubblika Slovakka ma kinitx tat l-opinjoni tagħha fuq dan il-punt matul il-fażi prekontenzjuża u minkejja li, fi kwalunkwe każ, il-partijiet jaqblu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fuq il-fatt li l-imsemmi artikolu ma huwiex applikabbli f’dan il-każ, lanqas ma tikkostitwixxi ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-Repubblika Slovakka, u lanqas delimitazzjoni insuffiċjenti tas-suġġett tal-kawża.

45

Minn naħa, peress li, matul il-proċedura prekontenzjuża, hija kkonfermat b’mod kostanti li l-benefiċċji inkwistjoni kienu “benefiċċji ta’ sigurtà soċjali”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 883/2004, u minħabba dan huma esportabbli, il-Kummissjoni b’mod ċar tat lil dawn tal-aħħar il-klassifikazzjoni legali li hija qieset adatta u b’hekk identifikat is-suġġett tal-kawża. Sa fejn il-kunċett ta’ “benefiċċju ta’ sigurtà soċjali”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament, u l-kunċett ta’ “benefiċċju speċjali li mhumiex kontributorji”, fis-sens tal-Artikoli 3(2), u 70 tal-imsemmi regolament jeskludu lil xulxin b’mod reċiproku (sentenza Hosse, C-286/03, EU:C:2006:125, punt 36), l-argument tal-Kummissjoni dwar in-nuqqas ta’ applikabbiltà tal-imsemmi artikolu 70 għall-benefiċċji kontenzjużi, invokat matul il-proċedura prekontenzjuża, jaqa’ fil-kuntest tal-kawża kif delimitat, mingħajr ma jestendih.

46

Min-naħa l-oħra, sa fejn ma hemm l-ebda regola ta’ proċedura li tobbliga lill-Istat Membru kkonċernat jippreżenta, waqt il-fażi prekontenzjuża, l-argumenti kollha għad-difiża tiegħu fil-kuntest ta’ rikors ibbażat fuq l-Artikolu 258 TFUE (ara s-sentenzi, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-414/97, EU:C:1999:417, punt 19, u Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, C-34/04, EU:C:2007:95, punt 49), ma jistax jiġi allegat li l-Kummissjoni ppreżentat, fir-rikors tagħha, argumenti marbuta man-nuqqas ta’ applikabbiltà tal-Artikolu 70 tar-Regolament Nru 883/2004 għall-benefiċċji kontenzjużi, minkejja li r-Repubblika Slovakka ma invokatx l-applikabbiltà tal-imsemmi artikolu waqt il-proċedura prekontenzjuża, waqt li tippreżerva d-dritt li tagħmel dan fil-proċedura kontenzjuża.

47

Għaldaqstant, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tar-rikors invokata prinċipalment għandha tiġi miċħuda.

48

Fir-rigward tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà parzjali tar-rikors, ibbażata fuq il-fatt li l-ksur tal-Artikolu 48 TFUE ġie invokat għall-ewwel darba biss fl-istadju tal-opinjoni motivata, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li l-ittra ta’ intimazzjoni tat-22 ta’ Marzu 2013 ma ssemmix l-ilment ibbażat fuq il-ksur ta’ dan l-artikolu, iżda sempliċiment tindika li l-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 883/2004 jimplimenta l-imsemmi Artikolu 48 TFUE.

49

Barra minn hekk, għalkemm il-Kummissjoni tindika, fir-rikors tagħha, li r-regolament Nru 883/2004 għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-Artikolu 48 TFUE, dan tal-aħħar ma jinkludi l-ebda argument proprju insostenn tal-ilment marbut mal-ksur tal-Artikolu 48 TFUE, iżda jislet dan il-ksur minn dak tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 883/2004.

50

Minn dan jirriżulta li dan ir-rikors ma huwiex ammissibbli sa fejn huwa intiż li jikkonstata li r-Repubblika Slovakka naqset mill-obbligi tagħha skont l-Artikolu 48 TFUE.

Fuq il-mertu

L-argumenti tal-partijiet

51

Il-Kummissjoni ssostni li l-benefiċċji inkwistjoni għandhom jiġu kklassifikati bħala “benefiċċji tal-mard”, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 883/2004. Konsegwentement, dawn għandhom jitħallsu wkoll lill-benefiċjarji li ma għandhomx jew li m’għadx għandhom ir-residenza abitwali tagħhom fis-Slovakkja. Il-limitazzjoni tad-dritt ta’ tali benefiċjarji li jirċievu l-benefiċċji inkwistjoni ma hijiex konformi mal-Artikoli 7 u 21 tar-Regolament Nru 883/2004.

52

Qabel xejn, il-benefiċċji inkwistjoni jingħataw indipendentement minn kull evalwazzjoni individwali u diskrezzjonali tal-bżonnijiet personali tal-applikanti, abbażi ta’ sitwazzjoni ddefinita legalment. Il-kriterji ta’ evalwazzjoni tal-istat tas-saħħa u tas-sitwazzjoni soċjali u finanzjarja tal-applikanti jirriżultaw mil-liġi Nru 447/2008 u huma oġġettivi u vinkolanti għall-awtoritajiet kompetenti. Id-deċiżjonijiet ta’ dawn tal-aħħar jistgħu jiġu ssuġġettati għal stħarriġ ġudizzjarju bil-għan li tiġi żgurata l-osservanza tal-kundizzjonijiet tal-għoti tal-benefiċċji inkwistjoni stabbiliti minn din il-liġi u tal-finalitajiet ta’ din tal-aħħar. Iċ-ċirkustanza li l-awtoritajiet Slovakki japplikaw kriterju addizzjonali meta dawn jiddeċiedu li jagħtu l-benefiċċji inkwistjoni, li jikkonsisti fl-eżaminazzjoni dwar jekk il-kumpens ta’ diżabbiltà jistax jiġi żgurat permezz ta’ mezz validu ieħor, ma jimplikax li dawn l-awtoritajiet għandhom setgħa diskrezzjonali f’dan ir-rigward. Mill-artikoli 43 sa 48 tal-liġi Nru 447/2008 jirriżulta li l-validità ta’ dan il-kriterju addizzjonali tista’ wkoll tiġi ssuġġettata għal stħarriġ tal-qorti u l-applikazzjoni tagħha taqa’ fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni applikabbli.

53

Il-liġi Nru 447/2008 tiddefinixxi l-kriterji li skonthom persuna tista’ tibbenefika mill-benefiċċji inkwistjoni, u b’hekk tillimita s-setgħa diskrezzjonali tal-awtoritajiet responsabbli mill-applikazzjoni tagħha. Għalhekk, għalkemm dawn l-awtoritajiet ċertament għandhom setgħa diskrezzjonali waqt l-għoti tal-imsemmija benefiċċji, din is-setgħa hija eżerċitata fil-limiti stabbiliti minn din il-liġi. Filwaqt li rrilevat in-natura fakultattiva tal-benefiċċji inkwistjoni, in-Najvyšší súd Slovenskej republiky (il-Qorti Suprema tar-Repubblika Slovakka) ikkonfermat, fis-sentenza marbuta mal-benefiċċji kkontestati, invokata mir-Repubblika Slovakka, li l-benefiċċji jistgħu jingħataw biss lil persuna li tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti mil-liġi.

54

Sussegwentement, il-Kummissjoni tesponi li, b’mod konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, benefiċċji mogħtija b’mod oġġettiv, abbażi ta’ sitwazzjoni ddefinita legalment, u li huma intiżi li jtejbu l-istat tas-saħħa u l-ħajja tal-persuni dipendenti, essenzjalment għandhom bħala għan li jikkompletaw il-benefiċċji tal-assigurazzjoni għall-mard u għandhom, għalhekk, jitqiesu bħala “benefiċċji tal-mard” skont l-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 883/2008 (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Gaumain-Cerri u Barth, C-502/01 u C-31/02, EU:C:2004:413, punt 20; Hosse, C-286/03, EU:C:2006:125, punt 38, kif ukoll Il-Kummissjoni vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C-299/05, EU:C:2007:608, punt 61).

55

Għalhekk, fl-ewwel lok, mill-Artikoli 39(2) u 40(1) tal-liġi Nru 447/2008 jirriżulta li l-allowance tal-ħarsien hija allowance li tippermetti lill-persuni dipendenti fuq ħarsien li jikkumpensaw l-ispejjeż iġġenerati mill-istat ta’ saħħa tagħhom. Għalkemm din l-allowance għandha l-karatteristiċi proprji tagħha, hija għandha tiġi kkunsidrata bħala “benefiċċju tal-mard”, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 883/2004.

56

Fit-tieni lok, skont l-Artikolu 20(2) tal-liġi Nru 447/2008, l-assistenza personali għandha l-għan li timmobilizza l-persuni b’diżabbiltà serja, li tikkontribwixxi lejn l-integrazzjoni soċjali tagħhom u lejn l-awtonomija tagħhom, li tatihom il-possibbiltà li jieħdu deċiżjonijiet u li jinfluwenzaw id-dinamika familjari u li tgħinhom fl-eżerċizzju tal-attivitajiet professjonali, edukattivi u ta’ divertiment. Il-finalità tal-allowance ta’ assistenza personali b’hekk hija dik li tikkompleta l-benefiċċji tal-mard u li ttejjeb l-istat u l-kwalità tal-ħajja tal-persuni dipendenti fuq din l-assistenza. L-allowance ta’ assistenza personali tikkonsisti f’għajnuna finanzjarja u ċ-ċirkustanza li din titħallas fuq il-preżentazzjoni ta’ rendikont tas-sigħat ta’ assistenza personali maħduma matul ix-xahar preċedenti ma tippermettix li din tiġi kklassifikata bħala benefiċċju in natura.

57

Fit-tielet lok, l-allowance ta’ kumpens għall-ispejjeż għandha wkoll tiġi kkunsidrata bħala “benefiċċju mal-mard”, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 883/2004, peress li din għandha l-għan li tippermetti lill-persuni b’diżabbiltà serja li jgħixu ħajja iktar sodisfaċenti. Skont l-Artikolu 38(1) tal-liġi Nru 447/2008, din l-allowance tista’ tingħata sabiex jiġu kkumpensati l-ispejjeż iġġenerati minn sistema alimentari partikolari jew marbuta ma’ iġene speċifika, mal-użu ta’ lbies, friex, żraben u ta’ għamara, mal-manutenzjoni ta’ vettura personali bil-mutur jew iż-żamma ta’ kelb imħarreġ b’mod speċjali. Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li allowance simili mogħtija fl-Isvezja għandha tiġi kkunsidrata bħala benefiċċju tal-mard (Il-Kummissjoni vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C-299/05, EU:C:2007:608, punt 62).

58

Il-benefiċċji inkwistjoni kienu maħsuba li jkopru r-riskju ta’ dipendenza u mhux li jagħmlu tajjeb għall-iżvestiment materjali tal-benefiċjarji, peress li dawn ma jirrivelawx id-dħul tal-benefiċjarji fil-livell tad-dħul minimu għall-għajxien, iżda jistgħu jingħataw lilhom anki meta d-dħul tagħhom jeċċedi 1.4 sa 4 darbiet l-imsemmija dħul minimu.

59

Fl-aħħar, peress li l-benefiċċji inkwistjoni jkopru riskji elenkati fir-Regolament Nru 883/2004, dawn ma humiex benefiċċji ta’ assistenza soċjali. Lanqas ma huma benefiċċji, il-“benefiċċji speċjali f’dan il-każ ta’ natura kontributorja”, fis-sens tal-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 883/2004.

60

Ir-Repubblika Slovakka ssostni, fl-ewwel lok li l-benefiċċju ta’ assistenza personali huwa benefiċċju in natura, peress li skont, l-Artikolu 22(11) tal-liġi Nru 447/2008, dan jitħallas kull xahar fuq il-preżentazzjoni ta’ rendikont tas-sigħat ta’ assistenza personali maħduma matul ix-xahar preċedenti. Benefiċċju in natura jista’ wkoll jingħata fil-forma ta’ flus, jekk il-fondi jitħallsu mill-awtorità kompetenti fuq il-preżentazzjoni ta’ ġustifikazzjoni tal-ispejjeż sostnuti.

61

Fit-tieni lok, l-allowances tal-ħarsien, tal-kumpens għall-ispejjeż, kif ukoll – sussidjarjament – tal-assistenza personali kienu jipprevedu li jagħmlu tajjeb għas-sitwazzjonijiet ta’ żvestiment materjali ta’ kategorija ta’ benefiċjarji u kellhom il-karatteristiċi ta’ benefiċċji ta’ assistenza soċjali, esklużi skont l-Artikolu 3(5)(a) tar-Regolament Nru 883/2004 mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament.

62

Minn naħa, dawn il-benefiċċji huma marbuta mill-qrib mas-sitwazzjoni soċjo-ekonomika tal-benefiċjarji tagħhom u ma għandhomx l-għan li jtejbu l-istat ta’ saħħithom jew, b’mod ġenerali, is-sitwazzjoni tagħhom ta’ dipendenza jew li jagħmlu tajjeb għall-ispejjeż iġġenerati mill-istat ta’ saħħithom. Dawn il-benefiċċji kienu maħsuba li jikkontribwixxu lejn l-integrazzjoni soċjali tal-persuni b’diżabbiltà serja li d-dħul tagħhom huwa dgħajjef u b’partrimonju modest. It-titjib tal-kwalità tal-ħajja tal-benefiċjarji tagħhom huwa konsegwenza loġika u u riċerkata tat-titjib tal-integrazzjoni soċjali ta’ dawn tal-aħħar, iżda xorta ma jippermettix li dawn il-benefiċċji jiġu kkunsidrati bħala benefiċċji tal-mard li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 833/2004.

63

Min-naħa l-oħra, is-sitwazzjoni individwali tal-applikanti tal-benefiċċji tiġi suġġetta għal diversi evalwazzjonijiet, li fi tmiemhom jiġi redatt rapport dwar l-evalwazzjoni kumplessa. Abbażi ta’ dan, l-awtorità kompetenti tadotta deċiżjoni marbuta mal-għoti ta’ benefiċċju. Anki jekk l-applikant ikun jissodisfa t-totalità tal-kriterji kollha li jippermettu l-benefiċċju, l-għoti ta’ tali benefiċċju huwa fakultattiv u d-dritt għall-benefiċċju ma jinkisibx jekk l-awtorità tiddeċiedi, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari, li ma tagħtix l-imsemmi benefiċċju. Il-liġi Nru 447/2008 ma timponi fuq l-awtorità amministrattiva l-adozzjoni tal-ebda deċiżjoni partikolari, iżda tippermettilha li tadotta d-deċiżjoni l-iktar adegwata possibbli, li tieħu kont tal-ispeċifikazzjonijiet ta’ kull sitwazzjoni b’mod konformi mal-interess ġenerali, jiġifieri billi twettaq evalwazzjoni individwali tal-bżonnijiet tal-persuna b’diżabbiltà serja, u b’osservanza tal-finalità u tal-għan tal-liġi.

64

Ir-Repubblika Slovakka tibbaża ruħha f’dan ir-rigward fuq it-termini “tista’ tibbenefika jew anki tipproponi” tal-Artikoli 22(1), 38(1) u 40(1) tal-liġi Nru 447/2008, fuq l-Artikolu 52(o) tal-liġi Nru 447/2008, li jipprevedi li l-Aġenzija tax-xogħol, tal-affarijiet soċjali u tal-familja għandha “teżerċita stħarriġ fuq l-opportunità ta’ kumpens”, fuq il-ġurisprudenza tal-qrati Slovakki li tistabbilixxi li l-allowances previsti mil-liġi Nru 447/2008 huma benefiċċji fakultattivi, kif ukoll fuq l-Artikolu 43(1) tal-liġi Nru 447/2008 li jipprevedi li d-dritt għal allowance abbażi ta’ kumpens u għall-ħlas tiegħu jirriżulta minn deċiżjoni valida tal-awtorità kompetenti dwar ir-rikonoxximent ta’ dan id-dritt.

65

Barra minn hekk, ir-Repubblika Slovakka tikkunsidra li n-natura mhux kontributorja u l-metodu ta’ finanzjament tat-tliet benefiċċji inkwistjoni, assoċjati mal-finalità u mal-kundizzjonijiet tal-ħlas tagħhom, jikkonfermaw in-natura tagħhom ta’ benefiċċji ta’ assistenza soċjali.

66

Sussidjarjament, ir-Repubblika Slovakka ssostni li t-tliet benefiċċji inkwistjoni ma għandhomx il-karatteristiċi ta’ benefiċċji ta’ sigurtà soċjali, peress li, qabel xejn, ma jeżisti l-ebda dritt kweżit għall-għoti tagħhom, imbagħad dan tal-aħħar jiddependi fuq evalwazzjoni individwali u diskrezzjonali tal-bżonnijiet personali tal-applikant fir-rigward tas-sitwazzjoni ddefinita legalment u, finalment, dawn il-benefiċċji ma humiex marbuta ma’ waħda mill-kategoriji ta’ riskji elenkati fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 883/2004.

67

Fuq dan l-aħħar punt, ir-Repubblika Slovakka ssostni li peress li l-imsemmija benefiċċji ma għandhomx l-għan li jtejbu l-istat tas-saħħa tal-persuni dipendenti u lanqas li jagħmlu tajjeb fuq bażi qasira ta’ żmien għall-assenza ta’ dħul waqt mard, dawn tal-aħħar ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala benefiċċju tal-mard stricto senso (sentenza da Silva Martins, C‑388/09, EU:C:2011:439, punt 47), u lanqas bħala benefiċċji addizzjonali tal-mard fis-sens tas-sentenzi Molenaar (C‑160/96, EU:C:1998:84) u Jauch (C‑215/99, EU:C:2001:139).

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

68

Skont ġurisprudenza stabbilita, fil-qafas ta’ rikors għal nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu, hija l-Kummissjoni li għandha tistabbilixxi l-eżistenza tal-allegat nuqqas. Hija din li għandha tipproduċi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja l-elementi neċessarji sabiex din tivverifika l-eżistenza ta’ dan in-nuqqas, mingħajr ma tkun tista’ tibbaża ruħha fuq kwalunkwe preżunzjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Il-Kummissjoni vs l-Italja C-135/05, EU:C:2007:250, punt 26, u Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C-305/06, EU:C:2008:486, punt 41).

69

Bil-għan li tevalwa l-fondatezza tar-rikors tal-Kummissjoni, jeħtieġ li jiġi ddeterminat jekk il-benefiċċji inkwistjoni jikkostitwixxux, kif tikkonferma l-Kummissjoni, “benefiċċji tal-mard” fis-sens tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 883/2004.

70

Id-distinzjoni bejn il-benefiċċji li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 883/2004 u dawk li huma esklużi hija bbażata essenzjalment fuq l-elementi li jikkostitwixxu kull benefiċċju, b’mod partikolari il-finalitajiet u l-kundizzjonijiet tal-għoti ta’ dan tal-aħħar, u mhux fuq il-fatt li benefiċċju huwiex ikklassifikat jew le minn leġiżlazzjoni nazzjonali bħala benefiċċju tas-sigurtà soċjali (ara f’dan is-sens, is-sentenza Molenaar, C‑160/96, EU:C:1998:84, punt 19).

71

Skont ġurisprudenza stabbilita, benefiċċju jista’ jitqies li huwa benefiċċju tas-sigurtà soċjali fil-każ fejn huwa jingħata lill-benefiċjarji indipendentement minn kull evalwazzjoni individwali u diskrezzjonali tal-bżonnijiet personali, fuq il-bażi ta’ sitwazzjoni legalment iddefinita, u fejn huwa relatat ma’ wieħed mir-riskji espressament elenkati fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 883/2004 (ara, b’mod partikolari, is-sentenza da Silva Martins, C‑388/09, EU:C:2011:439, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

72

Għaldaqstant, jeħtieġ li jiġi eżaminat, fl-ewwel lok, jekk il-benefiċċji inkwistjoni humiex mogħtija lill-benefiċjarji, kif tikkonferma l-Kummissjoni, indipendentement minn kull evalwazzjoni individwali u diskrezzjonali tal-bżonnijiet personali tagħhom, abbażi ta’ sitwazzjoni legalment iddefinita, jew jekk, kif issostni r-Repubblika Slovakka, dawn il-benefiċċji jingħatawx biss lil dawk li wara evalwazzjoni tas-sitwazzjoni individwali tagħhom, liema evalwazzjoni madankollu ma tagħti l-ebda dritt għall-ħlas ta’ wieħed minn dawn il-benefiċċji anki jekk ikunu ssodisfatti l-kriterji kollha tal-għoti ta’ dan tal-aħħar.

73

Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-ewwel miż-żewġ kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 71 ta’ din is-sentenza tkun issodisfatta meta l-għoti ta’ benefiċċju jitwettaq b’osservanza ta’ kriterji oġġettivi li, dment li jiġu ssodisfatti, jiftħu d-dritt għall-benefiċċju b’mod li l-awtorità kompetenti ma tkunx tista’ tieħu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi personali oħra (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi Hughes, C‑78/91, EU:C:1992:331, punt 17; Molenaar, C‑160/96, EU:C:1998:84, punt 21; Maaheimo, C‑333/00, EU:C:2002:641, punt 23, u De Cuyper, C‑406/04, EU:C:2006:491, punt 23).

74

Mill-proċess jirriżulta li l-benefiċċji inkwistjoni jistgħu jingħataw meta persuna b’diżabbiltà serja, wara evalwazzjoni kumplessa, mwettqa abbażi ta’ evalwazzjoni medika u ta’ evalwazzjoni soċjali, tiġi ddikjarata dipendenti fuq assistenza personali, fuq kumpens tal-ispejjeż jew ta’ ħarsien.

75

Għal dan l-għan, skont l-Artikolu 11(11) tal-liġi Nru 447/2008, l-evalwazzjoni medika tagħti lok għal opinjoni medika, li tinkludi il-livell ta’ tibdil funzjonali, il-konstatazzjoni li l-persuna kkonċernata tbati minn diżabbiltà serja, il-konklużjonijiet marbuta mat-tipi differenti ta’ dipendenza tal-persuna b’diżabbiltà serja, imsemmija fl-Artikolu 14 ta’ din il-liġi, u t-terminu ta’ eżami mill-ġdid tal-istat tas-saħħa ta’ din tal-aħħar.

76

L-evalwazzjoni soċjali msemmija fl-Artikolu 13 tal-imsemmija liġi tinkludi, min-naħa tagħha, l-evalwazzjoni tal-kompetenzi individwali tal-persuna b’diżabbiltà serja, tal-kuntest familjari tagħha u tal-ambjent tagħha, inkluża l-evalwazzjoni tas-sistemi ta’ trasport u l-kundizzjonijiet tal-akkomodazzjoni, inkluża l-aċċessibbiltà tal-edifiċji pubbliċi.

77

Finalment, l-evalwazzjoni kumplessa tinkludi, skont l-Artikolu 15(1) tal-liġi Nru 447/2008, b’mod partikolari l-elementi li ġejjin: il-grad ta’ tibdil funzjonali, il-konstatazzjoni li l-persuna kkonċernata tbati minn diżabbiltà serja, il-konsegwenzi soċjali tad-diżabbiltà serja fl-oqsma kollha previsti mill-kumpens, proposta dwar it-tip ta’ allowance li għandha tingħata bħala kumpens, il-konstatazzjoni, fejn applikabbli, li l-persuna b’diżabbiltà serja hija dipendenti fuq persuna li takkumpanjaha, il-konstatazzjoni, fejn applikabbli, li l-persuna b’diżabbiltà serja hija dipendenti fuq trasport individwali b’vettura personali bil-mutur jew hija, jew hija prattikament għamja jew kompletament għamja fiż-żewġ għajnejn, kif ukoll it-terminu ta’ eżami mill-ġdid tal-istat tas-saħħa, jekk dan ikun stabbilit mit-tabib espert.

78

Minn dak li ntqal jirriżulta li l-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni Slovakka huwa l-għoti lill-persuni b’diżabbiltà serja il-benefiċċju li huwa l-iktar adegwat għall-bżonnijiet personali tagħhom. Xorta jibqa’ l-fatt li l-evalwazzjonijiet mediċi u soċjali kif ukoll l-evalwazzjoni kumplessa, li fil-kuntest tagħha tinħareġ il-proposta dwar it-tip ta’ allowance li għandha tingħata bħala kumpens, jitwettqu abbażi ta’ kriterji oġġettivi u ddefiniti legalment. Barra minn hekk, ma huwiex ikkonstatat li l-benefiċċji inkwistjoni ma jingħatawx f’każijiet li ma humiex previsti fil-liġi Nru 447/2008 u li dawn il-benefiċċji jiġu rtirati meta l-benefiċjarji ma jkunux jissodisfaw iktar il-kundizzjonijiet għall-għoti tagħhom.

79

Madankollu, il-Kummissjoni ma wrietx li l-imsemmija kriterji jiftħu d-dritt għall-benefiċċji inkwistjoni meta l-awtorità kompetenti ma għandhiex marġni ta’ diskrezzjoni dwar l-għoti tagħhom.

80

Fil-fatt, it-termini “tista’ tibbenefika” jew “tista’ tirċievi” tal-artikoli 22(1), 38(1) u 40(1) tal-liġi Nru 447/2008 kif ukoll l-Artikolu 43(1) ta’ din il-liġi, li jipprovdi li d-dritt għal allowance bħala kumpens u l-ħlas tiegħu jirriżultaw minn deċiżjoni valida tal-awtorità kompetenti dwar ir-rikonoxximent ta’ dan id-dritt, jidhru li jopponu l-pożizzjoni tar-Repubblika Slovakka li l-amministrazzjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni fl-għoti tal-benefiċċji inkwistjoni.

81

Kif jirriżulta mill-osservazzjonijiet tar-Repubblika Slovakka, din l-interpretazzjoni hija kkonfermata wkoll mill-ġurisprudenza tan-Najvyšší súd Slovenskej republiky. Issa, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-portata tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolatorji jew amministrattivi nazzjonali għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-interpretazzjoni li tingħata lilhom mill-qrati nazzjonali (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑490/04, EU:C:2007:430, punt 49, u l-ġurisprudenza ċċitata).

82

L-eżistenza ta’ tali setgħa diskrezzjonali, li għandha tiġi eżerċitata b’mod mhux arbitrarju u raġonevoli, ma tippermettix li jiġi kkunsidrat li l-benefiċċji inkwistjoni jingħataw lill-benifiċjarji indipendentement minn kull evalwazzjoni individwali u diskrezzjonali tal-bżonnijiet personali, abbażi ta’ sitwazzjoni ddefinita legalment.

83

Konsegwentement, l-imsemmija benefiċċji ma jikkostitwixxux benefiċċji ta-sigurtà soċjali fis-sens tar-Regolament Nru 883/2004.

84

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikors tal-Kummissjoni għandu jiġi miċħud.

Fuq l-ispejjeż

85

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mir-Repubblika tas-Slovakkja.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Ir-rikors huwa miċħud.

 

2)

Il-Kummissjoni Ewropea għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: is-Slovakk.