SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

28 ta’ Jannar 2015 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Politika soċjali — Direttiva 2000/78/KE — Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol — Artikolu 2(1) u (2)(a) — Artikolu 6(1) — Diskriminazzjoni bbażata fuq l-età — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-akkreditazzjoni, għall-finijiet tad-determinazzjoni tar-remunerazzjoni, ta’ perijodi ta’ servizz imwettqa qabel l-għeluq tal-età ta’ 18-il sena għal proroga tat-termini tal-avvanz — Ġustifikazzjoni — Kapaċità li jintlaħaq l-għan imfittex — Dritt li tiġi kkontestata l-proroga tat-termini tal-avvanz”

Fil-Kawża C‑417/13,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Oberster Gerichtshof (l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tas-27 ta’ Ġunju 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-23 ta’ Lulju 2013, fil-proċedura

ÖBB Personenverkehr AG

vs

Gotthard Starjakob,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Awla, K. Lenaerts, Viċi-President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qed jaġixxi bħala Mħallef tat-Tieni Awla, J.-C. Bonichot, A. Arabadjiev (Relatur) u J.L. da Cruz Vilaça, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: A. Impellizzeri, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-15 ta’ Mejju 2014,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal M. Starjakob, minn M. Orgler, avukat, u D. Rief,

għal ÖBB Personenverkehr AG, minn C. Wolf, avukat,

għall-Gvern Awstrijak, minn G. Hesse, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn B.-R. Killmann u D. Martin, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-3 ta’ Lulju 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) kif ukoll tal-Artikoli 7(1), 16 u 17 tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn G. Starjakob u ÖBB-Personenverkehr AG (iktar ’il quddiem “ÖBB”) dwar il-legalità tal-iskema professjonali ta’ remunerazzjoni adottata mil-leġiżlatur Awstrijak sabiex jelimina diskriminazzjoni bbażata fuq l-età.

Il-kuntest ġuridiku

Id-Direttiva 2000/78

3

Skont l-Artikolu 1 tagħha, id-Direttiva 2000/78 għandha “[l]-iskop […] li tniżżel parametru ġenerali biex tikkumbatti diskriminazzjoni fuq bażi ta’ reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-impjieg u x-xogħol, bi skop li timplimenta fl-Istati Membri il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament”.

4

L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“1.   Għall-iskop ta’ din id-Direttiva, ’il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament’ għandu jfisser li m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għall-ebda raġuni msemmija fl-Artikolu 1.

2.   Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1:

a)

għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni diretta meta persuna tiġi trattata b’mod inqas favorevoli milli kienet tiġi trattata oħra f’sitwazzjoni simili, għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1

[...]”

5

Skont l-Artikolu 3(1)(ċ) tal-imsemmija direttiva, hija għandha tapplika, fil-limiti tal-kompetenzi mogħtija lill-Komunità Ewropea, għall-persuni kollha, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat, inklużi organi pubbliċi, f’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, il-kundizzjonijiet tal-impjieg u tax-xogħol, inklużi l-kundizzjonijiet ta’ remunerazzjoni.

6

L-Artikolu 6(1) tas-Sitt Direttiva huwa redatt b’dan il-mod:

“1.   Minkejja l-Artikolu 2(2), l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li trattament differenti fuq bażi ta’ età m’għandhux jikkostitwixxi diskriminazzjoni, jekk, fil-kuntest tal-liġi nazzjonali, hu objettivament u raġonevolment iġġustifikat b’għan leġittimu, inkluża politika leġittima ta’ l-impjieg, tas-suq tax-xogħol u ta’ objettivi ta’ taħriġ professjonali, u jekk il-mezzi biex jintlaħqu dawk l-għanjiet jkunu approprjati u neċessarji.

Dan it-trattament differenti jista’ b’mod partikolari jinkludi:

a)

l-istabbiliment ta’ kondizzjonijiet speċjali għall-aċċess għall-impjieg u t-taħriġ professjonali, l-impjieg u x-xogħol, inkluzi l-kundizzjonijiet ta’ sensji u pagi, għaż-żgħażagħ, ħaddiema ta’ età [anzjani], u persuni li jkollhom responsabbilitajiet li jieħdu ħsieb persuni oħra sabiex jippromwovu l-integrazzjoni professjonali tagħhom jew jiżguraw il-protezzjoni tagħhom;

b)

L-iffissar ta’ kondizzjonijiet minimi ta’ età, esperjenza professjonali jew anzjanità f’servizz għall-aċċess ta’ mpjieg jew għal ċerti vantaġġi marbuta ma’ l-impjieg;

[…]”

7

L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2000/78 jipprevedi li, “[b]i skop li tiġi żgurata l-ugwaljanza kompleta fil-prattika, il-prinċipju ta’ l-ugwaljanza fit-trattament m’għandux iżomm lil Stat Membru milli jikkonserva jew jadotta miżuri speċifiċi biex jipprevjeni jew jikkompensa għal żvantaggi marbuta ma’ xi waħda mill-bażijiet imsemmija fl-Artikolu 1”.

8

L-Artikolu 8(1) ta’ din id-direttiva, jipprovdi li “[l]-Istati Membri jistgħu jintroduċu jew jikkonservaw dispożizzjonijiet li huma aktar favorevoli għall-protezzjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament minn dawk previsti f’din id-Direttiva”.

9

L-Artikolu 16(a) tal-imsemmija direttiva jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li kwalunkwe liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi kuntrarji għall-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament ikunu aboliti.

10

L-Artikolu 17 tad-Direttiva 2000/78, dwar is-sanzjonijiet, jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar sanzjonijiet applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skond din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji biex jiżguraw li jiġu applikati. Is-sanzjonijiet, li jistgħu jinvolvu l-pagament ta’ kumpens lill-vittma, għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kumissjoni dwar dawk id-dispożizzjonijet sa mhux aktar tard mit-2 ta’ Diċembru 2003 u għandhom jinnotifikawha mingħajr dewmien b’kull emenda sussegwenti li taffettwahom.”

Id-dritt Awstrijak

Il-liġi federali dwar l-ugwaljanza fit-trattament

11

Id-Direttiva 2000/78 ġiet trasposta fl-Awstrija permezz tal-Liġi dwar l-ugwaljanza fit-trattament tal-2004 (Gleichbehandlungsgesetz, BGBl. I, 66/2004, iktar ’il quddiem il-“GIBG”). Din il-liġi tipprovdi fl-Artikolu 26(2) tagħha:

“Jekk, minħabba ksur mill-persuna li timpjega tal-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament stabbilit fl-Artikolu 17(1)(2), ħaddiem jew ħaddiema titħallas għall-istess xogħol jew għal xogħol tal-istess valur remunerazzjoni inferjuri għal dik ta’ ħaddiem jew ħaddiema li ma tkunx suġġetta għal diskriminazzjoni abbażi ta’ waħda mir-raġunijiet previsti fl-Artikolu 17, dak il-ħaddiem jew dik il-ħaddiema għandha dritt ta’ ħlas mingħand il-persuna li timpjega tad-differenza u għall-ħlas tad-danni għall-preġudizzju morali subit.”

12

L-Artikolu 29(1) tal-GIBG jipprovdi:

“It-terminu sabiex jiġu inforzati d-drittijiet li jirriżultaw mill-Artikolu 26(1) u (5) huwa ta’ sitt xhur. Dan it-terminu jibda jiddekorri mir-rifjut tal-kandidatura jew tal-promozzjoni. It-terminu sabiex jiġu inforzati d-drittijiet li jirriżultaw mill-Artikolu 26(11) huwa ta’ sena. [...] Fir-rigward tad-drittijiet li jirriżultaw mill-Artikolu 26(2), (3), (4), (6), (8), (9) u (10), il-preskrizzjoni ta’ tliet snin tal-Artikolu 1486 [tal-Kodiċi Ċivili (Allgemeines Bürgerliches Gesetzbuch), iktar ’il quddiem l-‘ABGB’] hija applikabbli [...].”

L-ABGB

13

L-Artikolu 1480 tal-ABGB jirrigwarda l-preskrizzjoni. Skont dan l-artikolu, “[il]-krediti għal kontribuzzjonijiet annwali b’lura, b’mod partikolari l-interessi, il-pensjonijiet, il-kontribuzzjonijiet għall-manteniment, benefiċċji lill-axxendenti, it-tnaqqis tal-kapital ta’ snin ta’ servizz miftiehma, jaqgħu fi tliet snin; id-dritt innifsu huwa preskritt b’nuqqas ta’ użu ta’ tletin sena”.

14

L-Artikolu 1486 tal-ABGB intitolat “Termini ta’ preskrizzjoni partikolari”, jipprovdi:

“Huma preskritti bi tliet snin: il-krediti

[...]

5.

ta’ ħaddiema fir-rigward tar-remunerazzjoni tagħhom u r-rimbors ta’ spejjeż li jirriżultaw minn kuntratti ta’ xoghol tal-impjegati, ħaddiema bil-ġurnata, ħaddiema domestiċi u tal-impjegati privati kollha, kif ukoll ta’ persuni li jimpjegaw minħabba f’pagamenti bil-quddiem magħmula għal tali krediti.

[...]”

Ir-Regolament tal-1963 dwar ir-remunerazzjonijiet fi ħdan il-linji tal-ferrovija

15

L-impjegati tal-linji tal-ferroviji Awstrijaċi impjegati sal-31 ta’ Diċembru 1995 jaqgħu fis-sistema ta’ avvanz iddefinit mill-Artikolu 3 tar-Regolament tal-1963 dwar ir-remunerazzjonijiet fi ħdan il-linji tal-ferrovija (Bundesbahn-Besoldungsordnung 1963, BGBl. 170/1963, iktar ’il quddiem il-“BO 1963”), li jipprovdi:

“(1)   Id-data ta’ referenza għall-finijiet tal-avvanz għandha tkun iddeterminata fis-sens li huma meqjusa li — ħlief għall-perijodi ta’ qabel l-għeluq tal-età ta’ 18-il sena u b’riżerva tad-dispożizzjonijiet restrittivi tas-subparagrafi 4 sa 7 — huma meqjusa li jippreċedu l-jum tar-reklutaġġ:

a)

il-perijodi msemmija fis-subparagrafu 2, fl-intier tagħhom,

b)

il-perijodi l-oħra, nofshom.

(2)   Skont is-subparagrafu 1(a) għandhom jitqiesu li jippreċedu l-jum tar-reklutaġġ:

1.

iż-żmien magħmul f’impjieg li jirrappreżenta tal-inqas nofs iż-żmien preskritt għall-ħaddiema full-time fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ impjieg fi ħdan linji tal-ferrovija Awstrijaċi. [...]

[…]

(6)   Hija pprojbita l-akkreditazzjoni iktar minn darba tal-istess perijodu — ħlief l-akkreditazzjoni doppja prevista fl-Artikolu 32 tar-[Regolament tal-1974 dwar ir-remunerazzjonijiet fi ħdan il-linji tal-ferrovija (Bundesbahn-Besoldungsordnung 1974, BGBl. 263)]. [...]”

Il-liġi dwar il-linji tal-ferrovija federali

16

Wara kunsens bejn l-imsieħba soċjali, il-liġi dwar il-linji tal-ferrovija federali (Bundesbahngesetz, BGBl. I Nru 852/1992, iktar ’il quddiem l-“ÖBB-G”) ġiet emendata bil-liġi tal-2011 (BGBl. I, 129/2011, iktar ’il quddiem il-“liġi tal-2011). Din il-liġi emendat b’mod partikolari s-sistema stabbilita fl-Artikolu 3 tal-BO 1963. L-Artikolu 53a tal-ÖBB-G jipprevedi:

“(1)   Għall-membri tal-persunal u pensjonanti li jidħlu jew ser jidħlu fis-servizz tal-linji tal-ferrovija Awstrijaċi (ÖBB) […] sal-31 ta’ Diċembru 2004 u li d-data ta’ referenza individwali tagħhom għall-finijiet tal-avvanz hija jew ser tkun stabbilita abbażi tal-Artikolu 3 tal-[BO 1963], din id-data hija s-suġġett ta’ kalkolu ġdid, wara komunikazzjoni tal-perijodi ta’ servizz li għandhom ikunu akkreditati, skont id-dispożizzjonijiet li ġejjin:

1.

Id-data ta’ referenza għall-finijiet tal-avvanz għandha tkun iddeterminata fis-sens li huma meqjusa li jippreċedu l-jum tar-reklutaġġ […] il-perijodi li għandhom ikunu akkreditati (Z 2) wara t-30 ta’ Ġunju tas-sena li matulha disa’ snin skolastiċi huma jew kienu mwettqa wara d-dħul fl-ewwel grad ta’ edukazzjoni skolastika.

2.

Il-perijodi li għandhom ikunu akkreditati jirriżultaw mir-regoli tal-akkreditazzjoni fis-seħħ iddefiniti mid-dispożizzjonijiet applikabbli fil-BO 1963 […].

(2)   F’każ li d-data ta’ referenza individwali għall-finijiet tal-avvanz tiġi ffissata mill-ġdid skont il-paragrafu (1), għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet li ġejjin:

1.

Kull perijodu meħtieġ għall-avvanz f’kull wieħed mill-ewwel tliet livelli huwa estiż b’sena.

2.

L-avvanz iseħħ fl-1 ta’ Jannar ta’ wara t-twettiq ta’ kull perijodu meħtieġ għall-avvanz (data tal-avvanz).

3.

L-iffissar mill-ġdid tad-data ta’ referenza individwali għall-finijiet tal-avvanz ma jkollux effett jekk jimplika tnaqqis fis-salarju meta mqabbel mal-iffissar preċedenti ta’ din id-data.

[...]

(4)   Il-prova tal-perijodi ta’ servizz li għandhom ikunu akkreditati skont il-paragrafu (1) għandha titressaq b’mod xieraq, fid-dawl tal-iffissar mill-ġdid tad-data ta’ referenza għall-finijiet tal-avvanz, mill-membri tal-persunal u pensjonati permezz tal-formola pprovduta mill-persuna li timpjega. Għal persuni li ma jġibux din il-prova jew li jġibuha b’mod inkorrett jew mhux komplut, tinżamm id-data ta’ referenza għall-finijiet tal-avvanz applikabbli preċedentament fir-rigward tagħhom […].

(5)   Għall-krediti salarjali li jirriżultaw mill-iffissar mill-ġdid ta’ data ta’ referenza għall-finijiet tal-avvanz, il-perijodu bejn it-18 ta’ Ġunju 2009 u l-jum tal-pubblikazzjoni [tal-liġi tal-2011] ma jidħlux fil-kalkolu tat-terminu tal-preskrizzjoni ta’ tliet snin.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

17

G. Starjakob, li twieled fil-11 ta’ Mejju 1965, beda jaħdem fl-1 ta’ Frar 1990 fi ħdan kumpannija li kienet il-predeċessur fid-dritt ta’ ÖBB. Id-data ta’ referenza għall-finijiet tal-avvanz tiegħu kienet ġiet iffissata bl-akkreditazzjoni ta’ nofs il-perijodu ta’ taħriġ imwettaq minn G. Starjakob wara li għalaq l-età ta’ 18-il sena, filwaqt li dak imwettaq qabel din l-età ma ġiex akkreditat, skont l-Artikolu 3 tal-BO 1963.

18

Fl-2012, billi invoka s-sentenza Hütter (C‑88/08, EU:C:2009:381), G. Starjakob fetaħ kawża kontra ÖBB għall-ħlas tad-differenza fis-salarju li kien dovut lilu għall-perijodu mill-2007 sal-2012 li kieku d-data ta’ referenza għall-finijiet tal-avvanz tiegħu kienet ikkalkolata bl-akkreditazzjoni tal-perijodu ta’ taħriġ imwettaq qabel għalaq l-età ta’ 18-il sena.

19

Il-Landesgericht Innsbruck (Qorti Reġjonali ta’ Innsbruck) ċaħdet ir-rikors, billi qieset li l-Artikolu 53a tal-ÖBB-G jipprojbixxi d-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età. Hija ddeċidiet li G. Starjakob seta’ jitlob biss li d-data ta’ referenza għall-finijiet tal-avvanz tkun ikkalkolata skont il-paragrafu (1) ta’ dan l-artikolu sa fejn huwa jaċċetta l-konsegwenzi marbuta ma’ din id-data ta’ referenza l-ġdida msemmija fil-paragrafu (2) tal-imsemmi artikolu, dwar il-proroga tal-perijodi meħtieġa għall-avvanz, u jipproduċi l-prova tal-perijodi tas-servizz akkreditati skont il-paragrafu (4) tal-istess artikolu (obbligu ta’ kooperazzjoni). Peress li G. Starjakob għadu ma ġabx din il-prova, id-data ta’ referenza ffissata għall-finijiet tal-avvanz tiegħu bis-saħħa tal-Artikolu 3 tal-BO 1963 tibqa’ valida.

20

Fl-appell, l-Oberlandesgericht Innsbruck (Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Innsbruck) laqgħet it-talba ta’ G. Starjakob. Hija qieset li, fl-assenza ta’ dawn il-provi, is-sitwazzjoni legali applikabbli għal dan tal-aħħar kienet dik prevista fil-BO 1963, iżda li din tal-aħħar hija diskriminatorja. Konsegwentement, hija qieset li kien hemm lok li tiġi ddeterminata data ta’ referenza ġdida għall-finijiet tal-avvanz ta’ G. Starjakob li takkredita l-perijodu ta’ taħriġ imwettaq qabel l-għeluq tal-età ta’ 18-il sena, filwaqt li ma tapplikax għalih il-proroga tal-perijodi meħtieġa għall-avvanz.

21

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Oberster Gerichtsof (Qorti Superjuri) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Id-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikolu 21 tal-[Karta] u tal-Artikoli 7(1), 16 u 17 tad-Direttiva 2000/78 għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

a)

ħaddiem li fir-rigward tiegħu l-persuna li timpjegah inizjalment stabbilixxiet, fuq il-bażi ta’ akkreditazzjoni ta’ perijodi ta’ servizz li tikkostitwixxi diskriminazzjoni bbażata fuq l-età, stabbilita mil-liġi, data ta’ referenza għall-finijiet tal-avvanz inkorretta, għandu dritt fi kwalunkwe każ għall-ħlas tad-differenza fis-salarju li tirriżulta mill-iffissar ta’ din id-data mingħajr diskriminazzjoni,

b)

jew fis-sens li l-Istat Membru kkonċernat għandu l-possibbiltà, permezz tal-akkreditazzjoni tal-perijodi ta’ servizz mingħajr diskriminazzjoni, li jelimina d-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età anki mingħajr kumpens finanzjarju (permezz ta’ ffissar mill-ġdid ta’ data ta’ referenza għall-finijiet tal-avvanz flimkien ma’ estensjoni (proroga) tal-perijodu meħtieġ għall-avvanz), b’mod partikolari jekk din is-soluzzjoni, newtrali mill-perspettiva tar-remunerazzjoni, tfittex li tippreserva l-likwidità tal-persuna li timpjega kif ukoll li tevita l-oneru ta’ xogħol eċċessiv neċessarju għal kalkolu ġdid?

2)

Fil-każ ta’ risposta affermattiva għad-domanda 1(b):

Tali akkreditazzjoni tal-perijodi ta’ servizz mingħajr diskriminazzjoni tista’:

a)

tiġi wkoll introdotta retroattivament mil-leġiżlatur (f’dan il-każ bil-[liġi tal-2011]) jew

b)

hija applikabbli biss mid-data tal-adozzjoni jew tal-pubblikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ġodda fil-qasam tal-akkreditazzjoni u tal-avvanz?

3)

Fil-każ ta’ risposta affermattiva għad-domanda 1(b):

Id-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikolu 21 tal-[Karta] u tal-Artikolu 2(1) u (2) tad-Direttiva 2000/78, kif ukoll l-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva għandhom jiġi[u] interpretati fis-sens li:

a)

sistema leġiżlattiva li tipprevedi, għall-perijodi ta’ attività mwettqa fil-bidu tal-karriera, perijodu meħtieġ għall-avvanz itwal, li trendi għalhekk iktar diffiċli l-avvanz lejn il-livell ta’ paga li jmiss, tikkostitwixxi differenza fit-trattament indiretta bbażata fuq l-età,

b)

u, jekk dan huwa l-każ, fis-sens li, fid-dawl tal-esperjenza professjonali limitata miksuba fil-bidu ta’ karriera, tali sistema hija xierqa u neċessarja?

4)

Fil-każ ta’ risposta affermattiva għad-domanda 1(b):

Id-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikoli 7(1) u 8(1), u tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-persistenza tal-effetti ta’ sistema antika, li tikkostitwixxi diskriminazzjoni bbażata fuq l-età, li għandha biss bħala għan il-protezzjoni tal-ħaddiem, favur tiegħu, kontra żvantaġġi fil-qasam tad-dħul li jirriżultaw minn sistema ġdida, mingħajr diskriminazzjoni (klawżola ta’ garanzija tar-remunerazzjoni), hija ammissibbli u ġġustifikata għal raġunijiet ta’ rispett tad-drittijiet miksuba u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi?

5)

Fil-każ ta’ risposta affermattiva għad-domanda 1(b) u għad-domanda 3(b):

a)

Il-leġiżlatur jista’ jipprevedi, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-perijodi ta’ servizz li għandhom jiġu akkreditati, dmir (obbligu) ta’ kooperazzjoni min-naħa tal-ħaddiem u jissuġġetta t-tranżizzjoni għas-sistema l-ġdida tal-akkreditazzjoni u tal-avvanz għall-eżekuzzjoni ta’ dan l-obbligu?

b)

Ħaddiem li ma jipprovdix il-kooperazzjoni li wieħed jista’ jistenna minnu għall-iffissar mill-ġdid tad-data ta’ referenza għall-finijiet tal-avvanz skont is-sistema l-ġdida tal-akkreditazzjoni u tal-avvanz, mingħajr diskriminazzjoni, u li, minħabba f’hekk, ma jużax xjentement is-sistema mingħajr diskriminazzjoni u jibqa’ volontarjament fis-sistema perċedenti tal-akkreditazzjoni u tal-avvanz, li tikkostitwixxi diskriminazzjoni bbażata fuq l-età, jista’ jinvoka diskriminazzjoni bbażata fuq l-età li tirriżulta mis-sistema antika, jew il-fatt li jibqa’ fis-sistema antika, diskriminatorja, sempliċement sabiex ikun jista’ jinvoka pretensjonijiet ta’ flus jikkostitwixxi abbuż ta’ dritt?

6)

Fil-każ ta’ risposta affermattiva għad-domanda 1(a) jew għad-domandi 1(b) u 2(b):

Il-prinċipju ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni, li jirriżulta mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-[Karta] u mill-Artikolu 19(1) TUE, jirrikjedi li t-terminu ta’ preskrizzjoni tad-drittijiet li għandhom il-bażi tagħhom fid-dritt tal-Unjoni ma jibdiex jiddekorri qabel il-kjarifika mingħajr ambigwità tas-sitwazzjoni legali bl-għoti ta’ deċiżjoni rilevanti mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea?

7)

Fil-każ ta’ risposta affermattiva għad-domanda 1(a) jew għad-domandi 1(b) u 2(b):

Il-prinċipju ta’ ekwivalenza tad-dritt tal-Unjoni jirrikjedi li s-sospensjoni tal-preskrizzjoni prevista fid-dritt nazzjonali għall-azzjonijiet intiżi għall-eżerċizzju tad-drittijiet ibbażati fuq sistema ġdida ta’ akkreditazzjoni u ta’ avvanz (Artikolu 53a(5) [tal-ÖBB-G]) tiġi estiża għall-pretensjonijiet ta’ ħlas għad-differenzi fis-salarji li jirriżultaw minn sistema antika li tikkostitwixxi diskriminazzjoni bbażata fuq l-età?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq id-domanda 1(b) u d-domanda 4

22

Permezz tad-domanda 1(b) u tad-domanda 4 tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien u fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju, essenzjalment, tistaqsi jekk id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikoli 2 u 6(1) tad-Direttiva 2000/78, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, sabiex telimina diskriminazzjoni bbażata fuq l-età, takkredita l-perijodi ta’ servizz ta’ qabel l-għeluq tal-età ta’ 18-il sena u, fl-istess ħin, ittawwal b’sena l-perijodu meħtieġ għall-avvanz f’kull wieħed mill-ewwel tliet livelli ta’ remunerazzjoni.

23

Qabel kollox, għandu jiġi vverifikat jekk mill-applikazzjoni tal-Artikolu 53a tal-ÖBB-G jirriżultax differenza fit-trattament, fis-sens tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2000/78. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont it-termini ta’ din id-dispożizzjoni, “’il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament’ għandu jfisser li m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għall-ebda raġuni msemmija fl-Artikolu 1” ta’ din id-direttiva. L-Artikolu 2(2)(a) tagħha jippreċiża li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-paragrafu 1 tal-istess artikolu, għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni diretta meta persuna tiġi trattata b’mod inqas favorevoli minn persuna oħra f’sitwazzjoni simili, għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1 tal-imsemmija direttiva.

24

Fil-kawża prinċipali, il-kategoriji ta’ persuni rilevanti għall-finijiet ta’ dan il-paragun huma, minn naħa, il-membri tal-persunal li l-esperjenza tagħhom kisbuha, anki jekk parzjalment, qabel l-għeluq tal-età ta’ 18-il sena (iktar ’il quddiem il-“membri tal-persunal żvantaġġati mis-sistema preċedenti”) u, min-naħa l-oħra, dawk li kisbu, wara li għalqu din l-età, esperjenza tal-istess natura u ta’ tul paragunabbli (iktar ’il quddiem il-“membri tal-persunal ivvantaġġati mis-sistema preċedenti”).

25

F’dak li jikkonċerna l-eżistenza ta’ differenza fit-trattament bejn dawn iż-żewġ kategoriji ta’ membri tal-persunal, mill-proċess li għandha għad-dispożizzjoni tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, wara s-sentenza Hütter (EU:C:2009:381), il-leġiżlatur Awstrijak stabbilixxa, permezz tal-adozzjoni tal-Artikolu 53a tal-ÖBB-G, il-kliem tal-Artikolu 3 tal-BO 1963 u stabbilixxa sistema ta’ remunerazzjoni u ta’ avvanz li tippermetti li jiġu akkreditati, għall-finijiet tad-determinazzjoni tad-data ta’ referenza għall-avvanz, il-perijodi ta’ servizz wara t-30 ta’ Ġunju segwenti t-tmiem tal-edukazzjoni obbligatorja ġenerali ta’ disa’ snin skolastiċi, sew jekk dawn ikunu nkisbu qabel, u sew jekk wara, li jkunu għalqu l-età ta’ 18-il sena. Kif irrilevat il-qorti tar-rinviju, din id-data ta’ referenza issa hija ddeterminata mingħajr diskriminazzjoni bbażata fuq l-età.

26

Madankollu, għandu jiġi eżaminat jekk l-Artikolu 53a tal-ÖBB-G għadux japplika trattament differenti għaż-żewġ kategoriji ta’ membri tal-persunal ikkonċernati.

27

F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li l-membri tal-persunal żvantaġġati mis-sistema preċedenti, li, abbażi tal-Artikolu 53a(4) tal-ÖBB-G, jiksbu l-akkreditazzjoni tal-perijodi ta’ servizz preċedenti għall-għeluq tat-18-il sena tagħhom, ikunu suġġetti għat-tieni paragrafu ta’ dan l-artikolu, li jipprovdi li kull perijodu meħtieġ għall-avvanz f’kull wieħed mill-ewwel tliet livelli jiġi estiż b’sena, fatt li jtawwal bi tliet snin it-terminu sabiex jinkiseb avvanz futur.

28

Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-membri tal-persunal ivvantaġġati mis-sistema preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li dawn ma għandhom l-ebda raġuni sabiex jitolbu l-applikazzjoni fir-rigward tagħhom ta’ kalkolu ġdid tad-data ta’ referenza għall-finijiet tal-avvanz tagħhom, sa fejn huma ma wettqux perijodi ta’ servizz qabel l-għeluq tal-età ta’ 18-il sena. Fi kwalunkwe każ, l-Artikolu 53a(2)(3) tal-ÖBB-G jistabbilixxi li l-iffissar mill-ġdid tad-data ta’ referenza individwali għall-finijiet tal-avvanz ma jkollux effett jekk dan jimplika tnaqqis salarjali meta mqabbel mal-metodu għall-iffissar preċedenti ta’ din id-data. Issa, sa fejn, b’applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, it-terminu meħtieġ għall-avvanz jiġi estiż b’sena f’kull wieħed mill-ewwel tliet livelli ta’ remunerazzjoni, fatt li jimplika tnaqqis salarjali fir-rigward tagħhom, fil-konfront tal-imsemmija membri tal-persunal ivvantaġġati ma tiġix applikata l-imsemmija dispożizzjoni, għal kuntrarju tal-membri tal-persunal żvantaġġati mis-sistema preċedenti li kkooperaw għall-finijiet ta’ kalkolu ġdid tad-data ta’ referenza tagħhom.

29

Għaldaqstant, billi adotta l-Artikolu 53a(2)(1) tal-ÖBB-G, il-leġiżlatur Awstrijak introduċa dispożizzjoni li tkompli tapplika trattament differenti bejn il-membri tal-persunal żvantaġġati mis-sistema preċedenti u dawk li ġew vantaġġati minn din is-sistema, f’dak li jikkonċerna l-pożizzjoni tagħhom fl-iskala ta’ remunerazzjoni u r-remunerazzjoni korrispondenti.

30

Billi tagħmel hekk, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali mhux biss ixxejjen il-vantaġġ li jirriżulta mill-akkreditazzjoni ta’ perijodi ta’ servizz imwettqa qabel l-għeluq tal-età ta’ 18-il sena, kif jirriżulta mill-punt 27 ta’ din is-sentenza, iżda tiżvantaġġa, ukoll, biss lill-membri tal-persunal żvantaġġati mis-sistema preċedenti sa fejn il-proroga tat-termini għal avvanz tista’ tapplika biss għal dawn tal-aħħar. Għaldaqstant, l-effetti żvantaġġużi ta’ din is-sistema fir-rigward ta’ dawn il-membri tal-persunal ma ntemmewx kompletament (sentenza Schmitzer, C‑530/13, EU:C:2014:2359, punt 34).

31

Sa fejn il-proroga ta’ sena għal kull perijodu meħtieġ għall-avvanz f’kull wieħed mill-ewwel tliet livelli tapplika biss għall-membri tal-persunal li jkunu wettqu perijodi ta’ servizz qabel l-għeluq tal-età ta’ 18-il sena, għandu jiġi kkonstatat li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali fiha differenza fit-trattament diretta bbażata fuq l-età, fis-sens tal-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2000/78 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Schmitzer, EU:C:2014:2359, punt 35).

32

It-tieni nett, għandu jiġi eżaminat jekk din id-differenza fit-trattament tistax tiġi ġġustifikata.

33

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 fil-fatt jippreċiża li l-Istati Membri jistgħu jipprevedu li differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età ma għandhiex tikkostitwixxi diskriminazzjoni jekk din tkun oġġettivament u raġonevolment iġġustifikata, fil-kuntest tad-dritt nazzjonali, minn għanijiet leġittimi, b’mod partikolari minn għanijiet leġittimi ta’ politika tal-impjieg, tas-suq tax-xogħol u tat-taħriġ professjonali, u jekk il-mezzi intiżi sabiex dawn l-għanijiet jintlaħqu jkunu xierqa u neċessarji (sentenza Schmitzer, EU:C:2014:2359, punt 37).

34

Il-Qorti tal-Ġustizzja b’mod repetut iddeċidiet li l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ fl-għażla mhux biss tat-tfittxija ta’ għan partikolari fost għanijiet oħra fil-qasam tal-politika soċjali u tal-impjieg, iżda wkoll fid-definizzjoni tal-miżuri li kapaċi jilħquh (sentenza Schmitzer, EU:C:2014:2359, punt 38, u l-ġurisprudenza ċċitata).

35

Skont il-qorti tar-rinviju, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija, qabelxejn, intiża sabiex tistabbilixxi sistema ta’ remunerazzjoni u ta’ avvanz mhux diskriminatorja. Fil-kuntest ta’ din ir-riforma, ir-regoli li jissuġġettaw ir-reviżjoni tad-dati ta’ referenza għal talba minn kull persuna interessata kif ukoll dawk dwar il-proroga tat-termini għal avvanz għandhom għanijiet ta’ newtralità finanzjarja, ta’ ekonomija amministrattiva, ta’ rispett tad-drittijiet kweżiti u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

36

Għal dak li jirrigwarda, minn naħa, l-għan ta’ newtralità finanzjarja tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jitfakkar li d-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix lill-Istati Membri milli jqisu kunsiderazzjonijiet baġitarji b’mod parallel ma’ kunsiderazzjonijiet politiċi, soċjali jew demografiċi, sakemm, filwaqt li jagħmlu hekk, jirrispettaw, b’mod partikolari, il-prinċipju ġenerali ta’ projbizzjoni tad-diskriminazzjonijiet ibbażati fuq l-età. F’dan ir-rigward, minkejja li l-kunsiderazzjonijiet baġitarji jistgħu jkunu l-bażi tal-għażliet ta’ politika soċjali ta’ Stat Membru u jinfluwenzaw in-natura jew il-portata tal-miżuri li huwa jkun jixtieq jadotta, tali kunsiderazzjonijiet waħedhom ma jistgħux jikkostitwixxu għan leġittimu, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 (sentenza Fuchs u Köhler, C‑159/10 u C‑160/10, EU:C:2011:508, punti 73 u 74). L-istess jgħodd f’dak li jikkonċerna l-kunsiderazzjonijiet amministrattivi msemmija mill-qorti tar-rinviju u mill-Gvern Awstrijak (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Schmitzer, EU:C:2014:2359, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37

Fir-rigward, min-naħa l-oħra, tar-rispett tad-drittijiet kweżiti u tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi tal-membri tal-persunal ivvantaġġati mis-sistema preċedenti f’dak li jikkonċerna r-remunerazzjoni tagħhom, għandu jiġi rrilevat li dawn jikkostitwixxu għanijiet leġittimi ta’ politika tal-impjieg u tas-suq tax-xogħol li jistgħu jiġġustifikaw, matul perijodu tranżitorju, iż-żamma tar-remunerazzjonijiet preċedenti u, konsegwentement, iż-żamma ta’ sistema diskriminatorja bbażata fuq l-età (sentenza Schmitzer, EU:C:2014:2359, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38

F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, sa fejn l-Artikolu 53a(2)(3) tal-ÖBB-G jistabbilixxi li l-iffissar mill-ġdid tad-data ta’ referenza individwali għall-finijiet tal-avvanz ma jiġix implementat jekk dan jimplika tnaqqis salarjali tal-membri tal-persunal ikkonċernati, is-sistema ta’ remunerazzjoni l-ġdida żżomm id-drittijiet kweżiti tagħhom għal dak li jirrigwarda r-remunerazzjoni tagħhom.

39

Madankollu, dawn l-għanijiet ma jistgħux jiġġustifikaw miżura li żżomm b’mod definittiv, anki jekk għal ċerti persuni biss, id-differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età li r-riforma ta’ sistema diskriminatorja, li din il-miżura tagħmel parti minnha, hija intiża li telimina. Tali miżura, minkejja li tista’ tiżgura l-protezzjoni tad-drittijiet kweżiti u ta’ aspettattivi leġittimi fir-rigward tal-membri tal-persunal ivvantaġġati mis-sistema preċedenti, ma hijiex idonea sabiex tistabbilixxi sistema nondiskriminatorja għall-membri tal-persunal żvantaġġati mill-imsemmija sistema preċedenti (sentenza Schmitzer, EU:C:2014:2359, punt 44).

40

Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti r-risposta li għandha tingħata għad-domanda 1(b) u għar-raba’ domanda hija li d-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikoli 2 u 6(1) tad-Direttiva 2000/78, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, sabiex telimina diskriminazzjoni bbażata fuq l-età, takkredita l-perijodi ta’ servizz ta’ qabel l-għeluq tal-età ta’ 18-il sena, iżda li, fl-istess ħin, tinkludi regola, li hija intiża fir-realtà sabiex tapplika biss għall-membri tal-persunal vittmi minn din id-diskriminazzjoni, li ttawwal b’sena l-perijodu meħtieġ għall-avvanz f’kull wieħed mill-ewwel tliet livelli ta’ remunerazzjoni u li, b’dan il-mod, iżżomm definittivament differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età.

Fuq id-domanda 1(a)

41

Permezz tad-domanda 1(a) tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi, jekk l-Artikoli 16 u 17 tad-Direttiva 2000/78 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li leġiżlazzjoni nazzjonali, li hija intiża li twaqqaf diskriminazzjoni bbażata fuq l-età, għandha neċessarjament tippermetti lill-membru tal-persunal, li l-perijodi ta’ servizz miksuba qabel ma għalaq l-età ta’ 18-il sena ma ttiħdux inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-avvanz tiegħu, li jikseb kumpens finanzjarju li jikkorrispondi għall-ħlas tad-differenza bejn ir-remunerazzjoni li kieku kien jikseb fl-assenza ta’ tali diskriminazzjoni u dik li effettivament kiseb.

42

F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2000/78 ma huwiex rilevanti fir-rigward tad-domanda li saret, li kienet tikkonċerna mhux il-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati b’applikazzjoni ta’ din id-direttiva, iżda l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li, kif jirriżulta mir-risposta għad-domanda 1(b) u għad-domanda 4, tinkludi fiha nnifisha diskriminazzjoni bbażata fuq l-età, li tmur kontra l-imsemmija direttiva.

43

Sussegwentement, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2000/78, l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jabolixxu l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi kuntrarji għall-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

44

Dan l-artikolu ma jimponix fuq l-Istati Membri jew fuq persuna privata li timpjega miżura partikolari fil-każ ta’ ksur tal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni, iżda tħallihom fil-libertà li jagħżlu minn fost soluzzjonijiet differenti adattati sabiex iwettqu l-għan li huma jridu jiksbu, skont is-sitwazzjonijiet differenti li jistgħu jinqalgħu.

45

Għalhekk hemm lok li jiġi kkunsidrat li dan l-artikolu għandu jiġi interpretat fis-sens li leġiżlazzjoni nazzjonali, li hija intiża li twaqqaf diskriminazzjoni bbażata fuq l-età, ma għandhiex neċessarjament tippermetti lill-membru tal-persunal, li l-perijodi ta’ servizz miksuba qabel ma għalaq l-età ta’ 18-il sena ma ttiħdux inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-avvanz tiegħu, li jikseb kumpens finanzjarju li jikkorrispondi għall-ħlas tad-differenza bejn ir-remunerazzjoni li kieku kien jikseb fl-assenza ta’ tali diskriminazzjoni u dik li effettivament kiseb.

46

Minkejja dan, skont ġurisprudenza stabbilita, meta tiġi kkonstatata diskriminazzjoni, kuntrarja għad-dritt tal-Unjoni, u sakemm ma jkunux ġew adottati miżuri li jistabbilixxu mill-ġdid l-ugwaljanza fit-trattament, l-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza tista’ tiġi żgurata biss bl-għoti lill-persuni tal-kategorija żvantaġġata tal-istess vantaġġi li jibbenefikaw minnhom il-persuni tal-kategorija privileġġata, sistema li, fin-nuqqas tal-applikazzjoni korretta tad-dritt tal-Unjoni, tibqa’ l-unika sistema ta’ referenza valida (ara s-sentenzi Jonkman et, C‑231/06 sa C‑233/06, EU:C:2007:373, punt 39, kif ukoll Landtová, C‑399/09, EU:C:2011:415, punt 51).

47

Il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li din is-soluzzjoni tista’ tapplika biss fil-preżenza ta’ sistema ta’ referenza valida (ara s-sentenza Specht et, C‑501/12 sa C‑506/12, EU:C:2014:2005, punt 96). Issa, dan huwa l-każ fil-kawża prinċipali.

48

Kif jirriżulta mir-risposta għad-domanda 1(b) u għad-domanda 4, għad hemm nuqqas ta’ applikazzjoni korretta tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari tad-Direttiva 2000/78, wara l-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Is-sistema applikabbli għall-membri tal-persunal ivvantaġġati mis-sistema preċedenti tibqa’ għalhekk biss l-unika sistema ta’ referenza valida. Għaldaqstant, l-istabbiliment mill-ġdid tal-ugwaljanza fit-trattament, f’każ bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jimplika l-għoti lill-membri tal-persunal żvantaġġati mis-sistema preċedenti tal-istess vantaġġi li kienu setgħu jibbenefikaw minnhom il-membri tal-persunal ivvantaġġati minn din is-sistema, għal dak li jirrigwarda kemm l-akkreditazzjoni ta’ perijodi ta’ servizz imwettqa qabel l-għeluq tal-età ta’ 18-il sena kif ukoll l-avvanz fil-livell tar-remunerazzjonijiet.

49

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-risposta għad-domanda 1(a) għandha tkun li d-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2000/78, għandu jiġi interpretat fis-sens li leġiżlazzjoni nazzjonali, li hija intiża li twaqqaf diskriminazzjoni bbażata fuq l-età, ma għandhiex neċessarjament tippermetti lill-membru tal-persunal, li l-perijodi ta’ servizz miksuba qabel ma għalaq l-età ta’ 18-il sena ma ttiħdux inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-avvanz tiegħu, li jikseb kumpens finanzjarju li jikkorrispondi għall-ħlas tad-differenza bejn ir-remunerazzjoni li kieku kien jikseb fl-assenza ta’ tali diskriminazzjoni u dik li effettivament kiseb. Madankollu, f’każ bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali u sakemm sistema li tipproċedi għall-eliminazzjoni tad-diskriminazzjoni minħabba fl-età konformement ma’ dak li tipprovdi d-Direttiva 2000/78 ma tkunx ġiet adottata, l-istabbiliment mill-ġdid tal-ugwaljanza fit-trattament jimplika l-għoti lill-membri tal-persunal żvantaġġati mis-sistema preċedenti tal-istess vantaġġi li kienu setgħu jibbenefikaw minnhom il-membri tal-persunal ivvantaġġati minn din is-sistema, għal dak li jirrigwarda kemm l-akkreditazzjoni ta’ perijodi ta’ servizz imwettqa qabel l-għeluq tal-età ta’ 18-il sena, kif ukoll l-avvanz fil-livell tar-remunerazzjonijiet.

Fuq id-domanda 2 u 3

50

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għad-domanda 1(b) u għad-domanda 4, ma hemmx lok li tingħata risposta għad-domandi 2 u 3 magħmula mill-qorti tar-rinviju.

Fuq id-domanda 5

51

Permezz tad-domanda 5 tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi, jekk id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari d-Direttiva 2000/78, għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi li l-leġiżlatur nazzjonali jipprevedi, għall-finijiet tal-akkreditazzjoni ta’ perijodi ta’ servizz imwettqa qabel l-għeluq tal-età ta’ 18-il sena, obbligu ta’ kooperazzjoni skont liema l-membru tal-persunal għandu jipprovdi lil persuna li timpjegah il-provi marbuta ma’ dawn il-perijodi u li, fin-nuqqas ta’ tali kooperazzjoni, id-data ta’ referenza għall-finijiet tal-avvanz li kienet tapplika għalih preċedentement tinżamm. Din il-qorti tistaqsi wkoll jekk il-fatt li membru tal-persunal ma jikkonformax ma dan l-obbligu u, b’dan il-mod, jibqa’ volontarjament fis-sistema preċedenti unikament sabiex ikun jista’ jinvoka pretensjonijiet ta’ flus, jikkostitwixxix abbuż ta’ dritt.

52

F’dan ir-rigward, mill-proċess li għandha fil-pussess tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-istabbiliment tad-data ta’ referenza individwali l-ġdida tirrikjedi l-kooperazzjoni tal-membru tal-persunal ikkonċernat u li dan tal-aħħar għandu, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 53a(4) tal-ÖBB-G, jinforma lill-persuna li timpjegah bil-perijodi ta’ servizz preċedenti mwettqa qabel l-għeluq tat-18-il sena. Skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 53a(4) tal-ÖBB-G, fil-każ li l-membru tal-persunal ma jipprovdix din l-informazzjoni, id-data ta’ referenza għall-finijiet tal-avvanz tiegħu, stabbilita skont l-Artikolu 3 tal-BO 1963, tinżamm.

53

Din il-kooperazzjoni hija neċessarja sabiex tkun tista’ tiġi kkalkolata data ta’ referenza għall-finijiet tal-istabbiliment ta’ avvanz nieqsa minn diskriminazzjoni, sa fejn ma jistax jiġi rikjest b’mod raġonevoli li l-persuna li timpjega tistabbilixxi hija stess il-perijodi ta’ impjieg preċedenti għal kull wieħed mill-membri tal-persunal tagħha. Barra minn hekk għandu jiġi nnotat li hemm inkwistjoni l-interessi personali tal-membri tal-persunal u li l-obbligu ta’ kooperazzjoni huwa prerekwiżit neċessarju sabiex il-persuna li timpjega tkun tista’ tikkonforma mal-obbligi legali tagħha, b’mod partikolari dawk li jirriżultaw mill-Artikolu 53a(1)(1) tal-ÖBB-G, li ġie adottat sabiex jieħu inkunsiderazzjoni t-tagħlim li jirriżulta mis-sentenza Hütter (EU:C:2009:381).

54

Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li la l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2000/78 u lanqas xi dispożizzjoni oħra ta’ din id-direttiva ma jfixklu milli dispożizzjoni, bħall-Artikolu 53a(4) tal-ÖBB-G, tipprovdi għal obbligu ta’ kooperazzjoni skont liema l-membru tal-persunal għandu jipprovdi lil persuna li timpjegah, il-provi marbuta mal-perijodi ta’ servizz preċedenti mwettqa qabel l-għeluq tal-età ta’ 18-il sena, sabiex dawn jittieħdu inkunsiderazzjoni.

55

Fir-rigward tal-eżistenza eventwali ta’ abbuż ta’ dritt, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-partijiet fil-kawża ma jistgħux, b’mod frawdolenti jew abbużiv, jinvokaw ir-regoli tal-Unjoni Ewropea (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Halifax et, C‑255/02, EU:C:2006:121, punt 68; SICES et, C‑155/13, EU:C:2014:145, punt 29, kif ukoll Torresi, C‑58/13 u C‑59/13, EU:C:2014:2088, punt 42).

56

Il-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ prattika abbużiva teħtieġ l-għaqda ta’ element oġġettiv u element suġġettiv. Fir-rigward tal-element oġġettiv, miċ-ċirkustanzi oġġettivi kollha għandu jirriżulta li, minkejja l-osservanza formali tal-kundizzjonijiet stabbiliti mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, l-għan imfittex minn din il-leġiżlazzjoni ma ntlaħaqx. Fir-rigward tal-element suġġettiv, għandha tidher li teżisti volontà li jinkiseb vantaġġ inġust li jirriżulta mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni billi jinħolqu artifiċjalment ir-rekwiżiti sabiex dan jinkiseb (ara s-sentenza Torresi, EU:C:2014:2088, punti 44 sa 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

57

Fil-kawża prinċipali, mir-risposta għad-domandi 1 u 4 jirriżulta li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni tinkludi dejjem diskriminazzjoni bbażata fuq l-età. F’dawn iċ-ċirkustanzi, u fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 46 sa 48 ta’ din is-sentenza, ir-rifjut ta’ G. Starjakob sabiex jikkoopera għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni u l-kawża li fetaħ, sabiex jistabbilixxi mill-ġdid l-ugwaljanza fit-trattament fir-rigward tal-membri tal-persunal ivvantaġġati mis-sistema preċedenti, intiż li jikseb il-ħlas tad-differenza fir-remunerazzjoni li kien dovut lilu għall-perijodu mill-2007 sal-2012 li kieku d-data ta’ referenza għall-finijiet tal-avvanz tiegħu kienet ikkalkolata bl-akkreditazzjoni tal-perijodu ta’ servizz imwettaq qabel għalaq it-18-il sena ma jistgħux jitqiesu li huma abbuż ta’ dritt intiż li jikseb vantaġġ inġust mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni.

58

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domanda 5 għandha tkun li d-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2000/78, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li l-leġiżlatur nazzjonali jipprevedi, għall-finijiet tal-akkreditazzjoni ta’ perijodi ta’ servizz imwettqa qabel l-għeluq tal-età ta’ 18-il sena, obbligu ta’ kooperazzjoni skont liema l-membru tal-persunal għandu jipprovdi lil persuna li timpjegah il-provi marbuta ma’ dawn il-perijodi. Madankollu, ma jikkostitwixxix abbuż ta’ dritt il-fatt li membru tal-persunal jirrifjuta milli jikkoopera għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tinkludi diskriminazzjoni bbażata fuq l-età, li tmur kontra d-Direttiva 2000/78, kif ukoll il-kawża tiegħu intiża li tikseb il-ħlas sabiex tiġi stabbilita mill-ġdid l-ugwaljanza fit-trattament fir-rigward tal-membri tal-persunal ivvantaġġati mis-sistema preċedenti.

Fuq id-domanda 6

59

Permezz tad-domanda 6 tagħha, il-qorti tar-rinviju, essenzjalment tistaqsi jekk il-prinċipju ta’ effettività għandux jiġi interpretat fis-sens li jeħtieġ li terminu nazzjonali ta’ preskrizzjoni tad-drittijiet li għandhom il-bażi tagħhom fid-dritt tal-Unjoni ma għandux jibda jiddekorri qabel id-data ta’ meta tingħata sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li kkjarifikat is-sitwazzjoni ġuridika fil-qasam.

60

Skont il-qorti tar-rinviju, il-qorti tal-appell tqis li, sa meta ngħatat is-sentenza Hütter (EU:C:2009:381), kien jeżisti ostakolu ġuridiku għall-kawża intiża li timplementa d-diversi drittijiet li għandhom jiġu evalwati mill-ġdid u li, għalhekk, it-terminu ta’ preskrizzjoni ma setax jibda jiddekorri qabel it-18 ta’ Ġunju 2009, data ta’ meta ngħatat din is-sentenza.

61

F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni f’qasam partikolari, huwa l-kompitu tal-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru li jaħtar il-qrati kompetenti u li jistabbilixxi regoli proċedurali għal azzjonijiet intiżi sabiex jiżguraw il-protezzjoni sħiħa ta’ drittijiet li l-individwi jinvokaw taħt id-dritt tal-Unjoni, sakemm, minn naħa waħda, tali regoli ma jkunux inqas favorevoli minn dawk applikabbli għal azzjonijiet simili ta’ natura interna (prinċipju tal-ekwivalenza) u li ma jirrendux prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet li jirriżultaw mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Fiamingo et, C‑362/13, C‑363/13 u C‑407/13, EU:C:2014:2044, punt 63 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

62

Fir-rigward tal-prinċipju ta’ effettività, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tal-iffissar ta’ termini raġonevoli taħt piena ta’ dekadenza għall-preżentata ta’ rikorsi fl-interess taċ-ċertezza legali, sa fejn tali termini ma humiex ta’ natura li jagħmlu prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (sentenza Pohl, C‑429/12, EU:C:2014:12, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

63

Rigward il-kwistjoni dwar jekk id-data tal-għoti tas-sentenza Hütter (EU:C:2009:381) għandhiex effett fuq l-istabbiliment tal-bidu tad-dekorrenza ta’ terminu ta’ preskrizzjoni stabbilit mid-dritt nazzjonali, għandu jitfakkar li l-interpretazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni, fl-eżerċizzju tal-kompetenza tagħha mogħtija lilha mill-Artikolu 267 TFUE, tikkjarifika u tispeċifika, meta jkun neċessarju, is-sinjifikat u l-portata ta’ din ir-regola, kif għandha jew kellha tinftiehem u tiġi applikata mill-mument li daħlet fis-seħħ. Fi kliem ieħor, sentenza preliminari ma għandhiex valur kostituttiv, iżda purament dikjarattiv, bil-konsegwenza li l-effetti tagħha, bħala prinċipju, imorru lura għad-data tad-dħul fis-seħħ tar-regola interpretata (sentenza Pohl, EU:C:2014:12, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

64

Rigward il-bidu tad-dekorrenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li jaqa’, bħala prinċipju, taħt id-dritt nazzjonali u li l-konstatazzjoni sussegwenti mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-ksur tad-dritt tal-Unjoni, bħala prinċipju, ma jkollhiex impatt fuq dan il-bidu tad-dekorrenza (sentenza Pohl, EU:C:2014:12, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

65

Għaldaqstant, għandu jiġi nnotat li d-data li fiha ngħatat is-sentenza Hütter (EU:C:2009:381) ma għandhiex impatt fuq il-bidu tad-dekorrenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali u, għaldaqstant, ma għandhiex impatt fuq l-evalwazzjoni tal-osservanza, fil-kuntest ta’ din il-kawża, tal-prinċipju ta’ effettività (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Pohl, EU:C:2014:12, punt 32).

66

Kif jirriżulta mit-talba għal deċiżjoni preliminari, skont l-Artikolu 1480 tal-ABGB, id-dritt li tintalab evalwazzjoni mill-ġdid tar-remunerazzjoni u rettifika tal-klassifikazzjoni huwa preskritt b’nuqqas ta’ użu ta’ tletin sena. Dan it-terminu ta’ preskrizzjoni jibda jiddekorri, fil-kawża prinċipali, fil-jum ta’ meta ssir il-klassifikazzjoni tal-membru tal-persunal mill-persuna li timpjegah, jiġifieri fid-data ta’ meta bdiet ir-relazzjoni ta’ impjieg.

67

Ma jistax jiġi kkontestat li tali terminu jikkostitwixxi terminu raġonevoli għall-preżentata ta’ rikors taħt piena ta’ dekadenza fl-interess taċ-ċertezza legali, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 62 ta’ din is-sentenza.

68

Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tosserva li, fil-kawża prinċipali, id-dritt ta’ G. Starjakob li jitlob għal evalwazzjoni mill-ġdid tad-data ta’ referenza ma huwiex preskritt.

69

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domanda 6 għandha tkun li l-prinċipju ta’ effettività għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’każ bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma jipprekludix li terminu nazzjonali ta’ preskrizzjoni tad-drittijiet li għandhom il-bażi tagħhom fid-dritt tal-Unjoni jibda jiddekorri qabel id-data ta’ meta tingħata sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li kkjarifikat is-sitwazzjoni ġuridika fil-qasam.

Fuq id-domanda 7

70

Permezz tad-domanda 7 tagħha, il-qorti tar-rinviju, essenzjalment, tistaqsi jekk il-prinċipju ta’ ekwivalenza għandux jiġi interpretat fis-sens li s-sospensjoni tal-preskrizzjoni prevista mil-leġiżlazzjoni nazzjonali l-ġdida għall-azzjonijiet intiżi għall-akkreditazzjoni tal-perijodi ta’ servizz imwettqa qabel l-għeluq tal-età ta’ 18-il sena għandha tiġi estiża għall-pretensjonijiet ta’ ħlas għad-differenzi bejn ir-remunerazzjoni li kieku kienet tiġi pperċepita fl-assenza ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età u dik li effettivament ġiet ipperċepita abbażi ta’ leġiżlazzjoni preċedenti li tipprevedi tali diskriminazzjoni.

71

Minbarra l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 61 ta’ din is-sentenza, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ ekwivalenza jeħtieġ li r-regoli kollha applikabbli għar-rikorsi japplikaw mingħajr distinzjoni għar-rikorsi bbażati fuq il-ksur tad-dritt tal-Unjoni u għal dawk, simili, ibbażati fuq il-ksur tad-dritt nazzjonali (sentenzi Transportes Urbanos y Servicios Generales, C‑118/08, EU:C:2010:39, punt 33, kif ukoll Barth, C‑542/08, EU:C:2010:193, punt 19).

72

Kif jirriżulta mill-proċess li għandha għad-dispożizzjoni tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja, rikors intiż li jinforza krediti salarjali, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huwa suġġett għal preskrizzjoni ta’ tliet snin li tirriżulta mid-dispożizzjonijiet meħuda flimkien tal-punt 5 tal-Artikolu 1486 tal-ABGB u tal-Artikolu 29(1) tal-GIBG. Min-naħa l-oħra, il-membri tal-persunal li kkooperaw skont l-Artikolu 53a(4) tal-ÖBB-G jibbenefikaw mis-sospensjoni tal-preskrizzjoni prevista fil-punt 5 ta’ dan l-artikolu. Skont il-qorti tar-rinviju, fid-dawl tal-prinċipju ta’ ekwivalenza, is-sospensjoni tal-preskrizzjoni prevista minn din l-aħħar dispożizzjoni għandha tapplika wkoll għar-rikorsi intiżi li jinforzaw krediti salarjali li huma bbażati fuq id-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età li tirriżulta mis-sistema preċedenti.

73

Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li dispożizzjoni, bħal dik tal-Artikolu 53a(5) tal-ÖBB-G, hija dispożizzjoni proċedurali applikabbli għar-rikorsi bbażati fuq il-ksur, mhux tad-dritt nazzjonali, iżda tad-dritt tal-Unjoni, sa fejn hija ġiet adottata sabiex tieħu inkunsiderazzjoni t-tagħlim li jirriżulta mis-sentenza Hütter (EU:C:2009:381), filwaqt li din is-sospensjoni tkopri barra minn hekk il-perijodu ta’ bejn il-jum ta’ meta ġiet deċiża din is-sentenza sa meta ġiet ippubblikata l-liġi tal-2011.

74

Minn dan isegwi li, peress li l-osservanza tal-prinċipju ta’ ekwivalenza tippreżumi li regola nazzjonali tapplika mingħajr distinzjoni għar-rikorsi bbażati fuq il-ksur tad-dritt tal-Unjoni u għal dawk ibbażati fuq il-ksur tad-dritt nazzjonali, dan il-prinċipju ma huwiex rilevanti f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tirrigwarda żewġ tipi ta’ rikorsi bbażati, kemm wieħed kif ukoll l-ieħor, fuq ksur tad-dritt tal-Unjoni.

75

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-prinċipju ta’ ekwivalenza ma huwiex rilevanti f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

Fuq l-ispejjeż

76

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikoli 2 u 6(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, sabiex telimina diskriminazzjoni bbażata fuq l-età, takkredita l-perijodi ta’ servizz ta’ qabel l-għeluq tal-età ta’ 18-il sena, iżda li, fl-istess ħin, tinkludi regola, li hija intiża fir-realtà sabiex tapplika biss għall-membri tal-persunal vittmi minn din id-diskriminazzjoni, li ttawwal b’sena l-perijodu meħtieġ għall-avvanz f’kull wieħed mill-ewwel tliet livelli ta’ remunerazzjoni u li, b’dan il-mod, iżżomm definittivament differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età.

 

2)

Id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2000/78, għandu jiġi interpretat fis-sens li leġiżlazzjoni nazzjonali, li hija intiża li twaqqaf diskriminazzjoni bbażata fuq l-età, ma għandhiex neċessarjament tippermetti lill-membru tal-persunal, li l-perijodi ta’ servizz miksuba qabel ma għalaq l-età ta’ 18-il sena ma ttiħdux inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-avvanz tiegħu, li jikseb kumpens finanzjarju li jikkorrispondi għall-ħlas tad-differenza bejn ir-remunerazzjoni li kieku kien jikseb fl-assenza ta’ tali diskriminazzjoni u dik li effettivament kiseb. Madankollu, f’każ bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali u sakemm sistema li tipproċedi għall-eliminazzjoni tad-diskriminazzjoni minħabba fl-età konformement ma’ dak li tipprovdi d-Direttiva 2000/78 ma tkunx ġiet adottata, l-istabbiliment mill-ġdid tal-ugwaljanza fit-trattament jimplika l-għoti lill-membri tal-persunal li l-esperjenza tagħhom inkisbet, anki jekk parzjalment, qabel l-għeluq tal-età ta’ 18-il sena tal-istess vantaġġi li kienu setgħu jibbenefikaw minnhom il-membri tal-persunal li kienu kisbu, wara li għalqu l-età ta’ 18-il sena, esperjenza tal-istess natura u ta’ tul paragunabbli, għal dak li jirrigwarda kemm l-akkreditazzjoni ta’ perijodi ta’ servizz imwettqa qabel l-għeluq tal-età ta’ 18-il sena kif ukoll l-avvanz fil-livell tar-remunerazzjonijiet.

 

3)

Id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2000/78, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li l-leġiżlatur nazzjonali jipprevedi, għall-finijiet tal-akkreditazzjoni ta’ perijodi ta’ servizz imwettqa qabel l-għeluq tal-età ta’ 18-il sena, obbligu ta’ kooperazzjoni skont liema l-membru tal-persunal għandu jipprovdi lil persuna li timpjegah il-provi marbuta ma’ dawn il-perijodi. Madankollu, ma jikkostitwixxix abbuż ta’ dritt il-fatt li membru tal-persunal jirrifjuta milli jikkoopera għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tinkludi diskriminazzjoni bbażata fuq l-età, li tmur kontra d-Direttiva 2000/78, kif ukoll il-kawża tiegħu intiża li tikseb il-ħlas sabiex tiġi stabbilita mill-ġdid l-ugwaljanza fit-trattament fir-rigward tal-membri tal-persunal li kienu kisbu, wara li għalqu din l-età, esperjenza tal-istess natura u ta’ tul paragunabbli għaliha.

 

4)

Il-prinċipju ta’ effettività għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’każ bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma jipprekludix li terminu nazzjonali ta’ preskrizzjoni tad-drittijiet li għandhom il-bażi tagħhom fid-dritt tal-Unjoni jibda jiddekorri qabel id-data ta’ meta tingħata sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li kkjarifikat is-sitwazzjoni ġuridika fil-qasam.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.