Kawża C‑423/13
“Vilniaus energija” UAB
vs
Lietuvos metrologijos inspekcijos Vilniaus apskrities skyrius
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Moviment liberu tal-merkanzija — Miżuri li għandhom effett ekwivalenti — Direttiva 2004/22/KE — Verifiki metroloġiċi tas-sistemi ta’ kejl — Arloġġ tal-ilma sħun li jissodisfa r-rekwiżiti kollha ta’ din id-direttiva u li huwa konness ma’ mezz għat-trażmissjoni ta’ data minn distanza (ta’ telemetrija) — Projbizzjoni li dan l-arloġġ jintuża mingħajr verifika metroloġika minn qabel tas-sistema”
Sommarju — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-10 ta’ Settembru 2014
Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Strumenti tal-kejl – Direttiva 2004/22 – Leġiżlazzjoni u prassi nazzjonali li jipprojbixxu l-użu ta’ arloġġ tal-ilma sħun li jissodisfa r-rekwiżiti kollha ta’ din id-direttiva u li huwa konness ma’ mezz għat-trażmissjoni ta’ data minn distanza mingħajr verifika metroloġika minn qabel tas-sistema – Inammissibbiltà
(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/22, premessa 10 u Artikoli 1 u 8(3) u (4))
Moviment liberu tal-merkanzija – Restrizzjonijiet kwantitattivi – Miżuri li għandhom effett ekwivalenti – Leġiżlazzjoni u prassi nazzjonali li jipprojbixxu l-użu ta’ arloġġ tal-ilma sħun li jissodisfa r-rekwiżiti kollha ta’ din id-direttiva u li huwa konness ma’ mezz għat-trażmissjoni ta’ data minn distanza mingħajr verifika metroloġika minn qabel tas-sistema – Inammissibbiltà – Ġustifikazzjoni – Protezzjoni tal-konsumaturi – Ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità
(Artikolu 34 TFUE; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/22)
Arloġġ tal-ilma sħun, li jissodisfa r-rekwiżiti kollha previsti mid-Direttiva 2004/22 dwar l-istrumenti tal-kejl, u li huwa konness ma’ mezz għat-trażmissjoni ta’ data minn distanza (ta’ telemetrija), jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-istess direttiva.
Meta qasam kien is-suġġett ta’ armonizzazzjoni eżawrjenti fil-livell tal-Unjoni Ewropea, kull miżura nazzjonali relatata miegħu għandha tiġi evalwata fir-rigward tad-dispożizzjonijiet ta’ din il-miżura ta’ armonizzazzjoni u mhux dawk tad-dritt primarju. Dan huwa l-każ fir-rigward tad-Direttiva 2004/22 li hija intiża, hekk kif jirriżulta b’mod partikolari mill-premessa 3 tagħha, li tistabbilixxi fl-Istati Membri kollha l-istess rekwiżiti ta’ twettiq li l-mezzi u s-sistemi msemmija fl-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva għandhom jissodisfaw bil-ħsieb li jitqiegħdu fis-suq u/jew jiddaħħlu fl-użu.
Issa, din id-direttiva għandha tiġi interpretata fis-sens li hija tipprekludi leġiżlazzjoni u prassi nazzjonali li skont dawn arloġġ tal-ilma sħun għandu jitqies li huwa sistema ta’ kejl u, minħabba dan il-fatt, ma jistax jintuża konformement mal-iskop tiegħu sakemm huwa ma kienx suġġett, ma’ dan il-mezz, għal verifika metroloġika inkwantu sistema ta’ kejl.
(ara l-punti 34, 35, 39, 40, 56 u d-dispożittiv)
L-Artikolu 34 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni u prassi nazzjonali, li, skont dawn, arloġġ tal-ilma sħun, li kien jissodisfa r-rekwiżiti kollha tad-Direttiva 2004/22 dwar l-istrumenti tal-kejl, konness ma’ mezz għat-trażmissjoni ta’ data minn distanza (ta’ telemetrija) għandu jitqies li huwa sistema ta’ kejl u, minħabba dan il-fatt, ma jistax jintuża konformement mal-iskop tiegħu sakemm huwa ma kienx suġġett, ma’ dan il-mezz, għal verifika metroloġika inkwantu sistema ta’ kejl.
Tali leġiżlazzjoni u tali prassi nazzjonali jissuġġettaw il-mezzi għat-trażmissjoni ta’ data minn distanza (ta’ telemetrija) legalment prodotti fi Stati Membri oħra, li ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/22, għal verifika metroloġika. Dawn jirrestrinġu l-aċċess għas-suq tal-Istat Membru ta’ importazzjoni u għalhekk għandhom jitqiesu li huma miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva fuq l-importazzjoni fis-sens tal-Artikolu 34 TFUE.
Sa fejn verifika metroloġika tippermetti li jiġu evitati distorsjonijiet u falsifikazzjonijiet matul it-trażmissjoni ta’ data, tali miżura hija xierqa sabiex tiggarantixxi l-protezzjoni tal-konsumaturi. Madankollu, din il-leġiżlazzjoni u din il-prassi nazzjonali jmorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan.
(ara l-punti 47, 48, 51, 52, 56 u d-dispożittiv)