SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

2 ta’ Lulju 2015 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Agrikoltura — Politika Agrikola Komuni — Skema ta’ pagament uniku — Regolament (KE) Nru 73/2009 — Artikolu 34(2)(a) — Kunċett ta’ ‘superfiċi eliġibbli għall-għajnuna’ — Kunċett ta’ ‘superfiċi agrikola’ — Superfiċi li tikkostitwixxi s-saff ta’ wiċċ veġetalizzat ta’ landfill iddekommissjonata — Użu għal finijiet agrikoli — Ammissibbiltà”

Fil-Kawża C‑422/13,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mix-Schleswig‑Holsteinisches Oberverwaltungsgericht (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal- 15 ta’ Lulju 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑25 ta’ Lulju 2013, fil-proċedura

Landesamt für Landwirtschaft, Umwelt und ländliche Räume des Landes Schleswig‑Holstein

vs

Uta Wree,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, S. Rodin, A. Borg Barthet (Relatur), E. Levits, u F. Biltgen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal-Landesamt für Landwirtschaft, Umwelt und ländliche Räume des Landes Schleswig-Holstein, minn W. Ewer, u A. Behnsen, Rechtsanwälte,

għal U. Wree, minn A. Kröner, Rechtsanwältin,

għall-Gvern Daniż, minn C. Thorning u R. Holdgaard, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn H. Kranenborg u G. von Rintelen, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑17 ta’ Lulju 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 34(2)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009, tad-19 ta’ Jannar 2009, li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta’ appoġġ dirett għal bdiewa fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għal bdiewa, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1290/2005, (KE) Nru 247/2006, (KE) Nru 378/2007 u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1782/2003 (ĠU L 30, p. 16, u r-Rettifika ĠU 2010 L 43, p. 7).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ tilwima bejn il-Landesamt für Landwirtschaft, Umwelt und ländliche Räume des Landes Schleswig‑Holstein (uffiċċju reġjonali għall-agrikoltura, l-ambjent u l-ispazji rurali tal-Land ta’ Schleswig-Holstein, iktar ’il quddiem il-“Landesamt”) u U. Wree fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni, bħala superfiċi eliġibbli għall-għajnuna kkonċernata, tas-superfiċi li jikkostitwixxu s-saff ta’ wiċċ veġetalizzat ta’ żewġ landfills li jinsabu f’fażi ta’ dekommissjoni fir-rigward ta’ waħda minnhom, u f’fażi ta’ ġestjoni wara li ġiet iddekommissjonata, fir-rigward tal-oħra.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Ir-Regolament Nru 73/2009

3

Ir-Regolament Nru 73/2009 ħassar u ssostitwixxa r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003, tad‑29 ta’ Settembru 2003, li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi diretti ta’ appoġġ fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall-bdiewa u li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2019/93, (KE) Nru 1452/2001, (KE) Nru 1453/2001, (KE) Nru 1454/2001, (KE) Nru 1868/94, (KE) Nru 1251/1999, (KE) Nru 1254/1999, (KE) Nru 1673/2000, (KE) Nru 2358/71 u (KE) Nru 2529/2001 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 40, p. 269), mill‑1 ta’ Jannar 2009.

4

Il-premessa 7 tar-Regolament Nru 73/2009 hija fformulata kif ġej:

“Ir-Regolament [...]Nru 1782/2003 irrikonoxxa l-effett ambjentali pożittiv ta’ mergħat permanenti. Il-miżuri f’dak ir-Regolament li immirati biex tkun imħeġġa l-manutenzjoni ta’ mergħat permanenti eżistenti biex jiġi żgurat kontra konverżjoni massiva f’art li tinħarat għandhom jinżammu.”

5

Skont l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 73/2009:

“[…]

c)

‘attività agrikola’ tfisser il-produzzjoni, it-trobbija jew it-tkabbir ta’ prodotti agrikoli inklużi l-ħsad, il-produzzjoni tal-ħalib, it-trobbija tal-annimali u ż-żamma ta’ annimali għal skopijiet ta’ biedja, jew iż-żamma tal-art f’kondizzjoni agrikola u ambjentali tajba kif stabbilit fl-Artikolu 6;

[…]

h)

‘erja [superfiċi] agrikola’ tfisser l-erja [is-superfiċi] totali kollha użata bħala art għall-kultivazzjoni, mergħa permanenti jew uċuħ permanenti.”

6

L-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 73/2009 kien jipprovdi:

“1.   L-appoġġ lill-bdiewa taħt l-iskema tal-pagament uniku għandu jingħata malli jiġi attivat id-dritt għal pagament għal kull ettaru eliġibbli. Drittijiet għal pagament attivati għandhom jagħtu dritt għal pagament tal-ammonti ffissati bihom.

2.   Għall-finjiet ta’ dan it-Titolu, ‘ettaru eliġibbli’ għandha tfisser:

a)

kwalunkwe erja [superfiċi] agrikola tal-azjenda [impriża], u kwalunkwe erja mħawla bi msaġar ta’ rotazzjoni qasira (kodiċi tan‑NM ex 06029041), użata għal attività agrikola jew, meta l-erja tintuża ukoll għal attivitajiet mhux agrikoli, użata predominatament għal attivitajiet agrikoli [...]

[...]”

Ir-Regolament (KE) Nru 1120/2009

7

L‑Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1120/2009, tad-29 ta’ Ottubru 2009, li jippreskrivi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tal-iskema ta’ pagament uniku li hemm provvediment dwarha fit-Titolu III tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 (ĠU L 316, p. 1), kien jipprovdi:

“Għall-finijiet ta-Titolu III tar-Regolament (KE) Nru 73/2009 u ta’ dan ir-regolament, id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw:

a)

‘raba’ li jinħarat’: tfisser art maħduma sabiex jiġu prodotti l-uċuħ tar-raba’ jew inkella art miżmuma f’qagħda agrikola u ambjentali tajba skont l-Artikolu 6 tar-Regolament [...] Nru 73/2009 [...]

[...]

c)

‘mergħat permanenti’ tfisser art li tintuża sabiex jitkabbar il-ħaxix jew għalf ieħor fil-forma ta’ ħaxix naturali (li jitla’ waħdu) jew permezz ta’ kultivazzjoni (li jkun inżera’) u li ma ġietx inkluża fin-newba tal-uċuħ tar-raba’ tal-impriża għal ħames snin jew aktar, minbarra art imserrħa [...]; u għal dan l-iskop, ‘ħaxix jew għalf ieħor fil-forma ta’ ħaxix naturali’ tfisser il-pjanti erbaċej kollha li tradizzjonalment jinsabu f’mergħat naturali jew huma normalment inklużi f’taħlitiet ta’ żrieragħ għal mergħat jew imraġ fl-Istat Membru (kemm jekk jintużaw biex jirgħu l-annimali jew le) [...]

[...]”

8

Skont l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1120/2009:

“Għall-finijiet tal-Artikolu 34(2)(a) tar-Regolament [...] Nru 73/2009, meta erja [superfiċi] agrikola ta’ impriża tintuża wkoll għal attivitajiet mhux agrikoli, dik l-erja [is-superfiċi] tiġi kkunsidrata bħala użata l-biċċa l-kbira għal atttivitajiet agrikoli, jekk din l-attività agrikola tista’ titwettaq mingħajr tfixkil sinifikanti mill-intensità, in-natura, it-tul ta’ żmien u l-waqt tal-attività mhix agrikola.

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kriterji għall-implimentazzjoni tal-ewwel subparagrafu fit-territorju tagħhom.”

Ir-Regolament (KE) Nru 1122/2009

9

Konformement mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 58 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1122/2009, tat‑30 ta’ Novembru 2009, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill Nru 73/2009 fir-rigward tal-kundizzjonalità, il-modulazzjoni u s-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll, skont l-iskemi ta’ appoġġ għall-bdiewa previsti għal dak ir-Regolament, kif ukoll għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tal-kundizzjonalità skont l-iskema ta’ appoġġ prevista għas-settur tal-inbid (ĠU L 316, p. 65), meta d-differenza bejn is-superfiċi ddikjarata minn agrikoltur u s-superfiċi li fir-rigward tagħha l-kundizzjonijiet kollha applikabbli għall-għoti ta’ għajnuna tkun iktar minn 50 % ta’ din l-aħħar superfiċi, ma tingħata ebda għajnuna u l-agrikoltur jiġi wkoll ippenalizzat milli jirċievi għajnuna daqs l-ammont li jikkorrispondi għad-differenza bejn iż-żewġ superfiċi.

Id-Direttiva 1999/31/KE

10

L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/31/KE, tas‑26 ta’ April 1999, dwar ir-rimi ta’ skart f’terraferma (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 4, p. 228) jipprovdi:

“Bl-għan li jintlaħqu l-ħtiġijiet tad-Direttiva [tal-Kunsill 75/442/KEE, tal‑15 ta’ Lulju 1975, dwar l-iskar (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 23)], u partikolarment l-Artikoli 3 u 4 tagħha, l-għan ta’ din id-Direttiva huwa, permezz ta’ ħtiġijietet tekniċi u operazzjonali iebsa fuq l-iskart u t-terraferma, biex jiprovdu miżuri, proċeduri u gwida biex jiġu prevenuti jew jitnaqqsu kemm jista’ jkun possibbli effetti negattivi fuq l-ambjent, partikolarment it-tniġġiż ta’ l-ilma tal-wiċċ, l-ilma tal-qiegħ, ħamrija u arja, u fuq l-ambjent globali, inkluż l-effett serra, kif ukoll kif kull risjku li jirriżulta għas-saħħa tal-bniedem, minn rimi ta’ skart f’terraferma, matul iċ-ċiklu sħiħ tat-terraferma.”

11

Skont l-Artikolu 13 tad-Direttiva 1999/31:

“L-Istati Membri jridu jieħdu miżuri sabiex, bi qbil, fejn xieraq, mall-permess:

[...]

ċ)

wara li terraferma tkun definittivament magħluqa, l-operatur għandu ikun responsabbli għall-manutenzjoni, fażi ta’ sorveljar u kontroll u tal-kura ta’ wara tagħha sakemm ikun meħtieġ mill-awtorità kompetenti, bil-kunsiderazzjoni taż-żmien li matulu it-terraferma tista tkun ta’ periklu.

L-operatur irid jinnotifika lill-awtorità kompetenti b’kull effett ħażin sinifikanti għall-ambjent li ġie skopert mill-proċeduri ta’ kontroll u skond id-deċiżjoni ta’ l-awtorità kompetenti fuq in-natura u termini ta’ żmien tal-miżuri korrettivi li jridu jittieħdu;

d)

sakemm l-awtorità kompetenti tikkonsidra li t-terraferma x’aktarx tista tikkawża periklu għall-ambjent u mingħajr preġudizzju għall-leġilazzjoni Komunitarja u nazzjonali skond ir-responsabbilità tad-detentur ta’ l-iskart, l-operatur tas-sit irid ikun responsabbli għas-sorveljar u analizzar ta’ gass u lissija tat-terraferma mis-sit u r-reġim ta’ l-ilma tal-qiegħ fil-viċinanza tas-sit bi qbil ma l-Anness III.”

Id-dritt Ġermaniż

12

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, skont l-Artikolu 3(10) tal-liġi intiża li tippromwovi l-ekonomija ċirkolari u li tiggarantixxi l-eliminazzjoni ekoloġika tal-iskart [Gesetz zur Förderung der Kreislaufwirtschaft und Sicherung der umweltverträglichen Beseitigung von Abfällen (Kreislaufwirtschafts- und Abfallgesetz)], il-landfills jikkostitwixxu kostruzzjonijiet jew installazzjonijiet għall-eliminazzjoni tal-iskart. Fi kwalunkwe każ, huma jibqgħu jiġu kkwalifikati b’dan il-mod sakemm jibqgħu suġġetti għall-obbligu ta’ ġestjoni wara d-dekommissjonar jew għar-regoli ta’ sigurtà.

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

13

U. Wree, li hija veterinarja, topera maqjel tan-nagħaġ. Fih hija trabbi nagħaġ u tipproduċi ħaruf għal-laħam.

14

Il-merħliet tagħha jgħaddu fuq superfiċi differenti ta’ ħaxix li jinsabu fit-territorji tad-distretti ta’ Nordfriesland (il-Ġermanja) u ta’ Schleswig‑Flensburg (il-Ġermanja).

15

Dawn il-mergħat huma komposti, b’mod partikolari, mis-saff ta’ wiċċ veġetalizzat tal-landfill ta’ Ahrenshöft, fid-distrett ta’ Nordfriesland, u ta’ dik ta’ Schleswig-Haferteich, fid-distrett ta’ Schleswig-Flensburg. Fiż-żewġ landfills li jinsabu barra fil-ftuh, il-fażi ta’ depożitu ta’ skart ġiet fi tmiemha. Il-landfill ta’ Ahrenshöft għadha tinsab fil-fażi ta’ dekommissjonar u dalwaqt għandha tgħaddi għall-fażi ta’ ġestjoni wara li tkun ġiet iddekommissjonata, filwaqt li l-landfill ta’ Schleswig-Haferteich diġà tinsab f’din l-aħħar fażi.

16

U. Wree u l-operaturi tal-landfills ikkonċernati ftiehmu, permezz ta’ kuntratt, l-awtorizzazzjoni, gratwita, sabiex il-merħliet tan-nagħaġ ta’ U. Wree jitħallew jirgħu fuq l-uċuħ ivveġetalizzati li jinsabu fuq dawn il-landfills.

17

Il-kuntratt bejn U. Wree u l-operatur tal-landfill ta’ Ahrenshöft huwa kkwalifikat bħala “qbiela fuq superfiċi differenti”. Skont l-ewwel u t-tieni sentenzi tal-Artikolu 7(1) ta’ dan il-kuntratt, “il-qbiela hija intiża sabiex tipprevjeni l-kobor ta’ arbuxelli fuq is-superfiċi [u] l-kerrej jintrabat, bi qbil u b’kollaborazzjoni mal-lokatur, li jipprekludi li t-tapit veġetali jġarrab ħsara”.

18

L-Artikolu 19(1) ta’ dan il-kuntratt jistipula:

“F’kull mument, il-lokatur jew il-mandatarju tiegħu għandhom id-dritt li jaċċedu fuq is-superfiċi suġġetti għall-qbiela u li jinspezjonawhom.”

19

Ġie konkluż ukoll ftehim kuntrattwali, sa mis-sena 2007, bejn U. Wree u l-operatur tal-landfill ta’ Schleswig‑Haferteich.

20

Fil‑11 ta’ Mejju 2010, U. Wree talbet il-ħlas tal-għajnuna taħt l-iskema ta’ pagament uniku għas-sena 2010 u, f’dan is-sens, hija ddikjarat superfiċi eliġibbli għal din l-għajnuna ta’ 25.5098 ettaru, li fiha kienu inklużi s-superfiċi veġetalizzati li jinsabu fil-landfills ta’ Ahrenshöft u ta’ Schleswig-Haferteich.

21

Permezz ta’ deċiżjoni tal‑14 ta’ Diċembru 2010, il-Landesamt ċaħad din it-talba minħabba l-fatt li s-superfiċi kkonċernata, li kienet tammonta għal 19.7855 ettaru, ma kinitx elenkata fir-reġistru tal-plottijiet agrikoli u li s-superfiċi ammissibbli ddikjarata mir-rikorrenti kellha effettivament tiġi stmata għal 5.7243 ettaru. Konsegwentement, il‑Landesamt, bis-saħħa tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 58 tar-Regolament Nru 1122/2009, iddeċieda li ma kellha titħallas ebda għajnuna lil U. Wree taħt l-iskema ta’ pagament uniku.

22

U. Wree ppreżentat rikors amministrattiv kontra d-deċiżjoni adottata mil-Landesamt. Hija sostniet li hija użat is-superfiċi li kienu jinsabu fuq l-imsemmija landfills bħala mergħat, għat-trobbija ta’ nagħaġ, u li hija tillivella u taħrat ċerti partijiet ta’ dawn is-superfiċi. Barra minn hekk hija sostniet, insostenn tar-rikors tagħha, li s-superfiċi kollha tal-istess landfills setgħet tintuża mingħajr restrizzjoni għall-mergħat tan-nagħaġ.

23

Permezz ta’ deċiżjoni tal‑31 ta’ Marzu 2011, il-Landesamt ċaħad l-imsemmi rikors bħal nieqes minn bażi legali. Insostenn tad-deċiżjoni tiegħu, il-Landesamt indika li s-superfiċi li kienu s-suġġett tat-talba ta’ U. Wree ma kinux superfiċi agrikoli utli, fis-sens tar-Regolament Nru 73/2009, iżda landfills iddekommissjonati fis-sens tar-Regolament dwar il-landfills (Deponieverordnung).

24

Fil‑15 ta’ April 2011, U. Wree ppreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem ix-Schleswig-Holsteinisches Verwaltungsgericht (tribunal amministrattiv ta’ Schleswig-Holstein) fejn sostniet, b’mod partikolari, li s-superfiċi kontenzjużi ma jistgħux jitqiesu li, b’mod prinċipali, huma s-suġġett ta’ “użu” bħala landfill iddekommissjonata, ġaladarba dan jirrigwarda stat u mhux użu. Min-naħa l-oħra, il-Landesamt isostni li l-imsemmija superfiċi jintużaw b’mod prinċipali bħala landfills imqiegħda f’fażi ta’ ġestjoni wara li jkunu ġew iddekommissjonati u li, minħabba raġunijiet ta’ stabbiltà ta’ dawn tal-aħħar, l-imsemmija superfiċi jistgħu, taħt kontroll, jintużaw bħala mergħat għan-nagħaġ. Skont il-Landesamt, huwa essenzjalment għall-prevenzjoni tal-proċessi bijoloġiċi fastidjużi li jkollhom effett fuq l-istabbiltà tal-landfills li l-operaturi tal-landfills iqiegħdu gratwitament is-superfiċi kontenzjużi għad-dispożizzjoni ta’ U. Wree.

25

Permezz ta’ sentenza tad‑19 ta’ Jannar 2012, ix-Schleswig-Holsteinisches Verwaltungsgericht laqa’ r-rikors ta’ U. Wree. Huwa ddeċieda li din tal-aħħar kellha dritt għall-pagament uniku għas-sena 2010 u li s-superfiċi tal-landfills kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu tal-għajnuna mitluba mill-parti kkonċernata.

26

Il-Landesamt ġie awtorizzat jappella minn din is-sentenza permezz ta’ digriet tax-Schleswig-Holsteinisches Oberverwaltungsgericht (tribunal amministrattiv superjuri ta’ Schleswig‑Holstein) tat‑3 ta’ Settembru 2012.

27

Quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Landesamt issostni, b’mod partikolari, li s-superfiċi tal-landfills ta’ Ahrenshöft u ta’ Schleswig‑Haferteich ma jistgħux jitqiesu li huma superfiċi agrikoli, fis-sens tal-Artikolu 2(h) tar-Regolament Nru 73/2009.

28

Billi qieset li s‑soluzzjoni tal‑kawża prinċipali tiddependi fuq l‑interpretazzjoni tad‑dritt tal‑Unjoni, ix-Schleswig‑Holsteinisches Oberverwaltungsgericht iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“Erja [superfiċi], li, minkejja li tintuża għal finijiet agrikoli (mergħa għat-trobbija tan-nagħaġ), tifforma madankollu s-saff tal-wiċċ ta’ landfill imqiegħed fil-fażi ta’ ġestjoni wara l-għeluq tagħha, tikkostitwixxi wkoll erja agrikola fis-sens tal-Artikolu 34(2)(a) tar-[Regolament Nru 73/2009]?”

Fuq id-domanda preliminari

29

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 34(2)(a) tar-Regolament Nru 73/2009 għandux jiġi interpretat fis-sens li superfiċi li, minkejja li tintuża bħala mergħa bil-għan tat-trobbija tan-nagħaġ, tifforma s-saff tal-wiċċ ta’ landfill li tinsab fil-fażi ta’ ġestjoni wara li tkun ġiet iddekommissjonata tikkostitwixxi superfiċi agrikola fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

30

Konformement mal-imsemmija dispożizzjoni, kull superfiċi agrikola tal-impriża użata għall-finijiet ta’ attività agrikola jew, fil-każ ta’ użu wkoll għal attivitajiet minbarra dawk agrikoli, essenzjalment użata għal finijiet agrikoli, hija eliġibbli għall-għajnuna.

31

Il‑kunċett ta’ “erja [superfiċi] agrikola” huwa ddefinit fl‑Artikolu 2(h) tar‑Regolament Nru 73/2009 bħala “l-erja totali kollha użata bħala art għall-kultivazzjoni, mergħa permanenti jew uċuħ permanenti”.

32

Fil-kawża prinċipali, huwa paċifiku li s-superfiċi inkwistjoni jintużaw bħala mergħat.

33

Madankollu, sabiex jiġu kkwalifikati bħala “mergħa permanenti” u għaldaqstant bħala “erja [superfiċi] agrikola”, fis-sens tal-Artikolu 2(h) tar-Regolament Nru 73/2009, superfiċi ta’ dan it-tip għandhom jissodisfaw id-definizzjoni li tinsab fl-Artikolu 2(ċ) tar-Regolament Nru 1120/2009 u li tgħid li “mergħat permanenti” tfisser “art li tintuża sabiex jitkabbar il-ħaxix jew għalf ieħor fil-forma ta’ ħaxix naturali (li jitla’ waħdu) jew permezz ta’ kultivazzjoni (li jkun inżera’) u li ma ġietx inkluża fin-newba tal-uċuħ tar-raba’ tal-impriża għal ħames snin jew aktar, minbarra art imserrħa”. Din id-dispożizzjoni tispeċifika li “għal dan l-iskop, ‘ħaxix jew għalf ieħor fil-forma ta’ ħaxix naturali’ tfisser il-pjanti erbaċej kollha li tradizzjonalment jinsabu f’mergħat naturali jew huma normalment inklużi f’taħlitiet ta’ żrieragħ għal mergħat jew imraġ fl-Istat Membru (kemm jekk jintużaw biex jirgħu l-annimali jew le)”.

34

Qabel kollox, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk superfiċi li jifformaw is-saff tal-wiċċ ta’ landfills li jinsabu fil-fażi ta’ ġestjoni wara li jkunu ġew iddekommissjonati jistgħux jiġu kkwalifikati bħala “art”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, għandu jiġi osservat li U. Wree sostniet fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha li l-landfills inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma mgħottija b’numru ta’ saffi, fejn fosthom hemm saff superjuri li jinkludi elementi preżenti fl-art naturali, jiġifieri ramel u tafal.

35

F’dan ir-rigward, u b’riżerva għall-verifiki li għandhom isiru mill-qorti tar-rinviju, li kieku s-saff tal-wiċċ ivveġetalizzat ta’ dawn il-landfills kellu preċiżament ikollu bħala funzjoni li jkun kemm jista’ jkun possibbli viċin għal superfiċi naturali mgħottija ta’ ħaxix u pjanti oħra ta’ natura erbaċea, dan ikollu jitqies li huwa “art” fis-sens tar-Regolament Nru 73/2009.

36

Sussegwentement, fir-rigward tal-kwalifika tas-superfiċi inkwistjoni bħala “mergħat permanenti”, fis-sens tal-Artikolu 2(c) tar-Regolament Nru 1120/2009, hija tiddependi fuq l-użu effettiv tal-artijiet inkwistjoni, fejn superfiċi użata bħala “mergħa permanenti”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni għandha tiġi kkwalifikata bħala “agrikola” (ara, b’analoġija, is-sentenza Landkreis Bad Dürkheim, C‑61/09, EU:C:2010:606, punt 37).

37

Għalhekk iċ-ċirkustanza, prevista fil-kuntratt ta’ kera, li l-attività eżerċitata minn U. Wree fuq is-superfiċi inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha wkoll l-għan li tipprevjeni, jew li tillimita, il-kobor ta’ arbuxelli fuq dawn is-superfiċi, u b’dan il-għan tevita distruzzjoni tas-saff ta’ wiċċ tal-landfills, hija nieqsa minn rilevanza f’dan ir-rigward.

38

Barra minn hekk, iċ-ċirkustanza, invokata mil-Landesamt, li l-imsemmija superfiċi huma suġġetti għall-iskema tal-ġestjoni tal-iskart ma tistax, fiha nnifisha, tipprekludi l-kwalifika tagħhom bħala “mergħat permanenti”, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni.

39

Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li superfiċi li tifforma s-saff ta’ wiċċ ta’ landfill li tinsab f’fażi ta’ ġestjoni wara li tkun ġiet iddekommissjonata tikkostitwixxi “erja [superfiċi] agrikola”, fis-sens tal-Artikolu 34(2)(a) tar-Regolament Nru 73/2009, meta effettivament tintuża bħala mergħa permanenti, liema fatt għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

40

Sabiex tingħata risposta effettiva lill-qorti tar-rinviju, għandu jingħad ukoll li, sabiex ikunu eliġibbli għall-għajnuna, skont l-Artikolu 34(2)(a) tar-Regolament Nru 73/2009, is-superfiċi agrikoli inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhom jintużaw għall-finijiet ta’ attività agrikola jew, fil-każ ta’ użu wkoll għal attivitajiet minbarra dawk agrikoli, għandha essenzjalment tintuża għal finijiet agrikoli.

41

F’dan ir-rigward, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1120/2009 jispeċifika li superfiċi għandha titqies li essenzjalment tintuża għal finijiet agrikoli jekk l-attività agrikola tista’ tiġi eżerċitata mingħajr tfixkil sinjifikanti minħabba l-intensità, in-natura, it-tul ta’ żmien u l-perijodu tal-attività mhux agrikola.

42

F’dan il-każ, huwa paċifiku li U. Wree tirgħa l-merħliet tagħha fuq is-superfiċi kkostitwiti mis-saff tal-wiċċ veġetalizzat ta’ żewġ landfills. Sa fejn din l-attività tikkonsisti fit-trobbija u fiż-żamma ta’ annimali għal finijiet agrikoli, hija tikkostitwixxi “attività agrikola” fis-sens tal-Artikolu 2(c) tar-Regolament Nru 73/2009.

43

Hija wkoll il-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk kienx hemm attività agrikola fuq is-superfiċi kontenzjużi u, jekk ikun il-każ, il-kundizzjonijiet li fihom din ġiet eżerċitata, fejn is-sempliċi possibbiltà, prevista b’mod kuntrattwali jew legali, li jiġu eżerċitati attivitajiet mhux agrikoli fis-superfiċi kkonċernati ma hijiex biżżejjed sabiex dawn tal-aħħar jiġu kkunsidrati fis-sens li effettivament kienu suġġetti għal użu għal attivitajiet ta’ dan it-tip. Għalhekk, f’dan il-każ, il-fatt li l-lokatur, bis-saħħa tal-kuntratt ta’ qbiela, għandu f’kull mument id-dritt li jaċċedi fuq is-superfiċi inkwistjoni fil-kawża prinċipali u li jispezjonahom ma jistax jippreġudika l-użu reali tagħhom.

44

Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li, sabiex ikunu eliġibbli għall-għajnuna, fis-sens tal-Artikolu 34(2)(a) tar-Regolament Nru 73/2009, is-superfiċi agrikoli inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhom jagħmlu parti mill-impriża agrikola kkonċernata. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dan huwa l-każ meta din tal-aħħar ikollha s-setgħa li tamministrahom għall-finijiet tal-eżerċizzju ta’ attività agrikola, jiġifieri meta din tal-aħħar ikollha, fir-rigward ta’ dawn is-superfiċi, awtonomija suffiċjenti għall-finijiet tal-eżerċizzju tal-attività agrikola tagħha (ara, b’analoġija, is-sentenza Landkreis Bad Dürkheim, C‑61/09, EU:C:2010:606, punti 58 u 62).

45

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 34(2)(a) tar-Regolament Nru 73/2009 għandu jiġi interpretat fis-sens li superfiċi li tifforma s-saff ta’ wiċċ ta’ landfill li tinsab f’fażi ta’ ġestjoni wara li tkun ġiet iddekommissjonata tikkostitwixxi “erja [superfiċi] agrikola”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni meta effettivament tintuża bħala mergħa permanenti.

Fuq l-ispejjeż

46

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 34(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009, tad-19 ta’ Jannar 2009, li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta’ appoġġ dirett għal bdiewa fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għal bdiewa, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1290/2005, (KE) Nru 247/2006, (KE) Nru 378/2007 u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1782/2003, għandu jiġi interpretat fis-sens li superfiċi li tifforma s-saff ta’ wiċċ ta’ landfill li tinsab f’fażi ta’ ġestjoni wara li tkun ġiet iddekommissjonata tikkostitwixxi “erja [superfiċi] agrikola”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni meta effettivament tintuża bħala mergħa permanenti.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.