SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

10 ta’ Settembru 2014 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Moviment liberu tal-merkanzija — Miżuri li għandhom effett ekwivalenti — Direttiva 2004/22/KE — Verifiki metroloġiċi tas-sistemi ta’ kejl — Arloġġ tal-ilma sħun li jissodisfa r-rekwiżiti kollha ta’ din id-direttiva u li huwa konness ma’ mezz għat-trażmissjoni ta’ data minn distanza (ta’ telemetrija) — Projbizzjoni li dan l-arloġġ jintuża mingħajr verifika metroloġika minn qabel tas-sistema”

Fil-Kawża C‑423/13,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 367 TFUE, imressqa mil-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas (il-Litwanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-25 ta’ Ġunju 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-25 ta’ Lulju 2013, fil-proċedura

“Vilniaus energija” UAB

vs

Lietuvos metrologijos inspekcijos Vilniaus apskrities skyrius,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Awla, K. Lenaerts (Relatur), Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, J. L. da Cruz Vilaça, J.‑C. Bonichot u A. Arabadjiev, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal “Vilniaus energija” UAB, minn L. Samuolis,

għall-Gvern Litwan, minn D. Kriaučiūnas u V. Kazlauskaitė-Švenčionienė, bħala aġenti,

għall-Gvern Belġjan, minn T. Materne u J.-C. Halleux, bħala aġenti,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Zavvos u J. Jokubauskaitė, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 34 TFUE kif ukoll tad-Direttiva 2004/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, dwar l-istrumenti tal-kejl (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 34, p. 149).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn “Vilniaus energija” UAB (iktar ’il quddiem “Vilniaus energija”) u l-Lietuvos metrologijos inspekcijos Vilniaus apskrities skyrius (sezzjoni tad-distrett ta’ Vilnjus tal-ispettorat metroloġiku tal-Litwanja, iktar ’il quddiem il-“metrologijos inspekcija”), rigward rikors intiż għall-annullament ta’ att adottat minn dan l-ispettorat f’dak li jikkonċerna l-użu ta’ riżultati ta’ kejl ta’ arloġġi tal-ilma konnessi ma’ mezz għat-trażmissjoni ta’ data minn distanza (ta’ telemetrija).

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Skont il-premessi 3, 4, 10 u 17 tad-Direttiva 2004/22:

“(3)

Il-kontroll metroloġiku legali ma għandux iwassal għal xkilijiet għall-moviment ħieles ta’ l-istrumenti tal-kejl. Id-disposizzjonijiet interessati għandhom ikunu l-istess fl-Istati Membri kollha u l-prova tal-konformità għandha tiġi aċċettata fil-Komunità kollha.

(4)

Il-kontroll metroloġiku legali jeħtieġ il-konformità nal-ħtiġiet speċifikati tat-twettiq tax-xogħol. Il-ħtiġiet tat-twettiq tax-xogħol li l-istrumenti tal-kejl jridu jissodisfaw għandhom jipprovdu livell għoli ta’ protezzjoni. L-istima tal-konformità għandha tipprovdi livell għoli ta’ fiduċja.

[...]

(10)

Sabiex iqisu d-differenzi fil-kondizzjonijiet klimatiċi jew tal-livelli differenti tal-protezzjoni tal-konsumaturi li jistgħu japplikaw fil-livell nazzjonali, il-ħtiġet essenzali jistgħu jwasslu għall-ħolqien li jiġu stabbiliti klassijiet ambjentali jew ta’ l-eżattezza.

[...]

(17)

L-Istati Membri ma għandhomx ifixklu t-tqegħid fis-suq u/jew it-tidħil fl-użu ta’ l-istrumenti tal-kejl li jġorru l-marka ‘CE’ u l-marka supplimentari tal-metroloġija skond id-disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva.”

4

L-imsemmija direttiva tapplika skont il-kliem tal-Artikolu 1 tagħha, intitolat “L-iskop” għall-“mezzi u s-sistemi b’funzjoni tal-kejl iddefiniti fl-annessi speċifiċi għall-istrumenti li jirrigwardaw l-arloġġi ta’ l-ilma (MI = 001)”.

5

L-Artikolu 2(1) tal-istess direttiva jipprovdi:

“L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu l-użu ta’ l-istrumenti tal-kejl imsemmija fl-Artikolu 1 sabiex ikejlu l-kompiti għal raġunijiet ta’ l-interess pubbliku, is-saħħa pubblika, l-ordni pubblika, il-protezzjoni ta’ l-ambjent, il-protezzjoni tal-konsumaturi, l-ordnijiet tal-ġbir tat-taxxi u d-dazji u l-kummerċ ġust, li jikkunsidrawh iġġustifikat.”

6

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 89/48 huwa redatt kif ġej:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi l-ħtiġiet li jridu jissodisfaw il-mezzi u s-sistemi riferiti fl-Artikolu 1 bil-ħsieb li jitqiegħdu fis-suq u/jew jiddaħħlu fl-użu għal dawk il-kompiti msemmija fl-Artikolu 2(1).”

7

L-Artikolu 4(a), (e) u (f) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

a)

‘strument tal-kejl’ ifisser kull mezz jew sistema bil-funzjoni tal-kejl li huma koperti bl-Artikoli 1 u 3;

[...]

e)

‘tqegħid fis-suq’ ifisser li jintgħamel disponibbli għall-ewwel daba fil-Komunità strument maħsub għall-utent aħħari, sewwa jekk bi qligħ u sewwa jekk bla ħlas;

f)

‘tidħil fl-użu’ ifisser l-ewwel użu ta’ strument maħsub għall-utent aħħari għall-għanijiet li għalih kien maħsub.”

8

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tal-istess direttiva jinqara kif ġej:

“Strument tal-kejl għandu jissodisfa l-ħtiġiet essenzali stabbiliti fl-Anness I u fl-Anness rilevanti speċifiku għall-istrumenti.”

9

L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2004/22 jipprovdi:

“Il-konformità ta’ strument tal-kejl mad-disposizzjonijiet kollha ta’ din id-Direttiva għandha tiġi indikata bil-preżenza fuqha tal-marka ‘CE’ u tal-marka supplimetari tal-metroloġija kif speċifikat fl-Artikolu 17.”

10

L-Artikolu 8(1) sa (4) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“1   L-Istati Membri ma għandhomx, għal raġunijiet koperti b’din id-Dirtetiva. ifixklu t-tqegħid fis-suq u/jew it-tidħil fl-użu ta’ kull strumenti tal-kejl li jġorr il-marka ‘CE’ u l-marka supplimentari tal-metroloġija skond l-Artikolu 7.

2.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri approprjati kollha sabiex jiżguraw illi l-istrumenti tal-kejl jitqiegħdu fis-suq u/jew jiddaħħlu fl-użu jekk jissodisfaw il-ħtiġiet ta’ din id-Direttiva biss.

3.   Stat Membru jista’ jeħtieġ li strument tal-kejl jissodisfa d-disposizzjonijiet li jirregolaw it-tidħil fl-użu li jkun iġġustifikat bil-kondizzjonijit klimatiċi lokali. F’dan il-każ, l-Istat Membru għandu jagħżel il-limiti approprjati tal-temperaturi l-iktar għolja u l-iktar baxxi mit-Tabella 1 ta’ l-Anness I u, b’żieda ma’ dan, jista’ jispeċifika l-kondizzjonijiet ta’ l-umdità (il-kondensazzjoni u n-nuqqas tal-kondensazzjoni) u jekk il-post maħsuba ta’ l-użu tkunx fil-miftuħ jew magħluqa.

4.   Meta jiġu ddefiniti klassijiet differenti ta’ l-eżattezza għal strument tal-kejl:

a)

il-miżuri speċifiċi għall-istrumenti taħt l-intestatura ‘Tidħil fl-użu’ tista’ tindika l-klassijiet ta’ l-eżattezza li jridu jiġu wżati għal speċifikazzjonijiet speċifiċi.

b)

fil-każijiet l-oħra kollha, Stat Membru jista’ jistabbilixxi l-klassijiet ta’ l-eżattezza li jridu jintużaw għal applikazzjonijiet speċifiċi ġewwa l-klassijiet iddefiniti, bla ħsara li jiġi permess l-użu tal-klassijiet kollha ta’ l-eżattezza fit-territorju tiegħu.

F’kull wieħed miż-żewġ każi taħt il-(a) jew il-(b), jistgħu jintużaw strumenti tal-kejl ta’ klassi aħjar ta’ eżattezza jekk is-sid hekk jagħżel.”

11

Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva:

“L-istima tal-konformità ta’ strument tal-kejl bil-ħtiġiet essenzali rilevanti għandha titwettaq bl-applikazzjoni, fuq il-għażla tal-fabbrikant, ta’ waħda mill-proċeduri ta’ l-istima tal-konformità elenkati fl-anness speċifikat għall-istrumenti. [...]”

12

L-Anness I tal-istess direttiva, intitolat “Il-ħtiġijiet essenzali” jipprovdi:

“Strument tal-kejl għandu jipprovdi livell għoli ta’ protezzjoni metroloġika sabiex kull parti affettwata jkun jista’ jkollha fiduċja fir-riżultat tal-kejl, u għandu jiġi ddisinjat u ffabbrikat għal livell għoli tal-kwalità rigward it-teknoloġija tal-kejl u s-sigurtà ta’ l-informazzjoni tal-kejl.

Il-ħtiġiet li jridu jiġu ssodisfatti mill-istrumenti tal-kejl huma ddikjarati hawn taħt u huma ssupplimentati, meta approprjati, bil-ħtiġiet speċifiċi ta’ l-istrumenti fl-Annessi mill-MI-001sal-MI-010 li jipperovdu iktar dettal dwar ċerti aspetti tal-ħtiġiet ġenerali.

[...]

8. Il-protezzjoni kontra l-korruzzjoni

8.1.

Il-karatteristiċi metroloġiċi ta’ strument tal-kejl ma għandhomx inkunu influwenzati b’mod mhux ammissibbli mill-konnessjoni tiegħu ma’ mezz ieħor, minn kull karatteristika tal-mezz innifsu ikkonnettjat jew minn kull mezz remot li jikkomunika ma’ l-istrument tal-kejl.

[...]

10. L-indikazzjoni tar-riżultat

[...]

10.4.

Strument tal-kejl għal transazzjonijiet kummerċjali diretti tal-bejgħ għandu jkun iddisinjati li jippreżenta r-riżultat tal-kejl liż-żewġ partijiet fit-transazzjoni meta stallat kif maħsub. Meta kritiku fil-każ ta’ kull bejgħ dirett, kull biljett ipprovvdut lill-konsumatur b’mezz anċillari li ma jikkonformax mal-ħtiġiet approprjati ta’ din id-Direttiva għandu jġorr tagħrif restritttiv approprjat.

10.5.

Sewwa jekk strument tal-kejl maħsub għall-għanijiet tal-kejl ta’ l-utilitajiet ikun jista’ jinqara mill-bogħod u sewwa jekk le, għandu f’kull każ ikun imgħammar b’wiri kkontrollat metroloġikament aċċessibbi għall-konsumatur mingħajr għodda. IDak li inqara f’dan il-wiri huwa r-riżultat tal-kejl li jservi bħala l-bażi għall-prezz li jrid jitħallas.

[...]”

13

L-Anness MI-001 tad-Direttiva 2004/22, intitolat “L-arloġġi tal-ilma”, huwa miktub kif ġej:

“Il-ħtiġijiet rilevanti tal-Anness I, il-ħtiġijiet speċifiċi ta’ dan l-Anness u l-proċeduri tal-istima tal-konformità elenkati f’dan l-Anness, japplikaw għall-arloġġi tal-ilma maħsuba li jkejlu volumi ta’ ilma nadif, kiesaħ jew imsaħħan fl-użu residenzjali, kummerċjali jew l-industriji ħfief.

Id-definizzjonijiet

Arloġġ tal-Ilma

Strument iddisinjat sabiex ikejjel, jimmemorizza u juri l-volum tal-ilma f’kundizzjonijiet tal-metraġġ li jgħaddi minn apparat tal-kejl li jibdel sinjal mhux tal-elettriku f’sinjal elettriku.

[...]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

14

L-Anness (MI-005) tad-Direttiva 2004/22, intitolat “Is-sistemi ta’ kejl għall-kejl kontinwu u dinamiku ta’ kwantitajiet ta’ likwidi għajr l-ilma” [traduzzjoni mhux uffiċjali], jiddefinixxi l-kunċett ta’ “Sistema tal-Kejl” bħala “Sistema li jkun fiha l-istrument innifsu u l-mezzi kollha meħtieġa sabiex jiżguraw il-kejl korrett jew maħsuba sabiex tiffaċilita l-ħidmiet tal-kejl”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Id-dritt Litwan

15

L-Artikolu 2(7) tal-liġi dwar il-metroloġija (Metrologijos įstatymas), kif tirriżulta mil-Liġi Nru X‑717, tat-22 ta’ Ġunju 2006 (Žin., 2006, Nru 77‑2966), jipprovdi:

“Strument tal-kejl huwa għodda, mezz jew sistema li jservu sabiex ikejlu, indipendentement jew konġuntament ma’ apparati supplimentari oħra.”

16

Skont l-Artikolu 2(15) ta’ din il-liġi:

“Sistema ta’ kejl hija ġabra ta’ strumenti tal-kejl u ta’ mezzi interkonnessi oħra, intiżi sabiex iwettqu ċertu tip ta’ kejl.”

17

Id-Digriet Nru V-107 tad-Direttorat tas-servizz nazzjonali ta’ metroloġija li jirrigwarda l-validazzjoni metroloġika tal-istrumenti tal-kejl mat-trażmissjoni minn distanza ta’ data (telemetrija) [Įsakymas Dėl matavimo priemonių su nuotoliniu (telemetriniu) duomenų perdavimu metrologinio įteisinimo], tal-15 ta’ Novembru 200, (Žin., 2010, Nru 135-2010, iktar ’il quddiem id-“digriet tal-15 ta’ Novembru 2010”) jipprovdi:

“1)

Ma tistax tinħareġ approvazzjoni skont it-tip għal strumenti tal-kejl li għandhom funzjoni ta’ trażmissjoni ta’ data minn distanza (ta’ telemetrija) ħlief wara li t-testijiet neċessarji jkunu saru u li jkun ġie vverifikat li d-data li tirriżulta mill-kanal telemetriku tikkorrispondi perfettament mal-indikazzjonijiet murija mill-istrument tal-kejl;

2)

Strument tal-kejl b’trażmissjoni ta’ data minn distanza (telemetrija) huwa kkunsidrat bħala sistema ta’ kejl u, bħala konsegwenza, il-verifika metroloġika għandha sseħħ għas-sistema ta’ kejl kollha, fejn ir-riżultati ta’ din il-verifika jiġu ppreżentati taħt il-forma meħtieġa;

3)

strumenti tal-kejl li jagħqu taħt il-metroloġija legali, li t-tfassil tagħhom jinkludi funzjoni ta’ trażmissjoni ta’ data minn distanza (ta’ telemetrija) iżda li l-approvazzjoni tagħhom skont it-tip tkun inħarġet mingħajr evalwazzjoni ta’ din il-funzjoni, ma jistgħux jintużaw għat-trażmissjoni ta’ data minn distanza (telemetrija).”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

18

Vilniaus energija hija impriża li tipprovdi tisħin u ilma sħun fit-territorju tal-belt ta’ Vilnjus.

19

Matul eżami ta’ talba ta’ konsumatur tas-7 ta’ Frar 2012, aġenti tal-metrologijos inspekcija kkonstataw li Vilniaus energija kienet installat fl-appartament ta’ dan il-konsumatur, arloġġ tal-ilma sħun tat-tip WFH 36 bin-numru 09532667. Fuq dan l-arloġġ kienet imwaħħla tikketta ta’ verifika inizjali li kienet għadha valida, li kienet tikkonferma verifika mwettqa minn Vilniaus metrologijos centras.

20

Dan l-arloġġ kien konness ma’ mezz awtomatiku ta’ regolazzjoni ta’ tisħin u ta’ trażmissjoni ta’ data minn distanza (ta’ telemetrija) msejjaħ Rubisafe, li permezz tiegħu d-data murija mill-arloġġ kienet trażmessa minn distanza u użata sabiex jiġu stabbiliti l-fatturi. Hekk kif jirriżulta mill-proċess tal-Qorti tal-Ġustizzja, parti kbira tal-mezzi msejħa Rubisafe kienu prodotti fil-Ġermanja.

21

Skont il-punt 2 tad-digriet tal-15 ta’ Novembru 2010, il-metrologijos inspekcija kkunsidra li r-riżultati ta’ kejl ta’ dan l-arloġġ ma setgħux jiġu trażmessi minn distanza, peress li ebda verifika metroloġika tas-sistema kollha, jiġifieri tal-arloġġ tal-ilma u tal-mezz għat-trażmissjoni ta’ data minn distanza, ma kienet saret.

22

Permezz ta’ att dwar l-istħarriġ tal-osservanza tar-rekwiżiti ta’ metroloġija legali Nru PA‑954 (V 12), tat-22 ta’ Marzu 2012 (iktar ’il quddiem l-“att ta’ stħarriġ”), il-metrologijos inspekcija impona fuq Vilniaus energija ż-żewġ obbligi li ġejjin:

ma tużax ir-riżultati ta’ kejl tal-arloġġ tal-ilma, trażmessi minn distanza, sabiex tistabbilixxi l-fattura sakemm ma tkunx saret il-verifika metroloġika tas-sistema skont il-proċeduri fis-seħħ, u

tuża biss id-data murija mill-arloġġ tal-ilma sħun installat fl-appartament, li jkun ġie suġġett għal approvazzjoni metroloġika u li jkollu ċertifikat ta’ verifika metroloġika li tkun għadha valida.

23

Vilniaus energija ppreżentat rikors quddiem il-Vilniaus apygardos administracinis teismas (tribunal amministrattiv reġjonali ta’ Vilnjus) intiż għall-annullament tal-att ta’ stħarriġ.

24

B’deċiżjoni tat-2 ta’ Awwissu 2012, il-Vilniaus apygardos administracinis teismas ddikjara infondat u ċaħad ir-rikors ta’ Vilniaus energija.

25

Vilniaus energija ppreżentat appell kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas (Qorti amministrattiva suprema tal-Litwanja).

26

Skont il-qorti tar-rinviju, jirriżulta mid-digriet tal-15 ta’ Novembru 2010 kif ukoll mill-att ta’ stħarriġ li jimplementah li anki jekk arloġġ tal-ilma, bħala strument tal-kejl, kien jissodisfa r-rekwiżiti kollha tad-Direttiva 2004/22 u li għandu l-marki neċessarji msemmija minn din id-direttiva, dan l-arloġġ ma jistax normalment jintuża meta konness ma’ mezz għat-trażmissjoni ta’ data minn distanza (ta’ telemetrija). Fil-fatt, il-leġiżlazzjoni u l-prassi nazzjonali jipparagunaw, kwalitattivament, dan l-arloġġ ma’ strument tal-kejl ġdid, jiġifieri ma’ sistema ta’ kejl, fejn id-dritt nazzjonali jeħtieġ li bħala sistema, tkun suġġetta għal evalwazzjoni u għal approvazzjoni skont it-tip, kif ukoll għal verifika metroloġika.

27

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kompatibbiltà ta’ din il-leġiżlazzjoni u ta’ din il-prassi nazzjonali mal-Artikolu 34 TFUE u ma’ din id-direttiva.

28

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 34 TFUE u/jew id-Direttiva 2004/22 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni u prassi nazzjonali, li jistabbilixxu li arloġġ tal-ilma sħun, li jissodisfa r-rekwiżiti kollha tad-Direttiva 2004/22, li jkun ikkomunikat ma’ [mezz] għat-trażmissjoni ta’ data b’distanza (telemetru) huwa kkunsidrat bħala sistema ta’ kejl u, konsegwentement, dan l-arloġġ tal-ilma sħun ma jistax jintuża għall-iskopijiet oriġinali tiegħu sakemm ma jkunx ġie ssuġġettat, flimkien mal-[mezz] għat-trażmissjoni ta’ data b’distanza (telemetriku), għal verifika metroloġika bħala sistema ta’ kejl?”

Fuq id-domanda preliminari

29

L-ewwel nett, hemm lok li jiġi eżaminat jekk il-konnessjoni ta’ arloġġ tal-ilma sħun, li kienet tissodisfa r-rekwiżiti kollha tad-Direttiva 2004/22, ma’ mezz għat-trażmissjoni ta’ data minn distanza (ta’ telemetrija) għandhiex bħala effett li ma tqiegħedx lil dan l-arloġġ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

30

Skont l-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, din tapplika għall-mezzi u għas-sistemi b’funzjoni ta’ kejl iddefiniti fl-anness speċifiku dwar l-arloġġi tal-ilma, jiġifieri l-Anness MI-001.

31

Dan l-anness jiddefinixxi l-kunċett ta’ “arloġġ tal-ilma” bħala “strument iddisinjat sabiex ikejjel, jimmemorizza u juri l-volum tal-ilma f’kundizzjonijiet tal-metraġġ li jgħaddi minn apparat tal-kejl li jibdel sinjal mhux elettriku f’sinjal elettriku”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

32

F’dan ir-rigward, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2004/22 jipprovdi li arloġġ tal-ilma, fis-sens ta’ din id-direttiva, għandu jissodisfa l-ħtiġijiet essenzjali stabbiliti fl-Anness I ta’ din id-direttiva u fl-Anness rilevanti speċifiku għall-arloġġi tal-ilma, jiġifieri l-Anness MI-001 ta’ din id-direttiva.

33

Fost dawn ir-rekwiżiti essenzjali hemm, fil-punt 8.1 ta’ dan l-Anness I, dak li l-karatteristiċi metroloġiċi tal-istrument tal-kejl ma għandhomx jiġu influwenzati b’mod inammissibbli mill-fatt tal-konnessjoni tiegħu ma’ mezz għat-trażmissjoni ta’ data minn distanza. Bl-istess mod, il-punt 10.5 ta’ dan l-Anness I jipprevedi li, f’każ ta’ diverġenza bejn ir-riżultati murija mill-istrument tal-kejl u dan il-mezz, huwa r-riżultat muri mill-istrument tal-kejl li jiddetermina l-prezz li għandu jitħallas mill-utent.

34

Minn dan kollu jirriżulta li arloġġ tal-ilma sħun li jkun issodisfa r-rekwiżiti kollha previsti minn din id-direttiva ma jistax jiġi eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha minħabba li huwa konness ma’ mezz għat-trażmissjoni ta’ data minn distanza (ta’ telemetrija).

35

Għaldaqstant, tali arloġġ jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-istess direttiva.

36

Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-mezz għat-trażmissjoni ta’ data minn distanza (ta’ telemetrija), għandu jiġi osservat li l-funzjoni tiegħu hija limitata għat-trażmissjoni ta’ data minn distanza li tkun ġiet imkejla minn qabel mill-arloġġ tal-ilma sħun. Peress li tali mezz ma huwiex “mezz b’funzjoni tal-kejl”, fis-sens tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2004/22, dan ma jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha.

37

Minbarra dan, din id-direttiva lanqas ma tapplika għas-sistema sħiħa li tinkludi l-arloġġ tal-ilma stess u l-mezz għat-trażmissjoni ta’ data minn distanza (ta’ telemetrija). Fil-fatt, bid-differenza tal-Anness MI-005 ta’ din id-direttiva dwar is-sistemi tal-kejl għall-kejl kontinwu u dinamiku ta’ kwantitajiet ta’ likwidi għajr l-ilma li jiddefinixxi l-kunċett ta’ “sistema tal-kejl” bħala “sistema li jkun fiha l-istrument innifsu u l-mezzi kollha meħtieġa sabiex jiżguraw il-kejl korrett jew maħsuba sabiex jiffaċilitaw il-ħidmiet tal-kejl” [traduzzjoni mhux uffiċjali], l-Anness MI‑001 tal-istess direttiva ma jagħmel ebda riferiment għal dan il-kunċett. Din l-assenza hija spjegata mill-fatt li arloġġ tal-ilma li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/22 huwa meqjus strument tal-kejl komplet li ma jeħtieġx mezzi oħra sabiex, bħala ħaġa waħda, ikun jista’ jiżgura kejl korrett jew jiffaċilita l-operazzjonijiet ta’ kejl.

38

Għalhekk, sabiex tingħata tweġiba utli lill-qorti tar-rinviju, għandha tiġi eżaminata l-leġiżlazzjoni u l-prassi nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fl-ewwel lok, mill-perspettiva tal-arloġġi tal-ilma sħun u, it-tieni nett, mill-perspettiva ta’ mezzi għat-trażmissjoni ta’ data minn distanza (ta’ telemetrija).

39

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-arloġġi tal-ilma sħun, hemm lok li jitfakkar li, meta qasam kien is-suġġett ta’ armonizzazzjoni eżawrjenti fil-livell tal-Unjoni Ewropea, kull miżura nazzjonali relatata miegħu għandha tiġi evalwata fir-rigward tad-dispożizzjonijiet ta’ din il-miżura ta’ armonizzazzjoni u mhux dawk tad-dritt primarju (ara s-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C‑463/01, EU:C:2004:797, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40

Dan huwa l-każ fir-rigward tad-Direttiva 2004/22 li hija intiża, hekk kif jirriżulta b’mod partikolari mill-premessa 3 tagħha, li tistabbilixxi fl-Istati Membri kollha l-istess rekwiżiti ta’ twettiq li l-mezzi u s-sistemi msemmija fl-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva għandhom jissodisfaw bil-ħsieb li jitqiegħdu fis-suq u/jew jiddaħħlu fl-użu.

41

Għalhekk, l-Artikolu 8(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi li t-tqegħid fis-suq u/jew id-dħul fl-użu ta’ strument tal-kejl li, wara evalwazzjoni pożittiva tal-konformità tiegħu mar-rekwiżiti kollha tal-istess direttiva, ikollu l-marka ta’ konformità “CE” u l-marka supplimentari tal-metroloġija, ma jistgħux, bħala prinċipju, jiġu preklużi mill-Istati Membri. Min-naħa l-oħra, jekk strument tal-kejl ma huwiex konformi mar-rekwiżiti tad-Direttiva 2004/22, l-Artikolu 8(2) tagħha jipprovdi li tali strument ma jistax jitqiegħed fis-suq u/jew jiddaħħal fl-użu.

42

Barra minn hekk, sabiex jitqiesu d-differenzi fil-kundizzjonijiet klimatiċi jew livelli differenti ta’ protezzjoni tal-konsumaturi li jistgħu jeżistu fil-livell nazzjonali, l-Artikolu 8(3) u (4) ta’ din id-direttiva, moqri fid-dawl tal-premessa 10 tagħha, jippermetti lill-Istati Membri li jippreċiżaw, fil-kundizzjonijiet previsti minn din id-dispożizzjoni, il-klassijiet ambjentali jew ta’ eżattezza li għandu jissodisfa strument tal-kejl sabiex jiddaħħal fl-użu.

43

Minn dan jirriżulta li, unikament fis-sitwazzjonijiet previsti minn din id-dispożizzjoni, l-Istati Membri jistgħu jissuġġettaw għal rekwiżiti nazzjonali supplimentari l-istrumenti tal-kejl li jkollhom il-marka ta’ konformità “CE” u l-marka supplimentari tal-metroloġija.

44

Issa, leġiżlazzjoni u prassi nazzjonali bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jikkonċernawx is-sitwazzjonijiet previsti mill-istess dispożizzjoni.

45

Isegwi li tali leġiżlazzjoni u tali prassi nazzjonali jipprekludu d-dħul fl-użu ta’ arloġġ tal-ilma sħun, konness ma’ mezz għat-trażmissjoni ta’ data minn distanza (ta’ telemetrija), li kien jissodisfa r-rekwiżiti kollha tad-Direttiva 2004/22, sa fejn tali arloġġ huwa suġġett għal verifika metroloġika.

46

Isegwi li din id-direttiva għandha tiġi interpretata fis-sens li hija tipprekludi leġiżlazzjoni u prassi nazzjonali bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

47

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-mezzi għat-trażmissjoni ta’ data minn distanza (ta’ telemetrija), għandu jitfakkar, hekk kif ġie indikat fil-punt 36 ta’ din is-sentenza, li dawn il-mezzi ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-istess direttiva. Għaldaqstant, hemm lok li din il-leġiżlazzjoni u din il-prassi nazzjonali jiġu eżaminati fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat TFUE dwar il-moviment liberu tal-merkanzija.

48

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li leġiżlazzjoni u prassi nazzjonali bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali li jissuġġettaw il-mezzi għat-trażmissjoni ta’ data minn distanza (ta’ telemetrija) legalment prodotti fi Stati Membri oħra għal verifika metroloġika, jirrestrinġu l-aċċess għas-suq tal-Istat Membru ta’ importazzjoni u għalhekk għandhom jitqiesu li huma miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva fuq l-importazzjoni fis-sens tal-Artikolu 34 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Radiosistemi, C‑388/00 u C‑429/00, EU:C:2002:390, punt 43; ATRAL, C‑14/02, EU:C:2003:265, punti 62 u 63; kif ukoll Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall, C‑432/03, EU:C:2005:669, punt 41).

49

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, miżura bħal din tista’ tiġi ġġustifikata biss minn waħda mir-raġunijiet ta’ interess ġenerali elenkati fl-Artikolu 36 TFUE jew minn waħda mir-rekwiżiti imperattivi stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, bil-kundizzjoni b’mod partikolari li din il-miżura tkun xierqa sabiex tiggarantixxi li jintlaħaq l-għan imfittex u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan jintlaħaq (ara s-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall, EU:C:2005:669, punt 42).

50

Il-leġiżlazzjoni u l-prassi nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhom bħala għan li jipproteġu l-konsumaturi. F’dan is-sens, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-protezzjoni tal-konsumaturi tikkostitwixxi interess leġittimu ta’ natura li jiġġustifika, bħala prinċipju, restrizzjoni għal-libertà fundamentali ggarantita mit-Trattat, bħall-moviment liberu tal-merkanzija (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Canal Satélite Digital, C‑390/99, EU:C:2002:34, punt 34).

51

Sa fejn verifika metroloġika tippermetti li jiġu evitati distorsjonijiet u falsifikazzjonijiet matul it-trażmissjoni ta’ data, leġiżlazzjoni u prassi nazzjonali bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma xierqa sabiex jiggarantixxu l-protezzjoni tal-konsumaturi.

52

Madankollu, din il-leġiżlazzjoni u din il-prassi nazzjonali jmorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan.

53

Fil-fatt, il-leġiżlazzjoni u l-prassi nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali jipprevedu verifika metroloġika, kemm għall-arloġġi tal-ilma sħun konnessi ma’ mezzi għat-trażmissjoni ta’ data minn distanza (ta’ telemetrija) kif ukoll għal dawn tal-aħħar. Issa, għandu jiġi osservat, fl-ewwel lok, li, skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2004/22, l-evalwazzjoni tal-konformità ta’ arloġġ tal-ilma mar-rekwiżiti essenzjali rilevanti previsti minn din id-direttiva għandha sseħħ qabel ma jitqiegħed fis-suq u d-dħul fl-użu tiegħu. Huwa biss meta tali evalwazzjoni hija favorevoli li l-produttur ta’ dan l-arloġġ jista’ jwaħħal il-marka supplimentari tal-metroloġija. Għalhekk, arloġġ tal-ilma sħun, li kien jissodisfa r-rekwiżiti kollha ta’ din id-direttiva, ikun diġà ġie suġġett għal verifika metroloġika. It-tieni nett, hekk kif ġie enfasizzat fil-punt 33 ta’ din is-sentenza, il-punt 8.1 tal-Anness I tal-istess direttiva jipprevedi li l-karatteristiċi metroloġiċi tal-arloġġi tal-ilma sħun li jissodisfaw ir-rekwiżiti kollha previsti mid-Direttiva 2004/22 ma għandhomx jiġu influwenzati b’mod inammissibbli mill-fatt li dawn l-arloġġi jiġu konnessi ma’ mezz għat-trażmissjoni ta’ data minn distanza (ta’ telemetrija). It-tielet nett, f’każ ta’ diverġenza bejn ir-riżultati murija mill-istrument tal-kejl u dan il-mezz, il-punt 10.5 ta’ dan l-Anness I jippreċiża li huwa r-riżultat mogħti mill-istrument li jiddetermina l-prezz li għandu jitħallas mill-utent.

54

Minn dan jirriżulta li l-fatt li arloġġ tal-ilma sħun, li kien jissodisfa r-rekwiżiti kollha ta’ din id-direttiva, li kien konness ma’ mezz għat-trażmissjoni ta’ data minn distanza (ta’ telemetrija) jiġi suġġett għal verifika metroloġika ġdida ma huwiex neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan intiż li jiżgura l-protezzjoni tal-konsumaturi. Dan l-għan jista’ jintlaħaq permezz ta’ miżuri inqas restrittivi minn dawk li jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni u mill-prassi nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, bħal verifika metroloġika li hija limitata għal dan il-mezz.

55

Minbarra dan, anki jekk l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli, jiġifieri, fil-kawża prinċipali, il-metrologijos inspekcija, kienu ddeċidew, sussegwentement, li jillimitaw il-verifika metroloġika għall-mezzi għat-trażmissjoni ta’ data minn distanza (ta’ telemetrija), għandu jitfakkar li dawn l-awtoritajiet ma jistgħux, fi kwalunkwe każ, jeżiġu mingħajr neċessità analiżijiet tekniċi meta l-istess analiżijiet ikunu diġà saru fi Stat Membru ieħor u li r-riżultati tagħhom huma għad-dispożizzjoni ta’ dawn l-awtoritajiet jew jistgħu, fuq it-talba tagħhom, jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall, EU:C:2005:669, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

56

Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet li jippreċedu, id-domanda magħmula għandha tiġi risposta li l-Artikolu 34 TFUE u d-Direttiva 2004/22 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni u prassi nazzjonali, li, skont dawn, arloġġ tal-ilma sħun, li kien jissodisfa r-rekwiżiti kollha ta’ din id-direttiva, konness ma’ mezz għat-trażmissjoni ta’ data minn distanza (ta’ telemetrija) għandu jitqies li huwa sistema ta’ kejl u, minħabba dan il-fatt, ma jistax jintuża konformement mal-iskop tiegħu sakemm huwa ma kienx suġġett, ma’ dan il-mezz, għal verifika metroloġika inkwantu sistema ta’ kejl.

Fuq l-ispejjeż

57

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 34 TFUE u d-Direttiva 2004/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, dwar l-istrumenti tal-kejl, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni u prassi nazzjonali, li, skont dawn, arloġġ tal-ilma sħun, li kien jissodisfa r-rekwiżiti kollha ta’ din id-direttiva, konness ma’ mezz għat-trażmissjoni ta’ data minn distanza (ta’ telemetrija) għandu jitqies li huwa sistema ta’ kejl u, minħabba dan il-fatt, ma jistax jintuża konformement mal-iskop tiegħu sakemm huwa ma kienx suġġett, ma’ dan il-mezz, għal verifika metroloġika inkwantu sistema ta’ kejl.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Litwan.